28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 358/59


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1567

tas-26 ta’ Ottubru 2020

dwar l-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (‘l-Aġenzija’) u għall-forniment tal-kapaċitajiet meħtieġa fil-forma ta’ korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (‘il-korp permanenti’).

(2)

Il-korp permanenti għandu jinkludi persunal operazzjonali kkontribwit mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu tali persunal, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema finanzjarja maħsuba biex tappoġġa l-iżvilupp tar-riżorsi umani rilevanti.

(3)

L-appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jingħata fil-forma ta’ pagament annwali magħmul mill-Aġenzija lill-Istati Membri wara tmiem is-sena N. Għandu jkun possibbli wkoll li l-Aġenzija tagħti pagament bil-quddiem qabel tmiem is-sena N fuq talba ta’ Stat Membru.

(4)

L-Artikolu 61(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2019/1896 jistabbilixxi l-formuli tal-kalkolu għall-pagament annwali li jikkorrispondi għal kategoriji differenti ta’ persunal operazzjonali tal-korp permanenti. L-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata għandu jiġi ddeterminat l-aktar b’referenza għal-livell tal-involviment tal-Istati Membri fil-korp permanenti għall-kategoriji tal-persunal 2 u 3. Fis-sistema ta’ appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll mekkaniżmu għall-kumpens, f’ċerti każijiet, tas-servizzi nazzjonali tal-Istati Membri minn fejn għandu jiġi reklutat il-persunal statutorju tal-Aġenzija (‘finanzjament għall-kategorija 1’).

(5)

Il-formoli tal-kalkolu għall-pagament annwali jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-ammont ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2019/1896.

(6)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni u l-koordinazzjoni effettiva, kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar awtorità nazzjonali ċentrali waħda responsabbli għall-ġestjoni tal-appoġġ finanzjarju. Punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/1896 jista’ jinħatar ukoll bħala awtorità nazzjonali ċentrali.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tat-talbiet għall-pagamenti, l-Aġenzija jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-Istati Membri, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-ammonti ta’ referenza u l-għadd ta’ persuni reklutati mill-Aġenzija mis-servizzi nazzjonali.

(8)

Sabiex jiġu kkumpensati l-investimenti ta’ taħriġ tal-Istati Membri għall-persunal il-ġdid li jissostitwixxi persunal li jitlaq mis-servizzi nazzjonali, l-Aġenzija jenħtieġ li tikkunsidra biss persunal li temm ir-relazzjoni istituzzjonali tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati b’mod permanenti jew li ssospendiha b’mod permanenti matul il-perjodu tal-impjieg tiegħu mill-Aġenzija.

(9)

Sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet relatati mal-finanzjament għall-kategorija 2 tal-persunal operazzjonali, iż-żieda effettiva tal-persunal ġenerali tal-gwardji tal-fruntieri nazzjonali jenħtieġ li titkejjel fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-30 ta’ April 2019, l-għada li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar it-test li sar ir-Regolament (UE) 2019/1896. Il-kalkolu jenħtieġ li jqis il-persunal ġenerali tal-awtoritajiet ewlenin kollha li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta permezz ta’ sekondar jew, fil-każ ta’ awtoritajiet li jkollhom mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti, il-persunal tal-entitajiet rilevanti fi ħdan dawk l-awtoritajiet li jikkontribwixxu permezz ta’ sekondar.

(10)

Jenħteġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi u proċeduri biex jevitaw irregolaritajiet u frodi fi ħdan is-sistema ta’ appoġġ finanzjarju. Sabiex il-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati jiġu limitati kemm jista’ jkun, tali proċeduri u mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu mmirati fid-dawl tal-valutazzjonijiet tar-riskju.

(11)

Fir-rigward tal-objettiv ta’ appoġġ għat-tħejjija tal-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-korp permanenti, huwa importanti li l-appoġġ finanzjarju jsir disponibbli b’mod effettiv mill-aktar fis possibbli. Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ diġà jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (3).

(14)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (4).

(15)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (5).

(16)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“koeffiċjent tal-korrezzjoni” tfisser il-perċentwal applikat għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali espatrijati biex isir aġġustament għad-differenzi fil-livell tal-prezz tal-oġġetti u s-servizzi tal-konsumatur fil-post tas-servizz b’referenza għall-belt bażi, kif stabbilit mill-Eurostat (6);

(2)

“sena N” tfisser is-sena mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru li fiha Stat Membru jeħtieġ jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 sabiex ikun intitolat jirċievi appoġġ finanzjarju;

(3)

“pagament annwali” tfisser pagament magħmul mill-Aġenzija lill-Istat Membru kkonċernat wara tmiem is-sena N;

(4)

“pagament bil-quddiem” tfisser pagament magħmul mill-Aġenzija lill-Istat Membru kkonċernat qabel tmiem is-sena N qabel il-pagament annwali;

(5)

“persunal ġenerali tal-gwardja nazzjonali tal-fruntiera” tfisser il-persunal ġenerali tal-entitajiet speċifiċi fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali ewlenin jew, fejn applikabbli, tal-awtoritajiet nazzjonali ewlenin kollha li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta permezz ta’ sekondar skont l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

Artikolu 2

Informazzjoni lill-Aġenzija

1.   Sal-31 ta’ Jannar tas-sena N, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti ta’ referenza għal dik is-sena għal kull Stat Membru, filwaqt li tqis il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni rispettiv.

2.   Għall-kalkolu tal-ammonti ta’ referenza, l-Aġenzija għandha tqis l-aħħar valuri rilevanti disponibbli għas-salarju ta’ aġent kuntrattwali fil-grupp ta’ funzjoni III, grad 8, skala 1, aġġustati bil-koeffiċjent tal-korrezzjoni.

Artikolu 3

Arranġamenti fl-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità nazzjonali ċentrali waħda responsabbli għall-ġestjoni tal-appoġġ finanzjarju skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/1896. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-awtorità ċentrali nazzjonali nnominata lill-Aġenzija qabel ma jintalab l-ewwel pagament skont l-Artikoli 5 (1), 6 (1) jew 15 (2).

2.   L-awtorità ċentrali nazzjonali għandha tkun responsabbli għal:

(a)

kollaborazzjoni mal-Aġenzija dwar il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(b)

l-iżgurar tal-għoti tal-informazzjoni rilevanti kollha lill-Aġenzija għall-ġestjoni tal-appoġġ finanzjarju msemmi fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(c)

il-ġestjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-pagament tal-appoġġ finanzjarju, inklużi t-talbiet għal pagament bil-quddiem jew pagament lill-Aġenzija u l-wasla tal-pagamenti korrispondenti mill-Aġenzija;

(d)

ir-ridistribuzzjoni tal-pagamenti lill-awtoritajiet nazzjonali b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet tal-persunal tagħhom lill-korp permanenti, fejn previst fl-arranġamenti nazzjonali.

Artikolu 4

Munita

L-appoġġ finanzjarju għandu jitħallas f’euro.

KAPITOLU 2

ARRANĠAMENTI DDETTALJATI GĦAL PAGAMENTI

Artikolu 5

Arranġamenti dettaljati għall-pagament annwali

1.   Stat Membru jista’ jitlob pagament annwali bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju tas-sena N + 1.

2.   Il-pagament annwali għandu jkun pagabbli jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 ikunu ġew issodisfati fis-sena N. L-awtorità ċentrali nazzjonali tista’ titlob finanzjament għall-kategorija 2 tal-persunal operazzjonali biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda r-rappurtar sħiħ lill-Aġenzija għall-fini ta’ verifika tal-ammonti dovuti skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

3.   Il-pagament annwali għandu jinkludi wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 61(1)(a) tar-Regolament (UE) 2019/1896, ikkalkulati bħala 100 % tal-ammont ta’ referenza mmultiplikat bl-għadd ta’ persunal operazzjonali indikat għas-sena N + 2 għas-sekondar f’konformità mal-Anness II għar-Regolament 2019/1896 (“finanzjament għall-kategorija 2”);

(b)

l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/1896, ikkalkulati bħala 37 % tal-ammont ta’ referenza mmultiplikat bl-għadd ta’ persunal operazzjonali effettivament stazzjonat f’konformità mal-Artikolu 57 fil-limitu stabbilit fl-Anness III u f’konformità mal-Artikolu 58 fil-limitu stabbilit fl-Anness IV, kif applikabbli (“finanzjament għall-kategoriji 3 u 4”);

(c)

l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 61(1)(c) tar-Regolament (UE) 2019/1896, ikkalkulati bħala pagament ta’ darba ta’ 50 % tal-ammont ta’ referenza mmultiplikat bl-għadd ta’ persunal operazzjonali reklutat mill-Aġenzija bħala persunal statutorju li telqu mis-servizzi nazzjonali (“finanzjament għall-kategorija 1”).

Artikolu 6

Arranġamenti dettaljati għall-pagament bil-quddiem

1.   Stat Membru jista’ jitlob lill-Aġenzija pagament bil-quddiem għas-sena N sabiex jappoġġa l-iżvilupp tar-riżorsi umani qabel ma jsir il-pagament annwali korrispondenti. It-talba għandha tidentifika b’mod ċar il-kategoriji ta’ persunal li hija relatata magħhom. Għall-finanzjament għall-kategorija 2, għandu jinkludi prova taż-żieda effettiva korrispondenti tal-persunal skont il-mudell stabbilit fl-Anness II. Tali talba tista’ ssir bejn l-1 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru tas-sena N.

2.   L-Aġenzija għandha tagħmel pagament bil-quddiem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 ikunu ġew issodisfati għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tat-talba għal pagament bil-quddiem.

3.   It-talba għal ħlas bil-quddiem għandha tikkonċerna ammont minimu ta’ EUR 50 000.

KAPITOLU 3

ARRANĠAMENTI DETTALJATI RELATATI MAL-FINANZJAMENT GĦALL-KATEGORIJA 2

Artikolu 7

Kundizzjonijiet b’rabta mal-finanzjament għall-kategorija 2

1.   Il-finanzjament għall-kategorija 2 għas-sena N għandu jsir dovut biss dment li l-Istati Membri jżidu b’mod kumulattiv il-persunal tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali globali rispettiv tagħhom permezz tar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid fil-perijodu kkonċernat.

2.   Iż-żieda fil-persunal ġenerali tal-gwardji nazzjonali tal-fruntiera fl-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi kkalkulata kull sena billi jitqabbel l-għadd ta’ persunal fil-31 ta’ Diċembru tas-Sena N u l-għadd ta’ persunal fil-30 ta’ April 2019 f’attività fl-entitajiet rilevanti tal-awtoritajiet ikkonċernati jew, fejn applikabbli, tal-awtoritajiet nazzjonali ewlenin kollha li jikkontribwixxu għall-korp permanenti permezz ta’ sekondar.

3.   Sa mhux aktar tard mit-29 ta’ Novembru 2020, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar il-persunal ġenerali tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali tagħhom fl-30 ta’ April 2019, billi jużaw il-mudell fl-Anness I.

Artikolu 8

Monitoraġġ tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-finanzjament għall-kategorija 2

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu permezz tal-awtoritajiet ċentrali nazzjonali tagħhom l-informazzjoni rilevanti li tikkonferma l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-finanzjament għall-kategorija 2 għas-sena N billi jimlew il-mudell stabbilit fl-Anness II. L-Aġenzija għandha tivverifika l-informazzjoni rilevanti fil-qafas tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fis-sena N + 1.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta tkun kompluta u dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-Aġenzija tivverifika l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament għall-kategorija 2.

3.   L-awtorità nazzjonali ċentrali għandu jkollha aċċess, fuq talba tagħha, għad-dokumentazzjoni rilevanti kollha miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi li tista’ tkun relatata mal-ġestjoni tal-appoġġ finanzjarju skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

Artikolu 9

Irkupru ta’ ħlas bil-quddiem għall-kategorija 2

1.   Meta jippreżentaw it-talba għal pagament annwali, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija jekk iż-żieda effettiva ġenerali fil-persunal fis-sena N kinitx inqas mill-għadd li għalih l-Istat Membru jkun irċieva pagament bil-quddiem fis-sena N.

2.   Abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, wara l-awditu, jew meta l-verifiki li jkunu saru permezz tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà mwettqa fis-sena N + 1 juru żieda effettiva ġenerali aktar baxxa fil-persunal imsemmi fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tirkupra l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza billi toħroġ nota ta’ debitu lill-Istat Membru kkonċernat. L-Aġenzija tista’ tiddeċiedi, bi qbil mal-Istat Membru, li ma tirkuprax l-ammonti u li taġġusta l-pagament tas-sena sussegwenti skont dan.

KAPITOLU 4

ARRANĠAMENTI DETTALJATI RELATATI MAL-FINANZJAMENT GĦALL-KATEGORIJI 3 U 4

Artikolu 10

Kundizzjonijiet b’rabta mal-finanzjament għall-kategoriji 3 u 4

1.   L-ammonti għall-finanzjament għall-kategoriji 3 u 4 għandhom ikunu dovuti bis-sħiħ fir-rigward tal-għadd ta’ persunal effettivament stazzjonat għal perjodu konsekuttiv jew mhux konsekuttiv ta’ 120 jum matul is-sena N.

2.   Għal skjeramenti b’durata ta’ inqas jew aktar minn 120 jum, il-finanzjament għall-kategoriji 3 u 4 għandu jiġi kkalkulat prorata abbażi ta’ perjodu referenzjarju ta’ 120 jum.

3.   Il-kalkolu pro-rata għandu jkun ibbażat fuq unità ta’ kalkolu ekwivalenti għall-iskjerament ta’ membru wieħed ta’ tim għal ġurnata fi kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa mill-korp permanenti, inklużi l-jiem tal-ivvjaġġar meħtieġa.

Artikolu 11

Monitoraġġ tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-finanzjament għall-kategoriji 3 u 4

L-Aġenzija għandha tivverifika l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-finanzjament għall-kategoriji 3 u 4 abbażi tad-data operazzjonali tagħha stess dwar l-iskjeramenti tal-korp permanenti.

Artikolu 12

Kundizzjonijiet b’rabta mal-finanzjament għall-ekwipaġġ tekniku

1.   Meta l-istazzjonament ta’ ekwipaġġ tekniku jaqbeż b’mod eċċezzjonali l-kontribuzzjonijiet nazzjonali massimi stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1896, l-appoġġ finanzjarju għandu jkun dovut sakemm l-ekwipaġġ tekniku jiġi stazzjonat skont l-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament matul is-sena N.

2.   Għal skjeramenti b’durata ta’ inqas jew aktar minn 120 jum, il-finanzjament għall-ekwipaġġ tekniku għandu jiġi kkalkulat fuq bażi pro-rata kif stabbilit fl-Artikolu 10(3).

Artikolu 13

Monitoraġġ tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-finanzjament għall-ekwipaġġ tekniku

L-Aġenzija għandha tivverifika l-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati ma’ ekwipaġġ tekniku abbażi tad-data operazzjonali tagħha stess dwar skjeramenti effettivi f’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

KAPITOLU 5

ARRANĠAMENTI DETTALJATI RELATATI MAL-FINANZJAMENT GĦALL-KATEGORIJA 1

Artikolu 14

Kundizzjonijiet b’rabta mal-finanzjament għall-kategorija 1

1.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-awtorità ċentrali nazzjonali dwar il-persunal li jkun telaq mis-servizzi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru u li jkun daħal fis-servizz tal-Aġenzija fis-sena N.

2.   Qabel ma tinforma lill-awtorità ċentrali nazzjonali, l-Aġenzija għandu jkollha l-konferma mill-persunal ikkonċernat li huwa temm jew issospenda r-relazzjoni istituzzjonali tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta’ Jannar tas-sena N+1 b’mod anonimizzat billi tindika l-awtorità nazzjonali kkonċernata u għadd ta’ persunal li jikkonformaw mal-kundizzjoni tal-paragrafu 2.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Arranġamenti speċjali għall-2020

1.   Sal-12 ta’ Novembru 2020, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti ta’ referenza tagħhom għall-2020, filwaqt li tqis il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni rispettivi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-pagament bil-quddiem sal-15 ta’ Novembru 2020 dment li huma jkunu infurmaw lill-Aġenzija dwar il-persunal ġenerali tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali tagħhom fil-30 ta’ April 2019, f’konformità mal-Artikolu 7(3).

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(6)  Https://ec.europa.eu/eurostat/web/civil-servants-remuneration/correction-coefficients


ANNESS I

Persunal kumplessiv tal-gwardja nazzjonali tal-fruntiera fil-30 ta’ April 2019 fl-awtoritajiet ewlenin li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta permezz ta’ sekondar u/jew, fejn applikabbli, fl-entitajiet rilevanti fi ħdan l-awtoritajiet li jikkontribwixxu permezz ta’ sekondar f’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 2019/1896

L-awtoritajiet li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (“EBCG”) permezz ta’ ssekondar jew entitajiet kontribwenti, jew it-tnejn li huma, fi ħdan l-awtoritajiet li għandhom mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti

Entità fi ħdan l-awtorità li għandha mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti

L-għadd ta’ persunal f’attività fil-30 ta’ April 2019 f’awtoritajiet li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta permezz ta’ sekondar u/jew fl-entitajiet rilevanti li jikkontribwixxu fi ħdan l-awtoritajiet li għandhom mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti

[ISEM]

[entità fi ħdan l-awtorità, fejn applikabbli]

 

[ISEM]

[entità fi ħdan l-awtorità, fejn applikabbli]

 

 

Għadd totali:

 


ANNESS II

Mudell għat-talba ta’ pagament għall-kategorija 2

Awtorità/entità li tikkontribwixxi għall-korp permanenti

Għadd ta’ persunal li kienu effettivament fil-kariga fit-30 ta’ April 2019

Sena 2020

Sena 2021

Sena 2022

Sena 2023

Sena 2024

Sena 2025

[għal kull awtorità/entità rilevanti tal-Istat Membru]

[għadd totali]

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

Numru massimu ta’ multiplikazzjoni:

 

 

 

 

 

 

Reklutaġġ ġdid:

Reklutaġġ ġdid:

Reklutaġġ ġdid:

Reklutaġġ ġdid:

Reklutaġġ ġdid:

Reklutaġġ ġdid:

 

 

 

 

 

 

Tnaqqis:

Tnaqqis:

Tnaqqis:

Tnaqqis:

Tnaqqis:

Tnaqqis:

 

 

 

 

 

 

Għadd totali ta’ setturi:

Għadd totali ta’ setturi:

Għadd totali ta’ setturi:

Għadd totali ta’ setturi:

Għadd totali ta’ setturi:

Għadd totali ta’ setturi:

 

 

 

 

 

 

Żieda effettiva:

Żieda effettiva:

Żieda effettiva:

Żieda effettiva:

Żieda effettiva:

Żieda effettiva:

 

 

 

 

 

 

Eliġibbli għal pagament:

Eliġibbli għal pagament:

Eliġibbli għal pagament:

Eliġibbli għal pagament:

Eliġibbli għal pagament:

Eliġibbli għal pagament:

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

[Stat Membru]

[għadd totali]

[għadd totali]

[għadd totali]

[għadd totali]

[għadd totali]

[għadd totali]

[għadd totali]

Spjegazzjoni tal-mudell għat-talba ta’ pagament għall-kategorija 2

“Numru massimu ta’ multiplikazzjoni” huwa livell limitu użat fis-sena N ibbażat fuq l-għadd ta’ kontribuzzjonijiet annwali li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri lill-korp permanenti permezz tas-sekondar fit-tul fis-sena N+2 f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1896;

“Reklutaġġi ġodda” huwa l-għadd ta’ persunal reklutat ġdid fis-sena N mill-awtoritajiet li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta permezz ta’ ssekondar jew entitajiet kontribwenti, jew it-tnejn li huma, fi ħdan l-awtoritajiet li għandhom mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti;

“Tnaqqis” huwa l-għadd ta’ persunal li telaq mill-awtoritajiet li jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-korp permanenti permezz ta’ ssekondar jew entitajiet kontribwenti, jew it-tnejn, fi ħdan l-awtoritajiet li għandhom mandat usa’ mill-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija appoġġati permezz tal-korp permanenti fis-sena N;

“Għadd totali ta’ persunal” huwa l-għadd totali ta’ persunal f’attività fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N;

“Żieda effettiva” hija d-differenza bejn l-għadd ta’ persunal f’attività fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N u l-għadd ta’ persunal f’attività fit-30 ta’ April 2019 (valur bażi);

“Eliġibbli għall-pagament” huwa l-għadd totali ta’ persunal f’attività fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N imnaqqas bl-għadd ta’ persunal f’attività fl-30 ta’ April 2019 (valur bażi) limitat min-numru massimu ta’ multiplikazzjoni rilevanti għal dik is-sena.