KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑145/24 P
BdM Banca SpA, li kienet Banca Popolare di Bari SpA
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani favur Banca Tercas – Intervent tal-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Protezzjoni tad-Depożiti, l-Italja) (FITD) sabiex jiġi kopert it-telf ta’ Banca Tercas u jiġi sostnut il-bejgħ tiegħu lil Banca Popolare di Bari – Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 li tiddikjara l-miżura bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Deċiżjoni annullata permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167) – Sentenza kkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154) – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Terminu ta’ preskrizzjoni – Kunċett ta’ ‘ksur suffiċjentement serju’ tad-dritt tal-Unjoni – Rabta kawżali”
Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tal-appell tagħha, BdM Banca S.p.A., li kienet Banca Popolare di Bari SpA (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Banca Popolare di Bari vs Il‑Kummissjoni (T‑415/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:833), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu kkawżat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat‑23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tercas”) ( 2 ). |
|
2. |
Dan l-appell jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina aspetti klassiċi relatati mal-kawżi għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bħal, qabelxejn, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tad-distinzjoni bejn dannu “immedjat” u “kontinwu”, sussegwentement, l-eventwali klassifikazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE bħala “suffiċjentement serju” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat, f’dan il-każ tal-Kummissjoni, u d-dannu allegatament imġarrab mill-appellanti, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ kawżi potenzjali konkomitanti ta’ dan id-dannu. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata
|
3. |
Permezz tad-deċiżjoni Tercas, il-Kummissjoni qieset li l-intervent, awtorizzat fis‑7 ta’ Lulju 2014 mill-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja), tal-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Protezzjoni tad-Depożiti, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“FITD”) favur Banca Tercas (iktar ’il quddiem “Tercas”) ( 3 ) li l-assi kollha tagħha kienu miżmuma mill‑1 ta’ Ottubru 2014, mill-appellanti, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tagħha ( 4 ). Fl‑4 ta’ Frar 2016, il-FITD wettaq “intervent volontarju” favur Tercas u, fl‑14 ta’ Lulju 2016, l-appellanti ngħaqdet permezz ta’ assorbiment ma’ Tercas. |
|
4. |
Permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il‑Kummissjoni ( 5 ), ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et ( 6 ) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi Tercas”), id-deċiżjoni Tercas ġiet annullata. Wara dawn is-sentenzi, l-appellanti talbet lill-Kummissjoni kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni Tercas, talba li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni. |
|
5. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti intiż sabiex jinkiseb kumpens għal dawn id-danni. Wara li kkonstatat li l-kundizzjonijiet dwar l-illegalità tal-aġir u l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma kinux issodisfatti ( 7 ) din ikkonkludiet li dan ir-rikors kellu jiġi miċħud, mingħajr ma kien neċessarju li tiġi eżaminata l-kundizzjoni marbuta mar-realtà tad-dannu ( 8 ). |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
6. |
Fis‑26 ta’ Frar 2024, l-appellanti ppreżentat appell mis-sentenza appellata. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, minn naħa, tannulla s-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, prinċipalment, tiddeċiedi definittivament il-kawża kif ukoll li tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallasha s-somma ta’ EUR 203.3 miljuni bħala kumpens għad-danni materjali u ammont xieraq bħala kumpens għad-danni morali, kif ukoll li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
7. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat fl-intier tiegħu jew, sussidjarjament, li tiċħad it-talba għal kumpens bħala totalment infondata, kif ukoll li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
|
8. |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu fis-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2025. |
Analiżi
|
9. |
L-appell huwa bbażat fuq tliet aggravji, li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, il-preskrizzjoni tal-azzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ wieħed mill-kapijiet ta’ danni; it-tieni wieħed, il-klassifikazzjoni tal-allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE bħala “suffiċjentement serju” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; u, it-tielet wieħed, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ilmentat fil-konfront tal-Kummissjoni u d-danni allegatament imġarrba mill-appellanti fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
Fuq l-ewwel aggravju tal-appell
|
10. |
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli sa fejn kien jirrigwarda d-dannu relatat mat-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li dan id-dannu kien ikkonkretizza ruħu waqt l-adozzjoni tal-pjan ta’ inċentiv implimentat fit‑30 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ inċentiv”) ( 9 ) u kien ta’ natura istantanja ( 10 )filwaqt li, fir-realtà, l-imsemmi dannu ma jirriżultax minn dan il-pjan iżda minn operazzjonijiet ulterjuri li wasslu għat-tnaqqis konkret tan-numru ta’ impjegati u għalhekk huwa ta’ natura kontinwa ( 11 ). |
|
11. |
Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti f’ħames snin li jibdew jiddekorru minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom ( 12 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-terminu jibda jiddekorri meta l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens ikunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza ruħu d-dannu li għandu jiġi kkumpensat ( 13 ). Għalhekk, l-imsemmi terminu jibda jiddekorri mhux mid-data tal-fatt dannuż, iżda mill-mument li fih id-dannu effettivament seħħ fil-konfront tal-persuni kkonċernati ( 14 ). |
|
12. |
Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrileva li d-dannu bbażat fuq it-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati kien jirriżulta mill-pjan ta’ inċentiv, li ġie stabbilit fit‑30 ta’ Diċembru 2015, u għalhekk li t-terminu ta’ preskrizzjoni skada meta l-appellanti ressqet it-talba tagħha quddiem il-Kummissjoni, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet speċifiċi dwar in-natura tad-dannu inkwistjoni. |
|
13. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, sa fejn il-pjan ta’ inċentiv kellu natura vinkolanti, l-allegat dannu immaterjalizza ruħu fid-data tiegħu ( 15 ), il-fatt li dan il-pjan ġie eżegwit b’mod iddifferit fiż-żmien huwa irrilevanti ( 16 ). Fil-fatt, “dannu kontinwu” għandu jinftiehem bħala dannu li ma jseħħx matul avveniment wieħed, iżda li jidher u li jiżviluppa progressivament, li d-daqs tiegħu jiżdied proporzjonalment maż-żmien li jkun għadda ( 17 ). Fi kliem ieħor, il-kawża tad-dannu ma hijiex ikkostitwita minn avveniment wieħed iżda minn sitwazzjoni li tippersisti, filwaqt li, f’dan il-każ, id-dannu allegat jibqa’ fiss sa mill-adozzjoni tal-pjan ta’ inċentiv. |
|
14. |
Huwa minnu li, fid-data tal-adozzjoni tal-pjan ta’ inċentiv, l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkwantifika l-ammont eżatt tad-dannu, li seta’ jvarja skont is-suċċess jew il-falliment ta’ dan il-pjan. Madankollu, f’din id-data, hija setgħet tevalwa l-ammont massimu tad-dannu allegat u li talloka r-riżorsi meħtieġa sabiex tiġi affrontata din l-eventwalità. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma jipprekludix li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kkonstatata bħala prinċipju r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba danni imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk id-dannu jkun għadu ma jistax jiġi kkalkolat bi preċiżjoni ( 18 ). |
|
15. |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies, bħal ma tagħmel l-appellanti, li d-dannu allegat beda jimmanifesta ruħu “mill-ewwel ħlas” jew li l-effetti tiegħu kienu jseħħu progressivament hekk kif l-impjegati jaċċettaw il-pjan ta’ inċentiv, madankollu dawn iċ-ċirkustanzi ma jimplikawx li dan id-dannu jista’ jiġi kklassifikat bħala “kontinwu”. Fil-fehma tiegħi, f’tali sitwazzjoni, minn naħa, l-ebda bażi legali ma tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-ewwel ħlas u dawk segwenti ( 19 ) u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi dannu jikkonsisti pjuttost f’numru ta’ danni marbuta mal-aċċettazzjonijiet suċċessivi mill-impjegati tal-pjan ta’ inċentiv, fejn kull wieħed minnhom huwa suġġett għat-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu stess. |
|
16. |
F’dan ir-rigward, madankollu, kif tirrileva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-appellanti ddefinixxiet it-talba tagħha għal kumpens billi rreferiet għall-fond inkluż fil-bilanċ kontabbli tal‑31 ta’ Diċembru 2015 u ma pproduċiet ebda prova dwar id-diversi mumenti meta l-impjegati aċċettaw il-pjan ta’ inċentiv propost mill-appellanti. |
|
17. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
|
18. |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet li l-aġir illegali tal-Kummissjoni kien jikkostitwixxi “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni u ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-ksur gravi u manifest ta’ dan id-dritt. Skont l-appellanti, minn naħa, il-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tevalwa jekk l-intervent tal-FITD favur Tercas kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, fi kwalunkwe każ, kellha marġni ta’ evalwazzjoni mnaqqas u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità fattwali u legali tal-kawża li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Tercas jew, fi kwalunkwe każ, kellha teskludi din il-kumplessità f’dan il-każ. |
|
19. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja l-iżball ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni ( 20 ) hija ma kinitx wettqet ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li l-irregolarità mwettqa minnha ma kinitx estranja għall-aġir normali, prudenti u diliġenti ta’ istituzzjoni inkarigata li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 21 ). |
|
20. |
Preliminarjament, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jiġi stabbilit meta dan jimplika ksur manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha ( 22 ). Għalhekk, l-identifikazzjoni ta’ tali ksur tippreżupponi l-konstatazzjoni ta’ irregolarità li kieku ma tkunx twettqet, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ( 23 ). |
|
21. |
Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni għandux jitqies li huwa suffiċjentement serju, għandu jsir riferiment għall-qasam, għall-kundizzjonijiet kif ukoll għall-kuntest li fih tintervjeni l-istituzzjoni, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li din ir-regola tħalli lill-awtorità tal-Unjoni, il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi kif ukoll in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ eventwali żball ta’ liġi ( 24 ). |
|
22. |
F’dan ir-rigward, il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li d-dispożizzjoni legali miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni hija biss element wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-awtorità wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ din ir-regola. Jekk dan ikun element rilevanti, li għandu jiġi eżaminat fil-każijiet kollha, l-assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni mħolli mid-dispożizzjoni miksura ma għandhiex neċessarjament bħala konsegwenza li l-ksur tagħha huwa suffiċjentement serju. Fil-fatt, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, fid-dawl tal-kuntest li fih twettaq il-ksur ikkonstatat. Għalhekk, il-ksur ta’ dispożizzjoni legali li ma tħalli ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kkonċernata jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, ma jidhirx manifest, u għalhekk suffiċjentement serju, b’mod partikolari jekk jirriżulta minn żball ta’ liġi skużabbli fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-test li jinkludi din ir-regola ( 25 ). |
|
23. |
Konsegwentement, il-kriterju ta’ responsabbiltà applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi, minn naħa, element suġġettiv li jikkonċerna l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, elementi oġġettivi relatati mal-kuntest ( 26 ). Jekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju meta r-regola miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni li wettqet dan il-ksur marġni ta’ evalwazzjoni mnaqqas biss, jew saħansitra ineżistenti ( 27 ), tali konstatazzjoni tista’ tirriżulta biss miċ-ċirkustanzi kollha madwar dan il-ksur, meta l-eżami tagħhom ma jiżvela ebda element rilevanti ieħor li jwassal sabiex tiġi eskluża n-natura manifesta u gravi tal-ksur ta’ dan il-limitu tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ( 28 ). |
|
24. |
F’dan il-każ, ġie deċiż, fis-sentenzi Tercas, li l-illegalità tad-deċiżjoni Tercas kienet tirriżulta, essenzjalment, minn żewġ żbalji kunċettwali marbuta, l-ewwel wieħed, ma’ konfużjoni bejn il-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà ta’ għajnuna u dik dwar ir-riżorsi tal-Istat ( 29 ) u, it-tieni wieħed, dwar l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-imputabbiltà lill-Istat tal-għajnuna, mogħtija f’dan il-każ minn entità privata, permezz tal-istess test applikat meta għajnuna tingħata minn impriża pubblika ( 30 ). |
|
25. |
Fl-ewwel lok, rigward il-konfużjoni bejn il-kundizzjoni relatata mal-imputabbiltà ta’ għajnuna u dik relatata mar-riżorsi tal-Istat, nikkonstata li, fid-deċiżjoni Tercas, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet peress li l-indizji marbuta ma’ dawn il-kundizzjonijiet kienu, skont hi, identiċi. |
|
26. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li ma huwiex inabitwali li l-Kummissjoni, bħall-qorti tal-Unjoni, tevalwa b’mod konġunt uħud mill-kriterji li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, meta l-elementi fattwali eżaminati jkunu komuni għal dawn il-kundizzjonijiet ( 31 ). Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-kundizzjonijiet relatati mal-vantaġġ għall-benefiċjarju u tas-selettività tal-miżura (pereżempju fir-rigward tal-għajnuna fiskali) ( 32 ), il-kundizzjonijiet għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 33 ) u, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tal-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat u tal-użu ta’ riżorsi statali ( 34 ). |
|
27. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat, huwa minnu li, kif jirriżulta mis-sentenzi Tercas ( 35 ) il-Kummissjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tibbaża ruħha fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ influwenza u kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq il-FITD, iżda kienet obbligata tistabbilixxi li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi. Skont il-qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni, essenzjalment, applikat test żbaljat. |
|
28. |
Minkejja dan, inqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni kellha teżamina sensiela kumplessa ta’ indizji sabiex tistabbilixxi l-grad ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti tal-miżuri li kienu ġew ipprovduti minn entità, bħall-FITD, li n-natura “privata” tiegħu ma kinitx evidenti mad-daqqa ta’ għajn, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura ibrida tiegħu u tar-rabtiet li huwa kellu mal-Bank tal-Italja ( 36 ). Għalhekk, kif ġustament ammettiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha tapplika l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE f’kuntest ġuridiku u fattwali partikolarment kumpless, li fih il-miżuri ta’ għajnuna kienu ngħataw minn entità privata, u b’hekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi u l-elementi li jippermettu li tiġi dedotta l-imputabbiltà tal-miżura, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-miżuri nazzjonali koperti mid-deċiżjoni Tercas, l-involviment tar-rappreżentanti tal-Istat fid-diversi stadji tal-intervent kif ukoll il-mandat pubbliku mogħti lill-FITD. |
|
29. |
Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jikkostitwixxi kunċett oġġettiv, l-interpretazzjoni tal-kriterji kostituttivi tiegħu tista’, anki meta ma teħtieġx analiżi fattwali jew ekonomika kumplessa ( 37 ), tqajjem, bħal f’dan il-każ, kwistjonijiet legali kumplessi ( 38 ). Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni, l-eżami tal-fatti jista’, min-natura tiegħu stess, iwassal għal diffikultajiet fl-interpretazzjoni u, fuq kollox, fl-applikazzjoni tal-kunċetti ġuridiċi sottostanti kif ukoll iwassal għal żbalji kunċettwali bħal dawk attribwiti lill-Kummissjoni f’dan il-każ ( 39 ). |
|
30. |
Għaldaqstant, inqis li, anki jekk il-Kummissjoni kellha, f’dan il-każ, marġni ta’ evalwazzjoni mnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, il-kumplessità tas-sitwazzjoni eżaminata minnha tibqa’ rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk din l-istituzzjoni wettqitx ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ). Għaldaqstant, il-kriterju rilevanti, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju”, jibqa’, fi kwalunkwe każ, dak tal-aġir ta’ amministrazzjoni diliġenti. |
|
31. |
Minn dan isegwi li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni f’dan il-każ jistgħu jiġu kklassifikati bħala “sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni”, li ma jistgħux ikunu suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur manifest u gravi tad-dritt tal-Unjoni – jew, fi kliem ieħor, irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti – ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni ( 41 ). |
|
32. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li t-tieni aggravju jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju
|
33. |
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 91(e) u tal-Artikolu 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar ikkonkludiet li ma teżistix rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-danni allegati, jiġifieri deterjorament tal-fiduċja tal-klijentela fir-rigward tagħha ( 42 ). |
|
34. |
Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali tirrigwarda, essenzjalment, l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li għandha tiġi ppruvata mill-appellanti, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu ( 43 ). |
|
35. |
F’dan il-każ l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, talli ddeċidiet, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u l-kapijiet ta’ dannu relatati mat-telf ta’ klijentela, li hija ma kinitx għamlet distinzjoni bejn il-klijenti tagħha stess minn dawk ta’ Tercas u lanqas ma ppreċiżat il-valuri attribwibbli lil kull wieħed minnhom. |
|
36. |
Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tikkonstata li din ma kinitx għamlet distinzjoni bejn il-klijentela tagħha stess u dik ta’ Tercas, iżda ddeċidiet li hija lanqas ma kienet ippreżentat argumenti speċifiċi intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf ta’ klijentela u ta’ depożiti diretti ta’ Tercas kinux imputabbli għad-deċiżjoni Tercas ( 44 ), ħaġa li l-appellanti ma kkontestatx. |
|
37. |
Fi kwalunkwe każ, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-klijenti tal-appellanti, li kkawżaw id-dannu allegat, kienu ġew adottati fil-kuntest ta’ kunsiderazzjonijiet u ta’ evalwazzjonijiet imwettqa minn dawn tal-aħħar fid-dawl tal-interessi finanzjarji tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ġejjin: l-ewwel, il-klijenti tal-appellanti ma kellhom ebda obbligu ġuridiku li jirriżulta mid-deċiżjoni Tercas; sussegwentement, din id-deċiżjoni ma kienet tinkludi ebda element li kien jissuġġerixxi li l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta miżuri alternattivi favur Tercas jew intiżi li jnaqqsu l-kredibbiltà tal-appellanti u l-fiduċja tal-klijenti tagħha fil-konfront tagħha; fl-aħħar nett, sa mit-tħabbir tad-deċiżjoni Tercas, il-Gvern Taljan u l-appellanti kienu indikaw li miżuri ta’ intervent volontarji kienu diġà lesti u, konsegwentement, mid-deċiżjoni Tercas ma jirriżulta ebda effett negattiv ( 45 ). |
|
38. |
F’dan ir-rigward, l-appellanti tillimita ruħha li tikkritika l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma turi li dawn huma bbażati fuq żball ta’ liġi jew fuq żnaturament tal-fatti jew tal-provi. |
|
39. |
Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li b’mod żbaljat irreferiet għas-sentenza Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni ( 46 ). |
|
40. |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali rreferiet għal din is-sentenza biss sabiex tiċħad l-argument tal-appellanti li din tikkonferma l-pożizzjoni tagħha u kkonkludiet li l-imsemmija sentenza ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali. Għaldaqstant, il-kritika fformulata mill-appellanti ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hijiex ibbażata fuq din is-sentenza. |
|
41. |
Fit-tielet lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat li diversi elementi kkontribwixxew sabiex jiġu kkawżati d-danni allegati. |
|
42. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa neċessarju li d-dannu invokat ikun ġie effettivament ikkawżat mill-aġir li bih huma kkritikati l-istituzzjonijiet. Fil-fatt, anki fl-ipoteżi ta’ eventwali kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għad-dannu li għalih qed jintalab il-kumpens, din il-kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba fatturi oħra, bħar-responsabbiltà li taqa’ fuq terzi jew, jekk ikun il-każ, fuq ir-rikorrenti ( 47 ). Minbarra dan, jekk il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-fatt li ħoloq id-dannu u d-dannu tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi u taqa’, f’dan ir-rigward, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 48 ), l-evalwazzjoni fattwali tar-rabta kawżali applikata mill-Qorti Ġenerali tevita, min-naħa l-oħra, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi ( 49 ). Tali żnaturament ma jistax jitqies ħlief meta tirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess u mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, li l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 50 ). |
|
43. |
F’dan il-każ, l-appellanti tikkontesta erba’ mill-ħames elementi li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 144 sa 149 tas-sentenza appellata, sabiex tiċħad l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegat, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta’ telf inkluż fil-bilanċ kontabbli tal‑2015; it-tieni, l-assenza ta’ informazzjoni lill-investituri, li wasslet għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u ta’ investigazzjonijiet kriminali; it-tielet, il-fatt li Tercas kienet diġà bank inadempjenti matul is-sena 2013, u, ir-raba’, il-fatt li l-ispejjeż iġġenerati mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-allegati effetti negattivi tad-deċiżjoni Tercas ma kinux imputabbli għal din id-deċiżjoni ( 51 ). |
|
44. |
Preliminarjament, inqis li, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellanti, l-effett ta’ kawżi potenzjali konkomitanti ma huwiex neċessarjament limitat għall-kwantifikazzjoni tal-kumpens iżda jista’, jekk ikun il-każ, jaffettwa l-eżistenza stess ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat. |
|
45. |
L-ewwel, fir-rigward tat-telf inkluż fil-bilanċ kontabbli għas-sena 2015, l-appellanti ssostni li, skont l-esperti tagħha stess, dan it-telf seta’ jikkontribwixxi l-iktar l-iktar għal parti mit-telf tal-klijentela, li dawn l-esperti jikkalkolaw f’50 % ( 52 ). Madankollu, hija ma turix li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn użu ħażin tal-fatti jew tal-provi u lanqas ma tikkontesta l-elementi l-oħra tal-kuntest meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri, qabelxejn, il-fatt li, mal-akkwist ta’ Tercas matul is-sena 2014, l-indikaturi finanzjarji tal-appellanti ma kinux waqfu jiddeterjoraw u li t-tnaqqis tal-valur unitarju tal-azzjonijiet miżmuma minnha, deċiż bħala tweġiba u fl-istess ħin mal-approvazzjoni tar-rapport annwali tal-appellanti għas-sena 2015 (b’mod iktar preċiż, fl‑24 ta’ April 2016), kien wassal għal skuntentizza tal-klijentela tagħha ( 53 ); sussegwentement, il-konstatazzjoni li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni Tercas, b’mod partikolari bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2014 u Diċembru 2015, l-appellanti kienet diġà tilfet 4.9 % tad-depożiti diretti tagħha ( 54 ), fl-aħħar nett, il-fatt li r-riforma tal-banek kooperattivi, li l-appellanti stess identifikat bħala waħda mir-raġunijiet li għalihom hija kellha tirrevedi l-pjan industrijali tagħha 2015‑2019 u tissostitwixxih bi pjan ġdid 2016‑2020, ikkontribwixxiet ukoll sabiex titnaqqas il-fiduċja tal-klijentela tagħha ( 55 ). |
|
46. |
It-tieni, fir-rigward tal-fatt li, skont l-appellanti, is-sanzjonijiet imposti fuq it-tmexxija tagħha kienu ġew adottati wara li seħħ id-dannu invokat, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sabet li mid-deċiżjonijiet tal-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kumpanniji u tal-Borża, l-Italja) jirriżulta li, fil-kuntest taż-żidiet fil-kapital li seħħew bejn ix-xhur ta’ Novembru 2014 u ta’ Ġunju 2015, l-appellanti ma kinitx informat lill-investituri bil-metodu applikat u b’hekk kienet iffissat il-prezz tal-azzjonijiet f’livell ogħla minn dak stabbilit mill-espert inkarigat li jiddeterminah, b’tali mod li l-amministrazzjoni tal-appellanti kienet is-suġġett ta’ sanzjonijiet amministrattivi u ta’ investigazzjonijiet kriminali mis-sena 2017 ( 56 ). Għaldaqstant, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, dawn is-sanzjonijiet, adottati wara l-perijodu allegat ta’ twettiq tad-dannu, kienu sempliċement jikkonfermaw l-aġir preċedenti tal-appellanti, li probabbilment kien il-kawża tat-telf ta’ fiduċja tal-klijentela tagħha. |
|
47. |
It-tielet, fir-rigward tal-inadempjenza preċedenti ta’ Tercas ( 57 ), l-appellanti ssostni li din l-inadempjenza ma setgħetx tirrappreżenta kawża determinanti tad-dannu inkwistjoni, peress li din kienet tikkostitwixxi ċirkustanza magħrufa għal żmien twil u li, minħabba dan l-istat ta’ inadempjenza, il-proċess ta’ integrazzjoni ta’ Tercas fi ħdan l-appellanti kien ġie ppreċedut, sa mis-sena 2014, mhux biss minn kopertura sħiħa tad-defiċit finanzjarju ta’ Tercas mill-FITD, iżda wkoll minn interventi addizzjonali ta’ konsolidazzjoni tal-fondi proprji kemm ta’ Tercas kif ukoll tal-appellanti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma jurux li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Tercas ma kinitx inadempjenti, u lanqas li l-Qorti Ġenerali għamlet distorsjoni tal-fatti jew tal-provi f’dan ir-rigward. |
|
48. |
Ir-raba’, fir-rigward tal-ispejjeż iġġenerati mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-allegati effetti negattivi tad-deċiżjoni Tercas ( 58 ), l-appellanti ma wrietx li, kieku din id-deċiżjoni ma kinitx ittieħdet, ma kienx ikun hemm tnaqqis tad-depożiti jew telf ta’ klijentela, u lanqas li l-miżuri korrettivi kienu ġew effettivament adottati bi tweġiba għal telf speċifikament marbut mal-imsemmija deċiżjoni u mhux ma’ ċirkustanzi oħra. |
|
49. |
Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li ma kinux affidabbli r-rapporti tekniċi li hija kienet ipproduċiet, jiġifieri wieħed minn uffiċċju tal-awditu, l-ieħor minn professur universitarju, mingħajr ma ordnat perizja fis-sens tal-Artikolu 91(e) u tal-Artikolu 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
50. |
Madankollu, nikkonstata li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tikkontesta l-affidabbiltà ta’ dawn ir-rapporti. Għall-kuntrarju, hija qieset, l-ewwel, li r-rapport tekniku tal-uffiċċju tal-awditu ma kienx jipproduċi l-prova li d-deċiżjoni Tercas kienet il-kawża diretta u determinanti ta’ dan id-dannu; it-tieni, li l-affidabbiltà tar-rapport tekniku tal-professur universitarju kienet imdgħajfa mill-fatt li dan kien jammetti huwa stess li l-appellanti kienet ġarrbet telf sinjifikattiv matul is-sena 2015 u li, sa mill-aħħar tas-sena 2016, id-deċiżjoni Tercas kienet tikkostitwixxi biss fattur fost oħrajn li kkawża d-dannu allegat; u, it-tielet, li dawn iż-żewġ rapporti, li barra minn hekk kienu bbażati fuq dokumenti prodotti mill-appellanti, ma kienu jinkludu ebda analiżi legali dwar ir-rabta kawżali bejn id-deċiżjoni Tercas u d-dannu allegat ( 59 ). |
|
51. |
Fi kwalunkwe każ, jidhirli, għal darba oħra, li r-rikorrenti sempliċement tikkontesta l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi tipproponi evalwazzjoni ġdida, mingħajr madankollu ma turi, u lanqas tinvoka, l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi. |
|
52. |
Barra dan, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali kienet warrbet ir-rapporti tekniċi inkwistjoni mingħajr ma ordnat perizja, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-opportunità li tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, li ma hijiex obbligata tagħmel dan meta tiddeċiedi li l-provi prodotti mill-partijiet ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tar-rabta kawżali. |
|
53. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li t-tielet aggravju jiġi miċħud. |
Konklużjoni
|
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2016, L 203, p. 1.
( 3 ) L-intervent tal-FITD kien jinkludi tliet miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri, l-ewwel, kontribuzzjoni ta’ EUR 265 miljun intiża sabiex tkopri l-ekwità negattiva ta’ Tercas, it-tieni, garanzija ta’ EUR 35 miljun intiża sabiex tkopri r-riskju ta’ kreditu marbut ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas u, it-tielet, garanzija ta’ EUR 30 miljun intiża sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trattament fiskali tal-ewwel miżura.
( 4 ) Matul is-sena 2012, wara irregolaritajiet identifikati mill-Bank tal-Italja, Tercas tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja mill-Gvern Taljan. Wara l-intervent tal-FITD, din il-miżura tneħħiet u saru diversi żidiet fil-kapital, b’mod partikolari, mill-appellanti sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Tercas.
( 5 ) T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tercas tal-Qorti Ġenerali, EU:T:2019:167.
( 6 ) C‑425/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tercas tal-Qorti tal-Ġustizzja, EU:C:2021:154.
( 7 ) Minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonstatat li l-Artikolu 107(1) TFUE, invokat mill-appellanti f’dan il-każ, kellu jiġi kklassifikat bħala “regola li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi” (punti 76 sa 96 tas-sentenza appellata), ikkonkludiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju ta’ din ir-regola (punti 101 sa 125 ta’ din is-sentenza). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u d-danni allegati (punti 126 sa 161 tal-imsemmija sentenza).
( 8 ) Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-azzjoni kienet preskritta f’dak li jirrigwarda wieħed mill-kapijiet tad-danni invokati mill-appellanti, jiġifieri dak marbut mad-dannu bbażat fuq it-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati (punt 61 tas-sentenza appellata).
( 9 ) Dan kien, b’mod iktar partikolari, ftehim konkluż bejn l-appellanti u l-organizzazzjonijiet sindakali dwar pjan ta’ inċentiv għat-tluq, intiż għall-persunal impjegat, sabiex jitnaqqas in-numru ta’ impjegati bi 85 persuna.
( 10 ) Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien skada meta l-appellanti ressqet it-talba tagħha minn qabel quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 61 u 68 tas-sentenza appellata).
( 11 ) Skont l-appellanti, id-dannu inkwistjoni ma kienx immedjatament perċepibbli meta ġie konkluż il-pjan ta’ inċentiv (it‑30 ta’ Diċembru 2015), peress li, f’din id-data, kien possibbli biss li jiġi stmat l-ammont tal-oneru li għandu jiġi sostnut (li ngħata b’mod antiċipat matul is-sena finanzjarja 2015), filwaqt li l-ħlasijiet kienu saru f’data sussegwenti, jiġifieri sa fejn l-impjegati aċċettaw dan il-pjan propost mill-appellanti. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa, fil-fehma tiegħi, ammissibbli, sa fejn l-appellanti ma għandhiex l-intenzjoni li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-provi u tal-fatti mill-Qorti Ġenerali (mingħajr ma tinvoka żnaturament tal-fatti) iżda tikkontesta l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, peress li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikklassifikat l-allegat dannu bħala “istantanju” iżda mhux bħala “kontinwu”.
( 12 ) Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, dan it-terminu għandu l-funzjoni, minn naħa, li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, peress li din għandu jkollha żmien suffiċjenti sabiex tiġbor informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ rikors eventwali, u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li din il-persuna tkun tista’ ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni. Il-Qorti Ġenerali ċċitat, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill (T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 29), kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 30) u tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni (C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 60).
( 15 ) Fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, l-appellanti rrikonoxxiet, essenzjalment, li l-oneru relatat ma’ dan il-pjan ġie “evalwat b’mod puntwali u antiċipat għas-sena finanzjarja 2015”, filwaqt li ġie “imġarrab matul is-snin segwenti”.
( 16 ) Barra minn hekk, l-appellanti ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet fil-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu abbażi ta’ ammont ipprovdut fil‑31 ta’ Diċembru 2015.
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni (C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll Baranowska, N., Machnikowski, P., “European Union”, Prescription in tort law: analytical and comparative perspectives, Intersentia, Cambridge, 2020, p. 706; kif ukoll Dimitrova, Y., u Picod, F., “La prescription dans l’action en responsabilité contre l’Union européenne”, Revue des affaires européennes, 2021, Nru 4, p. 858.
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni (C‑460/09 P, EU:C:2012:632, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Nosserva, barra minn hekk, speċi ta’ kontradizzjoni fl-argumenti mressqa mill-appellanti, li, wara li sostniet li d-dannu inkwistjoni ma setax jiġi kkalkolat, iżda sempliċement stmat waqt il-konklużjoni tal-pjan ta’ inċentiv, issostni li d-dannu allegat beda jipproduċi l-effetti tiegħu biss mill-ewwel ħruġ tal-flus, jiġifieri f’data li fiha dan id-dannu lanqas ma seta’ jiġi kkalkolat b’mod definittiv.
( 20 ) Skont il-Qorti Ġenerali, l-illegalità tad-deċiżjoni Tercas kienet tirriżulta minn żball kunċettwali marbut ma’ konfużjoni bejn il-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà ta’ għajnuna u fir-rigward tar-riżorsi tal-Istat kif ukoll minn nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi u ssostni indizji suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu li l-miżura inkwistjoni kienet imputabbli lill-Istat (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 115 tas-sentenza appellata).
( 21 ) Ara l-punti 114 sa 123 tas-sentenza appellata.
( 22 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Dyson et vs Il‑Kummissjoni (C‑122/22 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dyson, EU:C:2024:11, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni huwa intiż, tkun xi tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju li jkollhom ibatu d-danni allegati mill-individwi kkonċernati ma jostakolax il-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ portata regolatorja jew li jinvolvu għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tħalli fuq l-individwi l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑KummissjoniT‑429/05, EU:T:2010:60, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara s-sentenza Dyson (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara s-sentenza Dyson (punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara s-sentenza Dyson (punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, Wildemeersch, J., “Section 2 –“Les conditions du recours en responsabilité”, Contentieux de la légalité des actes de l’Union européenne, Brussell, 2019, p. 466 sa 479, kif ukoll Nicolaides, P., “The discretion of competition authorities and their liability for damage they cause with erroneous decisions”, European Competition Law Review, 2024, Vol. 45, Nru 7, p. 308 sa 316.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., et al. EU Procedural Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2023, p. 501. Skont dawn l-awturi, il-kriterju ta’ responsabbiltà applikat mill-qrati tal-Unjoni jinkludi element suġġettiv marbut mas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjoni, il-korp, l-organu jew l-aġenzija, flimkien mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret u n-natura mhux skużabbli jew intenzjonali tal-iżball.
( 27 ) Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni seta’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, f’każ fejn il-Kummissjoni – filwaqt li tkun obbligata tirrimborsa lil impriża l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament, flimkien ma’ interessi moratorji, wara l-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija kienet ikkonstatat li din l-impriża kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE – kienet naqset milli tħallas dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs PrinteosC‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 104 u 105).
( 28 ) Ara s-sentenza Dyson (punt 54). Fi kliem ieħor, ma teżisti ebda rabta awtomatika bejn l-assenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni”. Fil-fatt, minkejja li hija ta’ natura determinanti, il-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kriterju esklużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Fil-punt 70 tas-sentenza Tercas tal-Qorti Ġenerali, din ikkritikat, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma ppruvatx tiddistingwi b’mod ċar, f’dan il-każ, l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat mill-kwistjoni dwar jekk din il-miżura kinitx ingħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet distinti u kumulattivi. Fis-sentenza Tercas tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar dan l-aspett, iżda eżaminat biss il-kundizzjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-awtoritajiet Taljani (ara l-punt 64 ta’ din is-sentenza).
( 30 ) Mill-punti 87 sa 90 tas-sentenza Tercas tal-Qorti Ġenerali, kif ikkonfermati mill-punt 67 tas-sentenza Tercas tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-entità privata li tagħti l-għajnuna, iżda kienet obbligata tesponi u ssostni indizji suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi. Essenzjalment, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ “rabta kapitalistika” bejn l-entità kkonċernata u l-Istat (ara l-punt 73 tas-sentenza Tercas tal-Qorti tal-Ġustizzja).
( 31 ) Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-lista tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tvarja hija stess skont jekk, fiċ-ċirkustanzi, uħud minn dawn l-elementi humiex suġġetti għal evalwazzjoni konġunta. Fuq il-bażi tal-iktar enumerazzjoni ddettaljata, jistgħu jintgħarfu l-elementi li ġejjin: l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat u l-użu tar-riżorsi tal-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); il-vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); is-selettività tal-miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE, C‑558/22, EU:C:2024:209, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 78).
( 34 ) Pereżempju, fis-sentenza Tercas tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ippreċiżat, fit-tfakkir tal-ġurisprudenza tagħha, li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, li l-ewwel waħda minnhom hija “jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat” (ara l-punt 57 ta’ din is-sentenza).
( 35 ) Ara, rispettivament, il-punti 87 sa 89 tas-sentenza Tercas tal-Qorti Ġenerali u l-punti 65 sa 67 tas-sentenza Tercas tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 36 ) Il-FITD kien, skont id-definizzjoni tal-Kummissjoni, entità privata li kellha relazzjoni mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari, permezz tal-formazzjoni tagħha, il-missjoni tagħha, l-organizzazzjoni tagħha, l-oriġini tagħha u l-evoluzzjoni tal-miżura (ara, f’dan is-sens, il-punti 121 sa 131 tad-deċiżjoni Tercas).
( 37 ) Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-applikazzjoni tal-“prinċipju tal-operatur privat” fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni tal-vantaġġ għall-benefiċjarju (ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, bħala eżempju, Merola, M., u Caliento, F., “Is the notion of aid broadening or shrinking over time, and if so, why? A subjective view on the rationale of the case law”, EU State Aid Law, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2020, p. 18 sa 53. Dawn l-awturi jelenkaw diversi eżempji li jenfasizzaw id-diffikultajiet inerenti għad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “riżorsi statali” (ara, b’mod partikolari, p. 26 sa 31), u jikkonstataw ukoll żieda reċenti fil-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.
( 39 ) Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li s-sentenza Tercas ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja sedenti bħala Awla Manja.
( 40 ) Ara l-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni jiġi mċaħħad minn effett utli jekk kull ksur imwettaq mill-Kummissjoni, bħal kull amministrazzjoni pubblika li taġixxi fl-oqsma tal-għarfien espert tagħha, kien biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit.
( 41 ) Sabiex nirrepeti l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati fis-seduta, din hija sitwazzjoni li fiha hija wettqet żball (u, f’dan ir-rigward, għamlet il-“mea culpa” tagħha), iżda li, madankollu, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa mistenni minn amministrazzjoni diliġenti (u li, f’tali ipoteżi, kellha tagħmel il-“mea maxima culpa” tagħha).
( 42 ) Ara l-punti 132 sa 161 tas-sentenza appellata.
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/21 P, EU:C:2023:340, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, Lenaerts, K., et al., EU Procedural Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2023, p. 512 sa 514. Kif jirrilevaw dawn l-awturi, ma teżistix formulazzjoni standard, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, li huwa espress b’modi differenti mill-qorti tal-Unjoni, peress li l-idea prinċipali sottostanti hija li l-Unjoni hija responsabbli biss għad-danni li jikkostitwixxu l-konsegwenza diretta tal-atti jew tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tagħha (ara, ukoll, Wildemeersch, J., “Section 2 - Les conditions du recours en responsabilité”, Contentieux de la légalité des actes de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2019, p. 484 sa 487). Barra minn hekk, ċerti awturi jagħmlu, min-naħa tagħhom, distinzjoni bejn, minn naħa, il-kunċett tal-“kawżalità ta’ fatt”, li jirrispondi għall-kwistjoni dwar jekk l-aġir illegali huwiex “conditio sine qua non” tad-dannu invokat, u, min-naħa l-oħra, il-“kawżalità ta’ dritt”, li timponi rekwiżiti supplimentari sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni għal danni remoti wisq billi jeżiġu li d-dannu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali, li teżisti rabta suffiċjentement diretta bejn l-aġir u d-dannu jew li l-aġir ikun il-kawża determinanti tad-dannu (ara, f’dan is-sens, Biondi, A., u Farley, M., The right to damages in European law, Kluwer Law International, 2009, p. 146 sa 154). Din l-istess distinzjoni ġiet riprodotta fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża WS et vs Frontex (Operazzjoni konġunta ta’ ritorn) (C‑679/23 P, EU:C:2025:427, punti 101 sa 109). Ara wkoll, għal studju komparattiv tal-approċċi differenti tal-kawżalità f’diversi Stati tal-Unjoni Ewropea, Infantino, M., u Zervogianni, E., “The European Ways to Causation”, Causation in European Tort Law, Cambridge University Press, 2017, p. 85 sa 128, kif ukoll Bussani, M., Sebok, A., J., u Infantino, M., “Causation”, Common Law and Civil Law Perspectives on Tort Law, Oxford Academic, edizzjoni online, 2022, p. 177 sa 212.
( 44 ) Ara l-punt 137 tas-sentenza appellata.
( 45 ) Ara l-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata.
( 46 ) Sentenza tas‑27 ta’ April 2023 (C‑549/21 P, EU:C:2023:340). L-appellanti tenfasizza, b’mod partikolari, li, b’differenza mill-kawża li kienet is-suġġett ta’ din is-sentenza, li fiha l-Kummissjoni eżerċitat pressjoni fuq l-awtoritajiet Taljani li ma kinitx tirrigwarda miżura konkreta, f’din il-kawża, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni vinkolanti.
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-kunċett ta’ “rabta suffiċjentement diretta” huwa interpretat b’mod restrittiv mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, kif tikkonferma, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-aġir allegatament illegali tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat kien jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja (conditio sine qua non) għall-okkorrenza tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx iseħħ fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta ta’ kawżalità fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Mejju 2019, Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il‑Kummissjoni, T‑631/16, EU:T:2019:352, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Havu, K., u Kurki-Suonio, S., “Damages Liability of the EU for Harm Caused by Excessive Duration of Court Proceedings”, European Public Law, Vol. 27, 2021, Nru 2, p. 305 sa 330.
( 48 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 192).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Agriconsulting Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑198/16 P, EU:C:2017:784, punt 22).
( 50 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li hija ma spjegatx kif id-deċiżjoni Tercas ipprekludietha milli tattira klijenti ġodda, minkejja li l-intervent volontarju (li ssostitwixxa l-intervent tal-FITD favur Tercas u li ma ġiex awtorizzat b’din id-deċiżjoni) kien diġà ġie deċiż xahrejn wara l-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, niddubita li dan l-element waħdu seta’ jservi ta’ bażi għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kawżi konkomitanti tad-dannu allegat.
( 52 ) B’dan il-mod, l-appellanti stess tammetti l-eżistenza ta’ fattur addizzjonali li seta’ kkontribwixxa għad-dannu allegat.
( 53 ) Ara l-punt 144 tas-sentenza appellata.
( 54 ) Ara l-punt 146 tas-sentenza appellata.
( 55 ) Ara l-punt 153 tas-sentenza appellata.
( 56 ) Ara l-punt 145 tas-sentenza appellata.
( 57 ) Ara l-punt 146 tas-sentenza appellata.
( 58 ) Ara l-punt 149 tas-sentenza appellata.
( 59 ) Ara l-punti 156 u 158 tas-sentenza appellata.