SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Appell – Ambjent – Prodotti ġenetikament immodifikati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom is-sojja ġenetikament immodifikata MON 87701 x MON 89788 – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 10(1) – Talba għar-reviżjoni interna tad-deċiżjoni mressqa skont id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent – Ċaħda tat-talba”
Fil-Kawża C‑82/17 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑14 ta’ Frar 2017,
TestBioTech eV, stabbilita f’München (il-Ġermanja),
European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility eV, stabbilita fi Braunschweig (il-Ġermanja),
Sambucus eV, stabbilita f’Vahlde (il-Ġermanja),
irrappreżentati minn K. Smith, QC, u J. Stevenson, barrister,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, G. Gattinara u C. Valero, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Monsanto Europe, stabbilita fi Antwerpen (il-Belġju),
Monsanto Company, stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti),
irrappreżentati inizjalment minn M. Pittie, u sussegwentement minn P. Honoré u A Helfer, avocats,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,
L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, TestBioTech eV, European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility eV u Sambucus eV jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni (T‑177/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:736), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Jannar 2013 dwar ir-reviżjoni interna tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/347/UE tat‑28 ta’ Ġunju 2012 li tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni [tqegħid fis-suq] ta’ prodotti li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti mis-sojja MON 87701 × MON 89788 (MON-877Ø1-2 × MON-89788-1) ġenetikament modifikata skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003
|
2 |
Skont il-premessa 6 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432), “[w]aqt li l-ekwivalenza sostanzjali hi element kardinali fil-proċedura għall-verifika dwar is-sigurtà ta’ ikel modifikat ġenetikament, din mhix il-verifika nnifisha tas-sigurtà”. |
|
3 |
L-Artikolu 5(8) u l-Artikolu 17(8) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprovdu li, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) għandha tippubblika linji gwida ddettaljati sabiex jgħinu lill-applikant fil-preparazzjoni u fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ OĠM għal dak li jirrigwarda, rispettivament, il-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem u dawk intiżi għall-konsum mill-annimali. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 5(3)(f) ta’ dan ir-regolament, kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ OĠM għandha tinkludi “jew analiżi, sostnuta minn informazzjoni u data xierqa, li turi li l-karatterisiċi ta’ l-ikel ma humiex differenti minn dawk tal-kontroparti konvenzjonali tiegħu, meta jitqiesu l-limiti aċċettati ta’ varjazzjonijiet naturali għal dawk il-karatteristiċi u għall-kriterji speċifikati fl-Artikolu 13(2)(a), jew proposta biex l-ikel jiġi ttikkettjat skond l-Artikolu 13(2)(a) u (3)”. |
|
5 |
L-Artikolu 16(1)(a) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Għalf imsemmi fl-Artikolu 15(1) ma għandux:
|
Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006
|
6 |
Il-premessi 11, 18, 19 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jgħidu li ġej:
[…]
[…]
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, “att amministrattiv” għandu jfisser kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment. |
|
8 |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Talba għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi”, jistabbilixxi li: “1. Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att. Tali talba għandha ssir bil-miktub u f’limitu ta’ żmien perentorju li ma jaqbiżx is-sitt ġimgħat wara li l-att amministrattiv ikun ġie adottat, notifikat jew pubblikat skond liema jkun l-aktar tard, jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni, sitt ġimgħat wara d-data li fiha l-att amministrattiv kien meħtieġ. It-talba għandha tinkludi r-raġunijiet għar-reviżjoni. 2. L-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw kull talba bħal din, sakemm hija ma tkunx b’mod ċar infondata. L-istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom f’risposta bil-miktub malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard minn tnax-il ġimgħa wara r-riċezzjoni tat-talba. 3. Fejn, minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, l-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] ma jkunux jistgħu jaġixxu skond il-paragrafu 2, huma għandhom jinformaw lill-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-perjodu msemmi f’dak il-paragrafu, bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom u dwar meta għandhom il-ħsieb li jaġixxu. Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] għandhom jaġixxu fi żmien tmintax-il ġimgħa mir-riċezzjoni tat-talba.” |
|
9 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” jipprevedi li: “1. L-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat. 2. Fejn l-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità jonqsu milli jaġixxu skond l-Artikolu 10(2) jew (3), l-organizzazzjoni mhux governattiva tista’ ġġib azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
10 |
L-ewwel appellanti, TestBioTech, hija assoċjazzjoni Ġermaniża mingħajr skop ta’ lukru li l-għan tagħha huwa li tippromwovi r-riċerka indipendenti u d-dibattitu pubbliku dwar ir-riperkussjonijiet tal-bijoteknoloġija. It-tieni appellanti, European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility, hija organizzazzjoni Ġermaniża mingħajr skop ta’ lukru li għandha bħala għan li x-xjenza u r-riċerka jimxu ’l quddiem għall-protezzjoni tal-ambjent, tad-diversità bijoloġika u tas-saħħa tal-bniedem kontra l-impatti negattivi ta’ teknoloġiji ġodda u l-prodotti tagħhom. It-tielet appellanti, Sambucus, hija organizzazzjoni ambjentali Ġermaniża mingħajr skop ta’ lukru li l-għan soċjali tagħha huwa relatat mal-attivitajiet kulturali. |
|
11 |
Fl‑14 ta’ Awwissu 2009, Monsanto Europe ssottomettiet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti mis-sojja MON 87701 × MON 89788 (iktar ’il quddiem is-“sojja mmodifikata”). L-applikazzjoni kienet tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq tas-sojja mmodifikata li tinsab fi prodotti għajr il-prodotti tal-ikel u l-għalf li jkun fihom jew li jkunu jikkonsistu mis-sojja mmodifikata u intiża għall-istess użu bħal kull sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
|
12 |
Is-sojja mmodifikata hija prodott ibridu. Din tinħoloq permezz ta’ metodi ta’ riproduzzjoni tradizzjonali, użati sabiex jiġi mħallat il-materjal ġenetiku ta’ żewġ pjanti parentali: is-sojja MON 87701 u s-sojja MON 89799 (iktar ’il quddiem il-“ġenituri”). Il-ġenituri huma ġenetikament immodifikati wkoll. Sa fejn tħallat il-ġeni mmodifikati taż-żewġ ġenituri, hija tissejjaħ “avveniment ta’ trasformazzjoni multipla”. |
|
13 |
Fil‑15 ta’ Frar 2012, l-EFSA tat, skont ir-Regolament Nru 1829/2003, opinjoni ġenerali li fiha kkonkludiet li s-sojja mmodifikata kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għat-tqegħid fis-suq tagħha. |
|
14 |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/347/UE tat‑28 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 171, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), imsemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat, taħt ċerti kundizzjonijiet:
|
|
15 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Awwissu 2012, kull waħda mill-appellanti talbet lill-Kummissjoni sabiex twettaq, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, reviżjoni interna tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. L-appellanti qiesu, b’mod partikolari, li l-konstatazzjoni li tgħid li s-sojja mmodifikata kienet sostanzjalment ekwivalenti għall-kontraparti tagħha kienet difettuża, li ma kinux tqiesu l-effetti ta’ sinerġija jew ta’ taħlit, li ma kinux ġew eżaminati b’mod adegwat ir-riskji immunoloġiċi u li ma kienx intalab monitoraġġ tal-effetti fuq is-saħħa. |
|
16 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni informat lill-ewwel appellanti li hija ma kienet aċċettat ebda waħda mill-allegazzjonijiet legali u xjentifiċi invokati sabiex tiġġustifika t-talba għal reviżjoni interna tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni qieset, għalhekk, li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet konformi mar-Regolament Nru 1829/2003. |
|
17 |
Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni kkomunikat lit-tieni u t-tielet appellanti deċiżjonijiet li kienu sostanzjalment identiċi għal dik indirizzata lill-ewwel appellanti. |
Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
18 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Marzu 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
19 |
Il-Kummissjoni, l-EFSA, kif ukoll Monsanto Europe u Monsanto Company (iktar ’il quddiem “Monsanto”) sostnew li dan ir-rikors kien parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat. Ir-Renju Unit sostna li dan ir-rikors kellu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
|
20 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti qajmu erba’ motivi li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-allegata assenza ta’ ekwivalenza sostanzjali bejn is-sojja mmodifikata u l-prodott ta’ referenza konvenzjonali, it-tieni nett, fuq l-allegata assenza ta’ eżami tal-effetti ta’ sinerġija jew ta’ taħlit u ta’ eżami tossikoloġiku, it-tielet nett, fuq l-allegata assenza ta’ evalwazzjoni immunoloġika eżawrjenti u, ir-raba’ nett, fuq l-allegata assenza ta’ kontroll tal-konsum, wara l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom is-sojja mmodifikata. |
|
21 |
Il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli ċerti lmenti jew argumenti fformulati mill-ewwel appellanti fir-rikors tagħha għal annullament, għar-raġuni, b’mod partikolari, li ma kinux jidhru fit-talba għal reviżjoni interna li din kienet ressqet jew li la kienu koerenti u lanqas jinftiehmu. |
|
22 |
Qabelxejn, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv, fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandha espliċitament tindika l-att li hija tkopri u tippreċiża r-raġunijiet għar-reviżjoni. Sabiex dawn ir-raġunijiet jiġu ppreċiżati bil-mod meħtieġ, il-persuna li tressaq it-talba hija obbligata li tindika kull punt ta’ fatt jew argument ta’ liġi li jqajjem dubji plawżibbli fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att inkwistjoni. Għaldaqstant, it-terz li jikkontesta l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għandu jipproduċi provi sostanzjali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw dubji sostanzjali fir-rigward tal-legalità tal-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni. |
|
23 |
Għal dak li jirrigwarda l-valur ġuridiku tal-linji gwida ppubblikati mill-EFSA, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, “li d-dokumenti ta’ gwida tal-EFSA ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fl-eżami jew fir-reviżjoni tagħha, filwaqt li huwa ċertament possibbli li hija tagħżel li tapplikahom bħala qafas ta’ evalwazzjoni fil-każijiet imressqa quddiemha”. |
|
24 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 229 u 231 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-EFSA għal dak li jirrigwarda t-tossiċità tal-prodott ikkonċernat, l-argument tal-ewwel appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ekwivalenza sostanzjali tal-kompożizzjonijiet sabiex ma twettaqx “evalwazzjoni tossikoloġika adegwata”, ma kienx juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ evalwazzjoni adegwata tat-tossiċità tas-sojja mmodifikata fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU 2005, L 70, p. 1), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, “li testijiet u aġġustamenti sabiex jiġi stabbilit kontenut massimu ta’ residwi, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 396/2005, għas-sojja mmodifikata sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tipi ta’ sojja b’tolleranza għall-glifosat jew għall-erbiċidi għandhom isiru fil-kuntest ta’ eżami skont l-imsemmi regolament u mhux fil-kuntest tar-Regolament Nru 1829/2003”. |
|
26 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn kien jikkonċerna d-deċiżjoni kontenzjuża bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli u, għall-kumplament, bħala infondat. Sa fejn ir-rikors ippreżentat quddiemha kellu jitqies li jirrigwarda wkoll iż-żewġ deċiżjonijiet indirizzati, rispettivament, lil European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility u lil Sambucus, il-Qorti Ġenerali qieset li, billi dawn id-deċiżjonijiet kienu identiċi għad-deċiżjoni kontenzjuża, kien hemm lok, f’kull każ, li jiġu miċħuda l-motivi invokati għall-istess raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata ċ-ċaħda tar-rikors sa fejn kien jikkonċerna d-deċiżjoni kontenzjuża. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
|
27 |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
29 |
Monsanto titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
30 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta ddikjarat inammissibbli, ineffettivi jew infondati ċerti partijiet tar-rikors għal annullament, billi b’mod żbaljat imponiet fuqhom oneru ta’ prova impossibbli, billi ma rrikonoxxietx li l-linji gwida ppubblikati mill-EFSA skont l-obbligi legali tagħha kienu nisslu l-aspettattiva leġittima li huma kienu ser jiġu osservati, billi stabbilixxiet li ma kienx neċessarju li tikkonforma ruħha mal-evalwazzjoni tas-sigurtà f’żewġ stadji meħtieġa mir-Regolament Nru 1829/2003, u, fl-aħħar nett, billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 396/2005 sabiex tiċħad ċerti elementi tal-ilment tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat, milli teżiġi eżami komplet tat-tossiċità potenzjali tas-sojja kontenzjuża u milli tikkontrolla l-effetti tas-sojja kontenzjuża wara l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
31 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li xi wħud mill-argumenti, mill-provi jew mid-dokumenti tagħhom kienu inammissibbli peress li ma kinux jidhru fit-talbiet għal reviżjoni jew li ma kinux ġew prodotti flimkien mal-imsemmija talbiet. |
|
32 |
L-appellanti jsostnu li talba għal reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 hija intiża sabiex tippermetti lill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni flimkien mal-EFSA, li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni li hija kienet ħadet preċedentement u li tistabbilixxi jekk il-proċess deċiżjonali li wassal għal din id-deċiżjoni huwiex konformi mad-dritt tal-ambjent. |
|
33 |
Skont l-appellanti, għalkemm, skont din id-dispożizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGO) li jintroduċu talbiet għal reviżjoni għandhom l-obbligu li jippreċiżaw ir-raġunijiet għar-reviżjoni, dawn in-NGO ma għandhomx jissostitwixxu lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex jiġu esposti b’mod iddettaljat ir-riżultat ta’ reviżjoni li l-istituzzjoni kellha twettaq. Barra minn hekk, meta n-NGO jressqu azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni li tirrigwarda talba għal reviżjoni, huma għandhom ikollhom is-setgħa li jiżviluppaw il-motivi li huma invokaw fit-talbiet tagħhom għal reviżjoni jew sabiex iżidu dettalji u provi supplimentari insostenn ta’ dawn il-motivi, sabiex juru dak li l-istituzzjoni kompetenti kienet stabbilixxiet jew dak li kellha tieħu inkunsiderazzjoni li kieku laqgħet din it-talba għal reviżjoni. Interpretazzjoni restrittiva wisq tar-rekwiżit li jgħid li l-persuna li tressaq it-talba għandha tindika r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tkun qiegħda titlob reviżjoni tmur kontra l-għan u l-iskop tar-Regolament Nru 1367/2006, li huwa li jippermetti l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent. |
|
34 |
L-appellanti jqisu li, peress li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-evalwazzjonijiet ta’ din il-qorti dwar l-inammissibbiltà li jinsabu fil-punti 65 sa 70, 125, 126, 136, 137, 199, 262 sa 264, 266 u 267 tas-sentenza appellata għandhom jiġu invalidati. |
|
35 |
Barra minn hekk, l-appellanti jqajmu ħames ilmenti b’mod sussidjarju. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel nett, meta rrifjutat, fil-punti 140 sa 142 u 201 tas-sentenza appellata, li tieħu inkunsiderazzjoni t-tabelli annessi mar-rikors tagħhom, li kienu jinkludu listi ta’ provi invokati insostenn ta’ kwistjonijiet ta’ liġi esposti b’mod ċar. It-tieni nett, hija wettqet tali żball meta qieset, fil-punti 143 sa 147 ta’ din is-sentenza, li n-nuqqas li bih kienet akkużata l-Kummissjoni ma kienx jirriżulta b’mod koerenti u li jinftiehem minn dan ir-rikors. It-tielet nett, jikkostitwixxi żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali l-fatt li din qieset, fil-punt 234 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti kkontestaw in-nuqqasijiet min-naħa tal-EFSA, għall-kuntrarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-tliet ilmenti tagħhom li fihom huma allegaw nuqqas ta’ evalwazzjoni suffiċjenti tat-tossiċità tas-sojja kontenzjuża. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma mmotivatx b’mod ċar l-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 278 sa 280 tal-istess sentenza dwar it-tielet parti tat-tielet motiv, b’mod partikolari meta ċaħdet l-argumenti bħala infondati għar-raġuni li l-provi mressqa insostenn ta’ dawn l-argumenti ma kinux jikkonċernaw il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li kienet ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-parti u li ma kinux enumerati jew miġbura bl-istess mod fir-rikors fl-ewwel istanza u fit-talba għal reviżjoni. Il-ħames u l-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, l-argumenti ppreżentati mill-ewwel appellanti bħala mhux preċiżi biżżejjed fid-dawl tal-kumplessità tas-suġġett. |
|
36 |
Il-Kummissjoni u Monsanto jqisu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kull NGO li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandha s-setgħa li tagħti bidu, permezz ta’ talba motivata, għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv mal-istituzzjoni jew mal-korp tal-Unjoni li adottah abbażi tad-dritt tal-ambjent. Meta s-suġġett tal-att amministrattiv inkwistjoni jkun jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom is-sojja ġenetikament immodifikata kif ippreċiżati fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, is-suġġett ta’ talba għal reviżjoni jkun jikkonċerna, skont din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ tali awtorizzazzjoni. |
|
38 |
It-talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv hija intiża għalhekk sabiex tiġi kkonstatata allegata illegalità jew l-assenza ta’ fondatezza tal-att inkwistjoni. Il-persuna li tressaq it-talba tista’ sussegwentement tressaq kawża, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, quddiem il-qorti tal-Unjoni billi tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom jew użu ħażin ta’ poter kontra d-deċiżjoni li tiċħad bħala infondata t-talba għal reviżjoni interna. |
|
39 |
Tali rikors ma jistax ikun ibbażat fuq motivi ġodda jew fuq provi li ma kinux jidhru fit-talba għal reviżjoni, għaliex inkella r-rekwiżit relatat mal-motivazzjoni ta’ tali talba, li jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu u s-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba jiġi emendat. |
|
40 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, ikkonstatat, minn naħa, li l-ewwel appellanti ma kinitx ġiet prekluża milli tinvoka, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kwalunkwe motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, kwalunkwe ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom jew kwalunkwe użu ħażin ta’ poter waqt l-adozzjoni tal-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina motivi oħra minbarra dawk mqajma mill-appellanti meta ressqet it-talba tagħha għal reviżjoni interna tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tali talba kinitx tqajjem dubji sostanzjali dwar il-legalità tal-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni. |
|
41 |
Fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi li bihom huma vvizzjati l-punti 125, 126, 136, 137, 199, 262 sa 264, 266 u 267 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tiddeċiedi dwar il-motivi jew il-provi li ma kinux ġew esposti fit-talba għal reviżjoni interna, jeħtieġ, fid-dawl tal-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, li l-aggravju jiġi miċħud f’dan ir-rigward. |
|
42 |
Għal dak li jirrigwarda l-ħames ilmenti sussidjarji deskritti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat ċerti argumenti inammissibbli, ineffettivi jew infondati, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Għalhekk, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli aggravju li l-argumentazzjoni tiegħu ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità, b’mod partikolari għaliex l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Verband der Kölnisch-Wasser Hersteller vs UASI, C‑29/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:799, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
L-ewwel ilment sussidjarju jkopri l-punti 140 sa 142 kif ukoll 201 tas-sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
44 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jillimitaw ruħhom, bi ksur tar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni provi invokati insostenn tal-ilmenti tagħhom esposti b’mod ċar fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, mingħajr madankollu ma jidentifikaw il-ksur jew l-iżbalji ta’ liġi li twettqu mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jew jinvokaw żnaturament tal-fatti minnha. |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment sussidjarju huwa inammissibbli. |
|
46 |
It-tieni lment sussidjarju jirrigwarda l-punti 143 sa 147 tas-sentenza appellata, li jgħidu li ġej:
|
|
47 |
L-appellanti jsostnu li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 143 sa 147 tas-sentenza appellata huma żbaljati peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi ġew esposti b’mod ċar fir-rikors fl-ewwel istanza. Issa, għalkemm l-iżball ta’ liġi invokat f’dan ir-rigward jikkonsisti fi kritika li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq l-argumenti li jinsabu f’partijiet oħra tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143 sa 147 ta’ dik is-sentenza. |
|
48 |
Għaldaqstant, it-tieni lment sussidjarju huwa inammissibbli. |
|
49 |
It-tielet ilment sussidjarju jirrigwarda l-punt 234 tas-sentenza appellata, li jgħid li “sa fejn l-ewwel rikorrenti tqis li l-EFSA kellha l-obbligu li teżamina r-riskju ta’ interazzjonijiet u ta’ sinerġiji li jistgħu jirriżultaw f’rabta mas-sojja mmodifikata, abbażi ta’ obbligu li jirriżulta mir-Regolament Nru 1829/2003, għandu jiġi osservat li hija ma ressqet l-ebda argument li jindika xi illegalità [tad-deċiżjoni kontenzjuża], iżda sempliċement tikkonstata nuqqas min-naħa tal-EFSA. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jitqies bħala ineffettiv.” |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħhom dwar ilmenti oħra tat-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors għal annullament u, minħabba f’hekk, qieset b’mod żbaljat li huma kienu qegħdin jikkontestaw nuqqas min-naħa tal-EFSA u mhux l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jagħtu l-ebda preċiżazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 234 tas-sentenza appellata. |
|
51 |
Minn dan isegwi li t-tielet ilment sussidjarju huwa inammissibbli. |
|
52 |
Ir-raba’ lment sussidjarju jirrigwarda l-punti 278 sa 280 tas-sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:
|
|
53 |
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għal dawn il-punti tas-sentenza appellata u, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet argumenti bħala infondati minħabba li kienu ġew esposti jew enumerati b’mod differenti fit-talba għal reviżjoni interna u fir-rikors fl-ewwel istanza. |
|
54 |
Għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti, għandu jiġi osservat li peress li l-appellanti bl-ebda mod ma kkaratterizzaw in-nuqqas ta’ ċarezza li bih hija vvizzjata l-motivazzjoni, ir-raba’ lment sussidjarju tagħha huwa, f’dan ir-rigward, inammissibbli. |
|
55 |
Għal dak li jirrigwarda l-allegat żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punti 278 sa 280 tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx argumenti minħabba li dawn kienu ġew enumerati jew miġbura b’mod differenti fit-talba għal reviżjoni interna u fir-rikors fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, hija ċaħdet it-tielet parti tat-tielet motiv bħala infondata peress li l-ewwel appellanti ma kienet ipproduċiet l-ebda prova li turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fir-raġunament inkwistjoni. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, ir-raba’ lment sussidjarju huwa infondat. |
|
56 |
Konsegwentement, ir-raba’ lment sussidjarju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
|
57 |
Il-ħames ilment sussidjarju jirrigwarda l-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata li jgħidu li ġej:
|
|
58 |
L-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali billi jinvokaw l-argumenti li huma żviluppaw fil-punti 227 sa 230 tar-rikors fl-ewwel istanza, li jirreferu għall-argumenti diġà żviluppati fil-punti 80 u 97 sa 119 ta’ dan ir-rikors, li minnhom jirriżulta li, minħabba d-differenzi statistikament sinjifikattivi identifikati bejn is-sojja mmodifikata u l-prodott konvenzjonali ta’ referenza tagħha, għandu jsir pjan ta’ kontroll tal-konsum tal-imsemmija sojja mill-bnedmin u mill-annimali. |
|
59 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 227 sa 230 tar-rikors fl-ewwel istanza ma jagħmlu ebda riferiment għall-punti 80 u 97 sa 119 ta’ dan ir-rikors. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u lanqas li hija wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat ir-rikors fl-ewwel istanza bħala mhux preċiż fuq dan il-punt u meta hija qieset ir-rikors fl-ewwel istanza, f’dan ir-rigward, bħala inammissibbli. |
|
60 |
Għaldaqstant, il-ħames ilment sussidjarju huwa infondat. |
|
61 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li peress li l-ewwel aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, dan għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
62 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, wettqet żball ta’ liġi billi qiegħda titlob prova impossibbli min-NGO li jippreżentaw rikors skont l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1367/2006. Għalhekk, fil-punti 67, 83 u 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżiġiet li l-persuna li titlob reviżjoni interna ta’ att amministrattiv tipproduċi provi sostanzjali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw dubji sostanzjali fir-rigward tal-legalità tal-att inkwistjoni u, b’hekk, applikat għal dan il-qasam regola ta’ tqassim tal-oneru tal-prova li tintuża f’kuntest legali differenti. Fil-fatt, filwaqt li, f’dan il-każ, dan kien rikors skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006 ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet adottati wara talbiet għal reviżjoni, ir-regola ta’ tqassim tal-oneru tal-prova li ġiet applikata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija dik użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jirrigwardaw il-kontestazzjoni, minn terzi, tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq, li permezz tagħha huma jkunu obbligati jipproduċu provi sostanzjali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw dubji sostanzjali fir-rigward tal-legalità tal-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, it-talbiet għal reviżjoni għandhom l-għan li jiddikjaraw bħala fondati l-preokkupazzjonijiet imqajma mill-persuni li jressqu t-talba. |
|
63 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali applikat din ir-regola ta’ tqassim tal-oneru tal-prova b’mod mhux konformi mal-evalwazzjoni li hija għamlet, li tgħid li n-NGO ma humiex obbligati jipprovaw li l-OĠM ma humiex tajbin għas-saħħa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 134, 135, 148 sa 150, 157, 163 sa 168, 170, 205 sa 209, 217 sa 224, 230, 231, 238 sa 243, 246, 247, 256, 282, 287 u 289 tas-sentenza appellata, li mill-provi prodotti mill-appellanti ma kienx jirriżulta li s-sojja mmodifikata ma kinitx tajba għas-saħħa. |
|
64 |
Il-Kummissjoni u Monsanto jqisu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
65 |
L-ewwel parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-punti 67, 83 u 88 tas-sentenza appellata li huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessa 11, mill-Artikolu 2(1)(g) u mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kull NGO li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament hija awtorizzata tressaq talba għal reviżjoni interna ta’ atti amministrattivi ta’ portata individwali, li għandha effett legalment vinkolanti u estern, fejn din it-talba għandha tispeċifika r-raġunijiet għar-reviżjoni. |
|
67 |
Barra minn hekk, preokkupazzjonijiet espressi minn persuna li titlob reviżjoni fir-rigward tal-legalità tal-għoti ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi ma jissodisfawx ir-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li t-talba għandha tispeċifika r-raġunijiet għar-reviżjoni. |
|
68 |
Kif isostni, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa inerenti għas-sistema tar-reviżjoni li l-persuna li titlob ir-reviżjoni tagħti raġunijiet konkreti u preċiżi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. |
|
69 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonstatat, essenzjalment, fil-punti 67, 83 u 88 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġu ppreċiżati r-raġunijiet għar-reviżjoni bil-mod meħtieġ, persuna li titlob ir-reviżjoni ta’ att amministrattiv taħt id-dritt tal-ambjent hija obbligata tindika l-punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ liġi sostanzjali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att inkwistjoni. |
|
70 |
Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija infondata. |
|
71 |
Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar il-punti 134, 135, 148 sa 150, 157, 163 sa 168, 170, 205 sa 209, 217 sa 224, 230, 231, 238 sa 243, 246, 247, 256, 282, 287 u 289 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li ma jidhirx li, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-provi prodotti mill-appellanti ma kienx jirriżulta li s-sojja mmodifikata ma kinitx tajba għas-saħħa. |
|
72 |
Minn dan isegwi li peress li l-imsemmija lmenti ma humiex fondati, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda. |
|
73 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
74 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 116 sa 118, 268 sa 270 u 281 tas-sentenza appellata, li l-linji gwida ppubblikati mill-EFSA ma kinux nisslu l-aspettattiva leġittima li kienu ser jiġu osservati għar-raġuni li ma kinux jorbtu lill-Kummissjoni, li ma kienu jinkludu l-ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li ma kinux joriġinaw mill-Kummissjoni li kellha tadotta d-deċiżjoni finali billi teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
|
75 |
Il-Kummissjoni ma tistax sempliċement teskludi, mingħajr raġuni valida, il-linji gwida ppubblikati mill-EFSA li huma intiżi espressament sabiex jiżguraw li l-obbligi legali imposti, b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1829/2003, jiġu osservati. Issa, il-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dawn il-linji gwida, billi tużahom bħala “tarka kontra l-kontestazzjonijiet”, iżda qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiġġustifika l-fatt li hija ma tikkonformax mal-imsemmija linji gwida. |
|
76 |
Il-Kummissjoni u Monsanto jqisu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
77 |
Il-punti tas-sentenza appellata kkritikati mill-appellanti huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel lok, li, minn naħa, l-Artikolu 5(8) u l-Artikolu 17(8) tar-Regolament Nru 1829/2003 jistabbilixxu li l-EFSA għandha tippubblika linji gwida ddettaljati sabiex tgħin lill-applikant jistabbilixxi u jippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu, u li, min-naħa l-oħra, il-linji gwida tal-EFSA huma intiżi għalhekk li jistrutturaw l-elementi meħtieġa ta’ applikant għal awtorizzazzjoni meta titressaq l-applikazzjoni tiegħu u ma għandhomx bħala għan li jafdaw lil terzi persuni, bħal TestBioTech, id-dritt li ċerti elementi jiġu pprovduti f’din l-okkażjoni. Fil-punt 115 tas-sentenza appellata, huwa indikat, fit-tieni lok, li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tagħtih garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fi ħdanu aspettattivi fondati. |
|
79 |
Il-punti 113 u 115 tas-sentenza appellata ma ġewx ikkontestati mill-appellanti. |
|
80 |
Issa, il-Qorti Ġenerali, meta osservat, fil-punt 116 ta’ dik is-sentenza, li l-linji gwida inkwistjoni ma kienu jinkludu ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti fil-konfront tal-ewwel appellanti li din tal-aħħar tista’ tinvoka f’talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv imressqa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, nisslet sempliċement il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati li jinsabu fil-punti 113 u 115 tal-imsemmija sentenza. |
|
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda żball ta’ liġi fil-punt 116 tas-sentenza appellata. |
|
82 |
Peress li mill-imsemmi punt 116 jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-linji gwida tal-EFSA f’talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv ippreżentat skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, l-ilmenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, meta jitqies li dawn il-linji gwida ma kinux ġew adottati mill-Kummissjoni u ma kinux jorbtu lil din tal-aħħar, huma ineffettivi. |
|
83 |
Minn dan isegwi li t-tielet aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi li jaffettwaw il-punti 116 sa 118 tas-sentenza appellata, huwa parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv. |
|
84 |
Peress li ebda lment awtonomu ma ġie invokat kontra l-punti 268 sa 270 u 281 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-punti 110 sa 118 ta’ dik is-sentenza, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud f’dan ir-rigward. |
|
85 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
86 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 176 sa 192, 213, 214, 216, 217, 222 sa 224, 229 sa 231 u 271 sa 277 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkonforma ruħha mal-evalwazzjoni tas-sigurtà f’żewġ stadji meħtieġa mir-Regolament Nru 1829/2003 u mil-linji gwida ppubblikati mill-EFSA u li l-ewwel stadju, jiġifieri l-paragun bejn il-wiċċ tar-raba’ ġenetikament immodifikata u l-prodotti ta’ referenza tiegħu, seta’, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jissodisfa l-obbligi stabbiliti f’dan ir-regolament. |
|
87 |
L-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni kienet sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li riċerki addizzjonali ma kinux neċessarji minħabba l-konklużjonijiet dwar l-ekwivalenza sostanzjali tas-sojja kontenzjuża u tal-evalwazzjonijiet mwettqa għal kull wieħed mill-ġenituri. Issa, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-argument fil-punti 176 sa 192 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li dawn il-linji gwida ma kinux jeħtieġu li ssir evalwazzjoni tat-tossiċità, tal-allerġeniċità u tal-effetti tat-trasformazzjoni fuq l-OĠM meta ma kienx hemm elementi li juru interazzjonijiet bejn it-trasformazzjonijiet multipli. Il-Qorti Ġenerali affermat li l-imsemmija linji gwida kienu jipprevedu approċċ każ b’każ, fejn evalwazzjoni tat-tossiċità limitata ma kinitx eskluża bħala prinċipju. |
|
88 |
Skont l-appellanti, tali motivazzjoni hija żbaljata u tmur kontra l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 1829/2003. L-ewwel nett, ma tissemmiex il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1829/2003, li tgħid li, għalkemm l-ekwivalenza sostanzjali hija stadju essenzjali tal-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà tal-għalf ġenetikament immodifikat, din ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tas-sigurtà fiha nnifisha. Il-Qorti Ġenerali ma esponietx il-motivi għaliex l-evalwazzjoni tagħha hija konformi ma’ din il-premessa u mal-indikazzjoni ċara tagħha li r-Regolament Nru 1829/2003 huwa intiż sabiex jimponi evalwazzjoni fid-dettall tas-sigurtà ta’ kull OĠM, li tmur lil hinn mill-evalwazzjoni tal-ekwivalenza sostanzjali. It-tieni nett, mil-linji gwida ppubblikati mill-EFSA jirriżulta b’mod ċar li evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ kull OĠM hija meħtieġa, anki jekk hija limitata. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, laqgħet, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, l-argument li jgħid li kienet meħtieġa biss analiżi komparattiva. Hija qieset li t-twettiq ta’ evalwazzjoni tad-data relatata mal-analiżi komparattiva kienet teskludi t-twettiq ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà fil-kuntest tat-tieni stadju. L-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward jirriżulta wkoll mill-motivi li jinsabu fil-punti 213, 214, 216, 217, 222 sa 224, 230 u 231 tas-sentenza appellata, li jgħidu li t-testijiet komparattivi aċċettati mill-EFSA kienu jikkostitwixxu eżami għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sigurtà fil-kuntest tat-tieni stadju, u fil-punti 271 sa 275 u 277 ta’ din is-sentenza dwar l-evalwazzjoni insuffiċjenti fil-qasam tal-allerġeniċità. |
|
89 |
Il-Kummissjoni u Monsanto jqisu li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
90 |
Għandu jiġi osservat li l-punti 176 sa 185 tas-sentenza appellata għandhom natura essenzjalment deskrittiva u li, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti ma jsemmu l-ebda żball ta’ liġi li jivvizzja dawn il-punti. Fil-punti 186 u 187 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ TestBioTech, suffiċjentement motivata fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, kif interpretat minn ġurisprudenza stabbilita. Issa, l-appellanti ma jinvokawx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
|
91 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ilmenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħhom, huma biss il-punti 188 sa 192 tal-imsemmija sentenza li għandhom jitqiesu li huma s-suġġett ta’ dan l-aggravju. |
|
92 |
Dawn huma fformulati kif ġej:
|
|
93 |
Mill-punt 191 tas-sentenza appellata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li analiżi komparattiva biss tas-sojja mmodifikata u tal-prodott ta’ referenza tagħha kien suffiċjenti sabiex ma ssirx evalwazzjoni tossikoloġika u sabiex tiġi kkonfermata s-sigurtà tal-OĠM. Fil-fatt, hija ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, li tali analiżi komparattiva ġiet ikkompletata, b’mod partikolari, permezz ta’ analiżi tossikoloġika fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ sinerġija jew ta’ ħsara eventwali bejn iż-żewġ ġenituri ġenetikament immodifikati tas-sojja mmodifikata, u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tar-riskji assoċjati mat-trasformazzjoni multipla ma kinitx limitata għal analiżi komparattiva iżda kienet tirrigwarda ż-żieda potenzjali fit-tossiċità. |
|
94 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li kull wieħed mid-dokumenti ta’ gwida msemmija fil-punti 177 sa 179 ta’ dik l-istess sentenza jipprovdi li l-portata tal-evalwazzjoni tat-tossiċità għandha tiġi ddeterminata każ b’każ u li evalwazzjoni tat-tossiċità limitata hija possibbli u, għalhekk, ma hijiex eskluża bħala prinċipju. |
|
95 |
B’mod partikolari, ġie enfasizzat, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li d-dokument ta’ gwida dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-pjanti ġenetikament immodifikati u tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf idderivati (domanda EFSA-Q-2003–005, The EFSA Journal (2006) 99, 1‑100), jipprevedi, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tossiċità, li n-neċessità ta’ testijiet tossikoloġiċi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà għandha tiġi kkunsidrata każ b’każ u hija ddeterminata mir-riżultat tal-evalwazzjoni tad-differenzi identifikati bejn il-prodott ġenetikament immodifikat u l-prodott konvenzjonali tiegħu ta’ referenza. |
|
96 |
Issa, dan l-approċċ ma huwiex, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mal-premessa 6 tar-Regolament Nru 1829/2003, li tgħid li, għalkemm l-ekwivalenza sostanzjali hija stadju essenzjali tal-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà tal-għalf ġenetikament immodifikat, din ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tas-sigurtà fiha nnifisha, sa fejn din il-premessa ma teskludix il-possibbiltà li tiġi ddeterminata, każ b’każ, il-portata tal-evalwazzjoni tat-tossiċità. |
|
97 |
Barra minn hekk, tali approċċ ma jiksirx l-Artikolu 5(3)(f) tar-Regolament Nru 1829/2003, li għalih jirreferu l-appellanti sabiex isostnu l-aggravju tagħhom, li jipprevedi li kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq li jkollha bħala suġġett OĠM għandha tinkludi “jew analiżi, sostnuta minn informazzjoni u data xierqa, li turi li l-karatterisiċi ta’ l-ikel ma humiex differenti minn dawk tal-kontroparti konvenzjonali tiegħu, meta jitqiesu l-limiti aċċettati ta’ varjazzjonijiet naturali għal dawk il-karatteristiċi u għall-kriterji speċifikati fl-Artikolu 13(2)(a), jew proposta biex l-ikel jiġi ttikkettjat skond l-Artikolu 13(2)(a) u (3)”. |
|
98 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-appellanti ma wrewx li l-punti 188 sa 192 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. |
|
99 |
Peress li ebda lment awtonomu ma ġie invokat kontra l-punti 213, 214, 216, 217, 222 sa 224, 229 sa 231 u 271 sa 277 tas-sentenza appellata, għandu jitqies, fid-dawl tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li r-raba’ aggravju huwa, f’dan ir-rigward, infondat. |
|
100 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq il-ħames aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
101 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 233 u 289 tas-sentenza appellata, billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 396/2005 sabiex tiċħad ċerti elementi tal-ilment tagħhom ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat, milli teżiġi eżami suffiċjentement komplet tat-tossiċità potenzjali tas-sojja inkwistjoni u li tikkontrolla l-effetti ta’ din tal-aħħar wara l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. |
|
102 |
Skont l-appellanti, ir-Regolament Nru 396/2005 ma jnaqqasx l-obbligi imposti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament Nru 1829/2003 u lanqas l-obbligi fil-qasam tal-kontroll li għandu jitwettaq wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Jekk l-atomizzazzjoni ta’ OĠM partikolari jkollu effetti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem jew is-saħħa tal-annimali minħabba t-trasformazzjoni multipla jew modifiki ġenetiċi, dawn l-effetti għandhom jiġu eżaminati u stabbiliti billi jiġi applikat ir-Regolament Nru 1829/2003. |
|
103 |
Il-Kummissjoni u Monsanto jqisu li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
104 |
Il-punti 233 u 289 tas-sentenza appellata huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
105 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif osservat il-Kummissjoni, li l-appellanti ma ressqux argumenti li juru n-natura żbaljata tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punti 233 u 289 tas-sentenza appellata. |
|
106 |
Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1829/2003, iċċitat mill-appellanti, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li l-ikel ġenetikament immodifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament, anki emendata, ma teżiġi li jiġu eżaminati, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM, l-effetti marbuta mal-użu eventwali ta’ pestiċidi. |
|
107 |
Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat ukoll li r-Regolament Nru 396/2005 la ma jirreferi għar-Regolament Nru 1829/2003 u lanqas għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM li jaqgħu taħt dan ir-regolament. |
|
108 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball ta’ liġi invokat mir-rikorrenti ma ġiex stabbilit. |
|
109 |
Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
110 |
Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mqajma insostenn tal-appell ma ntlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
111 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
112 |
Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. |
|
113 |
Peress li l-appellanti tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
114 |
Monsanto, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.