IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.3.2024
COM(2024) 113 final
2024/0062(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali rigward l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’rabta mal-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995
Il-Konvenzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-aspetti kollha tal-kummerċ taċ-ċereali, li tippromwovi l-espansjoni tal-kummerċ internazzjonali taċ-ċereali u li tiżgura l-aktar fluss ħieles possibbli ta’ dan il-kummerċ. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni beħsiebha tikkontribwixxi kemm jista’ jkun għall-istabbiltà tas-swieq internazzjonali taċ-ċereali fl-interess tal-membri kollha, issaħħaħ is-sigurtà alimentari dinjija u tipprovdi forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u għad-diskussjoni dwar it-tħassib tal-membri rigward il-kummerċ taċ-ċereali.
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. L-Unjoni hija parti tal-Konvenzjoni.
Il-Konvenzjoni ġiet konkluża mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE sat-30 ta’ Ġunju 1998 u, minn dak iż-żmien ’l hawn, ġiet estiża b’mod regolari. F’kull okkażjoni, il-Konvenzjoni tiġi estiża għal perjodu massimu ta’ sentejn f’konformità mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni. Ġiet estiża l-aħħar fl-14 ta’ Ġunju 2023 permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali (“IGC”) waqt it-58 sessjoni tiegħu, u se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.
2.2.Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali
L-IGC li jamministra l-Konvenzjoni huwa organizzazzjoni intergovernattiva bbażata f’Londra li għandha l-għan li tilħaq l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-IGC għandu l-għan li:
(a)isaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-aspetti kollha tal-kummerċ taċ-ċereali;
(b)jippromwovi l-espansjoni, il-ftuħ u l-ekwità tal-kummerċ internazzjonali fis-settur taċ-ċereali;
(c)jikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-suq internazzjonali taċ-ċereali, filwaqt li jtejjeb is-sigurtà alimentari dinjija u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq il-bejgħ kummerċjali taċ-ċereali.
Dawn l-objettivi jintlaħqu bit-titjib tat-trasparenza tas-suq permezz tal-qsim tal-informazzjoni u tal-analiżi u l-konsultazzjoni dwar l-iżviluppi tas-suq u tal-politika.
Bħalissa, l-IGC għandu 29 membru, fosthom ħafna mill-akbar produtturi u xi importaturi ewlenin taċ-ċereali fid-dinja. Minbarra l-Unjoni, il-membri tiegħu huma l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, l-Indja, il-Ġappun, ir-Russja, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, fost l-oħrajn. Madankollu, iċ-Ċina u l-Brażil mhumiex membri, filwaqt li l-Eġittu, wieħed mill-akbar importaturi tal-qamħ, telaq mill-organizzazzjoni fl-1 ta’ Lulju 2023.
Id-29 membru tal-IGC għandhom total ta’ 2 000 vot.
Għall-proċeduri baġitarji (ara l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), jiġifieri: għall-iffissar tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, l-Unjoni għandha 376 vot fl-2023/24.
Għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġifieri: meta jkun hemm votazzjoni (ara l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni), jiġu allokati 1 000 vot għall-11-il membru esportatur (inkluża l-Unjoni b’240 vot fl-2023/24) u 1 000 vot għat-18-il membru importatur. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li fil-prinċipju, l-IGC jopera abbażi ta’ kunsens u li fil-verità rari ħafna li ssir votazzjoni.
Fil-laqgħat tal-IGC, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 17 tat-TUE. L-Istati Membri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-IGC, b’mod partikolari s-Sessjonijiet tal-Kunsill.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali
Fit-12 ta’ Diċembru 2023, id-Direttur Eżekuttiv tal-IGC informa lill-Kummissjoni li s-Senegal beħsiebu jaderixxi mal-Konvenzjoni. L-applikazzjoni formali ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2023 u l-membri tal-IGC ġew infurmati biha fit-3 ta’ Jannar 2024.
L-applikazzjoni tas-Senegal tqieset mill-IGC waqt id-59 Sessjoni tiegħu fl-24 ta’ Jannar 2024. F’dik il-laqgħa, l-IGC qabel li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha ssir permezz ta’ proċedura bil-miktub (votazzjoni bil-posta) u bl-iskadenza tal-24 ta’ April 2024. F’każ li ma tintbagħat l-ebda oġġezzjoni bil-miktub minn xi membru tal-IGC sa dakinhar, l-adeżjoni tas-Senegal tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2024.
Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, l-adeżjoni hija miftuħa għall-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill iqis xierqa. F’konformità mar-Regola 33(d) tar-Regoli tal-Proċedura skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali (ir-“Regoli tal-Proċedura”), il-Kumitat Amministrattiv iqis u jirrakkomanda lill-Kunsill l-applikazzjonijiet għall-adeżjoni skont l-Artikolu 27(2).
Il-voti tal-pajjiż aderenti għall-finijiet tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni (jiġifieri l-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-membri), huma ddeterminati mill-proporzjon tal-kummerċ totali taċ-ċereali tal-pajjiżi aderenti fil-kummerċ totali taċ-ċereali tal-pajjiżi membri kollha tal-IGC, f’konformità mar-Regola 33(b) tar-Regoli tal-Proċedura.
Skont l-Artikolu 12(1) tal-Konvenzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-membri li se jkunu membri esportaturi u l-membri li se jkunu membri importaturi għall-finijiet tal-Konvenzjoni, filwaqt li jqis ix-xejriet tal-kummerċ taċ-ċereali ta’ dawk il-membri u l-opinjonijiet tagħhom. Il-Kunsill se jiddetermina wkoll id-drittijiet tal-vot tagħhom, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 tal-istess dispożizzjoni.
Għalkemm ma hemmx regoli speċifiċi stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar il-proċedura tal-votazzjoni bil-posta (jew proċedura bil-miktub), l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar “id-deċiżjonijiet tal-Kunsill” ma jitlobx li jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn waqt sessjoni tal-Kunsill.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-IGC u appoġġat l-espansjoni tal-organizzazzjoni.
Is-Senegal huwa produttur importanti tar-ross u tal-ħbub ħoxnin b’mod partikolari. Madankollu mhuwiex awtosuffiċjenti u ma jistax jissodisfa kompletament id-domanda domestika. Għalhekk, il-pajjiż irid jimporta kwantitajiet addizzjonali ta’ ċereali, inkluż il-qamħ.
Jekk il-membri tal-IGC japprovaw l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni, il-pajjiż ikun membru importatur f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Peress li l-Unjoni hija membru esportatur, l-adeżjoni tas-Senegal mhix se taffettwa n-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Mis-sena kontabilistika tal-2024/25, l-adeżjoni tas-Senegal madankollu tista’ tnaqqas ftit in-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jintuża biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri.
Il-fini ta’ din il-proposta hu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tivvota, f’isem l-Unjoni, favur l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-att previst tal-IGC għandu l-effett li jespandi s-sħubija tal-IGC. L-att previst tal-IGC għandu effetti legali minħabba li se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-tali adeżjoni, b’mod partikolari għaliex se jaffettwa l-bilanċ tad-deċiżjonijiet fl-IGC, li d-deċiżjonijiet tiegħu jeħtieġu l-maġġoranza tal-membri esportaturi u importaturi u huma vinkolanti għall-membri tiegħu, kif espress fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni.
L-att previst la jissupplimentax u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-kummerċ tal-prodotti agrikoli.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
L-adeżjoni tas-Senegal se jkollha impatt fuq l-allokazzjoni tal-voti tal-membri fl-IGC għall-proċeduri baġitarji skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni. Għalhekk jixraq li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
2024/0062 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali rigward l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża inizjalment għal perjodu ta’ 3 snin.
(2)Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perjodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-14 ta’ Ġunju 2023, u se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.
(3)Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, hi miftuħa għall-adeżjoni tal-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jqis xierqa.
(4)Fit-22 ta’ Diċembru 2023, is-Senegal applika formalment għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-adeżjoni tiġi approvata, is-Senegal isir membru fl-1 ta’ Mejju 2024.
(5)Is-Senegal huwa produttur importanti tar-ross u tal-ħbub ħoxnin. Madankollu, mhuwiex awtosuffiċjenti u ma jistax ikopri kompletament il-konsum domestiku u għalhekk ikollu jimporta kwantitajiet addizzjonali ta’ diversi ċereali.
(6)Jekk tiġi approvata l-applikazzjoni tas-Senegal biex jaderixxi mal-Konvenzjoni u konsegwentement biex jipparteċipa fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, is-Senegal ikun membru importatur f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Peress li l-Unjoni hija membru esportatur, l-adeżjoni tas-Senegal mhix se taffettwa n-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Mis-sena kontabilistika tal-2024/25, l-adeżjoni tas-Senegal madankollu tista’ tnaqqas in-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jintuża biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri.
(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u li tiġi approvata l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President