European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3960

24.7.2026

Sejħa għal kontribuzzjonijiet (Nru IX-2027/01)

“KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ”

(C/2026/3960)

WERREJ

A.

Introduzzjoni u qafas ġuridiku 2

B.

L-objettiv tas-sejħa 2

C.

L-iskop, il-kategorija u l-forma ta’ finanzjament 3

D.

Il-baġit disponibbli 3

E.

Ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà għall-applikazzjonijiet għal finanzjament 3

F.

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament 4

F.1.

Il-kriterji ta’ esklużjoni 4

F.2.

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà 4

F.3.

Il-kriterji tal-għoti u d-distribuzzjoni tal-finanzjament 4

G.

Il-kontroll kondiviż mill-Parlament Ewropew u l-Awtorità 4

H.

It-termini u l-kundizzjonijiet 5

I.

L-iskeda ta’ żmien 5

J.

L-iżvelar u l-ipproċessar ta’ data personali 5

K.

Informazzjoni oħra 6

ANNESS —

Formola ta’ Applikazzjoni għal finanzjament 7

A.   INTRODUZZJONI U QAFAS ĠURIDIKU

1.

L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li “l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”;

2.

F’konformità mal-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regolamenti li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

3.

Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tar-Regolament, irrappreżentat fil-Parlament Ewropew b’minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“ir-Regolament Finanzjarju”), jista’ japplika għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.

Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal kontribuzzjonijiet bil-ħsieb li jagħti kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej (“is-sejħa”) għas-sena finanzjarja 2027.

5.

Il-qafas ġuridiku ta’ bażi huwa definit fl-atti ġuridiċi li ġejjin:

(a)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445:

(b)

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2026 (3) (“id-Deċiżjoni tal-Bureau tas-6 ta’ Lulju 2026”);

(c)

Regolament Finanzjarju;

(d)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2401 (4);

(e)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2246 (5);

(f)

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (6).

B.   L-objettiv tas-sejħa

6.

L-objettiv ta’ din is-sejħa huwa li l-partiti politiċi Ewropej irreġistrati jiġu mistiedna jissottomettu applikazzjonijiet għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni (“applikazzjonijiet għal finanzjament”) u li tiġi ddeterminata n-natura tan-nefqa rimborżabbli skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 u l-Artikolu 228(5) tar-Regolament Finanzjarju.

C.   L-ISKOP, IL-KATEGORIJA U L-FORMA TA’ FINANZJAMENT

7.

L-iskop tal-finanzjament huwa li jappoġġja l-attivitajiet u l-objettivi statutorji tal-partit politiku Ewropew għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2027 skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi konkluż bejn il-partit politiku Ewropew benefiċjarju u l-Parlament Ewropew.

8.

Il-kategorija tal-finanzjament hija l-kontribuzzjoni lill-partiti politiċi Ewropej, skont it-Titolu XI tar-Regolament Finanzjarju (“il-kontribuzzjoni”).

9.

L-ammont massimu ta’ finanzjament proviżorju għandu jkun l-aktar ammont baxx bejn:

(a)

l-ammont mitlub mill-partit fl-applikazzjoni għal finanzjament, li ma għandux jaqbeż il-95 % tan-nefqa rimborżabbli totali ppreżentata fil-baġit stmat, u

(b)

l-ammont determinat f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445.

10.

L-ammont finali tal-finanzjament għandu jkun limitat għall-ammont skont il-paragrafu 9. Dan ma għandux jaqbeż il-95 % tan-nefqa rimborżabbli mġarrba fil-fatt.

D.   IL-BAĠIT DISPONIBBLI

11.

Il-finanzjament previst għas-sena finanzjarja 2027 skont l-Artikolu 402 tal-baġit tal-Parlament Ewropew “Finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej” jammonta għal EUR 46 000 000, kif propost fl-abbozz ta’ estimi preliminari tal-Parlament Ewropew. L-approprjazzjonijiet disponibbli li għandhom jitqassmu se jiġu stabbiliti mill-awtorità tal-baġit fil-baġit finali approvat għas-sena 2027.

E.   IR-REKWIŻITI TA’ AMMISSIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

12.

L-applikazzjonijiet għal finanzjament ikunu ammissibbli jekk:

(a)

jiġu sottomessi bil-miktub bl-użu tal-formola ta’ applikazzjoni għal finanzjament annessa ma’ din is-sejħa, inklużi d-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa hemmhekk;

(b)

jinkludu l-impenn, espress bil-miktub permezz tal-iffirmar tad-dikjarazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni inklużi fil-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament imsemmi fil-paragrafu 13;

(c)

ikun fihom ittra ta’ rappreżentant(i) legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant;

(d)

jintbagħtu lill-President tal-Parlament Ewropew sat-30 ta’ Settembru 2026 , bħala kopja elettronika jew bħala oriġinali elettronika (b’firma elettronika kwalifikata (7)) lill-indirizz elettroniku funzjonali li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu bl-użu tal-pjattaforma CoFile (8). Id-dokumenti ġustifikattivi għandhom jiġu sottomessi f’format li jista’ jiġi editjat u t-tabelli preferibbilment ikunu f’format Excel.

13.

L-applikanti huma mistiedna jużaw il-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew, u jsegwu l-istruzzjonijiet inklużi fih (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).

Meta tkun meħtieġa firma, din għandha tkun jew firma bl-idejn jew firma elettronika kwalifikata (QES), liema firma elettronika kwalifikata tkun f’konformità mar-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika u s-Servizzi Fiduċjarji (eIDAS) (9).

L-applikazzjonijiet għal finanzjament għandhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku; meta ċerti dokumenti jkollhom firem bl-idejn, l-applikant għandu jżomm u jipproduċi kwalunkwe oriġinal f uq talba tal-Parlament Ewropew.

F.   IL-KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

F.1.   Il-kriterji ta’ esklużjoni

14.

L-applikanti għandhom jiġu esklużi mill-proċedura ta’ finanzjament jekk ikunu:

(a)

f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew ċaħda msemmija fl-Artikoli 138(1) jew 143(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

irreġistrati bħala esklużi fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 144 tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

soġġetti għal kwalunkwe sanzjoni prevista fl-Artikolu 32(1)(a), il-punti (vii), (viii) u (ix), tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445.

F.2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà

15.

Sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, l-applikanti jeħtiġilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, jiġifieri l-applikant:

(a)

jeħtieġlu jkun irreġistrat mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (10) (“l-Awtorità”), f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445;

(b)

jeħtieġlu jkun irrappreżentat fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas Membru wieħed tal-Parlament Ewropew;

(c)

jeħtieġlu jikkonforma mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, jiġifieri jeħtieġlu li jkun issottometta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali (11), ir-rapport tal-awditjar estern u l-lista tad-donaturi u l-kontributuri, kif speċifikat f’dan l-Artikolu.

F.3.   Il-kriterji tal-għoti u d-distribuzzjoni tal-finanzjament

16.

F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, l-approprjazzjonijiet disponibbli rispettivi għandhom jitqassmu kull sena. Dawn għandhom jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej li l-applikazzjonijiet għal finanzjament tagħhom ikunu ġew approvati fid-dawl tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni, abbażi tal-formula ta’ distribuzzjoni li ġejja:

(a)

10 % se jitqassmu f’ishma ndaqs fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji;

(b)

90 % se jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji bi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew; skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, Membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li, fejn rilevanti, għandu jkun il-partit li l-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu jkun affiljat miegħu fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament.

G.   IL-KONTROLL KONDIVIŻ MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-AWTORITÀ

17.

L-Artikolu 29(1) u (2) (12), tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 jipprevedi kontroll kondiviż bejn il-Parlament Ewropew u l-Awtorità.

18.

Il-Parlament Ewropew se jibgħat l-applikazzjonijiet għal finanzjament lill-Awtorità, sabiex l-Awtorità tkun tista’ tipproċedi għall-kontroll tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 li għalihom hija kompetenti.

19.

Fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ għoti, l-applikanti jibqgħu meħtieġa mill-Artikolu 29(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 li jipprovdu, fuq talba tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jew tal-Awtorità, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-fini tat-twettiq tal-kontrolli li għalihom huma responsabbli skont dan ir-Regolament u fil-format mitlub.

H.   IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET

20.

L-applikanti huma obbligati li jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe bidla fir-rigward tad-dokumenti sottomessi jew fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-applikazzjoni għal finanzjament fi żmien ġimagħtejn minn tali bidla. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jista’ jiddeċiedi abbażi tal-informazzjoni sottomessa, minkejja kwalunkwe informazzjoni pprovduta fi stadju aktar tard jew ippubblikata permezz ta’ mezzi oħra.

21.

L-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant li huwa se jkompli jissodisfa l-kriterji għal finanzjament.

22.

It-termini u l-kundizzjonijiet rigward il-finanzjament tal-Unjoni li għandu jingħata skont din is-sejħa huma stabbiliti fl-Anness 1a tad-Deċiżjoni tal-Bureau tas-6 ta’ Lulju 2026 u jiġu stipulati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni. B’applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 u l-Artikolu 230(2) tar-Regolament Finanzjarju, din is-sejħa tistipula aktar termini u l-kundizzjonijiet, kif ġej: in-nefqa li għandha tiġi koperta mill-finanzjament mogħti taħt din is-sejħa trid tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tan-nefqa tal-persunal:

(a)

il-kostijiet totali tal-persunal għandhom ikunu bbilanċjati b’mod raġonevoli meta mqabbla mal-kostijiet operazzjonali;

(b)

il-pjan tal-persunal huwa adattat għall-ħtiġijiet organizzattivi u operazzjonali;

(c)

id-deċiżjoni dwar ir-reklutaġġ u r-remunerazzjoni tittieħed mill-korpi governattivi xierqa, skont l-istatuti tal-benefiċjarju u r-regoli interni speċifiċi, abbażi tal-aħjar prattika u l-prinċipji ġenerali bħat-trasparenza, it-trattament ugwali, in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess;

(d)

ir-rati ta’ remunerazzjoni u benefiċċji addizzjonali oħra (jekk ikun hemm) iqisu r-rati medji fis-suq tal-impjiegi rilevanti.

23.

Kull applikant għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 20 sa 22 hawn fuq, billi jiffirma l-formola ta’ dikjarazzjoni annessa fil-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament imsemmi fil-paragrafu 13.

I.   L-ISKEDA TA’ ŻMIEN

24.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament hija t- 30 ta’ Settembru 2026 .

25.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet. Wara dik id-deċiżjoni, id-deċiżjonijiet individwali ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew jiġu nnotifikati lill-applikanti.

26.

Huwa mistenni li f’Jannar 2027 l-applikanti magħżula se jirċievu l-abbozz tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi ffirmat. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jista’ jiġi ffirmat b’firma elettronika kwalifikata (QES) fuq talba. Wara l-iffirmar tal-ftehim, il-ħlas tal-prefinanzjament għandu jsir f’konformità mal-iskeda stabbilita fl-Artikolu I.5. tiegħu.

J.   L-IŻVELAR U L-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

27.

Il-Parlament Ewropew u l-Awtorità għandhom jippubblikaw, inkluż fuq l-Internet, informazzjoni skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445.

28.

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din is-sejħa għandha tiġi pproċessata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445.

29.

Tali data għandha tkun ipproċessata għall-fini ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament u ta’ salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ din id-data lill-korpi responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ verifika u awditjar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, bħas-servizzi tal-awditjar intern tal-Parlament Ewropew, l-Awtorità, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

30.

Abbażi ta’ talba bil-miktub, kwalunkwe persuna fiżika relatata mal-benefiċjarju tista’ tingħata aċċess għad-data personali tagħha u tikkoreġi kwalunkwe data żbaljata jew mhux kompluta. It-talba li tirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tista’ tiġi mressqa lid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew. Il-persuna kkonċernata tista’, f’kull ħin, tressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tagħha.

31.

Id-data personali tista’ tiġi reġistrata fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni Bikrija mill-Parlament Ewropew, jekk il-benefiċjarju jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 138(1) u 143 tar-Regolament Finanzjarju.

K.   INFORMAZZJONI OĦRA

32.

Kwalunkwe mistoqsija relatata ma’ din is-sejħa għandha tintbagħat b’email, filwaqt li tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, lill-indirizz elettroniku li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu

33.

Il-leġiżlazzjoni bażika speċifikata fil-paragrafu 5(b) ta’ din is-sejħa u l-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Parlament Ewropew (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).

(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L, 2025/2445, 8.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2445/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2026, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019 (ĠU C, C/2026/3956, 23.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3956/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2401 tat-2 ta’ Ottubru 2015 dwar il-kontenut u t-tħaddim tar-Reġistru tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2401/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2246 tat-3 ta’ Diċembru 2015 dwar dispożizzjonijiet dettaljati għas-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni applikabbli għar-reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u għall-informazzjoni provduta permezz ta’ estratti standard mir-reġistru (ĠU L 318, 4.12.2015, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2246/oj).

(6)   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/lastrules/TOC_MT.html?redirect.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).

(8)   https://cofile.europarl.europa.eu/login; il-kredenzjali biex jinkiseb aċċess jistgħu jintalbu permezz ta’ email mibgħuta lil fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(10)  Stabbilita skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445.

(11)  Sakemm l-applikant ma jkunx soġġett għall-kontroll skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 (pereżempju: partiti li jkunu għadhom kemm inħolqu).

(12)  L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445 – Regoli ġenerali dwar il-kontroll:

“1.

Il-kontroll tal-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament għandu jiġi eżerċitat, f’kooperazzjoni, mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kompetenti.

2.

L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) u (k), l-Artikolu 11(5) u (6), u l-Artikoli 25, 26 u 27.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni skont dan ir-Regolament u skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Fit-twettiq ta’ dawn il-kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL FINANZJAMENT

Għall-attenzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew

c/o Didier Klethi, Direttur Ġenerali għall-Finanzi

[daħħal isem l-applikant], rappreżentat legalment minn [daħħal isem ir-rappreżentant(i)] b’dan japplika għall-finanzjament għas-sena finanzjarja 2027 skont is-sejħa Nru IX-2027/01 għal ammont ta’ [daħħal l-ammont], u jiċċertifika li d-dokumenti li ġejjin huma pprovduti mal-applikazzjoni għal finanzjament.

Nru

Dokumenti li jridu jiġu pprovduti (1)

Iva/mhux applikabbli

1.

Ittra ta’ rappreżentant(i) legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant

 

2.

Lista tal-persuni li għandhom setgħat ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq l-organizzazzjoni applikanti, bħall-President, il-membri tal-Bord, is-Segretarju Ġenerali, it-Teżorier, inkluża referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatuti tal-applikant

 

3.

Prova ta’ reġistrazzjoni mill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej fid-data tal-applikazzjoni għal finanzjament (għall-applikanti biss li għalihom id-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni għadha mhijiex disponibbli għall-pubbliku, jiġifieri għadha ma ġietx ippubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità jew fil-Ġurnal Uffiċjali)

 

4.

Lista tal-Membri tal-applikant tal-Parlament Ewropew, bi prova aġġornata ta’ sħubija u li tistabbilixxi l-isem, il-pajjiż tal-oriġini, l-affiljazzjoni diretta jew indiretta mal-partit politiku Ewropew u isem il-partit nazzjonali jew reġjonali rilevanti ta’ affiljazzjoni, jekk applikabbli

 

5.

Lista tal-entitajiet assoċjati li lilhom l-applikant beħsiebu jagħti appoġġ finanzjarju għas-sena finanzjarja 2027, inkluża referenza għall-artikoli rilevanti tal-Istatuti tal-applikant

 

6.

Dikjarazzjoni tar-rappreżentant legali rigward id-dettalji tal-bank, inkluża formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja debitament mimlija (din tal-aħħar fil-każ biss ta’ applikant ġdid JEW għal applikanti li għalihom seħħet bidla fl-isem, fl-indirizz jew fil-kont bankarju meta mqabbel mal-eżerċizzju preċedenti)

 

7.

Dikjarazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni

 

8.

Baġit stmat

 

(1)  Il-mudelli huma pprovduti fuq is-sit web tal-PE għall-punti 2, 4, 5, 6, 7 u 8 (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).

[daħħal isem l-applikant] jitlob li l-ħlas tal-finanzjament iseħħ [f’pagament uniku fi DD.XX.2027 / fi żmien 30 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim] JEW f’4 pagament parzjali [fi żmien 30 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, f’April 2027, f’Lulju 2027 u l-bqija f’Ottubru 2027].

Il-ħin u l-post:

Firma (Firem):


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3960/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)