European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1809

21.7.2026

DEĊIŻJONI (UE) 2026/1809 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2026

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija fir-rigward tal-għargħar fl-aħħar ta’ Mejju 2025, lil Ċipru wara n-nirien fis-selvaġġ f’Lulju 2025 u lil Spanja wara n-nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (3), u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni twieġeb b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew kbar jew minn emerġenza kbira tas-saħħa pubblika.

(2)

Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 (4).

(3)

Fl-14 ta’ Awwissu 2025, ir-Rumanija ressqet applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara l-għargħar fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju 2025.

(4)

Fl-14 ta’ Ottubru 2025, Ċipru ressaq applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara n-nirien fis-selvaġġ f’Lulju 2025.

(5)

Fit-30 ta’ Ottubru 2025, Spanja ressqet applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara n-nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025.

(6)

Dawk l-applikazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lir-Rumanija, lil Ċipru u lil Spanja.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tkun tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri milquta malajr kemm jista’ jkun u biex jiġi evitat kwalunkwe dewmien fil-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2026, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament b’rabta mad-diżastri naturali:

(a)

l-ammont ta’ EUR 14 339 675 għandu jingħata lir-Rumanija wara l-għargħar fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju 2025;

(b)

l-ammont ta’ EUR 9 209 223 għandu jingħata lil Ċipru wara n-nirien fis-selvaġġ f’Lulju 2025;

(c)

l-ammont ta’ EUR 120 550 858 għandu jingħata lil Spanja fir-rigward tan-nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mit-8 ta’ Lulju 2026.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Lulju 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.

(3)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1809/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)