IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.11.2026
COM(2026) 621 final
2026/0359(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda tmien Deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ Ftehimiet Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi kandidati u l-Politika Ewropea tal-Viċinat dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Bħala parti mill-proċess tat-tkabbir u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ ta’ ċerti programmi tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi aderenti, għall-pajjiżi kandidati jew għall-pajjiżi kandidati potenzjali (minn hawn ’il quddiem “pajjiżi kandidati”) u għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (minn hawn ’il quddiem “pajjiżi tal-PEV”) kien waħda mill-ħafna miżuri użati biex jiġu promossi r-riforma, il-modernizzazzjoni, it-tranżizzjoni u l-allinjament gradwali mal-acquis tal-Unjoni minn dawk il-pajjiżi.
Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-orjentament ġenerali (għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-aġenziji u fil-programmi Komunitarji, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi segwita, mutatis mutandis, il-prattika diġà stabbilita fir-rigward tal-pajjiżi aderenti, kandidati u kandidati potenzjali (l-hekk imsejħa “approċċ ta’ qafas”) użata mill-2002 sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-PEV fil-programmi Komunitarji ta’ dak iż-żmien. Din il-metodoloġija tal-“approċċ ta’ qafas” kienet tinkludi żewġ passi ewlenin:
(1)Mal-pajjiżi aderenti, kandidati, kandidati potenzjali jew tal-PEV, l-ewwel pass jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni biex tiġi permessa tali parteċipazzjoni f’dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-att legali li jistabbilihom jippermetti l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi aderenti, kandidati, kandidati potenzjali jew tal-PEV. Tali ftehimiet jieħdu l-forma ta’ protokoll jew ta’ Ftehimiet Qafas (minn hawn ’il quddiem imsejħa Ftehimiet Qafas). Dawn huma adottati mill-Kunsill wara kunsens mill-Parlament u jipprovdu struttura ġenerali u l-modalitajiet ewlenin li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi kkonċernati. Dawn jipprovdu l-bażi legali neċessarja biex l-Unjoni timpenja riżorsi finanzjarji li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-programmi, u jippermettu lill-Unjoni titlob il-pagament ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-pajjiż terz ikkonċernat għall-programmi tal-Unjoni li fihom hija stabbilita l-parteċipazzjoni. Huma jistipulaw ukoll li r-regoli finanzjarji u tal-awditjar xierqa tal-Unjoni jridu jiġu rrispettati, u li l-parteċipanti mill-pajjiż terz ikkonċernat, sa fejn ikun possibbli, se jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-parteċipanti mill-Istati Membri. Fihom ukoll dispożizzjoni li tippermetti lill-pajjiż terz ikkonċernat jipparteċipa bħala osservatur fil-kumitati responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi inkwistjoni għall-punti li jikkonċernaw lil dak il-pajjiż. Fl-aħħar nett, u l-aktar importanti għal din id-deċiżjoni, dawk il-ftehimiet jipprovdu wkoll bażi għall-Kummissjoni u għall-pajjiż terz ikkonċernat biex jaqblu dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz f’kull programm tal-Unjoni (normalment, din id-dispożizzjoni tinsab fl-Artikolu 5 tal-Ftehimiet Qafas).
(2)Kif imsemmi hawn fuq, il-Ftehimiet Qafas jipprevedu t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni ta’ dak il-pajjiż kandidat jew tal-PEV f’kull programm partikolari li għandhom jiġu ddeterminati fi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-pajjiż aderenti, kandidat, kandidat potenzjali jew tal-PEV inkwistjoni. Il-konklużjoni ta’ dawk il-ftehimiet vinkolanti bilaterali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi programm speċifiku tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem Ftehim għal Programm speċifiku tal-Unjoni “ASUP”) tikkorrispondi għat-tieni pass.
(3)S’issa, l-Unjoni kkonkludiet Ftehimiet Qafas tan-natura msemmija hawn fuq ma’ għadd ta’ pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u tal-PEV, jiġifieri mal-Albanija, mal-Alġerija, mal-Armenja, mal-Ażerbajġan, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-Georgia, mal-Ġordan, mal-Kosovo, mal-Libanu, mal-Moldova, mal-Montenegro, mal-Marokk, mal-Maċedonja ta’ Fuq, mal-Awtorità Palestinjana, mas-Serbja, mat-Tuneżija, mat-Turkija u mal-Ukrajna, u ffirmat Ftehim bħal dan ma’ Iżrael.
(4)L-approċċ f’żewġ stadji deskritt jimplika li l-ASUP għandhom jiġu nnegozjati u konklużi mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehimiet Qafas u għal dak l-għan il-proċedura applikabbli tal-UE għall-adozzjoni tal-ASUP għandha tkun permezz tal-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 218(7) TFUE.
(5)Madankollu, awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) TFUE, biex tikkonkludi ASUP tinsab biss f’ċerti deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehimiet Qafas dwar il-prinċipji ġenerali ta’ parteċipazzjoni fil-programm tal-Unjoni ma’ pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali jew tal-PEV, jiġifieri f’dawk relatati mal-protokolli tal-ftehimiet ta’ sħubija: mal-Albanija, mal-Alġerija, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-Kosovo, mal-Libanu, mal-Maċedonja ta’ Fuq, mal-Awtorità Palestinjana , mas-Serbja, mat-Tuneżija u mat-Turkija.
(6)Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Ftehimiet Qafas mal-Armenja, mal-Ażerbajġan, mal-Ġordan, mal-Georgia, mal-Moldova, mal-Montenegro, mal-Marokk u mal-Ukrajna jipprevedu l-istess proċedura għall-konklużjoni tal-ASUP, fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dawn il-Ftehimiet Qafas titħalla barra referenza għal awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex tikkonkludi ASUP.
(7)Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza, kif ukoll għal raġunijiet ta’ bilanċ istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, huwa neċessarju li jiġu emendati d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Qafas imsemmija fil-punt 6 bl-effett li tiżdied awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex jiġu konklużi l-ASUPs ma’ dawk il-pajjiżi f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tal-Ftehimiet Qafas.
1.2.Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, din il-proposta għandha l-għan li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Qafas mal-Armenja, mal-Ażerbajġan, mal-Georgia, mal-Ġordan, mal-Moldova, mal-Montenegro, mal-Marokk, u mal-Ukrajna dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni billi żżid awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex tikkonkludi ASUP.
Fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ikkonċernati, l-emendi ssuġġeriti huma maħsuba biex jindirizzaw l-ommissjoni msemmija fil-Premessa (6) hawn fuq billi jiddaħħal artikolu li jipprevedi awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex tikkonkludi ASUP, flimkien mal-premessa ta’ sostenn. Barra minn hekk, għal dawk id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li bħalissa ma fihomx referenza għall-Artikolu 218(7) tat-TFUE bħala bażi legali, huwa propost li tiżdied tali referenza.
2.BAŻI LEGALI U GĦAŻLA TA’ STRUMENT
2.1.Bażi legali għad-Deċiżjoni proposta
Fid-dawl tal-prinċipju tal- “paralleliżmu tal-forma”, il-bażi legali proċedurali xierqa għall-emendar tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill biex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali hija l-Artikolu 218(6) TFUE. Barra minn hekk, peress li xi wħud mill-pajjiżi terzi kkonċernati huma pajjiżi kandidati, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) għandu jiġi applikat għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Filwaqt li kien hemm emendi preċedenti tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, ma hemm l-ebda preċedent ta’ tali emendi li jikkonsistu fiż-żieda ta’ awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE. Madankollu, l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ex post fir-rigward ta’ ftehimiet li diġà ġew konklużi ma joħloqx kwistjoni ta’ ċertezza legali, minħabba li l-effetti tal-emendi proposti joperaw biss fl-Unjoni, mingħajr ebda konsegwenza għar-relazzjoni legali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonċernati.
Il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni emendatorja proposta tal-Kunsill għandha tkun l-Artikolu 212 tat-TFUE biss, irrispettivament mill-bażijiet legali sostantivi għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu emendati. Tabilħaqq, id-deċiżjoni proposta tal-Kunsill tirregola biss il-proċedura relatata mal-konklużjoni tal-ASUPs, u għalhekk tikkonċerna l-arranġamenti għal kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz inkwistjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 212(3) tat-TFUE, li hija maħsuba biex tapplika b’mod orizzontali għall-programmi kollha tal-Unjoni li fihom jipparteċipa dak il-pajjiż terz, indipendentement mis-suġġett ta’ dawk il-programmi.
2.2.Għażla tal-istrument
Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-paralleliżmu tal-proċeduri, il-Proposta, li għandha l-għan li temenda ċertu għadd ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali għandha tieħu l-forma ta’ Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li għandha tiġi adottata bil-kunsens tal-Parlament Ewropew.
2026/0359 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda tmien Deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ Ftehimiet Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi kandidati u l-Politika Ewropea tal-Viċinat dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), l-Artikolu 218(7) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Ftehim dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz fi Programm speċifiku tal-Unjoni (minn hawn’ il quddiem Ftehim għal Programm speċifiku tal-Unjoni) jiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz fil-programm tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli kif ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni.
(2)Skont l-approċċ tal- “Ftehimiet Qafas” stabbilit fl-2002, l-ASUPs mal-pajjiżi aderenti, kandidati u kandidati potenzjali u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (“PEV”) huma konklużi abbażi tal-Ftehimiet Qafas li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti fl-ASUPs kollha. L-ASUPs jissupplimentaw il-Ftehimiet Qafas billi jżidu t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat f’kull programm partikolari tal-Unjoni.
(3)Normalment, il-Ftehimiet Qafas u l-ASUPs jiġu konklużi fil-forma ta’ ftehimiet internazzjonali vinkolanti sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiġu żgurati impenji legalment vinkolanti li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiż terz kif ukoll il-kooperazzjoni biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-fond tal-Unjoni. Konsegwentement, kemm il-Ftehimiet Qafas kif ukoll l-ASUPs huma soġġetti għall-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet stabbiliti fl-Artikolu 218 tat-TFUE.
(4)Il-Ftehimiet Qafas kollha, konklużi mal-pajjiżi aderenti, kandidati, kandidati potenzjali jew tal-PEV, jipprevedu li l-ASUP jiġi konkluż mill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim Qafas rilevanti.
(5)Fi ħdan l-Unjoni, din l-istruttura timplika l-użu tal-proċedura simplifikata prevista mill-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li permezz tagħha l-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova, f’isem l-Unjoni, modifiki għall-ftehim, soġġett, skont il-każ, għal kundizzjonijiet speċifiċi li l-Kunsill jista’ jehmeż ma’ tali awtorizzazzjoni.
(6)L-Unjoni kkonkludiet Ftehimiet Qafas u Protokolli għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni mal-Albanija, mal-Alġerija, mal-Armenja, mal-Ażerbajġan, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-Georgia, mal-Ġordan, mal-Kosovo, mal-Libanu, mal-Moldova, mal-Montenegro, mal-Marokk, mal-Maċedonja ta’ Fuq, mal-Awtorità Palestinjana, mas-Serbja, mat-Tuneżija, mat-Turkija u mal-Ukrajna, u ffirmat Ftehim bħal dan ma’ Iżrael. Awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex tikkonkludi Ftehim għal Programm speċifiku tal-Unjoni tinsab biss fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Qafas mal-Albanija, mal-Alġerija, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-Kosovo, mal-Libanu, mal-Maċedonja ta’ Fuq, mal-Awtorità Palestinjana, mas-Serbja, mat-Tuneżija u mat-Turkija.
(7)Minkejja l-fatt li dawn il-Ftehimiet Qafas kollha ma’ pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u tal-PEV jipprevedu f’termini identiċi għall-ASUPs li għandhom jiġu miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Qafas mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Ġordan, il-Montenegro, il-Moldova, il-Marokk u l-Ukrajna, jonqsu milli jipprevedu awtorizzazzjoni espliċita għal dak l-għan, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE.
(8)Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza, kif ukoll għal raġunijiet ta’ bilanċ istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, huwa neċessarju li jiġu emendati d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmija fil-Premessa (7) bl-effett li tiżdied awtorizzazzjoni espliċita għall-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, biex jiġi konkluż ASUP.
(9)Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għal dawk id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li bħalissa ma fihomx referenza għall-Artikolu 218(7) tat-TFUE bħala bażi legali, jenħtieġ li tiżdied referenza bħal din.
(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2010/224/UE, Euratom, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/283/UE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/290/UE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/176/UE, , id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/163/UE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/319/UE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/347/UE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1210, dwar il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, il-Ġordan, il-Moldova, il-Montenegro, il-Marokk u l-Ukrajna, rispettivament, jiġu emendati kif xieraq.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (UE) 2014/347 hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 168, 169 u 172, l-Artikolu 173(3), u l-Artikoli 188 u 192, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mal-Armenja li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Armenja fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni (UE) 2014/319 hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), mal-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mal-Georgia li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Georgia fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni 2011/283/UE hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 168, 169, 172, 173(3), 188 u 192, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mal-Moldova li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni 2012/176/UE hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), mal-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mal-Marokk li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 5
Id-Deċiżjoni 2011/290/UE hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 168, 169, 172, 173(3), 188 u 192, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mal-Ukrajna li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.”.
Artikolu 6
Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1210 hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehimmar-Repubblika tal-Ażerbajġan li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 7
Id-Deċiżjoni (UE) 2014/163 hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), mal-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:
“Artikolu 1a
B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 8
Id-Deċiżjoni 2010/224/UE, Euratom hija emendata kif ġej:
(1)Il-viża fuq il-bażi legali hija sostitwita b’dik li ġejja:
“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), mal-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,”.
(2)Jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:
“Artikolu 3a
Fil-qafas tal-Protokoll 8 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, b’dan il-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mar-Repubblika tal-Montenegro li jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Montenegro fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill informat.”.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President