|
15.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/24 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1475
tal-14 ta’ Settembru 2021
li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu fojl tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċertu fojl tal-aluminju f’rombli kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 13 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjoni preċedenti u miżuri eżistenti
|
(1) |
F’Marzu 2013, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 217/2013 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli (“rombli żgħar”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) wara investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”). Il-miżuri kellhom il-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 14,2 % u 35,6 %. |
|
(2) |
F’Ġunju 2019, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) żammet il-miżuri definittivi (“il-miżuri fis-seħħ”) wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“l-investigazzjoni tar-rieżami”). |
1.2. Talba
|
(3) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fojl tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-RPĊ minn importazzjonijiet ikkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u biex tagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(4) |
It-talba ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Novembru 2020. L-applikant kien talab li jibqa’ anonimu kemm fl-istadju tal-applikazzjoni kif ukoll għad-durata tal-investigazzjoni. L-applikant issostanzja t-talbiet tiegħu kif xieraq, li ġew aċċettati mill-Kummissjoni peress li kkunsidrat li kien hemm raġunijiet suffiċjenti biex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-identità tiegħu. |
|
(5) |
It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja lejn l-Unjoni li seħħet wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq rombli żgħar. Din il-bidla dehret li ġejja mill-konsenja ta’ rombli żgħar permezz tat-Tajlandja lejn l-Unjoni wara li kienu għaddew minn operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja. It-talba kien fiha wkoll biżżejjed evidenza li turi li tali operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kienu jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni peress li l-partijiet Ċiniżi kienu jammontaw għal aktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat, filwaqt li l-valur miżjud matul l-operazzjonijiet tal-assemblaġġ kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura. |
|
(6) |
Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-prattika deskritta hawn fuq kienet qed timmina l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet. Minbarra dan, kien hemm biżżejjed evidenza li l-prezzijiet ta’ rombli żgħar ikkonsenjati mit-Tajlandja kienu l-oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għal rombli żgħar. |
1.3. Prodott ikkonċernat u prodott li qed jiġi investigat
|
(7) |
Il-prodott ikkonċernat huwa fojl tal-aluminju bi ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar milli rrumblat, sew jekk imbuzzat u sew jekk le, b’rombli ta’ piż baxx ta’ mhux aktar minn 10 kg, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10 (kodiċijiet TARIC 7607111110 u 7607191010) u li joriġinaw mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri fis-seħħ bħalissa. |
|
(8) |
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10, iżda kkonsenjat mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (kodiċijiet TARIC 7607111111 u 7607191011) (“il-prodott taħt investigazzjoni”). |
|
(9) |
L-investigazzjoni wriet li r-rombli żgħar esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni u dawk ikkonsenjati mit-Tajlandja għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u għandhom l-istess użi, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
1.4. Il-bidu
|
(10) |
Billi wara li infurmat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u għamlet l-importazzjonijiet ta’ rombli żgħar ikkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2161 tal-21 ta’ Diċembru 2020 (4) (“ir-Regolament tal-bidu”). |
1.5. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar
|
(11) |
Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Inġabret data biex il-PI jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew xogħol li għalih ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza tad-dumping. |
1.6. Investigazzjoni
|
(12) |
Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tat-Tajlandja, lill-produtturi esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Il-Kwestjonarji u/jew il-Formoli ta’ Talba għal Eżenzjoni tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-produtturi/l-esportaturi fit-Tajlandja u fir-RPĊ u għall-importaturi fl-Unjoni magħrufa mill-Kummissjoni jew li għamlu lilhom infushom magħrufa sal-iskadenzi speċifikati fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-bidu. |
|
(13) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew infurmati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. |
|
(14) |
Żewġ produtturi tal-Unjoni ppreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati, filwaqt li ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarji/formoli ta’ talba għal eżenzjoni minn xi parti fit-Tajlandja, fir-RPĊ jew xi mkien ieħor. |
2. RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(15) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-elementi li ġejjin jenħtieġ li jiġu analizzati wara xulxin sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:
|
|
(16) |
F’din l-investigazzjoni, billi l-evidenza pprovduta mill-applikanti fit-talba indikat l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja, il-Kummissjoni analizzat b’mod aktar speċifiku jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati, b’mod partikolari:
|
2.2. Livell ta’ kooperazzjoni
|
(17) |
Qabel il-bidu, il-Gvern tat-Tajlandja pprovda l-ismijiet u l-indirizzi ta’ għadd ta’ produtturi ta’ fojl tal-aluminju domestiku fit-Tajlandja. Kif imsemmi fil-premessa (14) ta’ hawn fuq, l-ebda wieħed minn dawn u l-ebda produttur/esportatur Tajlandiż ieħor ma ppreżenta ruħu jew issottometta talba għal eżenzjoni. |
|
(18) |
B’Note Verbale tal-11 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni infurmat lill-Gvern tat-Tajlandja li, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe esportatur/produttur fit-Tajlandja, kien beħsiebha tibbaża s-sejbiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni saħqet ukoll li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun inqas favorevoli għall-parti kkonċernata u stiednet lill-Gvern tat-Tajlandja jikkummenta. |
|
(19) |
Il-Gvern tat-Tajlandja wieġeb lill-Kummissjoni li kien ġie infurmat bl-intenzjoni ta’ Dingsheng New Materials Co., Ltd. li tikkoopera, u li, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi, il-Kummissjoni tista’ tuża l-fatti disponibbli għas-sejbiet ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-produtturi esportaturi fit-Tajlandja. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija msemmija mill-Gvern tat-Tajlandja ma kkooperatx f’din l-investigazzjoni, iżda fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni parallela dwar l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo ta’ fojl tal-aluminju. (5) F’din l-investigazzjoni, l-ebda produttur Tajlandiż tal-prodott li qed jiġi investigat ma ppreżenta ruħu. |
|
(21) |
Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-informazzjoni li tinsab fit-talba, flimkien ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni bħall-istatistika kummerċjali dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (eż. mill-Eurostat u mill-Global Trade Atlas (“GTA”), kif ukoll data disponibbli pubblikament. |
2.3. Tibdil fix-xejra tal-kummerċ
|
(22) |
It-Tabella 1 ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Tajlandja fil-perjodu ta’ investigazzjoni. (6) Tabella 1 Importazzjonijiet ta’ rombli żgħar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (tunnellati)
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(23) |
Bejn l-2016 u t-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar kien hemm żieda kbira fl-importazzjonijiet mit-Tajlandja, minn 70 tunnellata biss għal 1 069 tunnellata. Fl-istess ħin, is-sehem tagħha tal-importazzjonijiet totali żdied minn 2 % għal 14 %. L-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu wkoll iżda b’ritmu ħafna aktar bil-mod, minn 299 għal 414-il tunnellata. Madankollu, is-sehem Ċiniż mill-importazzjonijiet totali naqas minn 8 % għal 5 %, jew, minn erba’ darbiet l-ammont ta’ importazzjonijiet Tajlandiżi għal madwar terz biss. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mir-RPĊ għadhom f’volumi taħt is-610 tunnellati tal-2013, fiż-żmien tal-investigazzjoni oriġinali. |
|
(24) |
It-Tabella 2 turi l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ rombli żgħar mir-RPĊ lejn it-Tajlandja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Tabella 2 Esportazzjonijiet ta’ materja prima mir-RPĊ lejn it-Tajlandja fil-perjodu ta’ investigazzjoni (7) (tunnellati)
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(25) |
Il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-fojl tal-aluminju domestiku hija l-aluminju primarju. L-aluminju mhux maħdum imbagħad jiġi pproċessat biex jiġi prodott l-istokk tal-fojl, li min-naħa tiegħu jiġi maħdum ulterjorment f’fojl tal-aluminju domestiku f’rombli li jiżnu aktar minn 10 kilogrammi (“rombli jumbo”) u/jew f’rombli żgħar (li jiżnu 10 kilogrammi jew inqas). L-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni mit-talba turi li l-produzzjoni tar-rombli żgħar li huma esportati mit-Tajlandja lejn l-UE ssir prinċipalment mill-istokk tal-fojl tal-materja prima intermedja jew mir-rombli jumbo. |
|
(26) |
It-Tabella 2 turi li mill-2016 ’l hawn kien hemm żieda kontinwa fl-esportazzjonijiet ta’ din il-materja prima miċ-Ċina lejn it-Tajlandja. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li ż-żewġ materji primi ma jintużawx biss għall-produzzjoni ta’ rombli żgħar fit-Tajlandja. L-istokk tal-fojl, pereżempju, jintuża wkoll għall-produzzjoni ta’ rombli jumbo fit-Tajlandja. Imbagħad, dawn ir-rombli jumbo jinbiegħu fis-suq domestiku tat-Tajlandja, jew jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, fosthom l-UE. Barra minn hekk, l-istokk tal-fojl jintuża bħala materja prima f’għadd ta’ industriji oħra, bħall-industrija tal-imballaġġ jew għal skopijiet ta’ iżolament. Għalhekk, porzjon biss ta’ dawn l-importazzjonijiet tal-istokk tal-fojl jintuża effettivament fil-proċess tal-produzzjoni tar-rombli żgħar. |
|
(27) |
Barra minn hekk, id-data fit-Tabella 2 għar-rombli jumbo tinkludi wkoll ir-rombli jumbo tal-fojl konvertitur, li jaqgħu taħt l-istess kodiċijiet tal-prodotti bażiċi iżda li ma jintużawx għall-produzzjoni tal-fojl tal-aluminju domestiku. Ma huwiex magħruf liema perċentwal tar-rombli jumbo importati fit-Tajlandja jikkonċerna l-fojl konvertitur tal-aluminju, peress li tali data dettaljata dwar l-importazzjoni Tajlandiżi ma hijiex disponibbli. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ evidenza li turi l-kontra ta’ dan, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li l-proporzjon tal-produzzjoni tal-fojl konvertitur kontra l-produzzjoni tal-fojl domestiku fit-Tajlandja baqa’ stabbli matul il-PI. Jekk xejn, fid-dawl tax-xejra murija fit-Tabella 1 ta’ hawn fuq, il-produzzjoni tal-fojl domestiku żdiedet. Dan ifisser li x-xejra li qed tiżdied osservata għat-tipi kollha ta’ rombli jumbo hija veru wkoll għal rombli jumbo tal-fojl domestiku. |
|
(28) |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li hemm żieda sinifikanti fil-volumi tal-importazzjoni tal-materja prima mir-RPĊ lejn it-Tajlandja jindika domanda dejjem akbar għal materja prima bħal din fit-Tajlandja. Dan jista’, tal-inqas parzjalment, jiġi spjegat biż-żieda fil-produzzjoni u l-esportazzjonijiet ta’ rombli jumbo fit-Tajlandja u mit-Tajlandja. |
|
(29) |
Iż-żieda fl-esportazzjonijiet Tajlandiżi lejn l-Unjoni, it-tnaqqis parallel fl-importazzjonijiet miċ-Ċina meta mqabbla mal-importazzjonijiet Tajlandiżi, u ż-żieda fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina tal-materja prima lejn it-Tajlandja matul l-istess perjodu jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. |
2.4. In-natura tal-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti
|
(30) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li t-tibdil fix-xejra tal-kummerċ tkun ġejja minn prattika, proċess jew xogħol li għalih ma jkunx hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol jinkludu l-konsenja tal-prodott soġġett għall-miżuri eżistenti permezz ta’ pajjiżi terzi, u l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ partijiet/ta’ tlestija f’pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(31) |
Billi l-ebda produttur esportatur ma kkoopera fl-investigazzjoni, is-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza u n-natura tal-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fit-Tajlandja kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kif spjegat fit-taqsima 2.2 ta’ hawn fuq. |
|
(32) |
Fit-talba tiegħu, l-applikant ipprovda evidenza li turi li rombli żgħar fit-Tajlandja ġew prodotti permezz tat-tkebbib mill-ġdid tar-rombli jumbo akkwistati direttament mir-RPĊ jew indirettament minn produtturi Tajlandiżi li jakkwistaw il-materja prima biex jipproduċu rombli jumbo mir-RPĊ. (8) L-applikant wera li:
|
|
(33) |
L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-importazzjoni lejn l-Unjoni tar-rombli żgħar mit-Tajlandja, għajr l-evitar tal-ħlas tad-dazji anti-dumping attwalment fis-seħħ. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li s-sit web ta’ produttur tar-rombli żgħar Tajlandiż semma b’mod espliċitu l-evitar tad-dazji anti-dumping bħala waħda mir-raġunijiet għaliex il-produzzjoni ġiet stabbilita fit-Tajlandja. (10) |
2.5. Bidu jew żieda sostanzjali tal-operazzjonijiet
|
(34) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun bdiet jew żdiedet sostanzjalment mill-bidu, jew eżatt qablu, tal-investigazzjoni anti-dumping, filwaqt li l-partijiet involuti jkunu mill-pajjiż soġġett għal miżuri. |
|
(35) |
L-importazzjonijiet mit-Tajlandja lejn l-UE kienu negliġibbli fl-2015 u fl-2016. Is-sena 2017 rat żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet għal 654 tunnellata fl-2017, u aktar żidiet kull sena minn dak iż-żmien. L-informazzjoni pprovduta mill-applikant dwar il-produtturi esportaturi Tajlandiżi kif ukoll l-informazzjoni disponibbli pubblikament turi li l-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ rombli żgħar fit-Tajlandja bdiet fl-2016 u fl-2017, u għal kumpanija waħda fl-2018. Għalhekk, l-operazzjoni ta’ assemblaġġ bdiet mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping. |
|
(36) |
Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Tajlandiżi, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-evidenza pprovduta mill-applikant u fuq l-informazzjoni disponibbli pubblikament biex tistabbilixxi l-oriġini tal-materja prima użata fl-assemblaġġ tar-rombli żgħar fit-Tajlandja. Il-produtturi Tajlandiżi li huma magħrufa li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni huma kollha sussidjarji ta’ produtturi Ċiniżi tal-fojl tal-aluminju domestiku li huma soġġetti għal dazji anti-dumping meta jesportaw mir-RPĊ. Barra minn hekk, l-informazzjoni mill-applikant turi li waħda mill-kumpaniji Tajlandiżi ssostni li tixtri l-materja prima kollha tagħha mill-kumpanija ġara Dingheng New Materials Co. Ltd., li fl-investigazzjoni parallela dwar ir-rombli jumbo (11) ntweriet li tevita d-dazji anti-dumping fuq ir-rombli jumbo miċ-Ċina. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li turi li l-materja prima użata mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi hija ta’ oriġini oħra għajr Ċiniża. Għalhekk, il-partijiet involuti huma mill-pajjiż soġġett għal miżuri. |
2.6. Il-valur tal-partijiet u l-valur miżjud
|
(37) |
L-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku jiddikjara li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, kundizzjoni oħra biex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni hija li l-partijiet (f’dan il-każ ta’ oriġini Ċiniża) jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud tal-partijiet imdaħħla, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija, ikun inqas minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ kull produttur esportatur Tajlandiż, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-evidenza pprovduta mill-applikant biex tistabbilixxi jekk il-limiti ta’ 60 % u 25 % ġewx issodisfati. |
|
(38) |
Filwaqt li jitqies it-tagħmir li l-produtturi esportaturi magħrufa jużaw fil-fabbriki tagħhom, kif muri fuq is-siti web rispettivi tagħhom u mill-informazzjoni pprovduta fit-talba, il-proċess ta’ produzzjoni fit-Tajlandja l-aktar l-aktar jista’ jinvolvi ċerti operazzjonijiet tat-tlestija bħat-tkebbib mill-ġdid, it-tiċrit jew l-ittemprar. |
|
(39) |
L-applikant wera li għall-produzzjoni ta’ rombli żgħar jew minn rombli jumbo jew minn stokk tal-fojl, din il-materja prima tammonta għal kważi 90 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat. L-applikant wera wkoll li, għaż-żewġ materji primi, il-valur miżjud ta’ dawn il-partijiet kien inqas minn 18 % u inqas minn 24 %, rispettivament. |
|
(40) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati. |
2.7. Imminar tal-effetti ta’ rimedju tad-dazju
|
(41) |
Għall-valutazzjoni tal-imminar possibbli tal-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet u l-volumi tal-esportazzjoni rrapportati mill-Eurostat. Il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż kif stabbilit fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-2019, mal-prezzijiet CIF medji ponderati tal-esportazzjoni, aġġustati kif xieraq biex jinkludu d-dazji doganali konvenzjonali u l-kostijiet ta’ wara l-iżdoganar, fejn id-differenza hija l-livell ta’ bejgħ taħt il-prezz. |
|
(42) |
Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera l-eżistenza ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 29 %. |
|
(43) |
Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet li l-kwantitajiet esportati u li nstabu li qed jevitaw il-miżuri eżistenti huma sinifikanti, billi jirrappreżentaw kważi 14 % tal-volum totali tal-importazzjonijiet ta’ rombli żgħar matul il-perjodu ta’ rapportar. |
|
(44) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti huma mminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja soġġetti għal din l-investigazzjoni. |
2.8. Evidenza ta’ dumping
|
(45) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit fl-aħħar rieżami ta’ skadenza għall-prodott simili. |
|
(46) |
Sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet tal-esportazzjoni mit-Tajlandja, il-Kummissjoni użat il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ rombli żgħar matul il-perjodu ta’ rapportar, kif irrapportat mill-Eurostat. Għall-fini ta’ tqabbil ġust, bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ingħataw konċessjonijiet ġusti, fil-forma ta’ aġġustamenti, għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni stabbiliti b’dan il-mod kienu taħt il-valur normali kif stabbilit fl-aħħar rieżami ta’ skadenza, ħaġa li wriet l-eżistenza ta’ dumping. |
3. MIŻURI
|
(47) |
Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li qed ikun hemm ċirkomvenzjoni fuq id-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ rombli żgħar li joriġinaw mir-RPĊ permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. |
|
(48) |
Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. |
|
(49) |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżura li għandha tiġi estiża jenħtieġ li tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li hija dazju anti-dumping definittiv ta’ 35,6 % applikabbli għall-prezz tas-CIF nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali. |
|
(50) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, li jistipula li jenħtieġ li kull miżura estiża tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, id-dazju anti-dumping jenħtieġ li jinġabar fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott li qed jiġi investigat. |
4. DIVULGAZZJONI
|
(51) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stidnithom jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(52) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu fojl tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju bi ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar milli rrumblat, sew jekk imbuzzat u sew jekk le, b’rombli ta’ piż baxx ta’ mhux aktar minn 10 kg, ikkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7607111111 u 7607191011).
2. Id-dazju estiż bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2161 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.
3. L-ammont ta’ dazji anti-dumping li għandu jinġabar b’mod retroattiv għandu jkun dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping ta’ 35,6 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2161.
Artikolu 3
1. It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
|
Uffiċċju ta’ Direttorat G: |
|
CHAR 04/39 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
2. F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 217/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 11).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu fojl tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2161 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 42).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2162 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 fuq importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 48).
(6) Id-data dwar l-importazzjoni ppreżentata f’dan ir-Regolament ma tistax titqabbel bħala tali mad-data ppubblikata wara l-investigazzjoni oriġinali jew tar-rieżami. L-investigazzjoni ta’ qabel użat data relatata mal-EU28, inkluż ir-Renju Unit, filwaqt li l-investigazzjoni attwali tinkludi biss l-EU27 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-2020.
(7) Il-kwantitajiet tal-istokk tal-fojl ġew adattati, sa fejn kien possibbli, biex jirriflettu l-istokk tal-fojl li fil-fatt jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ fojl tal-aluminju domestiku, u mhux, pereżempju, għall-industrija tal-istampar, abbażi tad-deskrizzjonijiet tal-prodotti speċifiċi fil-GTA.
(8) L-applikant ipprovda informazzjoni dwar investigazzjoni li għaddejja mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. Skont l-applikant, din l-investigazzjoni rigward iċ-ċirkomvenzjoni tad-dazji anti-dumping irriżultat f’penali għal żewġ produtturi esportaturi Tajlandiżi. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-OLAF, attwalment l-ebda informazzjoni oħra ma hija disponibbli pubblikament.
(9) Pereżempju , http://en.wohler.com.cn/index.php/News/view/id/6.html.
(10) Kopja tal-paġna web li ssemmi d-dazji anti-dumping ġiet ipprovduta mill-applikant fl-Anness 5 tat-talba. Il-verżjoni attwali tas-sit web, li ma għadhiex issemmi l-evitar tad-dazji anti-dumping, hija disponibbli hawnhekk: http://en.wohler.com.cn/index.php/News/view/id/6.html (aċċessata l-aħħar fit-23 ta’ Frar 2021). Ta’ min jinnota li l-paġna ta’ LinkedIn tal-kumpanija xorta ssemmi: “Il-fabbrika tat-Tajlandja ġiet stabbilita biex tiġi eliminata r-rata anti-dumping tas-swieq Ewropej u Indjani.” (https://www.linkedin.com/company/qingdao-wohler-household-products-co-ltd/about/, aċċessat l-aħħar fil-25 ta’ Frar 2021). Barra minn hekk, sit web ieħor isemmi “biex insolvu l-problema tad-dazju anti-dumping, bnejna fabbrika oħra fit-Tajlandja”: https://tigerhuang923.en.ec21.com/company_info.html (aċċessat l-aħħar fil-25 ta’ Mejju 2021). Kumpanija Tajlandiża oħra ssemmi wkoll il-fatt li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja huma ħielsa minn dazji anti-dumping: https://www.top-ranking.com.cn/news/view?id=1792⟨=en (aċċessat l-aħħar fil-25 ta’ Frar 2021).