European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6318

3.12.2025

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034

(C/2025/6318)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KTR)

Wara li kkunsidra:

—

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Baġit tal-UE dinamiku għall-prijoritajiet tal-futur — Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034”;

—

id-diversi proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni Ewropea li huma parti mill-pakkett tal-QFP 2028-2034 u, b’mod partikolari, il-proposta COM 2025 (565) final biex jiġi stabbilit fond uniku (“il-Fond tal-Pjani ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (PSNR)”);

—

ir-Rapport Annwali tal-UE għall-2025 dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2025.

1.   

jafferma mill-ġdid li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE huma msieħba strateġiċi għall-QFP 2028-2034 peress li mhumiex biss partijiet interessati jew benefiċjarji tal-fondi tal-UE iżda huma wkoll essenzjali biex jitwettqu l-investimenti meħtieġa fil-prattika u huma l-eqreb entitajiet għar-realtà soċjoekonomika tat-territorji;

2.   

huwa konvint li biex l-Unjoni Ewropea (UE) tilħaq l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ssaħħaħ il-prosperità sostenibbli tagħha u l-benesseri fit-tul tal-abitanti kollha tagħha, il-baġit tal-UE jrid ikun aċċessibbli għal kull territorju tal-UE u jinkludi allokazzjonijiet għal kull kategorija ta’ reġjun. Ir-regoli ta’ governanza tal-baġit tal-UE għall-2028-2034 iridu jibnu fuq evalwazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-ħtiġijiet territorjali sabiex jiġu ggarantiti l-ġustizzja, il-prevedibbiltà u l-ipprogrammar fit-tul, inkluż il-finanzjament għar-reġjuni kollha;

3.   

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija l-aktar strument importanti fit-tul tal-UE biex tinvesti fil-kompetittività, l-għarfien u l-iżvilupp sostenibbli u trawwem l-inklużjoni soċjali, abbażi ta’ politiki reġjonali u bbażati fuq il-post. Il-politika ta’ koeżjoni hija politika li tħares ’il quddiem, tipprovdi stabbiltà, issaħħaħ il-fiduċja, u tiżgura li s-suq komuni verament ikun jista’ jiffunzjona għal kulħadd. Għalkemm il-proposta ssemmi t-tliet kategoriji ta’ reġjuni u l-fondi huma delimitati għar-reġjuni inqas żviluppati, il-KtR jitlob li jiġi definit baġit speċifiku għall-politika ta’ koeżjoni u, fil-livell tal-UE, jiġu definiti allokazzjonijiet reġjonali indikattivi tar-riżorsi, abbażi tal-metodoloġija kkonsolidata attwali li tqis l-indikaturi soċjali u ekonomiċi. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ disponibbli għar-reġjuni kollha u l-aċċess għaliha m’għandux jitħalla biss għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali;

4.   

jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-oqsma ta’ politika koperti mit-taqsima “Kompetittività, prosperità u sigurtà” u l-bidla li qed taċċellera lejn fondi ġestiti ċentralment. Il-KtR jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-ixpruni ewlenin tal-kompetittività reġjonali fl-UE;

5.   

jenfasizza li l-proposta l-ġdida tal-QFP tista’ taggrava d-defiċit demokratiku u ddgħajjef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE minħabba n-nuqqas previst ta’ sorveljanza mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali jew reġjonali;

6.   

jinsab allarmat li l-proposta tal-Fond tal-Pjani ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tista’ twassal għal aktarċentralizzazzjoni f’idejn il-Kummissjoni u n-nazzjonalizzazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola/tal-iżvilupp rurali u tpoġġi f’kompetizzjoni doppja kemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-politiki settorjali kollha koperti minn dan il-Fond;

7.   

jemmen bis-sħiħ li t-tħejjija, in-negozjar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjani ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali m’għandhomx jitħallew biss f’idejn il-gvernijiet ċentrali. Li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell nazzjonali, mingħajr involviment qawwi tar-reġjuni, imur kontra l-prinċipju fundamentali tas-sussidjarjetà, idgħajjef b’mod sostanzjali l-governanza f’diversi livelli stabbilita sew u jikkontradixxi bil-qawwa l-prinċipju tas-sħubija;

8.   

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-proposta tagħha dwar il-Fond tal-Pjani ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali u jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew itennu din is-sejħa. Il-KtR iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jinnegozjaw ukoll l-istruttura tal-QFP futur, b’tali mod li tiġi rikonoxxuta t-talba mifruxa tar-reġjuni fl-Unjoni Ewropea kollha biex jinżammu l-prattika stabbilita ta’ ġestjoni kondiviża tal-fondi u r-rwol tar-reġjuni fir-rigward tal-koeżjoni u l-iżvilupp agrikolu u rurali;

9.   

jistieden lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, it-trade unions, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili jingħaqdu flimkien biex jiżguraw QFP 2028-2034 li jkun kapaċi jagħmel lill-UE aktar koeżiva, reżiljenti, soċjali, sostenibbli u kompetittiva.

Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Kata TÜTTŐ


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6318/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)