Brussell, 7.6.2022

COM(2022) 275 final

2022/0182(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/109 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2022/109 1 stabbilixxa qabda totali permissibbli (TAC) proviżorja għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skagerrak) għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2022, sakemm jiġi ppubblikat il-parir finali tal-ICES. Barra minn hekk, ir-Regolament 2022/109 stabbilixxa għal żero t-TACs proviżorji għal-laċċa kaħla fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skagerrak), fid-diviżjoni 2a (il-Baħar Norveġiż) u fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana), għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023, sakemm jiġi ppubblikat il-parir tal-ICES. Minbarra dan, ir-Regolament (UE) 2022/109 stabbilixxa TAC proviżorja għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES (il-Kanal Ingliż), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2022, sakemm jiġi ppubblikat il-parir tal-ICES.

L-Unjoni u n-Norveġja ftiehmu dwar l-opportunitajiet tas-sajd definittivi għall-gamblu tat-Tramuntana fid-diviżjoni 3a tal-ICES. L-opportunitajiet tas-sajd għal-laċċa kaħla fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fid-diviżjoni 2a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 huma miftiehma bejn l-Unjoni, in-Norveġja u r-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit ftiehmu dwar l-opportunitajiet tas-sajd definittivi għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES. Il-parir mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) għal dawk it-TACs ġie ppubblikat fid-9 ta’ Mejju. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd għal dawk it-TACs huma mmarkati pm sakemm joħroġ l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet. Hekk kif ikun magħruf l-eżitu ta’ dawk id-diskussjonijiet, se jiġi ppreżentat lill-Kunsill dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti. Imbagħad jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti.

Sa ma jingħata l-parir xjentifiku għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023, ir-Regolament (UE) 2022/109 jistabbilixxi għal żero t-TAC għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) 34.1.1 għal dak il-perjodu. L-ICES se joħroġ il-parir tiegħu għall-istokk f’Ġunju 2022 biss. Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jitkomplew sa ma tiġi stabbilita t-TAC definittiva abbażi tal-aħħar parir xjentifiku, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC proviżorja ta’ 10 061 tunnellata għal Lulju, għal Awwissu u għal Settembru 2022, abbażi tal-qabdiet li saru fl-aħħar tliet xhur tal-2021.

Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar sistema ta’ allokazzjoni finali mill-Istati Membri kkonċernati, ir-Regolament (UE) 2022/109) attribwixxa lill-Istati Membri, għall-ewwel nofs tal-2022, porzjon inizjali (50 %) tal-kwota tal-Unjoni għat-tonna safra (Thunnus albacares) fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan) għall-2022.

L-Istati Membri kkonċernati għad iridu jaqblu dwar sistema ta’ allokazzjoni finali għall-kwota tal-Unjoni għat-tonna safra fiż-żona tal-IOTC u l-porzjon li jifdal ta’ dik il-kwota tal-Unjoni għall-2022 għad irid jiġi allokat. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk huma mmarkati pm sakemm jintlaħaq ftehim dwar l-allokazzjoni interna finali tal-Unjoni mill-Istati Membri kkonċernati. Hekk kif ikun magħruf l-eżitu tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri kkonċernati, se jiġi ppreżentat lill-Kunsill dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti. Imbagħad jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti qabel tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-attribuzzjoni inizjali fit-30 ta’ Ġunju 2022.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u mar-regoli tal-PKS u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-obbligi tal-Unjoni għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-PKS.

•Sussidjarjetà 

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Il-proposta se talloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 2 . Skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità ma’ ċerti kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarju biex jeżerċitaw fil-waqt tad-distribuzzjoni tat-TACs allokati relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd koperti mill-proposta.

•Għażla tal-istrument

Strument propost: Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Matul il-konsultazzjonijiet man-Norveġja dwar il-gamblu tat-Tramuntana, u matul il-konsultazzjonijiet mar-Renju Unit u man-Norveġja dwar il-laċċa kaħla, il-Kummissjoni se tinforma u tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tal-organizzazzjonijiet tal-industrija tas-sajd. Il-Kummissjoni se żżomm ukoll kuntatt mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta’ koordinazzjoni intensiva.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Għall-gamblu tat-Tramuntana u l-laċċa kaħla, il-proposta se tkun ibbażata fuq il-parir xjentifiku disponibbli tal-ICES u fuq l-eżitu tal-konsultazzjonijiet mar-Renju Unit u n-Norveġja.

•Valutazzjoni tal-impatt

Fir-rigward tal-gamblu tat-Tramuntana u l-laċċa kaħla, il-proposta essenzjalment timplimenta miżuri miftiehma fil-livell internazzjonali. Kull element li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti li l-opportunitajiet tas-sajd jista’ jkollhom se jiġi ttrattat fil-fażi ta’ tħejjija u twettiq tan-negozjati internazzjonali li matulhom jintlaħaq qbil mal-pajjiżi terzi dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-Unjoni.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Fir-Rekord Maqbul tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn l-Unjoni u n-Norveġja għall-2022, il-partijiet qablu li jistabbilixxu TAC preliminari għall-gamblu tat-Tramuntana fid-diviżjoni 3a tal-ICES, u nnotaw li l-parir rilevanti se jkun aġġornat kmieni fl-2022, f’konformità mal-istrateġija ta’ ġestjoni fit-tul għal dik l-ispeċi (LTMS). L-ICES dan l-aħħar wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni użata għal dan l-istokk u dan il-punt ta’ riferiment jista’ jirriżulta f’bidliet fil-punti ta’ referenza użati fl-LTMS. Il-partijiet qablu li jikkonsultaw dwar l-istabbiliment ta’ TAC definittiva għall-2022 wara l-pubblikazzjoni tal-parir aġġornat tal-ICES fid-9 ta’ Mejju 2022, u b’kont meħud tal-aġġustamenti għal-LTMS li jista’ jkunu meħtieġa.

Il-laċċa kaħla hija speċi b’ħajja qasira. Għalhekk jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti malajr wara l-pubblikazzjoni tal-parir tal-ICES, li nħareġ fid-9 ta’ Mejju, sabiex is-sajd ikun jista’ jibda. Is-sajd se jibda fl-1 ta’ Lulju 2022. Minn April 2019, l-ICES joħroġ parir uniku minn naħa, għal-laċċa kaħla fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skagerrak) u min-naħa l-oħra, għal-laċċa kaħla fid-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar Norveġiż) u fis-subżona 4 tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana) għaliex dawn jitqiesu li huma stokk bijoloġiku uniku, għalkemm il-ġestjoni tagħhom għadha maqsuma f’żewġ żoni ta’ ġestjoni. Fl-2022, l-ICES biddel id-data tal-pubblikazzjoni tal-parir tiegħu għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e (il-Kanal Ingliż) biex jallinjaha ma’ dik tal-laċċa kaħla fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skargerrak), fid-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar Norveġiż) u fis-subżona 4 tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana), biex jallinjaha aħjar mal-istaġun tas-sajd u sabiex jinkorpora l-aħħar data tal-istħarriġ fil-valutazzjoni.

Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, l-IOTC adottat limiti ta’ qbid riveduti għat-tonna safra, li m’għadhomx limitati għal bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, u li issa jinkludu l-irkapti kollha involuti fis-sajd għat-tonna safra. Ir-Regolament (UE) 2022/109 implimenta dawk il-limiti ta’ qbid riveduti fid-dritt tal-Unjoni. Wara l-laqgħa annwali, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet tekniċi mal-Istati Membri kkonċernati biex tiffaċilita ftehim dwar il-koeffiċjent tal-allokazzjoni interna tal-Unjoni għat-tonna safra li jinkludi l-irkaptu kollu. Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar koeffiċjent ta’ allokazzjoni finali mill-Istati Membri kkonċernati sa Marzu 2022. F’dan il-kuntest, u b’kont meħud tal-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet tas-sajd lill-flotta tal-Unjoni li topera fiż-żona tal-IOTC, ir-Regolament (UE) 2022/109 attribwixxa, għall-ewwel nofs tal-2022, porzjon inizjali (50 %) tal-kwota tal-Unjoni għat-tonna safra fiż-żona tal-IOTC għall-2022 lill-Istati Membri.

2022/0182 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/109 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 3 jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.

(2)Ir-Regolament (UE) 2022/109 jistabbilixxi qabda totali permissibbli proviżorja (“TAC”) għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skagerrak), sakemm jiġi ppubblikat il-parir xjentifiku finali pprovdut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”). Jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC definittiva għal dak l-istokk f’konformità ma’ dak il-parir finali u mal-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.

(3)Ir-Regolament (UE) 2022/109 jistabbilixxi TACs żero proviżorji għal-laċċa kaħla (Sprattus sprattus) fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Kattegat/Skagerrak) u fid-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar Norveġiż) u fis-subżona 4 tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023, sakemm jiġi ppubblikat il-parir xjentifiku rilevanti pprovdut mill-ICES. It-TACs definittivi għal dawk iż-żoni ta’ ġestjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità ma’ dan il-parir u mal-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, in-Norveġja u r-Renju Unit.

(4)Ir-Regolament (UE) 2022/109 jistabbilixxi TAC proviżorja għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e (il-Kanal Ingliż) tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2022, sakemm jiġi ppubblikat il-parir xjentifiku rilevanti pprovdut mill-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023. Fl-2022, l-ICES ħareġ il-parir tiegħu fid-9 ta’ Mejju 2022. Jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC definittiva għal dak l-istokk f’konformità mal-parir u mal-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

(5)Sa ma jingħata l-parir xjentifiku għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023, ir-Regolament (UE) 2022/109 stabbilixxa għal żero t-TAC għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1 għal dak il-perjodu. L-ICES se joħroġ il-parir tiegħu għal dak l-istokk f’Ġunju 2022. Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jitkomplew sa ma tiġi stabbilita t-TAC abbażi tal-aħħar parir xjentifiku, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC proviżorja ta’ 10 061 tunnellata għal Lulju, għal Awwissu u għal Settembru 2022, abbażi tal-qabdiet li saru fl-aħħar tliet xhur tal-2021.

(6)Ir-Regolament (UE) 2022/109 implimenta fid-dritt tal-Unjoni l-limiti ta’ qbid riveduti għat-tonna safra (Thunnus albacares) fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC (“il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan”). Il-limiti ta’ qbid riveduti ma għadhomx limitati għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, u issa jinkludu l-irkapti kollha involuti fis-sajd għat-tonna safra. Barra minn hekk, peress li kien għadu ma ntlaħaqx ftehim fost l-Istati Membri kkonċernati dwar l-aktar mod xieraq biex jiġu kondiviżi l-limiti ta’ qbid riveduti, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 attribwixxa, għall-ewwel nofs tal-2022, porzjon inizjali (50 %) tal-kwota tal-Unjoni għat-tonna safra fiż-żona tal-IOTC għall-2022 lill-Istati Membri.

(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-porzjon li jifdal tal-kwota tal-Unjoni għat-tonna safra fiż-żona tal-IOTC għall-2022 jiġi allokat f’konformità mal-eżitu tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri kkonċernati dwar il-kondiviżjoni tal-kwota tal-Unjoni għal dak l-istokk, u qabel tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-attribuzzjoni inizjali fit-30 ta’ Ġunju 2022.

(8)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/109 jiġi emendat skont dan.

(9)Il-limiti ta’ qbid previsti fir-Regolament (UE) 2022/109 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-limiti ta’ qbid, japplikaw ukoll minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati żdiedu jew għadhom ma ġewx eżawriti. Minħabba l-urġenza biex jiġu evitati interruzzjonijiet fl-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109

Ir-Regolament (UE) 2022/109 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 tas-27 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 21, 31.1.2022, p. 1).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 tas-27 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi għall-2022 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 21, 31.1.2022, p. 1).