10.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/178

tal-31 ta’ Jannar 2020

dwar il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-passiġġieri li jaslu minn pajjiżi terzi u lil klijenti tas-servizzi postali u ta’ ċerti operaturi professjonisti dwar il-projbizzjonijiet fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jirrikjedi li l-Istati Membri, il-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-operaturi tat-trasport internazzjonali jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri l-informazzjoni dwar il-projbizzjonijiet u r-rekwiżiti fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni.

(2)

L-operaturi tas-servizzi postali u l-operaturi professjonisti involuti fil-bejgħ permezz ta’ kuntratti mill-bogħod iridu wkoll iqiegħdu dik l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħhom.

(3)

Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod ċar u li tinftiehem mill-ewwel. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tirrappreżenta b’mod viżwali dawn l-oġġetti pprojbiti li jġorru l-passiġġieri: il-pjanti għat-tħawwil, il-fjuri maqtugħa, il-frott u l-ħxejjex.

(4)

Għall-fini ta’ ċarezza, jenħtieġ li din l-informazzjoni tinkludi wkoll messaġġ dwar l-aktar regoli u rekwiżiti importanti fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li dak il-messaġġ ikun fih informazzjoni dwar il-frott li huwa eżentat mir-rekwiżit għal ċertifikat fitosanitarju, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-pajjiżi terzi li minnhom mhux meħtieġ ċertifikat fitosanitarju u t-territorji tal-Unjoni li minnhom huwa meħtieġ dak iċ-ċertifikat.

(5)

Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun disponibbli fil-punti kollha tad-dħul fl-Unjoni jew fuq il-mezzi tat-trasport li jkunu deħlin fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi wkoll li jagħżlu punti addizzjonali, bħall-punti tat-tluq mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, sabiex din l-informazzjoni tkun aċċessibbli fi żmien xieraq għall-passiġġieri li aktar tard ikunu se jirritornaw minn dawk il-pajjiżi lejn l-Unjoni.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, sabiex ikun żgurat li l-passiġġieri, kif ukoll il-klijenti tas-servizzi postali u l-operaturi professjonisti involuti fil-bejgħ permezz ta’ kuntatti mill-bogħod, ikunu infurmati kemm jista’ jkun malajr dwar l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-passiġġieri li jaslu minn pajjiżi terzi u lil klijenti tas-servizzi postali u ta’ ċerti operaturi professjonisti

1.   L-Istati Membri, il-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-operaturi tat-trasport internazzjonali għandhom juru posters, bl-informazzjoni stabbilita fl-Anness, fil-punti kollha tad-dħul fl-Unjoni, jew fuq il-mezzi tat-trasport kollha li jidħlu fl-Unjoni, għall-benefiċċju tal-passiġġieri li jaslu minn pajjiżi terzi.

L-Istati Membri, il-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-operaturi tat-trasport internazzjonali jistgħu juru wkoll posters kif previst fl-ewwel subparagrafu fil-punti tat-tluq barra mill-Unjoni.

2.   L-operaturi tas-servizzi postali u l-operaturi professjonisti involuti fil-bejgħ permezz ta’ kuntratti mill-bogħod għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħhom, tal-anqas permezz tal-Internet, l-informazzjoni stabbilita fl-Anness.

3.   L-informazzjoni stabbilita fl-Anness għandha titqiegħed f’punti li jidhru faċilment, kemm f’postijiet fiżiċi kif ukoll fuq l-internet.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.


ANNESS

Il-poster imsemmi fl-Artikolu 1

Image 1