27.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/215


DEĊIŻJONI (UE) 2022/2071 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Ottubru 2022

dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja (BĊE/2022/36)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 46.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (4),

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-entrati tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/2) (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023 tfisser li l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja ser ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ riżervi minimi minn dik id-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżerva minima tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex jiżguraw l-integrazzjoni bla xkiel tagħhom mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluża l-Kroazja.

(3)

L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f'waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja

1.   B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1), perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandu jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2023 sas-7 ta’ Frar 2023 għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja.

2.   Il-bażi tar-riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab fil-Kroazja għall-perijodu ta' manutenzjoni tranżitorju għandha tiġi ddefinita b'rabta mal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta' Ottubru 2022. Hrvatska narodna banka għandha titlob lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja biex jirrapportawlha l-bażi ta’ riżerva tagħhom lil Hrvatska narodna banka f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2). . Hrvatska narodna banka għandha titlob lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja li jibbenefikaw mid-deroga skont l-Artikolu 9(1) jew (2) jew l-Artikolu 9(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) biex jikkalkolaw il-bażi ta' riżerva għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju fuq il-bażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2022.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, jew istituzzjoni li tinsab fil-Kroazja jew Hrvatska narodna banka għandha tikkalkula r-riżervi minimi ta’ tali istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi kwalunkwe reviżjonijiet tagħhom, għandhom jiġu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Diċembru 2022. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sal-20 ta’ Diċembru 2022, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkolat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.

4.   L-Artikolu 3(2) sa (4) ta’ din id-Deċiżjoni għandha tapplika mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta' manutenzjoni inizjali tagħhom, inaqqsu mill-bażijiet tar-riżerva tagħhom kwalunkwe obbligazzjoni dovuta lil istituzzjonijiet fil-Kroazja, għalkemm fiż-żmien meta jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi minimi msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro

1.   Il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) għandu jibqa' mhux affettwat mill-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja.

2.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perjodi ta’ manutenzjoni mill-21 ta’ Diċembru 2022 sas-7 ta’ Frar 2023 u mit-8 ta’ Frar sal-21 ta’ Marzu 2023 kwalunkwe obbligazzjoni dovuta lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja, għalkemm fiż-żmien li r-riżervi minimi jiġu kkalkulati tali istituzzjonijiet mhux se jidhru fuq il-lista ta' istituzzjonijiet soġġetti għal rekwiżiti ta' riżervi minimi msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).

3.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jiddeċiedu li jnaqqsu l-obbligazzjonijiet dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja skont il-paragrafu 2 għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mill-21 ta’ Diċembru 2022 sas-7 ta’ Frar 2023 u mit-8 ta’ Frar sal-21 ta’ Marzu 2023, jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Ottubru 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2022 rispettivament u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont il-Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379, (BĊE/2021/2) li juri l-istituzzjonijiet fil-Kroazja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tabelli għandhom ikunu rrapportati skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2).

4.   Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2022 u Frar 2023, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 9(1) jew (2) jew l-Artikolu 9(5), punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) u li jiddeċiedu li jnaqqsu obbligazzjonijiet dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja skont il-paragrafu 2 għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta' Settembru 2022 u jirrapportaw tagħrif statistiku skont il-Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Marzu u f’Mejju 2023, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt Artikolu 9(1) jew (2) jew l-Artikolu 9(5), punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) u jiddeċiedu li jnaqqsu obbligazzjonijiet dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja skont il-paragrafu 2 għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta' Diċembru 2022, u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont il-Parti 1 ta' Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tagħrif statistiku għandu jkun irrapportat skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2).

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2022.

3.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) u (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) għandhom japplikaw.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Hrvatska narodna banka, istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kroazja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Ottubru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 01 Volum 003 P. 16 - 18

(2)  ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 01 Volum 003 P. 19 - 22.

(3)  ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 01 Volum 003 P. 23 - 34.

(4)   ĠU L 73, 3.3.2021, p. 1.

(5)   ĠU L 73, 3.3.2021, p. 16.