KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑424/24 u C‑425/24
ZD
vs
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC),
Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI),
Procura federale presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC),
Collegio di garanzia dello sport presso il Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI),
Corte federale d’appello presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) (C‑424/24)
u
MI
vs
Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC),
Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI) (C‑425/24)
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sanzjoni dixxiplinari imposta mill-ġustizzja sportiva – Projbizzjoni temporanja li teżerċita l‑professjoni ta’ membru tal-bord tad-diretturi jew ta’ direttur ġenerali ta’ klabb tal-futbol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-setgħa ta’ annullament tal-qorti amministrattiva li tippermetti biss kumpens għad‑dannu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikoli 45 u 56 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema u libertà li jiġu pprovduti servizzi”
Introduzzjoni
|
1. |
Fil-kors ġenerali tiegħu dwar id-dritt internazzjonali privat, mogħti fl-Akkademja tad-Dritt Internazzjonali ta’ Den Haag, il‑Professur François Rigaux jispjega li, fl-ordinament ġuridiku sportiv, l-eżistenza ta’ monopolju de facto tal-awtoritajiet sportivi tintroduċi, fl-osservanza tar-regoli stabbiliti minnhom, l-element ta’ koerċizzjoni li jagħti lil dawn ir-regoli valur legali. Is-sitwazzjoni tal-persuni li għażlu li jissottomettu ruħhom għal dawn ir-regoli hija, għalhekk, paragunabbli, fl-opinjoni tiegħu, ma’ dik tal-“vjaġġatur interplanetarju”, billi, “biex jinżel fuq il-qamar jew fuq il-pjaneta Mars, irid jissottometti ruħu għall-kundizzjonijiet ta’ piż jew ta’ temperatura u jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu ta’ ossiġnu permezz tal-apparat adattat” ( 2 ). |
|
2. |
In-natura legali tar-regoli “sportivi” timplika li l-awtorità jew l-awtoritajiet li jkollhom monopolju de facto, ikollhom is-setgħa li jissanzjonaw il-ksur tagħhom, prinċiparjament permezz ta’ sanzjonijiet dixxiplinari. Din il‑karatteristika partikolari tal-ordinament ġuridiku sportiv hija l-qofol ta’ din il-kawża. |
|
3. |
Permezz tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali li jirregolaw, fl-Italja, l-eżerċizzju tas-setgħa li jimponu sanzjoni li għandhom l-assoċjazzjonijiet sportivi fir-rigward tal-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. |
|
4. |
B’mod partikolari, hija għandha tiddeċiedi dwar jekk stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jwassal biss għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lil persuni li fuqhom ġew imposti sanzjonijiet dixxiplinari hux konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
5. |
F’dawn il-kawżi huma rilevanti t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikoli 45, 56, 101 u 102 TFUE. |
Id-dritt Taljan
Il-Kostituzzjoni
|
6. |
L-Artikolu 2 tal-Costituzione della Repubblica Italiana (il‑Kostituzzjoni Taljana) (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) ( 3 ) jistipula: “Ir-Repubblika għandha tagħraf u tiżgura d-drittijiet fundamentali tal‑bniedem, kemm bħala individwu kif ukoll bħala membru ta’ għaqdiet soċjali li fihom tiġi eżerċitata l-personalità tiegħu, u għandha teżiġi l-eżerċizzju tad‑dmirijiet ta’ solidarjetà politika, ekonomika u soċjali li minnhom ma hija permessa l-ebda deroga.” |
|
7. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 ta’ din il-Kostituzzjoni: “Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jingħaqdu liberament, mingħajr awtorizzazzjoni, għal skopijiet li l-liġi kriminali ma tipprojbixxix lill‑individwi.” |
|
8. |
L-Artikolu 24 tal-imsemmija Kostituzzjoni jistipula, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “Kull individwu għandu d-dritt li jressaq kawża quddiem il-qrati għall‑protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tiegħu.” |
|
9. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 103 tal-istess Kostituzzjoni: “Il-Kunsill tal-Istat u l-korpi l-oħra tal-ġustizzja amministrattiva għandhom ġurisdizzjoni biex jiżguraw il-protezzjoni, kontra l‑amministrazzjoni pubblika, tal-interessi leġittimi u wkoll, f’ċerti materji partikolari stabbiliti bil-liġi, tad-drittijiet suġġettivi.” |
|
10. |
Skont l-Artikolu 113 tal-Kostituzzjoni Taljana: “Il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi quddiem il-korpi tal-ġurisdizzjoni ordinarja jew amministrattiva hija dejjem ammessa kontra l-atti tal-amministrazzjoni pubblika. Din il-protezzjoni ġudizzjarja ma tistax tiġi eskluża jew limitata għal mezzi ta’ rimedju partikolari jew għal kategoriji partikolari ta’ atti. Il-liġi tiddetermina l-korpi ġudizzjarji li jistgħu jannullaw l-atti tal‑amministrazzjoni pubblika fil-każijiet u bl-effetti li l-istess liġi tipprovdi.” |
Il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva
|
11. |
L-Artikolu 1 tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal‑Proċedura Amministrattiva), approvat bid-decreto legislativo no104 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 104) ( 4 ), tat‑2 ta’ Lulju 2010, jistipula, fil‑paragrafu 1 tiegħu: “Il-qorti amministrattiva għandha tiżgura protezzjoni sħiħa u effettiva, skont il-prinċipji tal-Kostituzzjoni u tad-dritt Ewropew.” |
|
12. |
L-Artikolu 30 ta’ dan il-Kodiċi jistipula, fil-paragrafu 6 tiegħu: “Il-qorti amministrattiva għandha kompetenza esklużiva biex tisma’ kull talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta mill-ksur ta’ interessi leġittimi jew, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ta’ drittijiet suġġettivi.” |
|
13. |
L-Artikolu 133 tal-imsemmi Kodiċi jinkludi b’mod partikolari l‑paragrafu 1: “Il-qorti amministrattiva għandha kompetenza esklużiva sabiex tisma’, ħlief jekk il-liġi tiddisponi b’mod ieħor: […]
|
Il-Liġi Nru 280/2003
|
14. |
Id-decreto-legge no220 recante disposizioni urgenti in materia di giustizia sportiva (id-Digriet Liġi Nru 220 li Jistipula Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Ġustizzja Sportiva) ( 5 ), tad‑19 ta’ Awwissu 2003, ġie kkonvertit f’liġi permezz tal-legge no280, conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge no220, recante disposizioni urgenti in materia di giustizia sportiva (il-Liġi Nru 280 ta’ Konverżjoni f’Liġi, b’Emendi, tad-Digriet Liġi Nru 220, li Jistipula Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Ġustizzja Sportiva) ( 6 ), tas‑17 ta’ Ottubru 2003, (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 280/2003”). |
|
15. |
L-Artikoli 1 sa 3 tal-Liġi Nru 280/2003 huma redatti kif ġej: “Artikolu 1 – Prinċipji ġenerali 1. Ir-Repubblika għandha tagħraf u tiffavorixxi l-awtonomija tad-dritt sportiv nazzjonali bħala espressjoni tad-dritt internazzjonali tal-isport li jaqa’ taħt il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. 2. Ir-relazzjonijiet bejn id-dritt sportiv u d-dritt tar-Repubblika huma rregolati fuq il-bażi tal-prinċipju tal-awtonomija, ħlief fil-każijiet […] fejn sitwazzjonijiet suġġettivi marbuta mad-dritt sportiv ikunu rilevanti fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tar-Repubblika. Artikolu 2 – Awtonomija tal-ordinament sportiv 1. Skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1, ir-regolamentazzjoni tal‑kwistjonijiet li ġejjin taqa’ fil-qasam riżervat tal-ordinament sportiv:
2. Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1, il-klabbs, l-assoċjazzjonijiet, il-membri u t-tesserati huma obbligati jirrikorru quddiem il-korpi tal-ġustizzja sportiva, skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti u tar-regolamenti taċ-[CONI] u tal-federazzjonijiet sportivi […] […] Artikolu 3 – Regoli ta’ kompetenza u dispożizzjonijiet tranżitorji 1. Wara li jiġu eżawriti r-rimedji tal-entitajiet ġudizzjarji tal‑ordinament sportiv u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati ordinarji sabiex jiddeċiedu dwar relazzjonijiet patrimonjali bejn klabbs, assoċjazzjonijiet u atleti, kwalunkwe tilwima oħra li għandha bħala suġġett atti taċ-[CONI] jew tal-federazzjonijiet sportivi li l-evalwazzjoni tagħhom ma hijiex rriżervata għall-korpi tal-ġustizzja sportiva skont l-Artikolu 2, għandha tkun irregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, mingħajr preġudizzju, fil-każijiet kollha, tad‑dispożizzjonijiet ta’ eventwali klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fl-istatuti u fir-regolamenti taċ-[CONI] u tal-federazzjonijiet sportivi, skont l‑Artikolu 2(2) […] […]” |
Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC
|
16. |
Ir-regolament li taħtu ġew imposti s-sanzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huwa l-Codice di Giustizia Sportiva della Federazione Italiana Giuoco Calcio [il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal‑Federazzjoni Taljana tal-Futbol (FGIC)] ( 7 ). |
|
17. |
Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Kodiċi, dan għandu japplika, b’mod partikolari, għad-“diretturi” li jeżerċitaw attività professjonali fil‑qasam sportiv, kategorija ta’ persuni li fiha huwa stabbilit li jaqgħu ZD u MI. |
|
18. |
L-Artikolu 4 ta’ dan il-Kodiċi, intitolat “Natura mandatorja tad‑dispożizzjonijiet ġenerali”, jistipula: “1. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2 huma obbligati josservaw l‑istatut, il-kodiċi, ir-regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-FIGC kif ukoll ir-regoli federali l-oħra, u għandhom josservaw il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità f’kull relazzjoni b’xi mod relatata mal-attività sportiva. 2. F’każ ta’ ksur tal-obbligi previsti fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw is-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a), (b), (c) u (g) u fl‑Artikolu 9(1)(a), (b), (c), (d), (f), (g) u (h). […]” |
|
19. |
Fost sanzjonijiet oħra, l-Artikolu 9 tal-istess Kodiċi jirreferi, fil‑paragrafu 1(f) tiegħu, għad-“diskwalifikazzjoni għal perijodu stabbilit mill-FIGC, b’possibbiltà ta’ talba sabiex tiġi estiża għall-[Unjoni tal‑Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA)”. |
|
20. |
L-Artikolu 31 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC, intitolat “Ksur fil‑qasam ekonomiku u ta’ ġestjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Huwa ksur amministrattiv, in-nuqqas ta’ produzzjoni, il-bidla jew il‑falsifikazzjoni materjali jew kuntestwali, anki parzjali, tad-dokumenti mitluba mill-korpi tal-ġustizzja sportiva, mill-commissione di vigilanza sulle società di calcio professionistiche [il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza fuq il-Klabbs tal-Futbol Professjonali) u l‑korpi l-oħra ta’ sorveljanza tal-Federazzjoni kif ukoll mill-korpi kompetenti sabiex joħorġu l-liċenzji UEFA u FIGC, jew l-għoti ta’ informazzjoni falza, evażiva jew parzjali. Tikkostitwixxi wkoll ksur amministrattiv kwalunkwe imġiba intiża sabiex b’xi mod jew ieħor jiġu evitati r-regolamenti federali fil-qasam ta’ ġestjoni u tal-ekonomija, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-korpi federali kompetenti f’dan ir-rigward. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet l-iktar severi stabbiliti mir-regoli tal-EUFA fil-qasam tal‑ħruġ tal-liċenzji jew ta’ regoli oħra speċjali, kif ukoll tas-sanzjonijiet l-iktar severi li jistgħu jiġu imposti minħabba fatti oħra previsti f’dan l‑artikolu, is-soċjetà li tikkommetti l-fatti msemmija f’dan il-paragrafu hija suġġetta għal multa flimkien ma’ twissija.” |
Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21. |
ZD u MI huma ex president u ex membru tal-Bord tad-Diretturi tas-soċjetà Juventus F.C. SpA (iktar ’il quddiem il-“Juventus”), li huwa klabb tal-futbol professjonali stabbilit fl-Italja. |
|
22. |
Il-Federazione Italiana Giuoco Calcio (il-Federazzjoni Taljana tal-Futbol, iktar ’il quddiem il-“FIGC”) hija assoċjazzjoni tad-dritt privat li għandha s-sede tagħha fl-Italja. L-għan tagħha huwa li tippromwovi u tirregola l-futbol professjonali u amateur f’dan l-Istat Membru. Hija membru tal‑Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA) u tal‑Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA). |
|
23. |
Il-Comitato Olimpico Nazionale Italiano (il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan, iktar ’il quddiem iċ-“CONI”) huwa, min-naħa tiegħu, korp tad-dritt pubbliku li għandu s-sede tiegħu fl-Italja. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet sportivi Taljani differenti. |
|
24. |
Fl‑1 ta’ April 2022, il-Procura Federale Presso La Federazione Italiana Giuoco Calcio (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali tal-FIGC, l‑Italja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Federali”), li huwa l‑korp tal‑FIGC kompetenti fil-qasam ta’ proċeduri dixxiplinari, ressaq kawża quddiem it-Tribunale Federale nazionale (il-Qorti Federali Nazzjonali tal-FIGC, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Qorti Federali”) kontra diversi klabbs tal-futbol professjonali Taljani, fosthom il‑Juventus, kif ukoll kontra diversi diretturi tagħhom. L-Uffiċċju tal‑Prosekutur Federali qiegħed jakkuża b’mod partikolari lil dawn tal-aħħar li kisru l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità msemmija fl‑Artikoli 4 u 31 tal-Kodiċi tal‑Ġustizzja Sportiva tal-FIGC. B’mod partikolari, huwa jikkritika lil ZD u lil MI, essenzjalment, li pparteċipaw fit-twaqqif ta’ sistema ta’ qligħ kapitali fittizju ta’ ammont ta’ iktar minn EUR 60 miljun billi wettqu jew approvaw il-preżenza, fid‑dikjarazzjonijiet finanzjarji u kontabbli tal-Juventus għas-snin 2020 u 2021, ta’ dikjarazzjonijiet li kienu jippreżentaw b’mod falz sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ servizzi sportivi ta’ plejers, u għalhekk ta’ trasferimenti, bħala tranżazzjonijiet indipendenti. Fil-fatt, skont l‑Uffiċċju tal-Prosekutur Federali, dawn kienu, fir-realtà, tranżazzjonijiet ta’ trasferimenti, bil-għan li jevitaw l-applikazzjoni tal-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà applikabbli għal dawn tal-aħħar u, fl-aħħar mill-aħħar, biex jiddikjaraw riżultati u patrimonju ikbar mir-riżultati u mill-patrimonju reali tal-klabbs li kienu jipparteċipaw f’din is-sistema. |
|
25. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2022, il-Qorti Federali, li hija l-korp tal‑FIGC kompetenti, b’mod partikolari, fil-qasam tas‑sanzjonijiet dixxiplinari, adottat deċiżjoni li fiha ma sabitx ħatja lill‑persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi involuti f’din il-kawża ( 8 ). |
|
26. |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte Federale d’appello presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (il-Qorti tal-Appell Federali tal‑FIGC, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Appell Federali”). |
|
27. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2022, il-Qorti tal-Appell Federali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Federali ( 9 ). |
|
28. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali rċieva mingħand l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it‑Tribunale di Torino (il-Qorti ta’ Torino, l-Italja), il-kopja tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess ta’ proċedura kriminali miftuħa parallelament mill‑prosekutur pubbliku fir-rigward tal-fatti koperti bl-azzjoni msemmija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Wara li rċevihom, l‑Uffiċċju tal-Prosekutur Federali qies li dawn id-dokumenti kienu jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ rikors għal reviżjoni parzjali quddiem il‑Qorti tal-Appell Federali. |
|
29. |
Matul ix-xahar ta’ Jannar 2023, il-Qorti tal-Appell Federali adottat deċiżjoni li fiha hija laqgħet ir-rikors għal reviżjoni tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur Federali ( 10 ). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija b’mod partikolari imponiet fuq ZD u MI sanzjoni dixxiplinari li tikkonsisti f’projbizzjoni milli jeżerċitaw attivitajiet fi ħdan il-FIGC għal perijodu ta’ 24 xahar, akkumpanjata b’talba sabiex din tiġi estiża għall-UEFA u għall-FIFA. |
|
30. |
Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata, b’mod partikolari, minn ZD u MI quddiem il-Collegio di Garanzia della Sport presso il Comitato Olimpico Nazionale Italiano (il-Bord tal-Garanzija Sportiva fi ħdan iċ-CONI, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Garanzija Sportiva”), li hija l-qorti suprema tal-ġustizzja sportiva. |
|
31. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2023, il-Bord tal-Garanzija Sportiva ċaħad ir-rikors ta’ ZD u dak ta’ MI, filwaqt li laqa’ dawk imressqa minn persuni oħra u rrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal‑Appell Federali, sabiex jippermetti lil din tal-aħħar tistabbilixxi f’mod finali s-sanzjonijiet dixxiplinari li għandhom jiġu imposti ( 11 ). |
|
32. |
Fil‑25 ta’ Mejju 2023, ingħata digriet li ma hemmx lok li jittieħdu passi ulterjuri fil-proċedura kriminali hawn fuq imsemmija. |
|
33. |
Sussegwentament, ZD u MI ippreżentaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors kontra d‑deċiżjonijiet adottati suċċessivament mill-Qorti tal-Appell Federali u mill-Bord tal-Garanzija Sportiva, fejn dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrigwardawhom. |
|
34. |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tindika, fl-ewwel lok, li, permezz tar-rikors rispettiv tagħhom, ZD u MI talbuha, prinċiparjament, li tissospendi kif ukoll tannulla s-sanzjoni dixxiplinari li ġiet imposta fuqhom mill-Qorti tal-Appell Federali u, b’mod sussidjarju biss, tikkumpensa d-danni li din tikkawżalhom. Madankollu, hija obbligata, skont il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, kif interpretata mill‑Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), tiċħad dawn iż-żewġ rikorsi bħala “inammissibbli minħabba nuqqas ta’ kompetenza” inkwantu huma intiżi sabiex jiġu annullati dawn is-sanzjonijiet dixxiplinari. |
|
35. |
Fil-fatt, f’żewġ sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2011 ( 12 ) u tas‑17 ta’ April 2019 ( 13 ), il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) kkunsidrat, essenzjalment, li l-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi Nru 280/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lill-“korpi tal-ġustizzja sportiva”, li jinkludu l-Qorti Federali, il-Qorti tal-Appell Federali u l-Bord tal-Garanzija Sportiva, kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedu talbiet ta’ sospensjoni u ta’ annullament ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi li huma membri, jew tessarati, ta’ assoċjazzjonijiet sportivi Taljani differenti. Min-naħa tagħha, il-qorti amministrattiva għandha kompentenza b’mod esklużiv, bis-saħħa tal-Artikolu 133(1)(z) tal‑Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, sabiex tiddeċiedi t-tilwim li għandu bħala suġġett atti taċ-CONI u ta’ assoċjazzjonijiet sportivi Taljani li ma humiex rriżervati għall-“korpi tal-ġustizzja sportiva”. Fost dan it-tilwim jinsabu r-rikorsi li permezz tagħhom il‑persuni li fuqhom ġew imposti tali sanzjonijiet dixxiplinari jitolbuha, wara “li jiġu eżawriti r-rimedji tal-entitajiet ġudizzjarji tal‑ordinament sportiv”, sabiex tistħarreġ b’mod inċidentali l-legalità tagħhom sabiex tikseb “protezzjoni ġudizzjarja b’effett ekwivalenti” tas-“sitwazzjoni ġuridika suġġettiva” tagħhom kif ukoll tad-“drittijiet u interessi leġittimi” tagħhom. Tali protezzjoni tista’ tieħu biss il-forma ta’ kumpens pekunjarju għad-dannu kkawżat lil dawn il-persuni. |
|
36. |
Kif jirriżulta minn dawn l-istess sentenzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tibbaża din l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet differenti inkwistjoni tal-Liġi Nru 280/2003 u tal‑Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva fuq il-konstatazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet huma l-frott tal-“kompromess raġonevoli” li ġie applikat mil-leġiżlatur Taljan, fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 280/2003, bejn il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u integrali bbażata fuq l‑Artikoli 24, 103 u 113 tal-Kostituzzjoni, minn naħa, u l-ħtieġa li tiġi protetta l-awtonomija tal-ordinament sportiv, li huwa protett bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 18 ta’ din il-Kostituzzjoni, min-naħa l-oħra. Il‑protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati hija b’hekk żgurata b’mod effettiv mill-“ġustizzja sportiva”, li hija fergħa speċjalizzata li tirriżulta mill-“ġustizzja interna tal-assoċjazzjonijiet”, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet legali, bħal dawk li jirriżultaw mill‑impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, li huma rilevanti għall-“ordinament ġuridiku settorjali” li jikkostitwixxi l-“ordinament sportiv”, iżda mhux għall‑“ordinament ġuridiku ġenerali”. B’mod parallel, il‑protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-“sitwazzjoni ġuridika suġġettiva” ta’ dawn il‑persuni fir-rigward tal-“ordinament ġuridiku ġenerali” tkompli tkun żgurata mill-amministrattivi. |
|
37. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi kemm dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn ZD u MI kif ukoll dwar il-mertu ta’ dawn ir-rikorsi. |
|
38. |
Fit-tielet u fl-aħħar lok, hija tistipula, essenzjalment, li għandha dubji dwar il-konformità tal-Liġi Nru 280/2003 mad-dritt tal-Unjoni. |
|
39. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fil-Kawża C‑424/24, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
40. |
Huwa f’dawn l-istess ċirkustanzi li, fil-Kawża C‑425/24, le Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja, essenzjalment, l-istess domandi preliminari. |
|
41. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ZD, MI, iċ-CONI, l-FIGC, il-Gvern Taljan u dak Portugiż, u mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
42. |
It-trattazzjonijiet orali ta’ ZD, MI, iċ-CONI, l-FIGC, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2025. |
Analiżi
|
43. |
Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw esklużivament l-ewwel u t-tielet domandi preliminari. Ser nittratta l-ewwel nett it-tielet domanda qabel ma niddiskuti l-ewwel waħda. |
Fuq it-tielet domanda
|
44. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49, 56, 101 u 102 TFUE ( 16 ) għandhomx jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li tippermetti li l-korpi sportivi jimponu fuq direttur ta’ klabb sportiv sanzjoni dixxiplinari li għandha l-effett li tipprojbixxih milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu fuq kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali għal perijodu ta’ 24 xahar. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
45. |
Il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ( 17 ), billi tqis li, f’dawn it-talbiet, il-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom qed titlob l-interpretazzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
46. |
Skont il-Kummissjoni, it‑tilwima fil-kawża prinċipali tidher li ma għandhiex natura transkonfinali. Skont hi, l-elementi kollha ta’ din il-kawża huma limitati għall-Italja, peress li jirrigwardaw sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq diretturi Taljani marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol ma’ klabb tal-futbol Taljan u li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. Fil-fatt, dawn is-sanzjonijiet jikkonsistu “f’projbizzjoni temporanja milli jeżerċitaw attivitajiet fi ħdan il-FIGC għal perijodu ta’ 24 xahar, akkumpanjata b’talba sabiex din tiġi estiża għall-UEFA u għall-FIFA”. Kien ikun hemm biss ostakolu għall-moviment liberu tad-diretturi kkonċernati fil-mument fejn il-FIFA tat risposta pożittiva għat-talba għall-estensjoni globali tal-portata ġeografika tas-sanzjonijiet imsemmija, imressqa mill-FIGC. |
|
47. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qablet li twieġeb mistoqsijiet li jsirulha f’każijiet fejn, minħabba l-għan jew in-natura tagħha stess, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħet tipproduċi effetti transkonfinali ( 18 ). Dan huwa l-każ tal-leġiżlazzjoni Taljani inkwistjoni, li tipprevedi, fost is-sanzjonijiet maħsuba biex jiżguraw il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ċerti sanzjonijiet li jistgħu jkunu akkumpanjati minn talba għal estensjoni fil-kuntest tal-UEFA u tal-FIFA. |
|
48. |
Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. |
Fuq il-mertu
|
49. |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett ta’ din id-domanda, li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC, jirregolaw ċerti aspetti tal-attività ta’ sanzjoni tiegħu. Maħruġ mill-assoċjazzjoni tad-dritt privat li hija l-FIGC, dan il-Kodiċi ġie approvat miċ-CONI. Fil-fatt, dan l-aħħar korp, li għandu natura pubblika, huwa mitlub jevalwa l-konformità tiegħu mal-liġi, mal-Istatut tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan (l-Istatut taċ-CONI) ( 19 ), mal‑prinċipji fundamentali, kif ukoll mal-orientazzjonijiet u l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI ( 20 ). |
|
50. |
Sussegwentement huwa neċessarju li jiġu eżaminati d-domandi relatati mal-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mar-regoli tal-kompetizzjoni (Artikoli 101 u 102 TFUE), fl-ewwel lok, u mar-regoli relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 45 u 56 TFUE), fit-tieni lok. Madankollu, jidher opportun li jsir kumment preliminari. |
|
51. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività sportiva hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni meta tikkostitwixxi attività ekonomika. Kif indikat reċentament il-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati b’mod esklużiv għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika, u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali, li għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika ( 21 ). Huwa ċar li regoli relatati mal-ġestjoni ekonomika ta’ klabb sportiv professjonali, bħalma huma dawk tal-każ inkwistjoni, ma jaqgħux taħt din il-kategorija u għalhekk ma jaqgħux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
52. |
Fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, il-qorti tar-rinviju jidher li għandha dubji dwar jekk id-deċiżjonijiet meħuda mill-assoċjazzjonijiet tad-dritt privat li jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ futbol, bħad-deċiżjoni tal-impożizzjoni tas-sanzjoni inkwistjoni, għandhomx jiġu kklassifikati bħala “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” u li jaqgħu għalhekk taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni. |
|
53. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt din il‑projbizzjoni, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi jew prattika miftiehma għandhom ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll ikollhom “bħala għan jew effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ( 22 ). Ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ għalhekk jiġi kkonstatat biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti. |
|
54. |
Issa, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi”, mill-proċess ma jirriżulta bl-ebda mod li restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, bħala għan jew effett, jistgħu jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni u mis-sanzjonijiet li hija tippermetti li jiġu imposti. |
|
55. |
Din il-leġiżlazzjoni tikkonċerna fil-fatt l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fuq persuni fiżiċi bħal diretturi ta’ klabbs tal‑futbol. Madankollu, l-ebda element tal-proċess ma jissuġġerixxi li l‑impożizzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet tista’ tirriżulta, b’mod indirett, fir‑relegazzjoni tal-klabb tal-futbol li fi ħdanu d-diretturi ssanzjonati kienu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tikkawża distorsjoni fil‑kompetizzjoni bejn l-impriżi. |
|
56. |
Fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-isfruttament abbużiv minn impriża waħda jew iktar tal‑pożizzjoni dominanti tagħha/tagħhom fis-suq intern, sa fejn il‑kummerċ bejn l-Istati Membri jkun jista’ jiġi affettwat minn dan. B’dan il-mod, hija għandha l-għan li tevita li ssir ħsara lill-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, billi tikkastiga l-imġiba ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li tillimita jew tipprevjeni l-kompetizzjoni fuq il-mertu u li b’hekk jistgħu jikkawżaw dannu dirett jew indirett lil dawn tal-aħħar ( 23 ). |
|
57. |
F’dan il-każ, anki jekk jiġi aċċettat li l-FIGC u ċ-CONI jistgħu jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiena ma narax f’liema suq dawn għandhom pożizzjoni dominanti u li jistgħu jisfruttawha b’mod abbużiv permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li jimponu sanzjonijiet fuq id-diretturi ta’ klabbs tal-futbol. |
|
58. |
Konsegwentement, l-allegata assenza ta’ kriterji materjali trasparenti, ċari u preċiżi li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa li jimponu sanzjonijiet, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fi kwalunkwe każ, ma tqajjem l-ebda problema fir-rigward tal‑Artikolu 102 TFUE ( 24 ). |
|
59. |
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-każ inkwistjoni. |
|
60. |
Dwar ir-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet kollha tat‑Trattat FUE relatati mal-moviment liberu tal-persuni għandhom l‑għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attività professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu lil dawn iċ-ċittadini f’pożizzjoni żvantaġġjata meta jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 25 ). Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ‑ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l‑artikolu. L-istess kriterju legali japplika f’dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif prevista fl-Artikolu 56 TFUE ( 26 ). |
|
61. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li s-sanzjonijiet dixxiplinari previsti mill-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC u imposti b’mod partikolari fuq id-diretturi tal-klabbs ta’ futbol professjonali Taljani, jistgħu jipprekludu lil dawn id-diretturi milli jaċċettaw offerti ta’ impjieg ma’ klabbs oħra tal-football Ewropej jew milli jaġixxu bħala fornituri ta’ servizzi għal dawn l-istess klabbs. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tad-diretturi ssanzjonati fis-sens tal‑Artikoli 45 u 56 TFUE ma jidhirx li tista’ tiġi kkontestata. |
|
62. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, tali ostakolu jista’ madankollu jiġi aċċettat meta ikun stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati hija ġġustifikata minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali u, it-tieni nett, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 27 ). |
|
63. |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali, għandu jiġi spjegat is-segwenti. |
|
64. |
Mill-proċess jirriżulta li l-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC jistipula l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità f’kull relazzjoni b’xi mod relatata mal‑attività sportiva, taħt piena ta’ sanzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Kodiċi. |
|
65. |
L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha l-għan li tindirizza l-imġiba li tikser il-prinċipji ta’ parteċipazzjoni leali fil‑kompetizzjonijiet sportivi u, għalhekk, l-ugwaljanza fit-trattament tal‑klabbs involuti. |
|
66. |
Imġiba bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 28 ) tippermetti lill-klabb li għalih jappartjenu jikseb vantaġġ ekonomiku illeċitu meta mqabbel mal-klabbs l-oħra li jipparteċipaw fl-istess kompetizzjonijiet. B’hekk hija tikkomprometti l-kundizzjonijiet ekwi ta’ parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet bejn il-klabbs involuti fihom. Għaldaqstant, is-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan li tiżgura li l-kompetizzjoni sportiva sseħħ b’mod leali u ugwali, f’kundizzjonijiet li mhux iffalsifikati minn frodi. |
|
67. |
Min-naħa tiegħi, jiena persważ li tali għan jista’ jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja reċentament irrikonoxxiet li “l-għan li tiġi żgurata r-regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġi segwit minn assoċjazzjoni sportiva” ( 29 ). |
|
68. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex adattata sabiex tiżgura li dan l-għan jintlaħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq, għandu jiġi nnotat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-ħtieġa li s-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom il-korpi awtorizzati li jimponu sanzjonijiet ma tiġix eżerċitata b’mod arbitrarju. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li l-assoċjazzjonijiet bħall-FIGC għandhom id-dritt li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tar-regoli inklużi fil-kodiċi ta’ ġustizzja sportiva tagħhom meta dawn ir-regoli u s-sanzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tagħhom ikunu ġġustifikati b’għan leġittimu ta’ interess ġenerali. Madankollu, skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, tali sanzjonijiet jistgħu jiġu ammessi biss bil‑kundizzjoni li l-iffissar tagħhom isir skont kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati. Dan l-aħħar rekwiżit jimplika, b’mod partikolari, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ fid-determinazzjoni tal-ammont u tat‑tul tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv ( 30 ). |
|
69. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex adattata sabiex tiżgura l-għan li l-kompetizzjoni sportiva sseħħ b’mod leali u ugwali u jekk tmurx lil hinn minn dawk li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. |
|
70. |
Madankollu, nixtieq nenfasizza li l-Artikoli 12 sa 18 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC, li jinsabu fit-taqsima II ta’ dan il-kodiċi bl-isem “Applikazzjoni tas-sanzjonijiet”, jistgħu jitqiesu li jirregolaw is‑setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet inkwistjoni b’mod konformi ma’ dak meħtieġ mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq. |
|
71. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l‑Artikoli 45 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik f’dan il-każ, li tippermetti lill-awtoritajiet sportivi jimponu sanzjoni dixxiplinari fuq direttur ta’ klabb sportiv li tipprojbixxih milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali għal perijodu ta’ 24 xahar, sakemm din il-leġiżlazzjoni u s-sanzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-konformità huma ġġustifikati b’għan leġittimu ta’ interess ġenerali u l-iffissar ta’ dawn is-sanzjonijiet isir skont kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati. Bl-istess mod, l-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali. |
Fuq l-ewwel domanda
|
72. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 31 ), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju tas-sanzjonijiet dixxiplinari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn korpi nazzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati mal-klassifikazzjoni ta’ “qorti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għal stħarriġ inċidentali li, fil-każ ta’ illegalità, jista’ jwassal biss għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill‑persuni li fuqhom ġew imposti dawn is-sanzjonijiet dixxiplinari, u b’hekk tiġi eskluża l-possibbiltà għall-qorti kompetenti li tannulla tali sanzjonijiet dixxiplinari u, li tagħti, jekk ikun il-każ, miżuri provviżorji lill-persuni kkonċernati. |
Fuq l-ammissibbilta
|
73. |
Il-Gvern Taljan jargumenta li l-mistoqsija preżenti ma hijiex ammissibbli għaliex l-effetti tal-projbizzjoni li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi nazzjonali tal-ġustizzja sportiva huma eżawriti b’mod imminenti. Speċifikament, dan il-Gvern ifakkar, minn naħa, li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ġew ikkundannati għal perijodu ta’ 24 xahar, u, min-naħa l-oħra, li din is-sanzjoni ġiet imposta mill-Qorti tal-Appell Federali f’deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2023, li kienet infurzabbli immedjatament. Minn dan isegwi li l-projbizzjoni inkwistjoni kellha tiskadi fl‑20 ta’ Jannar 2025, u sa dak iż-żmien id-deċiżjoni preliminari preżumibbilment ma tkunx għadha ngħatat. Għalhekk, l-annullament tal-projbizzjoni ma jibqax ta’ benefiċċju reali għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, peress li l-effetti li jkunu ppruvaw jeliminaw, permezz tar-rikors għal annullament, ikunu diġà ntemmu. |
|
74. |
Huwa ċertament minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kieku kellu jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu effettivament tilfu l-interess tagħhom li jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, id-domandi preliminari ma jibqgħux rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tasal għall-konklużjoni li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni ( 32 ). |
|
75. |
Madankollu, ma nemminx li dan huwa l-każ hawnhekk. Ninnota wkoll li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali speċifikaw li annullament possibbli tad-deċiżjoni inkwistjoni mill-qorti tar-rinviju jipproteġi l-interessi morali tagħhom billi jħassar, jew saħansitra jimminimizza, l-impatt tas-sanzjonijiet dixxiplinarji fuq ir-reputazzjoni tagħhom. |
Fuq il-mertu
|
76. |
Qabelxejn għandu jitfakkar li din id-domanda tirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 280/2003, li tistipula l-prinċipji fundamentali li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-ordinament sportiv l-ordinament ġuridiku statali. |
|
77. |
Il-qafas ġuridiku stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej. |
|
78. |
Il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad‑difiża msemmija fil-Kostituzzjoni, fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kien suġġett għal “kompromess raġonevoli” mal-prinċipju tal-“awtonomija tal‑ordinament sportiv” li jirriżulta mill-Artikoli 2 u 18 tagħha. Dan l‑ibbilanċjar huwa rifless bil-ħolqien ta’ “riżerva ta’ kompetenza” favur il-korpi tal-ġustizzja stabbiliti fi ħdan assoċjazzjonijiet sportivi Taljani u taċ-CONI, li permezz tagħha dawn il-korpi huma esklużivament kompetenti sabiex jannullaw sanzjonijiet dixxiplinari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Mill-banda l-oħra, il-qrati amministrattivi jibqgħu kompetenti, wara li jkunu ġew eżawriti t-tliet gradi tal-ġustizzja sportiva, biex jagħtu kumpens pekunjarju lill-persuni kkonċernati f’każ ta’ illegalità ta’ dawn is‑sanzjonijiet dixxiplinari. |
|
79. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan isostni li l‑kuntest ġuridiku jiddefinixxi karatteristika essenzjali tal-“identità nazzjonali” tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4 TUE. Fl-opinjoni tiegħi, din ir‑rimarka tirrikjedi li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza rilevanti ( 33 ). |
– Dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4(2) TUE u t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE
|
80. |
L-Artikolu 4(2) TUE jistipula b’mod partikolari li l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri li hija inerenti għall-istrutturi politiċi u kostituzzjonali tagħhom. |
|
81. |
It-termini tar-relazzjoni bejn dan l-Artikolu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ġew espressament iddefiniti fis-sentenzi L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill ( 34 ) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u l-ħajja privata tal-imħallfin) ( 35 ). |
|
82. |
F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li r-rekwiżiti li jirriżultaw, bħala kundizzjonijiet kemm ta’ adeżjoni kif ukoll ta’ parteċipazzjoni fl-Unjoni, mill‑osservanza ta’ valuri u prinċipji bħal dawk tal-Istat tad-dritt, il‑protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-indipendenza tal-ġudikatura, stabbiliti fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), jistgħu jaffettwaw l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru fis-sens tal‑Artikolu 4(2) TUE. Minn dan jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni, li trid tinqara fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet tal-istess livell, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 19 TUE, ma tistax teżenta lill-Istati Membri mill‑osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnhom. Għalhekk, anki jekk, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal‑Istati Membri, intrinsika fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, b’tali mod li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, dan l-ebda mod ma jfisser li dan l-obbligu ta’ riżultat jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Fil-fatt, filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali distinti, li l-Unjoni tirrispetta, l-Istati Membri jaderixxu għal kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li jaqsmu, bħala valur komuni għat‑tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom, u li ħadu impenn li josservaw b’mod kontinwu. Minn dan jirriżulta li, fl-għażla tal-mudell kostituzzjonali tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati li jkunu konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) kif interpretati mill-Qorti tal‑Ġustizzja ( 36 ). |
|
83. |
Fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal‑Unjoni li jipprevjeni interpretazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jinvokaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, li ttellef l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, li għandha tiddetermina l-portata tal-prinċipju tas-supremazija fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan id-dritt, b’tali mod li din il-portata ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u lanqas mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni adottata minn qorti nazzjonali, bħall‑Corte costituzionale (il‑Qorti Kostituzzjonali), li ma tkunx taqbel ma’ dik tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 37 ). |
|
84. |
Għalhekk, fejn kważi ma hemm l-ebda dubju li r-Repubblika Taljana għandha d-dritt tipprovdi sistema ta’ ġustizzja awtonoma biex tippermetti lill-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali jipproteġu l‑prerogattivi tagħhom fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, l‑implimentazzjoni normattiva ta’ tali sistema xorta ma tistax tikkawża preġudizzju għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
85. |
Qabel tiġi eżaminata d-domanda dwar jekk tali preġudizzju jseħħx fil‑każ preżenti, huwa xieraq li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kontenut tal-protezzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) joffri lill-partijiet f’kawża. |
– Fuq il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)
|
86. |
Fis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom skont id-dritt tal-Unjoni, li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-konstatazzjoni wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika, fl-ewwel lok, li din l-aħħar dispożizzjoni għandha “tittieħed debitament inkunsiderazzjoni” għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ( 39 ), u, fit-tieni lok, li mad-dritt għal rimedju effettiv protett mill-Artikolu 47 tal-Karta hemm jikkorrispondi l‑obbligu fuq l-Istati Membri, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), li jistabbilixxu sistema ta’ rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 40 ). |
|
87. |
B’hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta intuża sabiex jiġi ddefinit il‑kontenut sostantiv tal-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1), u dan fi tliet aspetti. L-ewwel nett, minn perspettiva organika, dan l-obbligu jimplika li l-qrati li jistgħu jinterpretaw jew japplikaw id-dritt tal-Unjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni ta’ “qorti”, bħal dawk ta’ indipendenza, imparzjalità, u ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi” ( 41 ). It-tieni nett, fuq il-livell proċesswali, l-imsemmi obbligu jimplika li l-garanziji differenti relatati ma’ “smigħ xieraq” għandhom jiġu osservati quddiem dawn il‑qrati ( 42 ). It-tielet nett, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, mis-sentenza Royal Football Club Seraing ( 43 ), mogħtija wara l-għeluq tal‑proċedura bil-miktub f’din il-kawża u li kienet suġġett ta’ dibattitu intensiv waqt is-seduta, jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta jirrikjedi li dawn il-qrati jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-atti, tal-miżuri jew tal-aġir li fir-rigward tagħhom jiġi sostnut li dawn ikunu kisru d-drittijiet jew il-libertajiet ta’ parti f’kawża. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinit ukoll ir‑rekwiżiti li dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jissodisfa sabiex jiġi kklassifikat bħala effettiv ( 44 ). Dawn ir-rekwiżiti għandhom ċerta importanza għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari. |
|
88. |
Infakkar li, din il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda regoli nazzjonali li kienu jagħtu lil sentenzi ta’ arbitraġġ maħruġa minn qorti ta’ Stat terz (il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport) l‑awtorità ta’ res judicata bejn il-partijiet fit-territorju ta’ Stat Membru u, b’konsegwenza ta’ hekk, saħħa probatorja fir-relazzjonijiet bejn il‑partijiet fil-kawża u t-terzi. Issa, peress li l-konformità ta’ dawn is‑sentenzi mad-dritt tal-Unjoni ma kinitx suġġetta għal stħarriġ minn qabel minn qorti kompetenti li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, qamet il-kwistjoni dwar jekk tali regoli nazzjonali kinux josservaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), moqri fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
89. |
Il-punti ewlenin tar-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir‑risposta tagħha huma mqassra fit-tliet punti li ġejjin ( 45 ). |
|
90. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ma jirrikjedix rimedju ġudizzjarju dirett li jippermetti lill-individwi jikkontestaw dawn is-sentenzi ta’ arbitraġġ, sakemm ikun hemm, fis-sistema ġudizzjarja nazzjonali, possibbiltà għall-individwi li jiksbu, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ dawn is-sentenzi u jiżguraw ir-rispett tad‑drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilhom ( 46 ). |
|
91. |
Sabiex ikun effettiv, dan l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex isolvu t-tilwimiet li fil-kuntest tagħhom l-imsemmija sentenzi jkunu ngħataw, iżda jista’ validament ikun ta’ natura limitata. Fi kwalunkwe każ, il-qrati kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw jekk tali sentenzi humiex kompatibbli mal-prinċipji u mad‑dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni u li huma rilevanti fil-kuntest tat-tilwima kkonċernata, bħal-libertà ta’ moviment liberu ta’ ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 45 u 56 TFUE ( 47 ), rispettivament. |
|
92. |
Barra minn hekk, meta jqisu li dawn l-istess sentenzi huma inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji u dispożizzjonijiet, dawn il-qrati għandhom ikunu jistgħu jisiltu, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, il-konsegwenzi ġuridiċi kollha meħtieġa fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ tali inkompatibbiltà ( 48 ). B’mod partikolari, fil-każ fejn ikun hemm inkwistjoni ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-imsemmija qrati għandhom ikunu jistgħu mhux biss li jikkonstataw dan il-ksur u jordnaw il-kumpens għad‑dannu li huwa kkawżalhom, iżda wkoll li jannullaw id-deċiżjoni vvizzjata minn tali ksur ( 49 ). Din is-setgħa għandha neċessarjament tkun akkumpanjata mis-setgħa li tagħti l-miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil‑mertu, inkluż fil-każ fejn dawn l-istess qrati jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u jissospendu l-proċeduri sakemm tingħata r-risposta mingħandha ( 50 ). |
|
93. |
Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Taljan waqt is-seduta f’dawn il-kawżi, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda Cairo Network ma hijiex ta’ natura li tintroduċi eċċezzjoni għal dawn l-aħħar prinċipji. |
|
94. |
Nispjega ruħi. Skont dan il-Gvern, mis-sentenza Cairo Network jirriżulta li, għalkemm l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ġeneralment jirrikjedi li l-qorti nazzjonali jkollha s-setgħa li tħassar il-konsegwenzi negattivi kollha ta’ att jew ta’ imġiba adottati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-għoti ta’ sempliċi kumpens pekunarju jista’ jiġi ġġustifikat meta, bħal f’dan il-każ, tali annullament ikun jista’ jikkawża preġudizzju lil interess pubbliku. |
|
95. |
Is-sanzjonijiet dixxiplinari inkwistjoni, applikati għal persuni fiżiċi, kienu marbuta mal-impożizzjoni ta’ punti ta’ penali fil-klassifika tal-klabb tal-futbol li magħhom kienu impjegati dawn il-persuni, fil-qafas tal-kampjonat nazzjonali Taljan tal-futbol tal-ewwel diviżjoni (serje A). Kieku kien possibbli li l-qorti nazzjonali tintalab tħassar jew temenda dawn is-sanzjonijiet, jew anki sempliċement li tissospendihom provviżorjament, kienet tinħoloq sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-klassifika finali ta’ dan il-kampjonat li kienet iddum għal perijodu inkompatibbli mar-rekwiżit li jiġu nnominati t-timijiet nazzjonali kkwalifikati għall-kompetizzjonijiet Ewropej. Sitwazzjoni bħal din tikkawża b’mod ċar preġudizzju għall-kontinwità tal-kampjonat tal‑futbol Taljan. |
|
96. |
F’dan ir-rigward, jidhirli neċessarju li nfakkar dan li ġej. Huwa veru li, fis-sentenza Cairo Network, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-limitazzjoni tas-setgħat tal-qorti kompetenti sabiex teżamina r-rikorsi ppreżentati kontra atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju mhux neċessarjament tfisser li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq minn din il-qorti ma kienx effettiv ( 51 ). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li differenti minn dawn il-kawżi, din is-sentenza ngħatat f’qasam irregolat mid-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiġifieri mid-direttiva “qafas” fil-qasam tal‑komunikazzjoni elettronika ( 52 ) u d-Deċiżjoni (UE) 2017/899 dwar l‑użu tal-banda ta’ frekwenzi 470–790 MHz fl-Unjoni ( 53 ). |
|
97. |
Dan ma huwiex element insinjifikattiv. Fil-fatt, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jannullaw l‑imsemmija atti kellha r-riskju li tfixkel il-konfigurazzjoni mill-ġdid tal‑banda ta’ frekwenzi 700 MHz, meħtieġa mid-Deċiżjoni 2017/899, u li b’hekk tikkawża preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tal-5G fl‑Unjoni ( 54 ). |
|
98. |
Minn dan nikkonkludi li l-fatt li tiġi prevista s-sempliċi possibbiltà li jingħata kumpens finanzjarju, bl-esklużjoni tal-possibbiltà li jiġi annullat l-att ivvizzjat b’illegalità, huwa ġġustifikat meta tali annullament ikun jirriskja li jikkawża preġudizzju lil wieħed mill-għanijiet tal‑leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, li mhux il-każ f’din il-kwistjoni. |
Konklużjoni dwar l-ewwel domanda
|
99. |
Minn dan jirriżulta għalhekk li s-sanzjonijiet dixxiplinari, bħal dawk f’dan il-każ, għandhom ikunu s‑suġġett ta’ stħarriġ, anki jekk inċidentali, minn korpi li jissodisfaw ir‑rekwiżiti marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ “qorti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jirrigwardaw il-kompatibbiltà ta’ dawn is-sanzjonijiet mal‑prinċipji u d-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni, u li jwasslu, f’każ ta’ illegalità, għall-annullament tagħhom. |
|
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill‑Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal‑Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet dixxiplinari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn “qrati” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għal stħarriġ b’mod inċidentali li jista’, f’każ ta’ illegalità, iwassal esklużivament għall-għoti ta’ kumpens pekunjarju lill-persuni li fuqhom ġew imposti s-sanzjonijiet. Dawn il-qrati għandhom ikunu jistgħu jannullaw tali sanzjonijiet u japprovaw, jekk ikun il-każ, il-miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed fuq il-mertu ( 55 ). |
|
101. |
Nixtieq nenfasizza li r-risposta li qiegħed nipproponi hija bbażata fuq il-premessa li l-istħarriġ mill-qrati amministrattivi Taljani jikkostitwixxi l-uniku stħarriġ imwettaq minn “qrati” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet dixxiplinari sportivi. Jekk, min-naħa l-oħra, wieħed mill-korpi tal-ġustizzja sportiva Taljani, li l-effettività tal-istħarriġ tal-legalità tiegħu ma hijiex ikkontestata hawn, kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha marbuta mal‑klassifikazzjoni ta’ “qorti”, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ( 56 ). |
|
102. |
Għalhekk jidhirli li huwa utli li niddedika ftit spjegazzjonijiet fuq din il-kwistjoni relatata mal-klassifikazzjoni ta’ “qorti” tal-korpi ġudizzjarji tal-ordinament sportiv Taljan. |
– Fuq il-klassifikazzjoni bħala “qorti” tal-korpi ġudizzjarji tal‑ordinament sportiv Taljan
|
103. |
Skont ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Vaassen-Göbbels ( 57 ), il-klassifikazzjoni ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tippresupponi li ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l‑applikazzjoni, minn dan il-korp, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l‑indipendenza tiegħu ( 58 ). |
|
104. |
Ir-rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi aspett ta’ ordni esterna u aspett ta’ ordni interna. Dan tal-aħħar jissieħeb mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil‑kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha ( 59 ). Hija preċiżament l-imparzjalità tal-korpi ġudizzjarji tal‑ordinament sportiv Taljan li għandha tkun, fl-opinjoni tiegħi, is‑suġġett ta’ eżami ddettaljat mill-qorti tar-rinviju. |
|
105. |
B’hekk, fid-dawl tal-kuntest tal-kawżi prinċipali, tali eżami ma għandux jinjora l-qafas ġuridiku ta’ analiżi li jirriżulta mis-sentenza Ali Riza et vs It‑Turkija ( 60 ), mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 61 ) |
|
106. |
Għandu jitfakkar li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza oriġinat minn rikorsi ppreżentati quddiem il-Kumitat ta’ Arbitraġġ tal‑Federazzjoni Turka tal-Futbol (TFF) kontra deċiżjonijiet meħuda fil‑konfront ta’ plejers jew ta’ referees tal-futbol mill-Kumitat tar‑Riżoluzzjoni tat-Tilwim (DRC) u l-Kummissjoni Dixxiplinari ta’ din il-federazzjoni rispettivament. Wara li ġie osservat li l-membri tal‑Kumitat ta’ Arbitraġġ kienu maħtura mill-conseil d’administration (il-Bord tad-Diretturi) tat-TFF, min-naħa tiegħu maħtur kollu kemm hu mill-Assemblea Ġenerali ta’ din l-istess federazzjoni (il-Kungress), u li l-Bord tad‑Diretturi kellu marġni ta’ diskrezzjoni kbira fl-eżerċizzju tas-setgħa tal-ħatra tiegħu, il-Qorti EDB eżaminat, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm garanziji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-membri tal‑Kumitat ta’ Arbitraġġ jeżerċitaw l-funzjonijiet tagħhom mingħajr pressjonijiet esterni, u, fit-tieni lok, jekk il-Kumitat ta’ Arbitraġġ kienx kompost minn membri li setgħu jiġu kkunsidrati bħala indipendenti u imparzjali fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet professjonali involuti f’dawn il-proċeduri ( 62 ). |
|
107. |
Fuq l-ewwel punt, il-Qorti EDB qieset li l-membri tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ ma kinux protetti mill-pressjonijiet b’mod partikolari dawk tal‑Bord tad-Diretturi minħabba l-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ “rabtiet organizzattivi u strutturali qawwija” bejn iż-żewġ entitajiet, li tagħti indikazzjoni tal-“livell ta’ influwenza sinjifikattiva li jgawdi minnu l‑Bord tad-Diretturi fuq il-funzjonament tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ” ( 63 ). Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti EDB ikkunsidrat il-punti segwenti. Fl-ewwel lok, anki jekk il-membri ta’ dan il-kumitat kienu jgawdu minn sigurtà fl-impjieg, it-tul tal-mandat tagħhom kien jikkorrispondi ma’ dak tal-membri tal-Bord tad-Diretturi. It-tieni nett, il‑membri tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ kellhom id-dritt li jirċievu kumpens kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tat-trasport tagħhom u kumpens għall‑akkomodazzjoni li l-ammonti tagħhom kienu stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi. It-tielet nett, ma kienet prevista l-ebda proċedura speċifika f’każ ta’ kontestazzjoni mill-partijiet tal-indipendenza jew tal‑imparzjalità ta’ membru tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ. |
|
108. |
Dwar it-tieni punt, il-Qorti EDB rrilevat li l-Bord tad-Diretturi u l‑Assemblea Ġenerali tat-TFF kienu t-tnejn komposti prinċiparjament minn rappreżentanti ta’ klabbs tal-futbol, entitajiet inevitabilment involuti f’uħud mill-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ. |
|
109. |
Għandu jitfakkar li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni, l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti mill-FIGC u miċ-CONI taqa’ taħt il-kompetenza ta’ żewġ korpi intra-federali (il-Qorti Federali u l-Qorti tal-Appell Federali) u ta’ korp extra-federali (il-Bord tal-Garanzija Sportiva). |
|
110. |
Fir-rigward tal-Qorti Federali u tal-Qorti tal-Appell Federali, is‑setgħa tal-ħatra tal-membri tagħhom hija fdata lill-Consiglio federale (il-Kunsill Federali) ( 64 ) u l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jidher li huwa rregolat biss mill-kriterju tal-“kompetenza speċifika u tal-esperjenza miksuba fl-ordinament sportiv” ( 65 ). Ir-riskju li l-membri ta’ dawn il-korpi jkunu esposti għal pressjonijiet mill-Kunsill Federali jista’ jiżdied bil-fatt li t-tul tal-mandat tagħhom jikkorrispondi ma’ dak tal-kunsilliera federali (erba’ snin, li jista’ jiġġedded darbtejn) u li l-Commissione federale di garanzia (il-Kummissjoni Federali tal‑Garanzija) ( 66 ), innominata wkoll mill-Kunsill Federali, għandha s-setgħa li tirrevokahom, b’mod partikolari, “għal motivi serji ta’ opportunità” ( 67 ). |
|
111. |
Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Kunsill Federali, erbatax mill‑għoxrin membru tiegħu huma eletti mil-leagues nazzjonali tal-futbol differenti ( 68 ), li min-naħa tagħhom huma l-estensjoni tal-klabbs tal-futbol, li d-diretturi tagħhom jistgħu jkunu, bħal f’dan il-każ, implikati fil‑proċeduri quddiem l-istess korpi intra-federali. |
|
112. |
F’dak li jirrigwarda l-Bord tal-Garanzija Sportiva, in-nomina tal‑membri tiegħu hija rriżervata għall-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI ( 69 ). It-tul tal-mandat tagħhom (erba’ snin) jikkorrispondi għal dak tal-membri ta’ dan tal-aħħar ( 70 ). Il-Kunsill Nazzjonali jinnomina wkoll il-membri tal-Commissione di garanzia degli organi di giustizia, di controllo e di tutela dell’etica sportiva (il‑Kummissjoni ta’ Garanzija għall-korpi tal-ġustizzja, tal-kontroll u tal‑ħarsien tal-etika sportiva), li għandha s-setgħa tneħħi lill-membri tal‑Bord tal-Garanzija Sportiva ( 71 ). Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali huwa kkaratterizzat mill-preżenza tar-rappreżentanti tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali u l-maġġoranza tal-votanti fi ħdan dan il-korp għandha tikkonsisti mill-voti mitfugħa minn dawn tal-aħħar ( 72 ). |
|
113. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal‑elementi li għadhom kemm tfakkru, jekk wieħed mill-korpi ġudizzjarji tal-ordinament sportiv Taljan jikkostitwixxix “qorti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan huwa l-każ, is-sistema ta’ ġustizzja sportiva kkonċepita mil-leġiżlatur Taljan, meħuda kollha kemm hi, ma hijiex inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1). |
Konklużjoni
|
114. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel u għat-tielet domandi preliminari magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Rigaux, F., “Les situations juridiques individuelles dans un système de relativité générale. Cours général de droit international privé”, Ġabra tal-Korsijiet tal‑Akkademja ta’ Den Haag online, Brill, Nijhoff, Vol. 213, 1989, p. 67.
( 3 ) GURI Nru 298, tas‑27 ta’ Diċembru 1947.
( 4 ) GURI Nru 156, tas‑7 ta’ Lulju 2010, p. 1.
( 5 ) GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2003, p. 4.
( 6 ) GURI Nru 243, tat‑18 ta’ Ottubru 2003, p. 4
( 7 ) Approvat mill-Giunta Nazionale del CONI (il-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI), skont l‑Artikolu 7(5)(l) tal-iStatuto CONI (l-Istatut taċ-CONI), permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 258, tal‑11 ta’ Ġunju 2019.
( 8 ) Deċiżjoni Nru 0128/TFNSD-2021-222.
( 9 ) Deċiżjoni Nru 0089/CFA-2021-2022.
( 10 ) Deċiżjoni Nru 0063/CFA2022-2023, mogħtija fl‑20 ta’ Jannar 2023 u ppreżentata fit‑30 ta’ Jannar 2023.
( 11 ) Deċiżjoni Nru 40/2023.
( 12 ) Sentenza Nru 49/2011 (GURI nru 8, tas‑16 ta’ Frar 2011, IT:COST:2011:49).
( 13 ) Sentenza Nru 160/2019 (GURI nru 27, tat‑3 ta’ Lulju 2019, IT:COST:2019:160).
( 14 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 15 ) Iffirmata f’Ruma, fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
( 16 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula din id-domanda mingħajr ma tinkludi dik id-dispożizzjoni, peress li l-funzjonijiet maniġerjali fi ħdan klabb tal-futbol ma jidhirlix, minħabba n-natura speċifika tagħhom, li jaqgħu fil-kategorija ta’ attivitajiet li jistgħu jitwettqu fuq bażi stabbli u kontinwa, minn stabbiliment fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 54).
( 17 ) Għalkemm, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tidher li tirreferi għall-ewwel domanda preliminari, il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta li l-imsemmija eċċezzjoni fil-fatt tirreferi għat-tielet domanda.
( 18 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punti 32 u 33).
( 19 ) Emendat mill-Consiglio Nazionale (il-Kunsill Nazzjonali) taċ-CONI fil‑21 ta’ Novembru 2023, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 1745, approvata permezz ta’ digriet tal-Presidente del Consiglio dei Ministri (il-President tal-Kunsill tal-Ministri) fl‑20 ta’ Diċembru 2023.
( 20 ) Ara l-Artikolu 7(5)(l) tal-Istatut taċ-CONI.
( 21 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza European Superleague, EU:C:2023:1011, punt 84). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ plejers barranin mill-kompożizzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil‑kompetizzjonijiet bejn timijiet rappreżentattivi tal-pajjiż tagħhom, jew fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni użati biex jintgħażlu atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet b’mod individwali.
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Coty Germany (C‑230/16, EU:C:2017:941, punt 22).
( 23 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Alphabet et (C‑233/23, EU:C:2025:110, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara s-sentenza European Superleague (punti 131 sa 135).
( 25 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Trasferiment ta’ valur tad-drittijiet tal-pensjoni) (C‑459/22, EU:C:2023:878, punt 29).
( 26 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 44).
( 27 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, iktar ’il quddiem is‑“sentenza FIFA, EU:C:2024:824, punt 95).
( 28 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara s-sentenza FIFA (punti 100 u 101).
( 30 ) Ara s-sentenzi European Superleague (punt 257), u FIFA (punt 111).
( 31 ) L-Artikolu 6 TUE huwa dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li ma hijiex rilevanti għall‑finijiet tal-analiżi ta’ dawn id-domandi (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, Cairo Network et (C‑764/23 sa C‑766/23, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Cairo Network, EU:C:2025:691, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑711/21 u C‑712/21, EU:C:2023:503, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Għal tfakkira saħansitra aktar kompleta ta’ din il-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Stħarriġ ultra vires tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni) (C‑448/23, EU:C:2025:165, punti 61 sa 69).
( 34 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022 (C‑156/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, EU:C:2022:97).
( 35 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023 (C‑204/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja”, EU:C:2023:442).
( 36 ) Sentenza L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill (punti 233 u 234), u Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (punti 72 sa 74).
( 37 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (punti 77 sa 79).
( 38 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35).
( 39 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Appell) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143).
( 40 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45).
( 41 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36); tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga ta’ mħallef) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 58), u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et (C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 55).
( 42 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il‑prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 70). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet li ppreżentajt reċentament fil-kawża Sociedad Civil Catalana (C‑523/24, EU:C:2025:889, punti 112 sa 121).
( 43 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025 (C‑600/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Royal Football Club Seraing, EU:C:2025:617, punt 75).
( 44 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punt 86).
( 45 ) Kif jirriżulta minn din is-sentenza, dan ir-raġunament jaqa’ fil-kuntest tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012).
( 46 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punti 76 u 100).
( 47 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punti 84 u 85).
( 48 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punt 103).
( 49 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punt 104).
( 50 ) Sentenza Royal Football Club Seraing (punt 105).
( 51 ) Sentenza Cairo Network (punt 83).
( 52 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2022, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).
( 53 ) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 (ĠU 2017, L 138, p. 131).
( 54 ) Sentenza Cairo Network (punti 75 u 78).
( 55 ) Fis-seduta, iċ-CONI sostna li r-revoka tad-deċiżjonijiet mill-korpi ġudizzjarji tal-ordinament sportiv, kif previst fl-Artikolu 63 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva taċ-CONI, tippermetti lill-parti li tkun kisbet konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ sanzjoni dixxiplinarja mill-qorti amministrattiva li tikseb deċiżjoni li dawn il-korpi jikkonformaw mas-sentenza ta’ din il-qorti tal-aħħar dwar dan il-punt. Anke jekk wieħed jassumi li dan huwa stabbilit, dan l-element ma jidhirlix suffiċjenti biex jipprekludi l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.
( 56 ) F’tali sitwazzjoni, xorta jista’ jiġi vverifikat jekk ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il‑modalitajiet proċedurali ta’ rimedju eżistenti josservawx il-kundizzjonijiet ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fl-Artikolu 47 tal-Karta. Ara, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037), li eżaminajt fil‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AWT (C‑225/22, EU:C:2025:270, punti 47 sa 50).
( 57 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966 (61/65, EU:C:1966:39).
( 58 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et (C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 60 ) Qorti EDB, 28 ta’ Jannar 2020, Ali Riza et vs It-Turkija (CE:ECHR:2020:0128JUD003022610).
( 61 ) Infakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispjega li, safejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk protetti mill-KEDB, is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din tal-aħħar. Issa, kif jirriżulta mill‑ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta, it-tieni sentenza ta’ dan l‑Artikolu tikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni sentenza tal‑Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jkunx inqas minn dik mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal‑KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (Ara s‑sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 62 ) Qorti EDB, 28 ta’ Jannar 2020, Ali Riza et vs It-Turkija (CE:ECHR:2020:0128JUD003022610, § 209 u 217).
( 63 ) Qorti EDB, tat‑28 ta’ Jannar 2020, Ali Riza et vs It-Turkija (CE:ECHR:2020:0128JUD003022610, § 216) (traduzzjoni mhux uffiċjali).
( 64 ) Ara l-Artikolu 27(3) tal-Istatut tal-FIGC (l-Istatut tal-FIGC), approvat mill-Kunsill Nazzjonali taċ-CONI, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 479, tal‑20 ta’ Novembru 2024.
( 65 ) Ara l-Artikolu 35(1) tal-Istatut tal-FIGC.
( 66 ) Il-Kummissjoni Federali tal-Garanzija hija korp prinċipalment inkarigat li jivverifika jekk il-membri tal-Qorti Federali u tal-Qorti ta’ Appell Federali jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex iwettqu dawn il-funzjonijiet. (Ara l‑Artikolu 5(3) tal-Codice di Giustizia Sportiva CONI (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva taċ-CONI), bir-Riżoluzzjoni Nru 1538, Kunsill Nazzjonali tad‑9 ta’ Novembru 2015, approvata bid-decreto Presidenza Consiglio dei Ministri (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri) fis‑16 ta’ Diċembru 2015].
( 67 ) Ara l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva taċ-CONI u l-Artikolu 34 tal‑Istatut tal-FIGC.
( 68 ) Ara l-Artikolu 26 tal-Istatut tal-FIGC.
( 69 ) Ara l-Artikolu 6(4)(l1) tal-Istatut taċ-CONI.
( 70 ) Ara l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 12a(7) tal-Istatut taċ-CONI.
( 71 ) Ara l-Artikolu 13b(3) tal-Istatut taċ-CONI.
( 72 ) Ara l-Artikolu 6(3) tal-Istatut taċ-CONI.