Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Novembru 2026 (*)

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l‑Ukraina – Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 2(1)(g) – Regolament (UE) Nru 269/2014 – Artikolu 3(1)(g) – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin’ – Rabta bejn il-verżjoni l-antika u l-ġdida ta’ dawn l-artikoli li jużaw dan il-kunċett – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Obbligu ta’ reviżjoni perjodika – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża C‑530/25 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑3 ta’ Awwissu 2025,

German Khan, residenti f’Londra (Ir-Renju Unit), irrappreżentat minn A. Bass u T. Marembert, avocats,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Rurarz u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin, M. Gavalec u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Ġunju 2025, Khan vs Il-Kunsill (T‑289/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:560), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament, sa fejn dawn jikkonċernawh, tal-atti li ġejjin (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”):

–        l-ewwel nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti ta’ Marzu 2023”);

–        it-tieni nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESC) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti ta’ Settembru 2023”);

–        it-tielet nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/847 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/847, rettifika fil-ĠU L, 2026/90505), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/849, rettifika fil-ĠU L, 2026/90506) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti ta’ Marzu 2024”);

–        ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2456 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2456, rettifika fil-ĠU L, 2025/90125), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2455 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2455, rettifika fil-ĠU L, 2025/90123) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti ta’ Settembru 2023”).

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwimiet huwa espost fil-punti 2 sa 35 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet tal-kawża preżenti, dan jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej.

3        L-appellant huwa ċittadin Russu u Iżraeljan.

4        Il-kawża preżenti tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

5        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

7        Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1). Fl-istess jum, din l-istituzzjoni adottat ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).

8        Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146 I, p. 20). Fl-istess jum, din l-istituzzjoni adottat ir-Regolament (UE) 2023/1089 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 1).

9        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p.66), il-Kunsill inkluda isem l-appellant fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”) kif ukoll fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”). Sussegwentement, isem l-appellant inżamm l-ewwel darba fuq il-listi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, tal‑14 ta’ Settembru 2022, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1).

 Id-Deċiżjoni 2014/145 u l-emendi tagħha

10      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tagħhom, fost oħrajn, tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (b) u (e) tiegħu.

11      L-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu b’mod partikolari lill-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti minn dawn il-punti, kif ukoll tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li dawn il-persuni jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw, liema kriterji huma essenzjalment identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 1(1)(b) u (e) ta’ din id-deċiżjoni.

12      Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-emenda permezz tad-Deċiżjoni 2023/1094, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 kien jaqra kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(d)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[…]

(g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

[…]

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

13      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għad-dati rispettivi tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Settembru 2023, ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094, jaqra kif ġej, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-Artikolu 1(1)(e) tagħha, essenzjalment sarulu l-istess emendi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(g)      negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, jew negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; […]

[…]

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

14      Min-naħa l-oħra, f’din l-istess verżjoni, il-kriterji previsti fl-Artikolu 1(1)(b) u fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145 ġew riprodotti mingħajr tibdil.

15      L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, riprodott ukoll mingħajr tibdil fil-verżjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2023/1094, jipprovdi:

“1.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdi lil tali persuna, entità jew korp bl-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.      Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna, entità jew korp kkonċernati kif meħtieġ.”

16      Fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tagħha, li l-formulazzjoni tiegħu lanqas ma ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094, id-Deċiżjoni 2014/145 tipprovdi li hija għandha tkun suġġetta għal reviżjoni kostanti u li hija, jekk ikun il-każ, tiġi estiża jew tiġi emendata jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu.

 Ir-Regolament Nru 269/2014 u l-emendi tiegħu

17      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 269/2014, jelenka l-kriterji li jirregolaw, fost oħrajn, l-inklużjoni, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, ta’ persuni fiżiċi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati konformement mal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament. Fil-verżjoni ta’ dan ir-regolament preċedenti għall-emenda tiegħu bid-Deċiżjoni 2023/1089, il-kriterji previsti fil-punti (d) u (g) ta’ dan l-Artikolu 3(1) kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk imsemmija fil-punt 12 tas-sentenza preżenti.

18      Fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament 2023/1089, il-kriterju previst fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014 huwa fformulat b’mod essenzjalment identiku għal dak indikat fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, filwaqt li l-Artikolu 3(1)(d) baqa’ l-istess meta mqabbel mal-verżjoni preċedenti.

19      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 269/2014, riprodott mingħajr emendi fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament 2023/1089, jipprovdi:

“1.      Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jagħmel persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp soġġetta għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, għandu jemenda l-Anness I skont dan.

2.      Il-Kunsill għandu jikkommunika d-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmija fil-paragrafu 1, sew direttament, jekk l-indirizz hu magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, billi l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw opportunià li jressqu l-osservazzjonijiet.

3.      Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jagħmel rieżami tad-deċiżjonijiet tiegħu u jinforma b’dan lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp.

4.      Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u għallanqas kull 12-il xahar.”

 Id-Deċiżjoni 2023/1094

20      Il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 hija redatta kif ġej:

“Il-Kunsill evalwa li teżisti relazzjoni ta’ benefiċċju u appoġġ reċiproċi bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja. B’mod partikolari, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sistematikament ippermetta lil negozjanti prominenti Russi jakkumulaw il-ġid tagħhom permezz tal-isfruttament ta’ riżorsi naturali u riżorsi pubbliċi oħra. Il-Kunsill iqis, fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ interdipendenza bejn negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jkopru negozjanti ewlenin li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku tar-Russja. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jiġu estiżi sabiex jippermettu l-elenkar kif opportun ta’ negozjanti oħra li huma involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna.”

 L-Atti kontenzjużi

 L-Atti ta’ Marzu 2023

21      Fit‑13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta l-Atti ta’ Marzu 2023 li permezz tagħhom huwa ddeċieda li jżomm għat-tieni darba l-miżuri restrittivi individwali li, hekk kif jirriżulta mill-punt 9 tas-sentenza preżenti, kienu applikabbli għall-appellant mill‑15 ta’ Marzu 2022. Din iż-żamma fil-lista kienet immotivata kif ġej:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li jżomm relazzjoni mill-qrib mal-President Vladimir Putin, b’mod simili għas-sħab fin-negozju tiegħu, Mikhail Fridman u Petr Aven. Għal bosta snin kien wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta’ ABH Financial Limited, li tinkludi bank ewlieni Russu, Alfa Bank. Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne. Fl‑2022, quddiem sanzjonijiet tal-Punent kontrih, huwa ttrasferixxa s-sjieda tal-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited u LetterOne lis-sieħeb fin-negozju tiegħu għal żmien twil Andrei Kosogov. Huwa kompla jimmaniġġja l-assi bbażati fir-Russja ta’ dawn il-kumpaniji. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Huwa għamel skambju ta’ favuri ma’ Vladimir Putin li bih irċieva appoġġ politiku għan-negozju u l-qligħ finanzjarju tiegħu. It-tifla l-kbira ta’ Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett tal-karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium.

Għalhekk huwa appoġġa attivament materjalment jew finanzjarjament, u bbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

 L-Atti ta’ Settembru 2023

22      Fit‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta l-Atti ta’ Settembru 2023 li permezz tagħhom huwa reġa’ żamm il-miżuri restrittivi applikabbli għall-appellant, għar-raġunijiet li ġejjin:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li jżomm relazzjoni mill-qrib mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin, simili għal sħabu fin-negozju Mikhail Fridman u Petr Aven. Għal bosta snin kien wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta’ ABH Financial Limited, li tinkludi bank ewlieni Russu, Alfa Bank. Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne. Fl‑2022, fid-dawl tas-sanzjonijiet tal-Punent kontrih, trasferixxa s-sjieda tal-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited u f’LetterOne lil sieħbu fin-negozju għal żmien twil Andrei Kosogov. Kompla jimmaniġġa l-assi bbażati fir-Russja ta’ dawn il-kumpaniji. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Skambja xi pjaċiri mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin biex ikollu appoġġ politiku għan-negozju tiegħu u għal qligħ finanzjarju. Il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Barra minn hekk kien fost in-negozjanti Russi ewlenin li pparteċipaw fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023, fejn il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin għamel diskors u ħeġġeġ lill-biljunarji jipprijoritizzaw il-‘patrijottiżmu qabel il-profitt’.

Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra tal-konsorzju Alfa Group, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ forniment tal-ikel u ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ t-shirts bis-simbolu militari ‘Z’ li jintuża mill-propagandisti [tal-Federazzjoni Russa] biex jippromwovu l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk [l-appellant] kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom. Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

 L-Atti ta’ Marzu 2024

23      Fit‑12 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill adotta l-Atti ta’ Marzu 2024 li permezz tagħhom huwa reġa’ żamm il-miżuri restrittivi imposti fuq l-appellant, abbażi tal-istess motivazzjoni bħal dik riprodotta fil-punt preċedenti.

 L-Atti ta’ Settembru 2024

24      Fit‑12 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill adotta l-Atti ta’ Settembru 2024 li permezz tagħhom huwa reġa’ żamm il-miżuri restrittivi applikabbli għall-appellant, għar-raġunijiet li ġejjin:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li għandu relazzjoni mill-qrib mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin, simili għal sħabu fin-negozju Mikhail Fridman, Petr Aven u Alexey Kuzmichev. F’Marzu 2022, ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’ABH Holdings, li tikkontrolla bank Russu ewlieni, Alfa Bank, lil Andrei Kosogov li ilu snin twal sieħbu fin-negozju. Dan it-trasferiment ġie ddikjarat null u bla effett mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, it-trasferiment tal-ishma tiegħu f’A1, li huwa parti mill-Alfa Group, jista' jitqies bħala fittizju.

Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne.

Kompla jimmaniġġa l-assi bbażati fir-Russja ta’ Alfa Group. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Skambja xi pjaċiri mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin biex jingħata appoġġ politiku għan-negozju tiegħu u għal qligħ finanzjarju. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta' Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Barra minn hekk kien fost in-negozjanti Russi ewlenin li pparteċipaw fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023, fejn il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin għamel diskors u ħeġġeġ lill-biljunarji jipprijoritizzaw il-‘patrijottiżmu qabel il-profitt’.

Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra ta’ Alfa Group Consortium, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ catering u ta’ ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari, lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ T‑shirts bis-simbolu militari ‘Z’ użat mill-propagandisti Russi biex jippromwovu l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk [l-appellant] kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom.

[L-appellant] għandu wkoll sehem importanti fi Rosvodokanal, kumpanija oħra ta’ Alfa Group u waħda mill-operaturi privati ewlenin tal-utilitajiet tal-ilma fir-Russja.

Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Permezz ta’ att ippreżentat fl‑24 ta’ Mejju 2023 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tal-Atti ta’ Marzu 2023, sa fejn dawn jikkonċernawh. Sussegwentement huwa ppreżenta suċċessivament tliet noti ta’ adattament intiżi għall-annullament tal-Atti ta’ Settembru 2023, ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024 rispettivament. B’kollox, insostenn tat-talbiet suċċessivi tiegħu, l-appellant invoka 23 motiv, li huwa nnumera minn 1 sa 24 minħabba l-fatt li, f’din in-numerazzjoni kontinwa, ebda motiv ma kellu n-numru 6.

26      B’mod partikolari, permezz tat-tielet motiv tiegħu kif ukoll permezz tar-raba’ motiv tiegħu hekk kif adattat fin-nota ta’ adattament tiegħu intiża għall-annullament tal-Atti ta’ Settembru 2023, l-appellant eċċepixxa l-illegalità, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, minn naħa, tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g) inizjali”) u, min-naħa l-oħra, tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g), tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094, u fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2023/1089, fil-verżjoni applikabbli għad-dati rispettivi ta’ adozzjoni tal-Atti ta’ Settembru 2023, ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g) emendat”).

27      Permezz tal-għaxar, tat-tlettax u tal-ħmistax-il motiv tiegħu, l-appellant eċċepixxa l-illegalità ta’ tnejn mit-tliet partijiet tal-kriterju (g) emendat minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, filwaqt li, permezz tal-ħdax u l-erbatax-il motiv tiegħu, huwa eċċepixxa l-illegalità ta’ tnejn mit-tliet partijiet ta’ dan il-kriterju minħabba allegat ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża.

28      L-ewwel, is-seba’, id-dsatax u l-għoxrin motiv kienu bbażati fuq ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu tiegħu ta’ reviżjoni perijodika tal-miżuri restrittivi meħuda kontra l-appellant waqt l-adozzjoni ta’ kull wieħed mill-atti kontenzjużi. Permezz tat-tieni, il-ħames, it-tmien, id-disa’, is-sittax sat-tmintax u t-tnejn u għoxrin, sal-erbgħa u għoxrin motiv tiegħu, l-appellant essenzjalment ikkritika lill-Kunsill li wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni meta qies, f’kull wieħed mill-atti kontenzjużi, li huwa kien jaqa’, skont il-każ, taħt il-kriterju (g) inizjali jew taħt il-kriterju (g) emendat. Fir-rigward tal-wieħed u għoxrin motiv, dan kien ibbażat fuq ksur, mill-Kunsill, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-adozzjoni tal-Atti ta’ Settembru 2024.

29      Il-klassifikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tnax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, hija kkontestata bejn il-partijiet u ser tiġi eżaminata fil-punti 138 u 139 tas-sentenza preżenti.

30      Permezz ta’ talba ppreżentata fit‑30 ta’ April 2024 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellant kien barra minn hekk talab l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill jipproduċi diversi dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat lilu minn din l-istituzzjoni.

31      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu. Fir-rigward tat-talba għall-adozzjoni tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kienx ipproduċa indizji serji li jippermettu li tiġi stabbilita l-utilità tad-dokumenti mitluba għall-finijiet tal-istanza, b’tali mod li hija ma kinitx tqis neċessarju li jkollha aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex tiddeċiedi l-kawża. Għaldaqstant, fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza, hija ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

32      Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 72 u 86 tas-sentenza appellata, qieset li kemm il-kriterju (g) inizjali kif ukoll il-kriterju (g) emendat ma kinux nieqsa minn bażi legali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 70 u 86 ta’ dik is-sentenza, li l-Kunsill kien awtorizzat, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, jadotta miżuri restrittivi kontra “persuni fiżiċi jew ġuridiċi”, “entitajiet mhux Statali” jew “gruppi” u, għaldaqstant, kontra destinatarji li, skont il-każ, ma għandhom ebda rabta mar-reġim il jmexxi lill-pajjiż terz, bis-sempliċi kundizzjoni li deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tkun tipprevedi tali miżuri.

33      Fir-rigward tal-ilmenti tal-appellant ibbażati fuq l-illegalità tal-kriterju (g) emendat minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom fil-punt 99 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-kelma “ewlenin” li tinsab fl-ewwel parti ta’ dan il-kriterju dwar in-“negozjanti ewlenin” kellha tinftiehem bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-kriterju (g) inizjali u li din l-ewwel parti kienet suffiċjentement ċara u prevedibbli sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali. Fil-punti 91 sa 94 ta’ dik is-sentenza, hija barra minn hekk iddeċidiet li t-tielet parti tal-kriterju (g) emendat kienet tissodisfa wkoll dawn ir-rekwiżiti sa fejn in-negozjanti kkonċernati minn din il-parti, minkejja li ma kellhomx għalfejn ikunu “ewlenin” hekk kif meħtieġ fl-ewwel parti, kellhom jinftiehmu bħala li jkopru biss dawk in-negozjali involuti f’attività ekonomika kwalitattivament jew kwantitattivament mhux negliġibbli f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

34      Barra minn hekk, fil-punti 131 sa 133, 138 sa 140 u 142 sa 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ma kienx kiser l-obbligu tiegħu li jirrevedi s-sitwazzjoni tal-appellant qabel ma estenda, permezz ta’ kull wieħed mill-atti kontenzjużi, il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu.

35      Fil-punti 169 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li setgħu juru l-fatt li l-appellant kien, fid-data tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023, negozjant ewlieni involut f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Bl-istess mod, fil-punti 199 sa 209 u 217 sa 228 ta’ dik is-sentenza, hija qieset li, fl-Atti ta’ Settembru 2023, ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, il-Kunsill ma kien wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kklassifika lill-appellant bħala “negozjant ewlieni li jopera fir-Russja” jew bħala “negozjant involut f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, rispettivament.

36      Fil-punti 234 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżuri restrittivi miżmuma fir-rigward tal-appellant permezz tal-Atti ta’ Settembru 2024 ma kinux jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi qieset b’mod partikolari li dawn ma kinux inadegwati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.

37      Peress li ċaħdet il-motivi kollha mqajma mill-appellant, fil-punt 238 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet

38      L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu tal-kawża u tannulla l-atti kontenzjużi;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża fuq l-mertu u tiċħad l-azzjoni, u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

40      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni għaxar aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl tiegħu u fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni wara żnaturament tal-provi. Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u injorat l-obbligu ta’ reviżjoni perijodika impost fuq il-Kunsill skont l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-atti kontenzjużi kollha. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni ksur tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215(2) TFUE. Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li, waqt l-analiżi tal-applikazzjoni tal-kriterju (g) inizjali mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, żnaturat il-provi u kisret il-kriterju (g) inizjali. Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat u, sussidjarjament, li kisret l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE. It-tmien aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali minħabba allegat żnaturament ta’ motiv ta’ annullament. Permezz tad-disa’ aggravju, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju (g) inizjali u tal-kriterju (g) emendat kif ukoll li injorat il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u tal-kriterju (g) emendat.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

41      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl tiegħu u li vvizzjat ir-raġunament tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni meta ddeċidiet, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li huwa ma kienx ipproduċa indizji serji li jippermettu li tiġi stabbilita l-utilità u n-neċessità, għall-Qorti Ġenerali, li tordna lill-Kunsill jipproduċi diversi dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat lill-appellant, għas-sempliċi raġuni li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill kien jirriżulta li dawn id-dokumenti ma kinux jinkludu provi li ġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu.

42      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali injorat l-inkoerenzi, li madankollu kienu ġew irrilevati mill-appellant, li jivvizzjaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill dwar in-natura u l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żnaturat ittra tal-Kunsill li kienet tinforma lill-appellant inizjalment li d-dokumenti bir-referenza WK kienu jinkludu bażijiet dokumentali li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu filwaqt li pprivileġġat, mingħajr ma spjegat ruħha mkien, spjegazzjoni sussegwenti mressqa mill-Kunsill, li d-dokumenti mitluba mill-appellant u li kellhom ukoll ir-referenza WK fir-realtà kienu jinkludu skambji bejn il-Kunsill u l-avukati tal-appellant.

43      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-qorti tal-ewwel istanza, ta’ talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni jew ta’ istruttorja tal-proċedura mressqa minn parti f’kawża, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima u tan-neċessità li wieħed jipproċedi biha. Fil-fatt, in-natura probatorja jew le tal-atti proċedurali taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar tirriżulta mid-dokumenti inklużi fil-proċess (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, UG vs Il‑Kummissjoni, C‑546/23 P, EU:C:2024:975, punti 127 u 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta rrifjutat li tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mill-appellant (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Viega vs Il‑Kummissjoni, C‑276/11 P, EU:C:2013:163, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni, fl-appell, sabiex tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tqis, mingħajr żball ta’ liġi, li l-assenza ta’ produzzjoni tad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma tirriskjax li tippreġudika, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, id-drittijiet tad-difiża li din il-persuna għandha skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

47      Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha hija wkoll kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 25, u tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 392, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dan l-obbligu, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ sentenza jew ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fit-tilwima, u għalhekk din il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita kemm-il darba tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza appellata, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża li tordna lill-Kunsill jipproduċi diversi dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat lilu u li setgħu, fil-fehma tiegħu, jinkludu bażijiet dokumentali mhux uffiċjali li fuqhom il-Kunsill kien ibbaża ruħu sabiex iżomm il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

49      Għandu jiġi enfasizzat li, billi indikat f’dan il-punt 46 li, skont l-appellant, dawn id-dokumenti “jinkludu jew bażijiet dokumentali mhux uffiċjali jew skambji dwar it-talbiet għall-irtirar ta’ ismu mil-listi kontenzjużi”, il-Qorti Ġenerali debitament ġabret fil-qosor l-argument tal-appellant li l-Kunsill kien ressaq suċċessivament, fil-kuntest tal-iskambji tiegħu mal-appellant wara t-talba għal aċċess magħmula minn dan tal-aħħar, spjegazzjonijiet allegatament kontradittorji. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Kunsill indika li d-dokumenti bir-referenza WK kienu jinkludu bażijiet dokumentali użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni taż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellant, filwaqt li spjega, fit-tieni lok, li wħud mid-dokumenti b’dik ir-referenza, jiġifieri dawk li kienu s-suġġett tat-talba għal aċċess imressqa mill-appellant, ma kinux jinkludu provi li abbażi tagħhom il-Kunsill kien iddeċieda li jżomm dawn il-miżuri, iżda kienu kkostitwiti essenzjalment minn skambji bejn l-avukat tal-appellant u l-Kunsill jew minn dokumenti interni tal-Kunsill.

50      Huwa għaldaqstant f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat jekk, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi jew kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddeċidiet li l-appellant ma kienx ipproduċa indizji serji li jippermettu li tiġi stabbilita l-utilità li l-Kunsill jiġi ordnat jipproduċi d-dokumenti inkwistjoni.

51      Hekk kif jirriżulta mill-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-Kunsill kien espona b’mod suffiċjentement konvinċenti, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal organizzazzjoni tal-proċedura, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-appellant wara t-talba għal aċċess ta’ dan tal-aħħar ma kinux kontradittorji inkwantu d-dokumenti bir-referenza WK kienu effettivament bażijiet dokumentali trażmessi lid-delegazzjonijiet tal-Kunsill sabiex dawn jiddeċiedu jekk kellhomx jinżammu l-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellant jew le, iżda li dawn id-dokumenti ma kinux jikkostitwixxu kollha, madankollu, fajls bil-provi, u inkwantu d-dokumenti mitluba mill-appellant ma kinux, fi kwalunkwe każ, parti minn dawn il-fajls.

52      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, la injorat l-allegazzjoni tal-appellant li jipprovdu li l-Kunsill kien ressaq, matul dawn l-iskambji, spjegazzjonijiet potenzjalment kontradittorji u lanqas ma żnaturat il-kontenut ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, immotivat b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda tat-talba għal organizzazzjoni tal-proċedura billi qieset li l-imsemmija spjegazzjonijiet setgħu oġġettivament jinqraw mingħajr kontradizzjoni, b’tali mod li ma kinux jeżistu indizji serji li jippermettu li wieħed jaħseb li l-assenza ta’ produzzjoni tad-dokumenti kkonċernati setgħet tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-appellant fil-kuntest kemm tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll tal-proċedura kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża u ta’ aċċess għall-fajl tal-appellant jew kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

53      Sa fejn, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ordnatx il-produzzjoni tad-dokumenti kkonċernati sabiex tiżgura ruħha li dawn effettivament ma kinux jikkostitwixxu, hekk kif sostna l-Kunsill, fajls ta’ provi li l-appellant kellu jkollu aċċess għalihom sabiex ikun jista’ jorganizza d-difiża tiegħu b’mod utli, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 44 u 45 tas-sentenza preżenti, l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-neċessità li tittieħed il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba ma taqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talba tal-appellant ma huwiex ivvizzjat bl-iżbalji ta’ liġi invokati.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u injorat l-obbligu ta’ reviżjoni perijodika impost fuq il-Kunsill, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni rispettiva tagħhom applikabbli għall-atti kontenzjużi kollha, billi qieset b’mod konċiż li l-Kunsill kien issodisfa dan l-obbligu ta’ reviżjoni perijodika fir-risposta li huwa indirizza lill-appellant wara t-talba ta’ dan tal-aħħar sabiex ma jestendix il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh permezz tal-Atti futuri ta’ Marzu 2023. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li r-risposta sommarja pprovduta mill-Kunsill, mingħajr analiżi argumentata jew evalwazzjoni ddettaljata, kienet insuffiċjenti fir-rigward tal-imsemmi obbligu u li hija ma semmietx ċerti elementi li jiskaġunaw ipprovduti mill-appellant, u dan, minkejja li dawn l-elementi ma kinux relatati mal-fondatezza ta’ dawn il-miżuri, iżda mal-fatt jekk kienx opportun li dawn il-miżuri jiġu estiżi.

56      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tal-appellant li din ir-risposta tikkontradixxi l-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa indikat f’dik l-espożizzjoni, il-Kunsill, fl-imsemmija risposta, afferma li l-appellant kien għadu wieħed mill-proprjetarji prinċipali ta’ Alfa Bank.

57      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u hekk kif jirriżulta wkoll essenzjalment mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2014/145, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tagħha, kif ukoll mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 269/2014, il-Kunsill huwa obbligat jeżamina f’intervalli regolari jekk għandhomx jinżammu l-miżuri restrittivi adottati kontra persuna billi jagħti minn qabel, lil din il-persuna tal-aħħar, il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar tali żamma fil-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il-Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 106).

59      Meta jiġu fformulati osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata dwar il-motivi li l-Kunsill ikollu l-intenzjoni jinvoka sabiex iżomm il-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi hekk previsti fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi li jiskaġunaw annessi magħhom. B’mod partikolari, il-Kunsill huwa obbligat, fid-dawl b’mod partikolari ta’ tali elementi li jiskaġunaw, li jivverifika jekk, sa mill-inklużjoni inizjali tagħha jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali ta’ din il-persuna nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li jitqies li l-miżuri restrittivi għandhom jinżammu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114, kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 49).

60      Fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-persuna kkonċernata tal-legalità tad-deċiżjoni li jinżammu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika l-osservanza mill-Kunsill tal-garanziji proċedurali msemmija fil-punti 58 u 59 tas-sentenza preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 118).

61      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi jew ivvizzjat ir-raġunament tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni meta qieset li l-Kunsill ma kienx kiser, fir-risposta indirizzata lill-appellant wara l-osservazzjonijiet ifformulati minnu dwar iż-żamma prevista tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, l-obbligu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-appellant qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023 li permezz tagħhom din l-istituzzjoni finalment iddeċidiet li żżomm fis-seħħ dawn il-miżuri fil-konfront tiegħu.

62      Fil-punti 131 u 132 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fittxet li tivverifika, sabiex tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 tas-sentenza preżenti, jekk il-Kunsill kienx osserva l-garanziji proċedurali mfakkra fil-punti 58 u 59 tas-sentenza preżenti.

63      Għaldaqstant mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 131 u 132 tal-istess sentenza, moqrija flimkien mal-punti 13 sa 15 tagħha, jirriżulta li l-Kunsill informa fi żmien xieraq lill-appellant li huwa kellu l-intenzjoni jestendi l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, li huwa stiednu, qabel ma ħa deċiżjoni dwar dan is-suġġett, jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu u li huwa wieġeb permezz ta’ ittra, jum wara li ddeċieda li jżomm il-miżuri restrittivi permezz tal-Atti ta’ Marzu 2023, għad-diversi osservazzjonijiet li l-appellant kien bagħatlu.

64      Fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 132 tas-sentenza appellata, imsemmija fit-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, mingħajr ma l-appellant isostni żnaturament fl-istadju tal-appell, li, f’dik l-ittra, il-Kunsill kien indika li ħa inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-appellant u l-konnessjonijiet tiegħu mal-Ukraina, kif ukoll il-provi li huwa kien ipproduċa, iżda li dawn il-provi kollha ma kinux jikkontestaw l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward taż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi, fid-dawl tal-fatt li l-appellant kompla jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterju (g) inizjali.

65      Minn dan il-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeduċiet, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 127 u 128 ta’ dik is-sentenza, li tikkorrispondi essenzjalment għal dik imsemmija fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, il-Kunsill ma kienx kiser l-obbligu tiegħu ta’ reviżjoni perjodika qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023.

66      B’dan il-mod u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset, fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 132 u fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill, li għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedi dwar jekk huwiex opportun li jinżammu l-miżuri restrittivi, ma jiksirx l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali impost fuqu konformement ma’ din il-ġurisprudenza, meta jispjega, għalkemm fil-qosor, li l-osservazzjonijiet u l-elementi li jiskaġunaw ipprovduti minn persuna sabiex tikkontesta l-fatt li jkun opportun li jinżammu l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha ma humiex biżżejjed sabiex jikkontestaw iż-żamma prevista ta’ dawn il-miżuri peress li din l-istituzzjoni tqis li l-persuna kkonċernata tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterju li jservi ta’ bażi għal tali żamma.

67      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li din naqset milli tirrispondi għall-argument tal-appellant li l-Kunsill afferma b’mod żbaljat, fl-ittra kontenzjuża, li huwa kien għadu wieħed mill-proprjetarji prinċipali ta’ Alfa Bank filwaqt li dan ma kienx iktar il-każ hekk kif jirriżulta mill-espożizzjoni stess tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Kunsill essenzjalment jispjega f’din l-ittra, li l-appellant ma jinvokax l-iżnaturament tagħha fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu, li l-appellant kien għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterju (g) inizjali minħabba “fuq kollox l-attività tiegħu f’dan il-bank”.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, l-appellant seta’ jifhem li l-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament qieset li l-iżball allegatament imwettaq mill-Kunsill fl-imsemmija ittra, anki jekk jitqies li seħħ, ma kellu ebda effett fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ reviżjoni perijodika impost fuq il-Kunsill, peress li mill-istess ittra kien jirriżulta li, minkejja l-osservazzjonijiet u l-elementi li jiskaġunaw ipprovduti mill-appellant fir-rigward tal-fatt jekk kienx opportun li jinżammu l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, il-Kunsill qies li dan kien għadu jista’ jiġi kklassifikat bħala “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, għar-raġuni prinċipali li huwa kien għadu jeżerċita attività fl-imsemmi bank, indipendentement mill-fatt jekk kienx jinsab jew le fost il-proprjetarji tiegħu.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

70      Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u injorat l-obbligu ta’ reviżjoni perjodika impost fuq il-Kunsill, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tal-appellant ibbażat fuq l-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt imwettaq mill-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024, billi sostniet bħala l-unika raġuni li l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina kienu għadhom għaddejjin u għalhekk kienu jiġġustifikaw l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri. Skont l-appellant, tali raġunament iwassal, l-ewwel nett, sabiex jinnewtralizza r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ddettaljata u individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna li fil-konfront tagħha hija prevista ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, it-tieni nett, iħawwad il-kwistjoni tal-impatt tal-miżuri restrittivi ma’ dik tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ tali miżuri u, it-tielet nett, jinjora li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kienu s-suġġett ta’ ebda valutazzjoni tal-impatt bil-miktub qabel id-deċiżjoni li l-miżuri jinżammu.

71      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 tas-sentenza preżenti u hekk kif essenzjalment iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza tal-punt 147 tas-sentenza appellata, l-obbligu tal-Kunsill li jirrevedi perjodikament in-neċessità li jinżammu l-miżuri restrittivi meħuda kontra persuna jimplika li din l-istituzzjoni hija obbligata, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi li jiskaġunaw prodotti minn din il-persuna, li tivverifika jekk, sa mill-inklużjoni inizjali tagħha jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tal-imsemmija persuna nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li jitqies li l-miżuri restrittivi għandhom jinżammu fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li n-neċessità ta’ tali żamma għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-“evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali” li wasslet lill-Unjoni sabiex tieħu pożizzjoni kontra l-pajjiż terz ikkonċernat permezz ta’ miżuri restrittivi.

73      Fil-każ ineżami, fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal wieħed mill-argumenti żviluppati mill-appellant insostenn tad-dsatax-il motiv tiegħu, li abbażi tiegħu, minkejja li kienu diġà sentejn li l-Kunsill kien adotta miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, dawn tal-aħħar ma kinux effettivi u ma kellhom ebda impatt, aspett li l-Kunsill kien astjena, dejjem skont dan l-appellant, milli jieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni li huwa kellu jwettaq qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024.

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li, fid-dawl tal-persistenza tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, il-Kunsill seta’ validament iqis li kien iġġustifikat li jestendi l-miżuri restrittivi kontra l-appellant. Minn dan il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet li dawn il-miżuri la kienu mċaħħda minn kull utilità u lanqas minn kull impatt.

75      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rrilevat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li, fil-kuntest tal-obbligu ta’ reviżjoni perjodika impost fuqu, il-Kunsill kien ħa inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, il-fatt li l-azzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-imsemmija Federazzjoni kontra l-Ukraina ppersistew, jiġifieri l-assenza ta’ evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali li wasslet lill-Unjoni tadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi bħall-appellant.

76      Sa fejn l-appellant jirreferi, fil-kuntest ta’ dan it-tielet aggravju, għas-sitwazzjoni individwali tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-punt 147 tas-sentenza appellata, sempliċement tivverifika jekk il-Kunsill kienx evalwa l-impatt tal-miżuri restrittivi fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ġenerali, peress li, fil-punti 143 u 148 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati mill-appellant fl-istadju tal-appell, hija fittxet li tivverifika, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 tas-sentenza preżenti, jekk, fil-kuntest tal-obbligu ta’ reviżjoni impost fuqu, il-Kunsill kienx eżamina l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fattwali tal-appellant fid-dawl tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

78      Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta, fil-punt 235 tas-sentenza appellata, ddeċidiet li l-miżuri restrittivi miżmuma fil-konfront tiegħu permezz tal-Atti ta’ Settembru 2024 ma kinux inadegwati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, minkejja li l-Kunsill ammetta, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fl-ewwel istanza, li dawn il-miżuri restrittivi ma kellhom ebda impatt fuq il-Federazzjoni Russa, il-Qorti Ġenerali injorat din l-ammissjoni ġudizzjarja billi sempliċement ikkonstatat li t-tkomplija tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina kienet tiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellant.

79      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kwistjoni tal-kapaċità tal-miżuri restrittivi li jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kunsill meta jipprevedi sistema ta’ miżuri restrittivi li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, li jinvolvi min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fil-kuntest tagħha huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi, b’tali mod li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ tali miżura, meta mqabbla mal-għan li l-Kunsill ikun jixtieq jilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità tagħha fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, tali legalità ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-effetti immedjati jew konkreti tal-miżuri restrittivi kkonċernati, iżda għal konstatazzjoni li dawn il-miżuri jista’ jkollhom l-effetti mfittxija fid-dawl tal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il-Kunsill, C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 66; tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, EU:C:2020:727, punt 97; tat‑13 ta’ Novembru 2025, Al‑Assad vs Il-Kunsill, C‑779/24 P, EU:C:2025:880, punt 52; kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 229, 230 u 233).

81      Fil-każ ineżami, għandu jiġi enfasizzat li l-appellant ma jikkontestax l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-miżuri restrittivi miżmuma fil-konfront tiegħu permezz tal-Atti ta’ Settembru 2024 jissodisfaw l-għan li jikkonsisti, essenzjalment, fl-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u fiż-żieda tal-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Huwa lanqas ma jikkontesta li l-Qorti Ġenerali qieset, f’dan l-istess punt 234, li tali għan jaqa’ taħt l-għanijiet leġittimi mfittxija fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, bħaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali.

82      Fil-punt 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-miżuri restrittivi miżmuma kontra l-appellant kinux ipproduċew effetti konkreti fuq il-Federazzjoni Russa, in-natura xierqa ta’ dawn il-miżuri sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi iktar ’il fuq kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-ksur persistenti, minn dan il-pajjiż terz, tar-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali, bħall-projbizzjoni tal-użu tal-forza jew l-osservanza tad-dritt umanitarju internazzjonali. Għaldaqstant, hija qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-għan leġittimu mfittex, l-imsemmija miżuri ma kinux manifestament inadegwati sabiex dan jintlaħaq.

83      Billi adottat tali raġunament u billi qieset b’mod partikolari li l-allegata assenza ta’ impatt tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-appellant fuq il-Federazzjoni Russa kienet irrilevanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 tas-sentenza preżenti.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

85      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju (g) inizjali li huwa kien qajjem minħabba nuqqas ta’ bażi legali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill jista’, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ persuni, u dan minkejja li dawn ma jkollhom ebda rabta mas-suġġett tas-sistema ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Federazzjoni Russa u l-gwerra fl-Ukraina.

86      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kunsill huwa awtorizzat jadotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali. Id-deċiżjonijiet hekk adottati mill-Kunsill abbażi ta’ dan l-artikolu għandhom juru, fil-kriterji li huma jipprevedu sabiex iservu bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi, rabta oġġettiva bejn il-kategoriji ta’ persuni jew ta’ entitajiet li jistgħu jkunu koperti minn tali miżuri u l-pajjiż terz ikkonċernat fid-dawl tal-għan ta’ pressjoni li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita fuq dak il-pajjiż. B’mod partikolari, dawn il-kategoriji għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-persuni u l-entitajiet li huma jkopru jkollhom rabta oġġettiva mal-imsemmi pajjiż terz sabiex il-miżuri restrittivi imposti f’dan ir-rigward ikunu jistgħu jilħqu, b’mod li ma jkunx manifestament mhux xieraq, dan l-għan ta’ pressjoni. Fl-assenza ta’ tali rabta, kriterju ta’ inklużjoni f’lista ta’ persuni suġġetti għal tali miżuri jkun manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u, għaldaqstant, ikollu jitqies li huwa illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 269 u 273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, b’risposta għal argument li jgħid li kriterju li jservi ta’ bażi għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq persuni fiżiċi għandu neċessarjament jirrifletti aġir imputabbli lill-persuni kkonċernati, li, peress li, partikolarment minħabba l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn il-kategorija ta’ persuni fiżiċi msemmija u l-pajjiż terz ikkonċernat, tali kriterju ta’ inklużjoni ma huwiex manifestament mhux xieraq meta mqabbel mal-għan imfittex, il-mod li bih din ir-rabta hija riflessa fl-elementi kostituttivi ta’ dan il-kriterju ma jistax jixħet dubju dwar il-validità tal-imsemmi kriterju (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 290).

89      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kunsill jadotta regolament abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jimponi miżuri restrittivi wara deċiżjoni adottata konformement mal-Artikolu 29 TUE, dan ir-regolament għandu wkoll neċessarjament jirrifletti tali rabta oġġettiva, mingħajr ma jkun jista’ jbiddel il-portata tiegħu. Fil-fatt, peress li l-għan ta’ tali regolament ikun li jimplimenta d-deċiżjoni meħuda fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li jagħti effett lill-miżuri restrittivi li jkunu previsti fiha sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE kif ukoll li jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-miżuri fl-Istati Membri kollha, ir-regolament ikkonċernat għandu jillimita ruħu li jirriproduċi l-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni u li jipprovdi definizzjonijiet u preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minn din id-deċiżjoni, mingħajr madankollu ma jkun jista’ jżid kriterji ġodda jew miżuri restrittivi ġodda u mingħajr ma jkun jista’ jbiddel il-portata tal-kriterji u tal-miżuri li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 274 u l-ġurisprudenza ċċitata)..

90      Fil-każ ineżami, billi indikat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill huwa awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, jadotta miżuri restrittivi kontra “kwalunkwe ‘persuna fiżika jew ġuridika’, ‘entità mhux Statali’ jew kwalunkwe ‘grupp’ biss bil-kundizzjoni li deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedi tali miżuri”, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ġustament fakkret li l-adozzjoni ta’ tali miżuri restrittivi abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE hija possibbli biss jekk tkun teżisti deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-punt tas-sentenza appellata ma jistax jinqara fis-sens li l-Qorti Ġenerali indikat fih li, meta jadotta regolament abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, wara deċiżjoni meħuda fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill seta’ jevita ir-rekwiżit li l-kriterji ta’ inklużjoni previsti f’tali deċiżjoni u riprodotti f’dan ir-regolament għandhom ikunu mmirati lejn kategoriji ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet mhux Statali li għandhom rabta oġġettiva, irrispettivament mill-mod kif dan ikun rifless, mal-pajjiż terz li kontrih l-Unjoni jkollha l-intenzjoni tieħu pożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 275). Għaldaqstant, għandu jitqies li l-appellant jinterpreta l-imsemmi punt b’mod żbaljat.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

93      Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi, kisret il-kriterju (g) inizjali u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta, fil-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata, qieset li, fir-rigward tal-Atti ta’ Marzu 2023, il-Kunsill seta’ validament iqis li s-settur bankarju kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Fil-fatt, sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq il-preżenza ta’ Alfa Bank f’lista tal-ikbar kontribwenti tar-Russja għas-sena 2020 kif ukoll fuq l-ammont tad-dħul annwali ġġenerat mis-settur bankarju bejn is-sena 2014 u s-sena 2021. Madankollu, la l-fatt li impriża partikolari tkun kontribwent kbir u lanqas dak li settur jiġġenera ċertu numru ta’ dħul ma jippermettu, anki jekk meħuda b’mod kumulattiv, li jitqies li dan is-settur jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern ta’ Stat, speċjalment peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tal-appellant ibbażat fuq in-natura banali tat-taxxi diretti u indiretti ġġenerati mis-settur bankarju Russu.

94      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq data mhux aġġornata u naqset b’mod żbaljat milli tikkunsidra dik id-data b’relazzjoni mal-baġit tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex tistabbilixxi jekk is-sors ta’ dħul iġġenerat minn dan is-settur għal dan il-gvern kienx sostanzjali.

95      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tas-sitt aggravju billi jsostni li, permezz tal-argumenti tiegħu, l-appellant jipprova jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

96      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni esklużiva, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tidher li tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun siltet minnhom il-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 378 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98      Fil-każ ineżami, permezz tas-sitt aggravju tiegħu, l-appellant ma jfittixx, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, li jikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali u lanqas l-evalwazzjoni li din il-qorti għamlet tal-provi, iżda jikkontesta l-klassifikazzjoni ġuridika tal-punti ta’ fatt mill-Qorti Ġenerali kif ukoll il-konsegwenzi ta’ liġi li din siltet minnhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali sempliċement siltet minn żewġ punti ta’ fatt, allegatament irrilevanti, il-konsegwenza li s-settur bankarju Russu pprovda “sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Għaldaqstant, is-sitt aggravju huwa ammissibbli f’dan ir-rigward.

99      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-provi, għandu jiġi kkonstatat li, fl-appell tiegħu, l-appellant ma jindikax il-provi li ġew żnaturati u juri wisq inqas l-iżbalji ta’ analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-allegazzjoni għandha tiġi ddikjarata li hija inammissibbli.

100    Minn dan isegwi li s-sitt aggravju huwa ammissibbli, bl-eċċezzjoni tal-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-provi.

–       Fuq il-mertu

101    L-ewwel nett, l-appellant isostni li, fil-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, waqt l-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023, il-Kunsill seta’ validament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li Alfa Bank kienet waħda mill-ikbar kontribwenti tar-Russja sabiex jiddetermina jekk is-settur ekonomiku li fih topera din l-entità, jiġifieri s-settur bankarju, kienx jipprovdi “sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa possibbli li jitqies, f’ċerti ċirkustanzi, li settur ekonomiku ta’ Stat jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern tiegħu, meta jkun hemm sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li juru li waħda mill-kumpanniji l-iktar importanti ta’ dan is-settur tipprovdi, diġà waħedha, dħul sostanzjali lil dan il-gvern (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 382).

102     Fil-punt 189 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’riferiment b’mod partikolari għall-punti 97 u 106 tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il-Kunsill (T‑333/22, EU:T:2023:758), jekk is-sors ta’ dħul mogħti lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa mis-settur bankarju li fih l-appellant jopera kienx sostanzjali fid-dawl tal-importanza tal-kumpannija li tagħha dan tal-aħħar huwa azzjonist, jiġifieri Alfa Bank bħala waħda mill-ikbar kontribwenti fir-Russja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-importanza ta’ Alfa Bank fis-settur bankarju Russu kien element li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dak is-sors kienx sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 381).

103    It-tieni nett, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli tivverifika jekk is-sors ta’ dħul ipprovdut mis-settur bankarju Russu lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kienx sostanzjali għall-baġit ta’ dan il-gvern. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt jekk dan is-sors ta’dħul huwiex sostanzjali, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, jista’ jiġi evalwat b’mod assolut b’tali mod li għandu jiġi vverifikat jekk is-settur ekonomiku kkonċernat jagħtix lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa dħul fi kwantità sostanzjali, indipendentement mill-perċentwali li dan id-dħul jirrappreżenta meta mqabbel mad-dħul globali ta’ dan il-gvern (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 138).

104    Għaldaqstant, ma kienx neċessarju għall-Qorti Ġenerali li twettaq tali paragun sabiex tiddetermina jekk il-Kunsill setax validament jikkonkludi li s-sors ta’ dħul ipprovdut mis-settur bankarju Russu lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kien sostanzjali.

105    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, id-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju Russu sabiex tiddetermina jekk is-sors ta’ dħul ipprovdut minn dan is-settur lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kienx sostanzjali, filwaqt li l-appellant iqis li huwa kien wera li t-taxxi diretti u indiretti ġġenerati mill-imsemmi settur kienu banali.

106    Fil-fatt, mill-punt 103 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk is-sors ta’ dħul ipprovdut minn settur ekonomiku lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kienx sostanzjali, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, għandha tiġi evalwata f’termini assoluti. Konsegwentement, billi rrilevat, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li l-importanza tas-settur bankarju fir-Russja kienet ikkonfermata mid-dħul annwali ta’ iktar minn 2.3 triljun rubil Russu (RUB) (jiġifieri madwar 25.3 biljun euro) ta’ dan is-settur, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament qieset, mingħajr ma kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-fatt li settur ekonomiku għandu dħul annwali sinjifikattiv huwa element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan is-settur jipprovdix, f’termini assoluti, sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li huwa kkjarifikat li l-kunċett ta’ “dħul”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, jinkludi r-riżorsi finanzjarji kollha pprovduti lil dan il-gvern, u dan ma jkoprix biss it-taxxi li joriġinaw minn dan is-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 140).

107    Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata, qieset li fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali li ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja u li twettqu abbażi ta’ provi li l-iżnaturament allegat tagħhom tqies inammissibbli fil-punt 99 tas-sentenza preżenti, l-importanza ta’ Alfa Bank u dik tad-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju Russu kienu suffiċjenti, meħuda b’mod kumulattiv bħala sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, sabiex jiġi stabbilit li s-sors ta’ dħul ipprovdut minn dan is-settur lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kien sostanzjali, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 101 u 106 tas-sentenza preżenti, kemm l-importanza ta’ kumpannija bħala waħda mill-ikbar kontribwenti tar-Russja kif ukoll id-data dwar id-dħul annwali tas-settur ekonomiku kkonċernat jikkostitwixxu elementi rilevanti sabiex jiġi stabbilit li sors ta’ dħul huwa sostanzjali.

108    Fir-rigward, il-ħames nett, tal-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tispjega għaliex il-provi eżaminati fil-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata kienu jippermettu, minkejja li kienu antiki, li jiġi stabbilit li s-settur bankarju Russu kien jipprovdi, fid-data tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2023, sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-appellant ma qajjimx dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali.

109    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tirrispondi għal argument li ma kienx tqajjem quddiemha.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq is-seba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

111    Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat u, sussidjarjament, l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE, billi qieset b’mod żbaljat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “negozjant ewlieni”, fis-sens ta’ din l-ewwel parti, kellu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett identiku msemmi fil-kriterju (g) inizjali, filwaqt li s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett allegatament ġew emendati minħabba l-bidla fil-formulazzjoni tal-kriterju (g) emendat meta mqabbel ma’ dak tal-kriterju (g) inizjali. Fil-fatt, filwaqt li l-kunċett ta’ influwenza, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali (it-test Franċiż juża terminu ekwivalenti għal ‘influwenti’ iżda t-test Malti juża l-kelma ‘ewlieni’), kellu jinftiehem bħala l-importanza li negozjant għandu b’rabta mal-involviment tiegħu f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, il-kunċett ta’ influwenza msemmi fl-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat għandu issa jinftiehem, fid-dawl tal-kuntest ifformat mit-tieni u mit-tielet parti ta’ dan il-kriterju kif ukoll mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, bħala li jfisser li n-negozjanti ewlenin għandu jkollhom iktar minn ċerta importanza sa fejn għandhom ikunu f’relazzjoni ta’ interdipendenza mal-poter Russu.

112    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Għandu jitfakkar li, abbażi tal-kriterju (g) inizjali, il-Kunsill seta’ jadotta miżuri restrittivi fir-rigward b’mod partikolari ta’ negozjanti ewlenin li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Il-kriterju (g) emendat, li ġie introdott bid-Deċiżjoni 2023/1094 u li ssostitwixxa l-kriterju (g) inizjali mill-5 ta’ Ġunju 2023, issa jippermetti lill-Kunsill jimponi tali miżuri fir-rigward, minn naħa, ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti tal-kriterju (g) emendat”) kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-familja immedjati tagħhom jew ta’ persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-kriterju (g) emendat”), u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari negozjanti involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa (iktar ’il quddiem it-“tielet parti tal-kriterju (g) emendat”).

114    Peress li l-formulazzjoni tal-kriterju (g) ġiet emendata, għandu jiġi vverifikat jekk mid-differenza fir-redazzjoni bejn il-kriterju (g) inizjali u l-kriterju (g) emendat tirriżultax differenza ta’ sens jew ta’ portata li għandha twassal għal interpretazzjoni differenti taż-żewġ testi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1961, Simon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 15/60, EU:C:1961:11, p. 243, u tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Azienda Agricola Barausse Antonio e Gabriele, C‑348/18, EU:C:2019:545, punt 50). B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “influwenza” tan-negozjanti koperti mill-kriterju (g) inizjali u mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat għandux jiġi interpretat b’mod identiku jew le.

115    Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-kriterju (g) inizjali jirriżulta li l-kunċett ta’ “influwenza” min-negozjanti msemmija fih għandu jinftiehem bħala l-importanza sinjifikattiva li dawn in-negozjanti għandhom fis-settur ekonomiku li fih huma involuti, indipendentement mir-rabtiet li jista’, barra minn hekk, ikollhom, skont il-każ, mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Tali importanza tista’ tiġi evalwata skont kriterji bħalma huma l-istatus professjonali tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom, l-importanza tal-attività ekonomika tagħhom, il-portata tal-assi kapitali tagħhom jew tal-investimenti tagħhom, il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-impriża li fiha jeżerċitaw l-attività tagħhom jew inkella kull kriterju ieħor ta’ natura ekonomika rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 175, 177 u 178).

116    Mill-punti 175, 178, 184 u 195 ta’ dik is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026 jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, l-importanza sinjifikattiva li n-negozjanti għandu jkollhom ma hijiex korrelatata mal-fatt li s-settur ekonomiku li joperaw fih jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa, iżda biss għall-pożizzjoni tagħhom f’dan is-settur ekonomiku. Għalkemm, ċertament, skont il-formulazzjoni tal-kriterju (g) inizjali, dan is-settur ekonomiku seta’ jkun biss settur li jipprovdi tali sors sostanzjali ta’ dħul (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 177 u 181), xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ta’ dan il-kriterju, il-kunċett ta’ “influwenza” kien indipendenti min-natura lukrattiva tas-settur ekonomiku, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan l-aħħar rigward li l-kunċett ta’ “sors sostanzjali ta’ dħul” ma kienx relatat man-negozjanti ewlenin u, għaldaqstant, mal-influwenza tagħhom, iżda mas-settur ekonomiku li fih dawn in-negozjanti huma involuti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 125).

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi u hekk kif essenzjalment indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 51, 52 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-kriterju (g) inizjali kienet tinkludi, għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ negozjanti, żewġ kundizzjonijiet distinti iżda kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li n-negozjanti kellhom ikunu ewlenin, jiġifieri importanti fir-rigward tal-attività ekonomika li kienu joperaw, u, min-naħa l-oħra, li huma kellhom jeżerċitaw din l-attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

118    Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet setgħu, hekk kif spjega l-Kunsill fir-risposta tiegħu u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiġu sseparati f’żewġ partijiet, li jikkorrispondu essenzjalment għall-ewwel u għat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, sabiex ikopru, minn naħa, in-negozjanti ewlenin li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku fir-Russja u, min-naħa l-oħra, in-negozjanti li, mingħajr ma neċessarjament ikunu ewlenin, ikollhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

119    Issa, peress li kull waħda minn dawn il-partijiet tal-kriterju (g) emendat hija fformulata b’mod analogu għall-elementi li jinsabu fil-kriterju (g) inizjali, il-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fih ma għandhomx iktar jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv ma jimplikax li l-portata tal-kunċett ta’ “influwenza” inbidlet.

120    Dan huwa kkorroborat mill-għan imfittex mill-kriterju (g) emendat, meta mqabbel ma’ dak imfittex mill-kriterju (g) inizjali. Għal dak li jirrigwarda l-għan ta’ dan il-kriterju inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien sabiex tirreaġixxi għall-gravità estrema kkostitwita mill-invażjoni, kuntrarja għad-dritt internazzjonali, tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa li l-kriterju (g) kien ġie introdott l-għada ta’ din l-invażjoni b’mod li tiġi eżerċitata pressjoni addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa u li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Tali għan seta’ jintlaħaq billi jiġu mmirati, permezz ta’ miżuri restrittivi, negozjanti li, minħabba li kellhom importanza sinjifikattiva f’ċerti setturi ekonomiċi, kienu jikkontribwixxu, fost oħrajn, għad-dħul miksub mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa minn dawn is-setturi u, għaldaqstant, għall-finanzjament tal-azzjonijiet immexxija minn dan il-pajjiż terz kontra l-Ukraina fil-kuntest ta’ ekonomija ttrasformata jew li tista’ tiġi ttrasformata f’ekonomija tal-gwerra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 120, 121, 179 u 180).

121    Għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-kriterju (g) emendat, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 tippreċiża fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet parti ta’ dan il-kriterju li l-Kunsill qies xieraq li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju (g) inizjali sabiex iżid għal darba oħra l-pressjoni eżerċitata fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex dan itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukraina. Għal dan l-għan, tqies neċessarju li jiġu sseparati l-każijiet koperti mill-kriterju (g) inizjali b’tali mod li, minn naħa, in-negozjanti ewlenin kollha li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku fir-Russja u, min-naħa l-oħra, in-negozjanti l-oħra involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jistgħu jkunu fil-mira ta’ miżuri restrittivi.

122    Minn dawn l-ispjegazzjonijiet ma jirriżultax li l-Kunsill kellu l-intenzjoni jbiddel is-sens jew il-portata tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-kriterju (g) inizjali u riprodotti essenzjalment fl-ewwel u fit-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, fosthom il-kunċett ta’ “influwenza”. Għall-kuntrarju, hekk kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza appellata u hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-separazzjoni tal-kriterju (g) inizjali f’żewġ partijiet hija intiża biss sabiex twessa’ l-kategorija ta’ negozjanti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi bl-għan li tiġi eżerċitata pressjoni addizzjonali fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

123    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, qieset li l-kunċett ta’ “influwenza”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali u tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, kellu jinftiehem bl-istess mod, jiġifieri dak indikat fil-punt 115 tas-sentenza preżenti.

124    L-argumenti tal-appellant ibbażati fuq ir-rabta tat-tliet partijiet tal-kriterju (g) emendat kif ukoll tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 ma jqiegħdux inkwistjoni din il-konklużjoni.

125    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tal-appellant li t-tieni parti tal-kriterju (g) emendat tikkonferma l-fatt li n-negozjanti ewlenin, fis-sens tal-ewwel parti ta’ dan il-kriterju, jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni distinta mill-kategorija ta’ negozjanti ewlenini msemmija fil-kriterju (g) inizjali, għandu jiġi rrilevat li t-tieni parti tal-kriterju (g) emendat tippermetti lill-Kunsill jimponi miżuri restrittivi fuq il-membri tal-familja qrib ta’ negozjanti ewlenin, fis-sens tal-ewwel parti ta’ dan il-kriterju, jew fuq persuni fiżiċi oħra li jibbenefikaw minn dawn in-negozjanti ewlenin.

126    Għalkemm huwa minnu li, hekk kif jirrileva l-appellant, din it-tieni parti hija suġġetta għall-ewwel waħda sa fejn, sabiex ikunu jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi taħt l-imsemmija tieni parti, il-persuni msemmija fiha għandhom ikunu konnessi ma’ negozjanti ewlenin, din ir-rabta ma għandha, fiha nnifisha, oġġettivament ebda rilevanza għall-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, b’mod partikolari, għal dik tal-kunċett ta’ “influwenza”.

127    Bl-istess mod, il-fatt li t-tieni parti ta’ dan il-kriterju, assenti mill-kriterju (g) inizjali, hija suġġetta biss għall-ewwel u mhux għat-tielet parti, ma għandu oġġettivament ebda rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti użati fl-ewwel u fit-tielet parti, li kienu magħquda f’parti waħda fil-kuntest tal-kriterju (g) inizjali, għandhomx jiġu interpretati bl-istess mod jew b’mod differenti minn dawk użati f’dan il-kriterju inizjali.

128    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellant li jgħid li mill-punt 122 tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2024, Mazepin vs Il-Kunsill (T‑742/22, EU:T:2024:433) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet li l-portata tal-kunċett ta’ “influwenza” li jinsab fl-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, żviluppat wara l-introduzzjoni tat-tielet parti ta’ dan il-kriterju sabiex issa tkopri, skont l-appellant, “iktar mill-fatt [għan-negozjant ikkonċernat,] li jkollu ċerta importanza”. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 123 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies, għar-raġunijiet esposti fil-punti 116 sa 122 tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ttrasponiet l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “influwenza” li jinsab fil-kriterju (g) inizjali għall-kunċett ta’ “influwenza” li jinsab fl-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat. Din il-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ żball ta’ liġi, fis-sentenza appellata, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “influwenza” fil-kuntest tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, ma tistax tiġi invalidata billi jiġi invokat il-kontenut ta’ sentenza oħra tal-Qorti Ġenerali, bħall-punt 122 tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2024, Mazepin vs Il-Kunsill (T‑742/22, EU:T:2024:433).

129    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argument tal-appellant li mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 jirriżulta li l-kunċett ta’ “influwenza” tan-negozjanti koperti mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat ma għandux jinftiehem fl-istess sens bħall-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, għandu jiġi rrilevat li din il-premessa tindika li teżisti relazzjoni ta’ interess u ta’ appoġġ reċiproċi bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u n-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja inkwantu dan il-gvern jippermetti sistematikament lin-negozjanti prominenti Russi jakkumulaw il-ġid tagħhom permezz tal-isfruttament ta’ riżorsi naturali u ta’ riżorsi pubbliċi oħra. L-imsemmija premessa tippreċiża li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterju (g) emendat għandu issa jkopri n-negozjanti ewlenin li joperaw indipendentement mis-settur ikkonċernat tal-ekonomija Russa.

130    Sa fejn l-appellant isostni li, permezz tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, il-Kunsill ried ibiddel il-kunċett ta’ “influwenza” sa fejn dan issa jinkludi, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kriterju (g) inizjali, element kostituttiv addizzjonali, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta bejn in-negozjant ikkonċernat u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, għandu jitqies li l-appellant jinterpreta din il-premessa b’mod żbaljat.

131    Fil-fatt, permezz tal-imsemmija premessa, il-Kunsill ikkonferma espressament li dan il-kunċett kellu, bħall-kriterju (g) inizjali, jinftiehem bħala li jkopri n-negozjanti “prominenti [...] li jakkumulaw il-ġid tagħhom” fl-ekonomija Russa, jiġifieri dawk li għandhom importanza sinjifikattiva f’termini ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 173 u 185).

132    Konsegwentement, għalkemm il-Kunsill ippreċiża, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, li dawn in-negozjanti kellhom relazzjoni ta’ interess u ta’ sostenn reċiproċi kif ukoll ta’ interdipendenza ma’ dan il-gvern, dan ma huwiex sabiex tinbidel il-portata tal-kunċett ta’ “influwenza”, iżda, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li n-negozjanti ewlenin kollha, involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-imsemmi gvern jew f’setturi ekonomiċi oħra, setgħu issa jkunu koperti minn miżuri restrittivi.

133    Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, skont l-imsemmija premessa, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa jippermetti “sistematikament” lin-negozjanti prominenti Russi jakkumulaw il-ġid tagħhom permezz tal-isfruttament ta’ riżorsi naturali u ta’ riżorsi pubbliċi oħra. L-użu tal-avverbju “sistematikament” juri għalhekk li l-Kunsill ried jistabbilixxi r-relazzjoni ta’ interess, ta’ appoġġ u ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa mhux bħala element kostituttiv tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, iżda bħala element ta’ kuntest li jiġġustifika l-estensjoni tal-kriterju (g) għan-negozjanti ewlenin kollha li joperaw fir-Russja.

134    Fir-rigward tal-ilment sussidjarju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215(2) TFUE, dan għandu jiġi miċħud għal raġunijiet analogi għal dawk li jinsabu fil-punti 87 sa 91 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “influwenza” tan-negozjanti msemmija fl-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, tivvizzja b’illegalità dan il-kriterju, peress li, minħabba din l-influwenza fl-ekonomija Russa, il-persuni kkonċernati għandhom rabta oġġettiva mal-Federazzjoni Russa, li ma tirrendix manifestament mhux xieraq il-kriterju (g) emendat meta mqabbel mal-għan li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-punti 76, 77, 88, 110 u 234 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati fl-istadju tal-appell, li tiżdied il-pressjoni fuq dan il-pajjiż terz u li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet imwettqa minnu kontra l-Ukraina.

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

136    Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat it-tnax-il motiv ta’ annullament tiegħu billi, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, qieset li, permezz ta’ dan il-motiv, l-appellant kien eċċepixxa l-illegalità tal-kriterju (g) emendat fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, filwaqt li l-imsemmi motiv kien fir-realtà bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-Kunsill wettaq meta qies, permezz tal-Atti ta’ Settembru 2023, li l-kriterju (g) emendat kien applikabbli għall-appellant. Dan tal-aħħar isostni li, billi ċaħdet, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, l-imsemmi motiv għas-sempliċi raġuni li l-argument tal-appellant relatat miegħu kien jaqa’ taħt il-fondatezza tal-Atti ta’ Settembru 2023 u mhux taħt l-illegalità tal-kriterju (g) emendat u, għalhekk, billi naqset milli tirrispondi fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

137    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

138    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 97 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax b’mod manifest li t-tnax-il motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ma setax jitqies, hekk kif isostni l-appellant, bħala li jirrigwarda l-legalità tal-kriterju (g) emendat. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, fin-nota ta’ adattament tiegħu intiża għall-annullament tal-Atti ta’ Settembru 2023, l-appellant essenzjalment sostna, permezz tat-tnax-il motiv tiegħu, li l-Kunsill kien kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi applika fil-konfront tiegħu, f’dawn l-atti, il-kriterju (g) emendat indipendentement mil-legalità ta’ dan tal-aħħar, huwa madankollu indika darbtejn, fin-nota ta’ adattament tiegħu intiża għall-annullament tal-Atti ta’ Marzu 2024, li t-tnax-il motiv kien jikkonċerna l-legalità tal-kriterju (g) emendat.

139    Konsegwentement, billi kklassifikat, fil-punti 58 u 82 tas-sentenza appellata, it-tnax-il motiv fost il-motivi li, bħall-għaxar, it-tlettax u l-ħmistax-il motiv, kienu bbażati fuq illegalità tal-kriterju (g) emendat minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx dan it-tnax-il motiv.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq id-disa’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

141    Permezz tad-disa’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet il-motivi tiegħu għal dawk tal-Kunsill meta, fil-punti 177, 185 u 214 tas-sentenza appellata, qieset li l-Kunsill kien ikklassifikah ġustament bħala “negozjant”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali u tal-kriterju (g) emendat, minħabba r-rabta li huwa kien żamm ma’ kumpanniji li tagħhom huwa kien jiġġestixxi l-assi fir-Russja, filwaqt li mill-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom huma bbażati l-atti kontenzjużi jirriżulta li l-appellant kien ikkunsidrat hemmhekk bħala sempliċi amministratur de facto ta’ dawn il-kumpanniji. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Atti ta’ Settembru 2024, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll tali sostituzzjoni billi qieset li l-motivi li fuqhom huma bbażati dawn l-atti baqgħu l-istess meta mqabbla ma’ dawk li fuqhom huma bbażati l-atti kontenzjużi preċedenti, filwaqt li l-Kunsill kien madankollu indika li l-appellant kien issa jiġġestixxi l-assi ta’ kumpannija differenti, u l-Qorti Ġenerali barra minn hekk astjeniet milli tistabbilixxi jekk il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova ta’ dan il-motiv il-ġdid.

142    Fi kwalunkwe każ, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod estensiv il-kunċett ta’ “negozjant”, imsemmi kemm mill-kriterju (g) inizjali kif ukoll mill-kriterju (g) emendat, filwaqt li dan il-kunċett jista’ jkopri biss id-diretturi u l-azzjonisti ta’ kumpannija.

143    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

144    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-argument tal-appellant jirrigwarda allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-fondatezza tad-diversi atti kontenzjużi, il-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkritika insostenn tad-disa’ aggravju, jiġifieri l-punti 177, 185 u 214, jirrigwardaw speċifikament l-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023 (punti 177 u 185) u ta’ Settembru 2024 (punt 214). Fl-assenza ta’ riferiment għall-punti tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-motivi tal-Atti ta’ Settembru 2023 u ta’ Marzu 2024, għandu jitqies li dan l-aggravju huwa dirett biss kontra r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-fondatezza tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023 u ta’ Settembru 2024.

145    Bil-benefiċċju ta’ din l-osservazzjoni preliminari, hemm lok li jiġi miċħud, l-ewwel nett, l-ilment tal-appellant ibbażat fuq sostituzzjoni tal-motivi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punti 177 u 185 tas-sentenza appellata waqt l-eżami tagħha tal-fondatezza tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023, li jipprovdu li huwa “kompla jimmaniġġa l-assi [tal-]kumpaniji [ABH Financial Limited u LetterOne] ibbażati fir-Russja”.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kemm fil-punt 177 kif ukoll fil-punt 185 tas-sentenza appellata, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fil-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 177 sa 188 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li, minkejja t-telf tal-istatus tiegħu ta’ azzjonist tal-kumpanniji ABH Financial Limited u LetterOne wara t-trasferiment formali tal-holding tiegħu lis-sieħeb kummerċjali tiegħu għal żmien twil, l-appellant dejjem seta’ jitqies bħala “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, minħabba l-fatt li huwa kien żamm rabtiet ma’ waħda minn dawn il-kumpanniji u kien għadu involut fiha billi kompla jiżgura l-ġestjoni tal-assi ta’ din il-kumpannija bbażati fir-Russja, konformement mal-formulazzjoni tal-imsemmi motiv. Barra minn hekk, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-kunċett ta’ “ġestjoni tal-assi” ta’ kumpannija ma kellux jinftiehem bħala li jkopri sempliċi funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ tali kumpannija.

147    Permezz ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ħadet ħsieb tanalizza, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-appellant, it-tifsira tal-espressjoni “kompla jimmaniġġa l-assi bbażati fir-Russja [tal-]kumpaniji” użata fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023. Minħabba l-użu tal-verb “kompla”, tali analiżi kienet timplika li jiġu eżaminati, minn naħa, l-attivitajiet tal-appellant fir-rigward taż-żewġ kumpanniji kkonċernati sad-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti f’Marzu 2023 u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-bidla li seħħet fis-sitwazzjoni tiegħu, jiġifieri t-telf tal-istatus tiegħu ta’ azzjonist ta’ dawn il-kumpanniji, l-appellant kienx żamm rabta suffiċjentement stretta magħhom jew ma’ waħda minnhom fil-forma ta’ ġestjoni ta’ assi sabiex ikun jista’ dejjem jiġi kklassifikat bħala “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali.

148    Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettqet sostituzzjoni tal-motivi u filwaqt li ġustament fakkret li ġestjoni tal-assi ma tikkorrispondix għall-amministrazzjoni ta’ kumpannija li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 177 sa 180 u 185 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien ipproduċa l-prova li l-appellant kien għadu involut fil-konsorzju Alfa Group billi jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Bank marbuta mal-kumpannija ABH Financial Limited u li għalhekk seta’ validament iqis li, hekk kif indikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023, l-appellant kompla jiġġestixxi l-assi tal-kumpannija ABH Financial Limited, li tagħmel parti minn dan il-konsorzju.

149    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment ibbażat fuq l-allegata sostituzzjoni tal-motivi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punt 214 tas-sentenza appellata waqt l-eżami tagħha tal-fondatezza tal-motivi li fuqhom huma bbażati l-Atti ta’ Settembru 2024, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali indikat li, meta mqabbla mal-atti preċedenti li imponew miżuri restrittivi fuq l-appellant, ir-raġuni għall-inklużjoni kienet “essenzjalment” baqgħet l-istess sa fejn il-Kunsill indika hemmhekk li l-appellant “[kien] kompla jimmaniġġa l-assi ta’ Alfa Group ibbażati fir-Russja”. Bl-użu tal-espressjoni “essenzjalment”, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt li l-appellant kien allegatament jiġġestixxi l-assi ta’ kumpannija li isimha kien differenti minn dak tal-kumpanniji msemmija fl-atti kontenzjużi preċedenti, iżda qieset li r-raġuni marbuta mal-“ġestjoni tal-assi” baqgħet valida. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali vverifikat sew, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat fl-istadju tal-appell, jekk setax jitqies li, konformement ma’ dak li kien indikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Settembru 2024, l-appellant kien jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group ibbażati fir-Russja.

150    F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni estensiva tal-kriterju (g) inizjali u tal-kriterju (g) emendat sa fejn il-kunċett ta’ “negozjant” jista’ jkopri biss id-diretturi u l-azzjonisti ta’ kumpannija u mhux persuni inkarigati, bħal fil-każ ineżami, milli jiġġestixxu l-assi ta’ kumpannija, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset, rispettivament fil-punti 177 u 185 kif ukoll fil-punti 216 u 222 tas-sentenza appellata, li l-motivi tal-Atti ta’ Marzu 2023 kienu relatati mal-kunċett ta’ “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, filwaqt li dawk tal-Atti ta’ Settembru 2024 kienu relatati ma’ dak ta’ “negozjant ewlieni” u ta’ “negozjant”, fis-sens tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat.

151    Issa, irrispettivament minn jekk ikunux ewlenin jew le, negozjanti jistgħu, mid-definizzjoni tagħhom stess, ikollhom bħala attività jew funzjoni li jiġġestixxu l-assi ta’ kumpannija, indipendentement mill-fatt jekk ikunux ukoll id-diretturi jew l-azzjonisti tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “negozjanti”, imsemmi fil-kriterju (g) inizjali kif ukoll fl-ewwel u fit-tielet parti tal-kriterju (g) emendat.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-disa’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-għaxar aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

153    Permezz tal-għaxar aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, minn naħa, sa fejn astjeniet milli tindika b’mod suffiċjenti l-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikkonstata, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tal-Atti ta’ Settembru 2023, il-Kunsill kien ipproduċa l-prova li huwa kien għadu jiġġestixxi l-assi ta’ żewġ kumpanniji bbażati fir-Russja u, min-naħa l-oħra, sa fejn hija astjeniet milli tivverifika, fir-rigward tal-Atti ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, jekk kinux jeżistu elementi aġġornati xierqa sabiex isostnu l-motiv li huwa għadu jiġġestixxi l-assi bbażati fir-Russja. Fil-kuntest tal-ilment tiegħu dirett kontra l-punt 205 tas-sentenza preżenti, l-appellant isostni wkoll, sussidjarjament u għal raġunijiet sostanzjalment analogi għal dawk li fuqhom huwa bbażat id-disa’ aggravju, li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivi tagħha għal dawk tal-Kunsill fl-applikazzjoni tal-kriterju (g) emendat.

154    Il-Kunsill iqis li l-għaxar aggravju huwa inammissibbli sa fejn l-appellant ifittex li jikseb eżami mill-ġdid tal-provi, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni fl-istadju tal-appell. Fuq il-mertu, il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

155    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies, l-ewwel nett, li, bl-iskuża li jikkritika lill-Qorti Ġenerali li mmotivat b’mod insuffiċjenti l-punt 205 tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fondatezza tal-Atti ta’ Settembru 2023 jew, sussidjarjament, li ssostitwixxiet il-motivi tagħha għal dawk tal-Kunsill jew li kisret il-kriterju (g) emendat, l-appellant fir-realtà jipprova jikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dak il-punt mingħajr ma jsostni espressament żnaturament tal-prova eżaminata fl-imsemmi punt, b’tali mod li dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

156    Fil-fatt, permezz tal-ilmenti tiegħu diretti kontra l-punt 205 tas-sentenza appellata, l-appellant essenzjalment isostni li, sabiex jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tal-Atti ta’ Settembru 2023, il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova li huwa kien kompla jiġġestixxi l-assi ta’ żewġ kumpanniji bbażati fir-Russja, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn prova li tindika li l-appellant kien konness mal-konsorzju Alfa Group il-fatt li huwa kompla jiġġestixxi l-assi ta’ waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji konnessa ma’ dan il-konsorzju, filwaqt li l-eżistenza ta’ tali konnessjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li huwa kien għadu jiġġestixxi l-assi ta’ din il-kumpannija.

157    Issa, permezz ta’ tali argument, l-appellant jikkontesta evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, peress li dik il-qorti effettivament iddeduċiet minn fatt prodott fi prova fatt ieħor li jinsab fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom huma bbażati l-Atti ta’ Settembru 2023, mingħajr, f’dan l-istadju, ma wettqet ebda klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dawl tal-kriterju (g) emendat u lanqas siltet konsegwenzi fid-dritt.

158    Min-naħa l-oħra, fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment tal-appellant ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx is-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova li l-appellant kompla jiġġestixxi assi bbażati fir-Russja fid-data tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, l-appellant ma jipprovax jikkontesta konstatazzjonijiet jew evalwazzjonijiet fattwali u lanqas l-evalwazzjoni ta’ provi mill-Qorti Ġenerali, iżda jsostni nuqqas ta’ motivazzjoni, li, hekk kif tfakkar fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni fl-istadju tal-appell.

159    Minn dan isegwi li l-ilmenti diretti kontra l-punt 205 tas-sentenza appellata huma inammissibbli, għall-kuntrarju tal-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-Atti ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024.

–       Fuq il-mertu

160    Essenzjalment, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali, permezz tal-ilmenti tiegħu bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, talli naqset milli tivverifika fis-sentenza appellata jekk, fid-dati tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova aġġornata li, hekk kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi rispettivi ta’ kull wieħed minn dawn l-atti, huwa kompla jiġġestixxi assi bbażati fir-Russja.

161    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Atti ta’ Marzu 2024, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat prova ddatata Marzu 2023 li wasslitha, fil-punt 206 ta’ dik is-sentenza, tikkonkludi, kemm għall-Atti ta’ Settembru 2023 kif ukoll għall-Atti ta’ Marzu 2024 li hija kienet iddeċidiet li teżamina l-fondatezza tagħhom flimkien sa mill-punt 196 tal-imsemmija sentenza, li l-appellant kien żamm konnessjonijiet mal-konsorzju Alfa Group fir-Russja u kompla jiġġestixxi l-assi ta’ waħda miż-żewġ kumpanniji konnessa ma’ dan il-konsorzju.

162    Issa, sa fejn l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva għal liema raġunijiet din il-prova kienet ippermettiet lill-Kunsill, minkejja li kienet antika, jistabbilixxi, fid-data tal-adozzjoni tal-Atti ta’ Marzu 2024, li huwa kompla jiġġestixxi assi bbażati fir-Russja, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li din il-prova kienet wisq antika, ma ġietx invokat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li, hekk kif ġie deċiż fil-punt 109 tas-sentenza preżenti, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

163    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-Atti ta’ Settembru 2024, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 223 sa 227 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati fl-istadju tal-appell, il-Qorti Ġenerali fittxet li teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kinux issodisfatti fid-dawl tal-motiv ta’ dawn l-atti relatati mal-kwalità ta’ azzjonist tal-appellant tal-kumpannija Rosvodokanal u jekk dan il-motiv kienx suffiċjentement issostanzjat. Fil-punti 226 u 227 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-holding miżmum mill-appellant f’din il-kumpannija u tal-importanza tagħha fis-settur tat-trattament u tal-provvista tal-ilma fir-Russja, il-Kunsill kien stabbilixxa b’mod suffiċjenti li l-appellant kien negozjant ewlieni, fis-sens ta’ dan il-kriterju, u din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza, allegata mill-appellant, li dan is-settur ma huwiex lukrattiv.

164    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tivverifika, f’dak li jirrigwarda l-Atti ta’ Marzu 2024 u ta’ Settembru 2024, jekk kinux jeżistu elementi aġġornati xierqa sabiex isostnu l-motiv, li jinsab f’dawn l-atti, li l-appellant kompla jiġġestixxi assi bbażati fir-Russja.

165    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

166    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

167    Peress li l-Kunsill talab li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      German Khan huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.