European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3236

23.12.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/3236 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1057 u (UE) 2021/1058 rigward l-Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni (RESTORE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 164, l-Artikolu 175(3) u l-Artikolu 178, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-għarar u n-nirien fil-foresti reċenti fiċ-Ċentru, fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ewropa kellhom effett devastanti fuq il-popolazzjonijiet li jgħixu f’dawn ir-reġjuni. Se jkunu meħtieġa xogħlijiet estensivi ta’ rikostruzzjoni f’ħafna bliet, bliet żgħar u rħula biex jissewwew l-infrastruttura u t-tagħmir li saritilhom il-ħsara. Miżuri immedjati huma meħtieġa biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi ta’ dawk id-diżastri naturali. Barra minn hekk, in-nies għandhom bżonn immedjat ta’ assistenza materjali bażika. Barra min hekk, huwa meħtieġ appoġġ għaż-żamma tal-impjiegi sabiex jiġu megħjuna l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom sabiex iżommu l-impjiegi tagħhom għal perjodu limitat ta’ żmien fejn ma jkunux jistgħu jaċċessaw il-post tax-xogħol tas-soltu tagħhom minħabba l-okkorrenza ta’ diżastru naturali. Sabiex jiġi indirizzat l-effett devastanti tad-diżastri naturali fuq is-saħħa tan-nies, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa inkluż għal persuni li mhumiex f’vulnerabbiltà soċjoekonomika imminenti. L-evidenza tissuġġerixxi li l-okkorrenza ta’ diżastri naturali x’aktarx li tiżdied fil-futur. Għalhekk, huwa xieraq li jinħoloq qafas temporanju li jipprevedi flessibbiltà u appoġġ finanzjarju filwaqt li jippreserva n-natura strateġika fit-tul tal-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni.

(2)

Sabiex jittaffa malajr il-piż fuq il-baġits tal-Istati Membri kkonċernati u jittaffa r-riskju ta’ disparitajiet territorjali ġodda, jenħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ effettiv mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni irregolati mir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) lill-Istati Membri, lir-reġjuni, lill-awtoritajiet lokali u lill-persuni affettwati serjament minn tali diżastri naturali, flimkien mar-riżorsi disponibbli mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (6).

(3)

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, jenħtieġ li jiġi pprovdut objettiv speċifiku ġdid taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir biex l-appoġġ finanzjarju tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni għar-rikostruzzjoni jiġi dirett b’reazzjoni għal tali diżastri.

(4)

L-objettiv ta’ politika 2, li jippromwovi Ewropa ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr ebda emissjoni tal-karbonju u reżiljenti billi jippromwovi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u mobbiltà urbana sostenibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li skontu jenħtieġ li jiġi introdott l-objettiv speċifiku l-ġdid, jappoġġa direttament l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 bl-isem “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima - L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” għandha l-għan li tiżviluppa miżuri ta’ adattament għall-ġestjoni ta’ riskji assoċjati ma’ diżastri li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, in-nirien fil-foresti jew in-nixfiet. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-kontinwità u t-tisħiħ tal-investimenti ppjanati fil-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri, kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima, sabiex jittaffa l-impatt tad-diżastri naturali dejjem aktar frekwenti, inklużi dawk ikkawżati mill-klima. Jenħtieġ li l-isforzi ta’ rikostruzzjoni ma jsirux għad-detriment tal-investiment fil-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri strutturali fit-tul. L-applikazzjoni tal-verifika tar-reżistenza klimatika u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” jenħtieġ li jiġu żgurati meta jsir investiment fl-infrastruttura biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura ffinanzjata mill-Unjoni fid-dawl ta’ diżastri futuri, aktar frekwenti u severi kkawżati mill-klima.

(5)

F’konformità mal-ambitu tal-appoġġ mill-FEŻR kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1058, l-appoġġ għar-rikostruzzjoni b’reazzjoni għal diżastri naturali taħt l-objettiv speċifiku ġdid jista’ jkopri r-restawr ta’ infrastruttura li tkun saritilha l-ħsara jew li tkun inqerdet, bħall-infrastruttura pubblika jew l-investiment f’kapital fiss għan-negozji u t-tagħmir, inkluż f’post differenti jew f’format li ma jkunx identiku għall-oriġinali, jekk ikun meħtieġ, b’mod reżiljenti u sostenibbli. Barra minn hekk, ir-restawr taż-żoni naturali, tal-bijodiversità u tal-infrastruttura ekoloġika, inkluż fis-siti ta’ Natura 2000, jistgħu jiġu appoġġati. Dan jista’ jinkludi miżuri rilevanti relatati mar-riforestazzjoni. Il-Fond ta' Koeżjoni jista' jipprovdi wkoll appoġġ għall-objettiv speċifiku l-ġdid sakemm dan ikun konformi mal-ambitu tal-appoġġ tal-Fond ta' Koeżjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)

Fil-kuntest tar-rikostruzzjoni b’reazzjoni għad-diżastri naturali, l-operazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ “nibnu mill-ġdid aħjar” jenħtieġ li jingħataw prijorità fil-proċess tal-għażla. Dak il-prinċipju jinvolvi l-użu tal-fażijiet ta’ rkupru, riabilitazzjoni u rikostruzzjoni wara diżastru biex tiżdied ir-reżiljenza tal-komunitajiet permezz tal-integrazzjoni ta’ miżuri għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, kif indikat fil-Qafas ta’ Sendai tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-appoġġ għall-operazzjonijiet magħżula jibqa’ proporzjonat u jippreżenta l-aħjar relazzjoni bejn l-ammont ta’ appoġġ u l-objettiv li tiġi żgurata r-reżiljenza għad-diżastri. Barra minn hekk, jekk Stat Membru jkun eliġibbli għal appoġġ mill-FSUE biex jiffinanzja operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru li jirrestawraw l-infrastruttura għall-kundizzjoni tagħha qabel ma jseħħ id-diżastru naturali, l-appoġġ mill-FEŻR u mill-Fond ta' Koeżjoni jista’ jintuża b’mod komplementari mal-FSUE biex itejjeb il-funzjonalità tal-infrastruttura affettwata sabiex itejjeb il-kapaċità, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tagħha biex tiflaħ għal diżastri naturali futuri. L-iskop tal-appoġġ mill-FEŻR u mill-Fond ta' Koeżjoni huwa li jżid fir-reżiljenza u t-tħejjija għar-riskji.

(7)

Sabiex jiġi eskluż il-pagament żejjed, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ kopert mill-FSE+, mill-FEŻR jew mill-Fond ta' Koeżjoni ma jikkoinċidix ma’ appoġġ riċevut minn strument ieħor tal-Unjoni, minn strument nazzjonali jew minn skema tal-assigurazzjoni privata.

(8)

Sabiex jirrispondu għall-impatt tad-diżastri naturali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew, permezz ta’ prijoritajiet iddedikati, jipprovdu għajnuna ffukata, rapida u immedjata biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi ta’ tali diżastri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġaw, fi ħdan jew barra l-prijorità ddedikata, miżuri temporanji għal persuni affettwati direttament minn diżastri naturali fil-forma ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika mingħajr l-obbligu li jiġu pprovduti miżuri ta’ akkumpanjament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu wkoll, fejn strettament meħtieġ u ġustifikat, għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar biex impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom affettwati mill-konsegwenzi ta’ diżastri naturali jkunu jistgħu jżommu l-impjiegi tagħhom mingħajr ma jipprovdu miżuri attivi, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux imposti mil-liġi nazzjonali, kif ukoll miżuri biex jiżguraw aċċess għall-kura tas-saħħa inkluż għal persuni li mhumiex f’vulnerabbiltà soċjoekonomika imminenti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti flessibbiltajiet għal tali miżuri temporanji għal perjodu ta’ żmien limitat skont ir-Regolament (UE) 2021/1057.

(9)

Ir-riżorsi għall-appoġġ tar-rispons għad-diżastri naturali jenħtieġ li jiġu pprogrammati taħt prijorità ddedikata waħda jew aktar b’rata ta’ kofinanzjament sa 95 %. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltajiet eżistenti għat-trasferiment tal-allokazzjonijiet bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni previsti fir-Regolament (UE) 2021/1060 sabiex iżidu r-riżorsi disponibbli taħt dawk il-prijoritajiet iddedikati. Huma jistgħu wkoll jirriallokaw riżorsi minn kwalunkwe wieħed mill-objettivi ta’ politika filwaqt li jirrispettaw ir-regoli applikabbli.

(10)

Ir-riżorsi ġenerali pprogrammati taħt il-prijoritajiet iddedikati jenħtieġ li jkunu limitati għal massimu ta’ 10 % tal-allokazzjoni nazzjonali totali inizjali tal-Istat Membru għall-FSE+ u l-FEŻR. Jenħtieġ li jkun possibli li dawk ir-riżorsi jiġu pprogrammati permezz ta’ aktar minn emenda waħda tal-programm u jiġu marbutin ma’ aktar minn diżastru wieħed. Il-prinċipju li l-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagamenti f’konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit u dejjem jekk ikun hemm il-fondi disponibbli għal dan jenħtieġ li jkompli japplika.

(11)

Sabiex jingħata appoġġ immedjat għall-investimenti għar-rikostruzzjoni b’reazzjoni għal diżastri naturali kif ukoll biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi ta’ tali diżastri naturali, jenħtieġ li jiġi pprovdut ammont addizzjonali ta’ prefinanzjament eċċezzjonali għall-prijoritajiet iddedikati. Ir-regoli applikabbli għal dawk l-ammonti ta’ prefinanzjament eċċezzjonali jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-regoli applikabbli għall-prefinanzjament previsti fir-Regolament (UE) 2021/1060.

(12)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw bis-sħiħ il-konsegwenzi tad-diżastri naturali li jseħħu bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta' Diċembru 2025, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom jitħallew jagħżlu operazzjonijiet ta’ appoġġ li jkunu tlestew fiżikament jew li jkunu ġew implimentati bis-sħiħ qabel ma l-applikazzjoni għall-finanzjament taħt il-programm tiġi ppreżentata lill-awtorità ta’ ġestjoni, dment li l-operazzjoni tkun b’reazzjoni għal tali diżastru naturali.

(13)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittaffew, fid-dawl tal-għargħar u n-nirien fil-foresti reċenti fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tan-Nofsinhar, il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tad-diżastri naturali billi jiġu emendati r-Regolamenti (UE) 2021/1057 u (UE) 2021/1058, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(14)

Għalhekk ir-Regolamenti (UE) 2021/1057 u (UE) 2021/1058 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

(15)

Fid-dawl tal-effetti devastanti ta’ diżastri naturali reċenti u l-urġenza li jingħata appoġġ immedjat lill-Istati Membri, huwa meqjus neċessarju li tintuża l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(16)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mad-diżastri naturali, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1057

Fir-Regolament (UE) 2021/1057, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 12b

Appoġġ biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tad-diżastri naturali

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw l-FSE+ biex jipprovdu appoġġ biex itaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tad-diżastri naturali li seħħew bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta' Diċembru 2025. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, b’diżastru naturali wieħed għandu jifhem diżastru naturali maġġuri jew diżastru naturali reġjonali kif definit, rispettivament, fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*1). Dan jista’ jinkludi diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, dment li jkun ġie rikonoxxut bħala diżastru naturali minn awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru. Meta d-diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta taħt il-limiti stipulati fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 iseħħ wara l-24 ta’ Diċembru 2024, dan għandu jinftiehem li huwa diżastru naturali dment li jkun ġie rikonoxxut bħala tali minn awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru rilevanti fi żmien 12-il ġimgħa mid-data tal-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta' dak id-diżastru naturali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-riżorsi jistgħu jiġu pprogrammati taħt il-prijoritajiet iddedikati tal-programmi kkonċernati. Għal perjodu kollu ta’ programmazzjoni, ir-riżorsi ġenerali għal dawk il-prijoritajiet iddedikati allokati mill-FSE+, kif ukoll mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni skont l-Artikolu 3(1b) tar-Regolament (UE) 2021/1058 għandhom ikunu limitati għal massimu ta’ 10 % tal-allokazzjoni nazzjonali totali inizjali tal-FSE+ u tal-FEŻR. L-emenda tal-programm ikkonċernata għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data li fiha seħħ id-diżastru naturali jew, fejn id-diżastru naturali jkun seħħ qabel l-24 ta’ Diċembru 2024, sal-25 ta’ Ġunju 2025.

3.   Il-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

4.   Fejn strettament meħtieġ bħala miżura temporanja, skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li għandhom l-għan li jipprovdu rispons għall-konsegwenzi ta’ diżastru naturali mingħajr il-ħtieġa li jiġu kkombinati ma’ miżuri attivi kif ukoll aċċess għall-kura tas-saħħa inkluż għal persuni li mhumiex f’vulnerabbiltà soċjoekonomika imminenti jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament għal massimu ta’ 18-il xahar mid-data li fiha jkun seħħ id-diżastru naturali.

5.   B’deroga mill-Artikolu 19(4), l-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkomplementaw l-ikkonsenjar tal-ikel u/jew tal-assistenza materjali bażika b’miżuri ta’ akkumpanjament skont l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m), fejn tali konsenja tkun b’rispons għall-konsegwenzi ta’ diżastru naturali. Tali kunsinna ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika mingħajr miżuri ta’ akkumpanjament tista’ tkun eliġibbli għal finanzjament għal massimu ta’ sitt xhur mid-data li fiha seħħ id-diżastru naturali u fi kwalunkwe każ wara l-1 ta’ Jannar 2024.

6.   B’deroga mill-Artikolu 63(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata tista’ tagħżel għall-appoġġ, taħt prijorità ddedikata, operazzjonijiet li tlestew fiżikament jew ġew implimentati bis-sħiħ qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal finanzjament lill-awtorità ta’ ġestjoni, dment li l-operazzjoni tipprovdi rispons għal diżastru naturali li seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025.

7.   Il-Kummissjoni għandha tħallas 25 % tal-allokazzjoni lill-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mad-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-program m bħala prefinanzjament eċċezzjonali minbarra l-prefinanzjament annwali għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Dak il-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm, soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi. Meta l-allokazzjoni għal dawk il-prijoritajiet tiżdied sussegwentement, għandu jitħallas ammont addizzjonali ta’ prefinanzjament li jikkorrispondi għal 25 % taż-żieda.

F’konformità mal-Artikolu 90(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi approvat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kwalunkwe mgħax iġġenerat mill-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi użat għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FSE+ u għandu jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament eċċezzjonali ma għandux jiġi sospiż.

F’konformità mal-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu jinkludi l-prefinanzjament eċċezzjonali mħallas.

8.   B’deroga mill-Artikolu 112(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għal prijorità ddedikata stabbilita biex tappoġġa t-tnaqqis tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi ta’ diżastru naturali skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ta’ 95 %.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ minn strument ieħor tal-Unjoni, minn strument nazzjonali jew minn skema tal-assigurazzjoni privata riċevut għal operazzjonijiet magħżula b’reazzjoni għal diżastru naturali, jitnaqqas min-nefqa inkluża fl-applikazzjoni għall-pagament ippreżentata lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1058

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b), jiżdied il-punt li ġej:

“(x)

l-appoġġ għal investimenti bil-għan tar-rikostruzzjoni b’reazzjoni għal diżastru naturali li seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025;”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(x), ta’ dan l-Artikolu, b’diżastru naturali wieħed għandu jifhem diżastru naturali maġġuri jew diżastru naturali reġjonali kif definit, rispettivament, fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*2). Dan jista’ jinkludi diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, dment li jkun ġie rikonoxxut bħala diżastru naturali minn awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru.

Meta d-diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 ikun seħħ wara l-24 ta’ Diċembru 2024, dan għandu jinftiehem li huwa diżastru naturali dment li jkun ġie rikonoxxut bħala tali minn awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru fi żmien 12-il ġimgħa wara d-data tal-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta' dak id-diżastru naturali.

Ir-riżorsi allokati taħt l-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b)(x), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprogrammati taħt prijoritajiet iddedikati ta’ programmi taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir li jikkorrispondu għall-objettiv ta’ politika rispettiv. Għall-perjodu kollu ta’ programmazzjoni, ir-riżorsi allokati taħt dak l-objettiv speċifiku u l-prijoritajiet iddedikati stabbiliti skont l-Artikolu 12b(2) tar-Regolament (UE) 2021/1057 għandhom ikunu limitati għal massimu ta’ 10 % tal-allokazzjoni nazzjonali totali inizjali tal-FSE+u tal-FEŻR. L-emenda tal-programm ikkonċernata għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-ħsara bħala konsegwenza tad-diżastru naturali tkun seħħet għall-ewwel darba jew, fejn id-diżastru naturali jkun seħħ qabel l-24 ta’ Diċembru 2024, sal-25 ta’ Ġunju 2025.

Il-Kummissjoni għandha tħallas 25 % tal-allokazzjoni lill-prijoritajiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mad-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm bħala prefinanzjament eċċezzjonali flimkien mal-prefinanzjament annwali għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Dak il-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm, soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi. Meta l-allokazzjoni għal dawk il-prijoritajiet tiżdied sussegwentement, għandu jitħallas ammont addizzjonali ta’ prefinanzjament li jikkorrispondi għal 25 % taż-żieda.

F’konformità mal-Artikolu 90(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi approvat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kwalunkwe mgħax iġġenerat mill-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi użat għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FEŻR jew il-Fond ta’ Koeżjoni u għandu jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament eċċezzjonali ma għandux jiġi sospiż.

F’konformità mal-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu jinkludi l-prefinanzjament eċċezzjonali mħallas.

B’deroga mill-Artikolu 112(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għal prijorità ddedikata stabbilita biex tappoġġa l-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b)(x), ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ta’ 95 %.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ minn strument ieħor tal-Unjoni, minn strument nazzjonali jew minn skema tal-assigurazzjoni privata riċevut għal operazzjonijiet magħżula skont l-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b)(x), ta’ dan l-Artikolu jitnaqqas min-nefqa inkluża fl-applikazzjoni għall-pagament ippreżentata lill-Kummissjoni.

B’deroga mill-Artikolu 63(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata tista’ tagħżel għall-appoġġ, taħt prijorità ddedikata, operazzjonijiet li tlestew fiżikament jew li ġew implimentati bis-sħiħ qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal finanzjament lill-awtorità ta’ ġestjoni, dment li l-operazzjoni tipprovdi rispons għal diżastru naturali li seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj).”;"

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Fond ta’ Koeżjoni għandu jappoġġa PO 2 u 3, inkluż l-objettiv speċifiku stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b)(x), sa fejn dan ikun konformi mal-ambitu tal-appoġġ kif stabbilit fl-Artikolu 6.”

;

2.

fit-Tabella 1 tal-Anness I, tiżdied ir-ringiela li ġejja taħt l-objettiv ta’ politika 2:

“

 

(x)

l-appoġġ għall-investimenti mmirati lejn ir-rikostruzzjoni b’reazzjoni għal diżastru naturali li seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025

Kwalunkwe RCO elenkat għal objettivi speċifiċi taħt PO 1 sa 4

Kwalunkwe RCR elenkat għal objettivi speċifiċi taħt PO 1 sa 4

”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Opinjoni tal-4 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-21 ta’ Novembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1058/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3236/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)