Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2014/31/UE – Strumenti tal-użin mhux awtomatiċi – Kunċett – Rekwiżiti essenzjali – Ħtiġijiet addizzjonali dwar l-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg – Strument tal-kejl li jirreġistra r-riżultat tal-użin mingħajr ma jistampah jew jurih b’mod viżibbli – Terminoloġija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metrologija Legali (OIML) – Standards u regolamenti tekniċi – Standard armonizzat EN 45501:2015”
Fil-Kawża C‑238/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
Land Nordrhein-Westfalen
vs
BizerbaSE & Co. KG,
fil-preżenza ta’:
Vertreterin des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn H.‑J. Müggenborg, Rechtsanwalt, u E. Petit,
– għal Bizerba SE & Co. KG, minn D. Büge u C. Ziegler, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, K. Konsta, A. Magrippi u K. Tagkli, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u T. Ganglbauer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU 2014, L 96, p. 107).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) u Bizerba SE & Co. KG (iktar ’il quddiem “Bizerba”) dwar il-projbizzjoni imposta fuq din tal-aħħar milli tuża, sabiex timmanifattura strumenti tal-użin fit-territorju ta’ dan il-Land, apparat li fuqu l-marka CE jew il-marka metroloġika addizzjonali tkun tqiegħdet qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-konformità.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012
3 Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12) jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjoni li ġejjin:
(1) ‘standard’ tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn korp [...] tal-istandardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja, u li hija waħda minn dawn li ġejjin:
[...]
(c) ‘standard armonizzat’ tfisser standard Ewropew adottat fuq il-bażi ta’ talba mill-Kummissjoni [Ewropea] għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;
[...]”
4 Skont l-Artikolu 10(6) ta’ dan ir-regolament:
“Meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta’ tali standard armonizzat mingħajr dewmien f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ mezzi oħra f’ konformita’ mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.”
Id-Direttiva 2014/31
5 Il-premessa 5 tad-Direttiva 2014/31 tiddikjara:
“L-Istati Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jipproteġu l-pubbliku minn riżultati mhux korretti ta’ operazzjonijiet ta’ użin permezz ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn jiġu użati għal ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet.
6 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istrumenti tal-użin kollha mhux awtomatiċi.
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ użu ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi li ġejjin:
(a) id-determinazzjoni tal-massa għal transazzjonijiet kummerċjali;
(b) id-determinazzjoni tal-massa għall-kalkolu ta’ nollijiet, tariffi, taxxa, bonus, pieni, rimunerazzjoni, indennità jew tip simili ta’ pagament;
(c) id-determinazzjoni tal-massa għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew tar-regolamenti jew għal opinjoni esperta mogħtija fi proċeduri tal-qorti;
(d) id-determinazzjoni tal-massa fil-prattika tal-mediċina, għall-użin ta’ pazjenti għal għanijiet ta’ osservazzjoni, dijanjosi u trattament mediku;
(e) id-determinazzjoni tal-massa sabiex isiru mediċini fuq preskrizzjoni fi spiżeriji u d-determinazzjoni tal-massa f’analiżi mwettqa ġewwa laboratorji mediċi u farmaċewtiċi;
(f) id-determinazzjoni ta’ prezz fuq il-bażi tal-massa għall-għan ta’ bejgħ dirett lill-pubbliku u għall-manifattura ta’ imballaġġ qabel il-bejgħ;
(g) l-applikazzjonijiet kollha għajr dawk elenkati f’punti (a) sa (f).”
7 L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘strument tal-użin’ tfisser strument ta’ kejl li jservi sabiex jiddetermina l-massa ta’ oġġett billi juża l-azzjoni tal-gravità fuq dak l-oġġett. Strument tal-użin jista’ jservi wkoll biex jiddetermina daqsijiet, kwantitajiet, parametri jew karatteristiċi oħra li huma relatati mal-massa;
(2) ‘strument tal-użin mhux awtomatiku’ jew ‘strument’ tfisser strument tal-użin li għandu bżonn l-intervent ta’ operatur waqt l-użin;
[...]
(11) ‘standard armonizzat’ tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
[...]”
8 Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu kull pass meħtieġ sabiex jiżguraw illi huma biss dawk l-istrumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva li jistgħu jsiru disponibbli fis-suq.”
9 l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/31/KE jipprevedi:
“L-istrumenti użati jew maħsuba biex jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2) għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I.
Meta l-istrument jinkludi, jew huwa konness ma’, strumenti li ma jintużawx jew mhumiex maħsuba biex jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2), dawn l-istrumenti ma għandhomx ikunu soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti essenzjali.”
10 L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-istrumenti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti, stabbiliti fl-Anness I, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.”
11 L-Anness I tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Ħtiġijiet essenzali
It-terminoloġija użata hija dik tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metroloġija Legali [(OIML)].
Osservazzjoni preliminari
Meta strument jinkludi jew ikun konness ma’ iktar minn apparat indikatur jew stampatur wieħed, użat għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2), dak l-apparat li jirrepeti r-riżultati tal-operazzjoni ta’ użin u li ma jistax jinfluwenza t-tħaddim kif suppost tal-istrument, ma għandux ikun soġġett għar-rekwiżiti essenzjali, jekk ir-riżultati tal-użin jiġu stampati jew irrekordjati b’mod korrett u b’mod li ma jitħassarx minn parti tal-istrument li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali, u r-riżultati jkunu aċċessibbli għaż-żewġ partijiet konċernati mill-kejl. Madankollu, l-istrumenti użati għall-bejgħ dirett lill-pubbliku, l-apparat ta’ wiri u ta’ stampar għall-bejjiegħ u għall-konsumatur, għandu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali.
Ħtiġijiet metroloġiċi
[...]
5. Ir-riżultati tal-użin ta’ strument għandhom ikunu jistgħu jiġu repetuti, u għandhom ikunu riproduċibbli bl-apparat indikattiv ieħor użat u b’metodi oħra ta’ użin użati.
[...]
Disinn u kostruzzjoni
8. Rekwiżiti ġenerali
8.1. Id-disinn u l-kostruzzjoni tal-istrumenti għandha tkun tali li l-istrumenti jżommu l-kwalitajiet metroloġiċi tagħhom meta dawn jintużaw u jiġu installati b’mod korrett u meta jintużaw fl-ambjent li kienu maħsuba għalih. Il-valur tal-massa għandu jiġi indikat.
[...]
8.3. [...]
Apparat elettroniku numeriku għandu dejjem jeżerċita kontroll xieraq tal-operazzjoni korretta tal-proċess ta’ użin, tat-tagħmir indikattiv u tal-ħażna tad-data u tat-trasferiment tad-data.
[...]
9. Indikazzjoni tar-riżultati tal-użin u valuri oħra ta’ użin
L-indikazzjoni tar-riżultati ta’ użin u valuri oħra ta’ użin għandhom ikunu preċiżi, mhux ambigwi u li jiggwidaw tajjeb u l-apparat indikatur għandu jippermetti li l-indikazzjoni tinqara b’mod faċli taħt kundizzjonijiet ta’ użu normali.
[...]
14. Strumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku, b’kapaċità massima ta’ mhux aktar minn 100kg: rekwiżiti addizzjonali
L-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku għandhom juru l-informazzjoni essenzjali kollha dwar il-proċess ta’ użin u, fil-każ ta’ strumenti li jindikaw il-prezz, dawn għandhom juru b’mod ċar lill-konsumatur il-kalkolazzjoni tal-prezz tal-prodott li sejjer jinxtara.
[...]
L-istrumenti li jikkalkulaw il-prezz għandhom juru l-indikazzjonijiet essenzjali f’tul biżżejjed biex il-konsumatur ikun jista’ jaqrahom tajjeb.
[...]
L-istrumenti simili għal dawk li huma normalmenti użati fil-bejgħ dirett lill-pubbliku li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ din it-Taqsima għandhom juru ħdejn id-display il-marka li ma titħassarx, ‘Ma għandux jiġi użat għal bejgħ dirett lill-pubbliku’.
15. [...]”
L-Istandard EN 45501:2015
12 Ir-referenzi tal-istandard EN 45501:2015, intitolat “Aspetti metroloġiċi ta’ strumenti li jiżnu mhux awtomatiċi”, jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU 2016, C 14, p. 100).
13 Il-punt T.1.3 ta’ dan l-istandard, intitolat “Indikazzjonijiet ta’ strument”, jinkludi d-definizzjoni li ġejja:
“Valur ta’ kwantità pprovdut minn strument tal-kejl.
Nota: ‘Indikazzjoni’, ‘jindika’ u ‘li jindika’ jkopru kemm l-azzjoni ta’ wiri kif ukoll/jew ta’ stampar.” [traduzzjoni libera]
14 Il-punt 4.13 tal-imsemmi standard, intitolat “Strumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku”, jindika:
“Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw għall-istrumenti tal-klassijiet II, III u IIII, b’kapaċità massima ta’ 100 kg jew inqas, iddisinjati sabiex jintużaw għall-bejgħ dirett lill-pubbliku, [...].” [traduzzjoni libera]
15 Il-punt 4.13.1 tal-istess standard, intitolat “Indikazzjonijiet primarji”, jippreċiża:
“Fuq l-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku, l-indikazzjonijiet primarji huma r-riżultati tal-użin u l-informazzjoni dwar il-pożizzjoni korretta taż-żero u dwar l-implimentazzjoni tat-tara u tal-predeterminazzjoni tat-tara.” [traduzzjoni libera]
16 Il-punt 4.13.6 tal-istandard EN 45501:2015, intitolat “Viżibbiltà”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:
“L-indikazzjonijiet primarji kollha (4.13.1 [...]) għandhom jiġu indikati, b’mod ċar u simultanju, lill-bejjiegħ u lill-konsumatur. Jekk dan ma jkunx possibbli b’apparat ta’ wiri wieħed, ikunu meħtieġa żewġ apparati ta’ wiri, wieħed għall-bejjiegħ u wieħed għall-konsumatur.” [traduzzjoni libera]
Id‑dritt Ġermaniż
17 L-Artikolu 6(1) tal-Gesetz über das Inverkehrbringen und die Bereitstellung von Messgeräten auf dem Markt, ihre Verwendung und Eichung sowie über Fertigpackungen (Mess- und Eichgesetz – MessEG) (il-Liġi dwar it-Tqegħid fis-Suq u t-Tqegħid għad-Dispożizzjoni fuq is-Suq ta’ Strumenti tal-Kejl, kif ukoll dwar l-Użu u l-Kalibrazzjoni tagħhom, kif ukoll il-Prodotti Ppakkjati minn Qabel), tal‑25 ta’ Lulju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 2722), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:
“1. [...] l-istrumenti tal-kejl jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.
2. L-istrumenti tal-kejl għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali, inkluż fir-rigward tal-iżbalji massimi permissibbli. Ir-rekwiżiti essenzjali, fis-sens tal-ewwel sentenza, huma dawk li
1) ġew stabbiliti mir-regolament adottat skont il-punt 1 tal-Artikolu 30, jew
2) għandhom jiġu osservati sabiex jintużaw l-aħħar żviluppi tekniċi li jippermettu li jiġu ggarantiti kejl u riżultati ta’ kejl korretti, bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar preċiżi fir-Regolament adottat skont il-punt 1 tal-Artikolu 30.”
18 L-Artikolu 8(1) tal-Verordnung über das Inverkehrbringen und die Bereitstellung von Messgeräten auf dem Markt sowie über ihre Verwendung und Eichung (Mess- und Eichverordnung – MessEV) (ir-Regolament dwar it-Tqegħid fis-Suq u t-Tqegħid għad-Dispożizzjoni fuq is-Suq ta’ Strumenti tal-Kejl, kif ukoll dwar l-Użu u l-Kalibrazzjoni tagħhom), tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (BGBl. 2014 I, p. 2010, 2011), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:
“[...] [L]-istrumenti tal-kejl jew is-subassemblaġġi li ġejjin, fis-sens tad-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (ĠU 2014, L 96, p. 149), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ, u fis-sens tad-Direttiva [2014/31], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għalihom u li jsir riferiment għalihom fil-kolonna 3 tat-Tabella 1 tal-Anness 3 għal kull wieħed mill-istrumenti tal-kejl ikkonċernati:
[...]
11) Strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (deżinjazzjoni mqassra: instr. Pesage UE non auto.)”
19 Il-kolonna 3 tal-punt 11 tat-Tabella 1 tal-Anness 3 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li r-rekwiżiti essenzjali speċifiċi għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Anness I tad-Direttiva 2014/31.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 Bizerba timmanifattura, f’fabbrika li tinsab f’Baden-Württemberg (il-Ġermanja), mudell ta’ strument ta’ determinazzjoni tal-piż li huwa integrat fis-sistemi ta’ reġistri tal-flus prodotti minn manifatturi oħra u użati fil-kummerċ bl-imnut. Ir-riżultati tal-użin huma rreġistrati mill-istrument ikkonċernat, li jittrażmettihom lill-kompjuter tar-reġistru tal-flus permezz ta’ interface li ma tippermetti ebda falsifikazzjoni tal-valuri mkejla. Dawn ir-riżultati jintwerew lill-klijenti u lill-utenti l-oħra fuq il-monitor tas-sistema tar-reġistru tal-flus permezz ta’ modulu ta’ software mogħti taħt liċenzja minn Bizerba.
21 Fi Frar 2019, waqt il-kontroll ta’ sistema ta’ reġistru tal-flus, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ikkonstata li marka metroloġika kienet tindika s-sena 2016, li kien jissuġġerixxi li din is-sistema ta’ reġistru tal-flus kienet konformi sa minn dik is-sena mar-rekwiżiti applikabbli kollha, filwaqt li kien biss fl‑2017 li l-istrument immanifatturat minn Bizerba kien ġie konness mat-terminal tal-wiri. Skont dan il-Land, huwa biss permezz ta’ din il-konnessjoni li ġie kkostitwit strument tal-użin, li kien jippermetti għalhekk li tiġi kkompletata l-evalwazzjoni tal-konformità.
22 Fil‑31 ta’ Jannar 2020, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen adotta deċiżjoni amministrattiva li pprojbixxiet lil Bizerba milli tuża, sabiex timmanifattura strumenti tal-użin fit-territorju ta’ dan il-Land mill‑1 ta’ April 2020, apparat li fuqu l-marka CE jew il-marka metroloġika addizzjonali tkun tqiegħdet qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-konformità.
23 Adita b’rikors għal annullament ippreżentat minn Bizerba, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ April 2021, annullat din id-deċiżjoni amministrattiva minħabba li din il-kumpannija la kienet kisret ir-rekwiżiti u lanqas il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-konformità applikabbli għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi. Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen kontra dik is-sentenza.
24 Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, hija adita b’appell għal reviżjoni, li permezz tiegħu dan il-Land isostni li l-istrument ikkonċernat ma jistax jitqiegħed fis-suq bħala “strument tal-użin mhux awtomatiku” peress li ma għandux apparat indikatur tiegħu stess.
25 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont id-dritt Ġermaniż, ir-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi għandhom jiġu ddeterminati skont l-Anness I tad-Direttiva 2014/31. Dik il-qorti tistaqsi jekk il-klassifikazzjoni bħala “strument tal-użin mhux awtomatiku”, fis-sens ta’ din id-direttiva, teżiġix wiri tar-riżultati tal-użin jew jekk huwiex biżżejjed li dawn ir-riżultati jiġu rreġistrati mill-istrument ikkonċernat u li l-viżwalizzazzjoni tagħhom issir permezz ta’ apparat ta’ wiri estern.
26 Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-wiri huwa element indispensabbli ta’ kull strument tal-użin mhux awtomatiku, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31 u tal-għanijiet tagħha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
27 Dik il-qorti tosserva li mit-terminoloġija tal-OIML, iċċitata fl-indikazzjoni li tippreċedi l-kumment preliminari tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31, u tal-istandard EN 45501:2015, li huwa standard armonizzat li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l- “indikazzjoni” tar-riżultati tal-użin tista’ tinkludi mhux biss ir-rappreżentazzjoni viżiva tagħhom, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni tagħhom.
28 Madankollu, din it-terminoloġija ma tistax twassal sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/31 jingħataw sens li ma għandhomx. Fi kwalunkwe każ, il-ġerarkija tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi li standard armonizzat jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ att tad-dritt sekondarju.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Strument tal-kejl jikkostitwixxi wkoll strument tal-użin mhux awtomatiku fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2014/31] fil-każ li r-riżultat tal-użin ma jiġix ipprintjat jew muri b’mod viżibbli, iżda biss irreġistrat?”
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
30 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2025, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
31 Insostenn ta’ din it-talba, dan il-Land isostni, essenzjalment, li ċerti aspetti ta’ din il-kawża ma ġewx diskussi b’mod suffiċjenti waqt is-seduta u li ma jaqbilx ma’ ċerti evalwazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
32 Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità u indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil min-naħa ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2026, Meta Platforms Ireland (Kumpens ġust) C‑797/23, EU:C:2026:395, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-elementi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fi kwalunkwe każ, li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq id-domanda preliminari
36 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Safi, C‑147/24, EU:C:2026:442, punt 24).
37 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “strument tal-użin mhux awtomatiku”. Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/31, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-funzjoni żgurata mill-istrumenti kkonċernati, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet jew l-oqsma ta’ użu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Marhon, C‑283/23, EU:C:2024:569, punt 30).
38 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi ddeterminat jekk l-istrument inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jitqiegħed fis-suq bħala “strument tal-użin mhux awtomatiku”. Tali tqegħid fis-suq jeħtieġ mhux biss li tali strument ikun “strument tal-użin mhux awtomatiku” iżda wkoll, b’mod partikolari, li josserva r-rekwiżiti applikabbli tad-Direttiva 2014/31, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, li minnhom jagħmlu parti r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I u msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li għalihom tirreferi espliċitament, barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli fil-kawża prinċipali.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 2014/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li strument ta’ determinazzjoni tal-piż li jirreġistra r-riżultati tal-użin, mingħajr ma jistampahom jew jurihom huwa stess b’mod viżibbli, jikkostitwixxix “strument tal-użin mhux awtomatiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, jekk dan ikun il-każ, jekk jistax jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dan l-anness.
40 Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2014/31 tapplika għall-“istrumenti tal-użin kollha mhux awtomatiċi”, li bħala kunċett huma ddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “strument tal-użin li għandu bżonn l-intervent ta’ operatur waqt l-użin”. Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “strument tal-użin” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala strument tal-kejl li jservi sabiex tiġi stabbilita l-massa ta’ oġġett bl-użu tal-azzjoni tal-gravità fuq dan l-oġġett, u li barra minn hekk jista’ jservi sabiex jiġu stabbiliti daqsijiet, kwantitajiet, parametri jew karatteristiċi oħra li huma relatati mal-massa. Dawn id-definizzjonijiet, skont it-termini tagħhom, ma jeħtiġux il-preżenza ta’ apparat ta’ wiri jew ta’ stampar.
41 Għalhekk, strument tal-kejl li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirreġistra r-riżultati tal-użin, iservi sabiex tiġi ddeterminata l-massa ta’ oġġett billi juża l-azzjoni tal-gravità fuq dan l-oġġett u, għaldaqstant, jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “strument tal-użin” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/31.
42 Il-fatt li tali strument la jistampa u lanqas ma juri huwa stess ir-riżultati tal-użin b’mod viżibbli huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-massa tiġi “ddeterminata” meta tiġi rreġistrata, indipendentement mill-mod kif l-utenti tal-istrument ikkonċernat ikunu jafu biha.
43 Meta, bħal f’dan il-każ, tali strument ikun jeħtieġ l-intervent ta’ operatur matul l-użin, dan jikkostitwixxi “strument tal-użin mhux awtomatiku”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha.
44 Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/31, l-istrumenti użati jew intiżi li jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2)(a) sa (f) ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm, b’mod partikolari, dawk għad-determinazzjoni tal-massa għat-tranżazzjonijiet kummerċjali u għad-determinazzjoni tal-prezz skont il-massa għall-bejgħ dirett lill-pubbliku u għall-preparazzjoni ta’ prodotti ppakkjati minn qabel, li jinsabu, rispettivament, fil-punti (a) u (f) ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.
45 Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Slagelse Almennyttige Boligselskab, Afdeling Schackenborgvænge, C‑417/23, EU:C:2025:1017, punt 76).
46 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31, diversi punti ta’ dan l-anness jeħtieġu li l-utenti ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu bir-riżultati tal-użin. Għalhekk, skont il-punt 8.1 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, il-valur tal-massa “għandu jiġi indikat”.
47 Barra minn hekk, il-punt 9 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jipprovdi, minn naħa, li l-indikazzjoni tar-riżultati tal-użin u tal-valuri l-oħra tal-piż għandha tkun preċiża, mhux ambigwa u ta’ natura li ma tkunx tista’ tqarraq u, min-naħa l-oħra, li l-apparat indikatur għandu jippermetti li l-indikazzjoni tinqara b’mod faċli f’kundizzjonijiet ta’ użu normali. Minn dan jirriżulta li, meta l-istrument ikkonċernat jintuża f’kundizzjonijiet normali, l-utenti għandhom ikunu jistgħu jaraw din l-indikazzjoni viżwalment, permezz ta’ apparat indikatur.
48 Madankollu, la mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dik tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31 ma jirriżulta li apparat ta’ wiri jew ta’ stampar għandu jiġi integrat, bħala komponent neċessarju, f’kull strument tal-użin mhux awtomatiku, b’mod li r-riżultati tal-użin jiġu kkomunikati direttament lill-utenti, mingħajr l-intermedjarju ta’ apparat indikatur estern.
49 Għall-kuntrarju, l-ewwel sentenza tal-kumment preliminari tal-Anness I ta’ din id-direttiva tirrigwarda l-ipoteżi li fiha strument “jinkludi” jew “huwa konness” ma’ iktar minn apparat indikatur jew ma’ stampatur wieħed, peress li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma meqjusa bħala li huma ekwivalenti għall-finijiet ta’ din l-ipoteżi, u dan jagħti x’jifhem li strument tal-użin mhux awtomatiku, minkejja li ma jinkludix fost dawn il-komponenti apparat indikatur, jista’ xorta waħda jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dan l-Anness I.
50 Ir-rekwiżit li kull strument tal-użin mhux awtomatiku jinkludi, fost il-komponenti tiegħu, mill-inqas apparat indikatur wieħed, lanqas ma jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-punt 5 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li r-riżultati tal-użin ta’ strument għandhom jiġu rrepetuti u riprodotti mill-apparati indikaturi l-oħra użati minn dan l-istrument. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li t-terminu “oħra” jimplika l-eżistenza tal-ewwel apparat indikatur, dan ma jimplikax li dan l-apparat indikatur għandu jkun integrat fl-imsemmi strument.
51 Bl-istess mod, fir-rigward tal-istrumenti li jinkludu apparati elettroniċi diġitali, it-tieni paragrafu tal-punt 8.3 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31, li jipprovdi li dawn l-apparati għandhom jeżerċitaw dejjem kontroll adegwat, b’mod partikolari, tal-apparat indikatur, ċertament jimplika, tal-inqas, li apparat indikatur għandu jkun konness mal-apparat elettroniku diġitali, iżda ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ewwel wieħed għandu jkun komponent tat-tieni.
52 Madankollu, il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31 jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali applikabbli għall-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku li jkollhom kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg, bħalma huwa l-istrument inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
53 Konformement mal-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt, tali strumenti għandhom juru l-informazzjoni essenzjali kollha dwar l-operazzjoni tal-użin u, fil-każ ta’ strumenti li jindikaw il-prezz, dawn għandhom juru b’mod ċar lill-klijent il-kalkolu tal-prezz tal-prodott li jkun qiegħed jixtri.
54 Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex jintuża għall-bejgħ dirett lill-pubbliku, strument għandu jipprovdi direttament l-informazzjoni kkonċernata lill-utenti, u dan jimplika li apparat ta’ wiri jew ta’ stampar għandu jiġi integrat f’dan l-istrument.
55 L-istess japplika għall-istrumenti għall-kalkolu tal-prezz, li fir-rigward tagħhom it-tielet paragrafu tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31 jippreċiża li dawn għandhom juru l-indikazzjonijiet essenzjali għal tul ta’ żmien biżżejjed sabiex jippermettu lill-klijent jaqrahom b’mod korrett.
56 L-interpretazzjoni esposta fil-punt 54 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mid-disa’ paragrafu tal-punt 14 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jindika li l-istrumenti simili għal dawk normalment użati għall-bejgħ dirett lill-pubbliku u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan il-punt għandu jkollhom, qrib l-apparat ta’ wiri u b’mod li ma tkunx tista’ titħassar, l-iskrizzjoni “Ma għandux jiġu użat għal bejgħ dirett lill-pubbliku”. F’dan il-kuntest, l-apparat ta’ wiri jista’ jkun biss komponent tal-istrument ikkonċernat sa fejn din l-iskrizzjoni tirreferi għal dan tal-aħħar u mhux għal apparat estern.
57 Kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-kumment preliminari tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31, dawn ir-rekwiżiti addizzjonali, stabbiliti fil-punt 14 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, huma bla ħsara għall-preżenza eventwali ta’ apparat ieħor jew ta’ apparati oħra ta’ wiri jew ta’ stampar għall-bejjiegħ u għall-klijent li wkoll għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali previsti minn dan l-anness.
58 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Anness I tad-Direttiva 2014/31, l-ewwel nett, ir-rimarka li tippreċedi l-kumment preliminari ta’ dan l-anness tipprovdi li t-terminoloġija użata hija dik tal-OIML. Għaldaqstant, din it-terminoloġija, li tinsab fir-Rakkomandazzjoni R 76‑1 tal‑2006 tal-OIML, dwar l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi, u fil-“vokabolarju internazzjonali tat-termini tal-metroloġija legali” ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira ta’ ċerti espressjonijiet użati fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness.
59 Issa, il-punt T.1.3 tar-Rakkomandazzjoni R 76‑1 tal‑2006 u l-punt 0.03 tal-“vokabolarju internazzjonali tat-termini tal-metroloġija legali” ma jippermettux li jiġi eskluż li, skont il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/31, it-termini “indikazzjoni” u “jindika” jirreferu għas-sempliċi emissjoni ta’ informazzjoni, għal emissjoni viżibbli għall-utenti jew għal emissjoni viżibbli għall-utenti u mwettqa minn komponent tal-istrument ikkonċernat.
60 Barra minn hekk, għalkemm mill-punt T.2.4 tar-Rakkomandazzjoni R 76‑1 tal‑2006 jirriżulta li “apparat indikatur” huwa l-parti ta’ strument li tipprovdi r-riżultati tal-użin f’forma viżiva, minn dan la jirriżulta li kull strument tal-użin mhux awtomatiku għandu jinkludi, fost il-komponenti tiegħu, apparat indikatur u lanqas li tali komponent ma huwiex meħtieġ għall-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg.
61 It-tieni nett, l-istandard EN 45501:2015, intitolat “Aspetti metroloġiċi ta’ strumenti li jiżnu mhux awtomatiċi”, jikkostitwixxi “standard armonizzat”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/31, jiġifieri standard Ewropew adottat abbażi ta’ talba mressqa mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Ir-referenzi tal-istandard EN 45501:2015 ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 1025/2012.
62 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li standard armonizzat, adottat abbażi ta’ direttiva u li r-referenzi tiegħu kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, minħabba l-effetti legali tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Public.Resource.Org u Right to Know vs Il‑Kummissjoni et, C‑588/21 P, EU:C:2024:201, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
63 B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/31 jirriżulta li l-istrumenti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati li r-referenzi tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva u li huma “koperti” minn dawn l-istandards.
64 F’dan il-każ, mill-punt 4.13.6 tal-istandard EN 45501:2015, moqri fid-dawl tal-punti T.1.3, 4.13 u 4.13.1 ta’ dan l-istandard, jirriżulta li, fir-rigward tal-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg, ir-riżultati tal-użin għandhom jintwerew jew jiġu stampati, iżda ma huwiex meħtieġ li tali wiri jew tali stampar jitwettqu mill-istrument ikkonċernat innifsu.
65 F’dan ir-rigward, l-istandard EN 45501:2015 jitbiegħed mill-formulazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-konformità ma’ dan l-istandard ma tistax tagħti lok għal preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti f’dan il-punt 14, u l-imsemmi standard ma jistax iwassal għal interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/31 differenti minn dik esposta fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.
66 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2014/31, din hija intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi lill-pubbliku kontra riżultati inkorretti ta’ operazzjonijiet tal-użin, kif stabbilit fil-premessa 5 ta’ din id-direttiva.
67 Fid-dawl ta’ dan l-għan, hija kompatibbli mal-imsemmi għan l-interpretazzjoni fis-sens li l-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg għandhom josservaw rekwiżiti addizzjonali, u b’mod partikolari r-rekwiżit li dawn l-istrumenti jippreżentaw direttament l-informazzjoni essenzjali kollha dwar l-operazzjoni tal-użin u, fil-każ ta’ strumenti li jindikaw il-prezz, għandhom jindikaw b’mod ċar lill-klijent il-kalkolu tal-prezz tal-prodott li huwa jkun qiegħed jixtri, rekwiżiti dawn li huma addizzjonali għar-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-istrumenti kollha tal-użin mhux awtomatiċi sabiex tiġi ggarantita protezzjoni msaħħa tal-klijenti, li għalihom ir-riżultati tal-użin jiddeterminaw il-prezz li għandu jitħallas.
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 2014/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li strument għad-determinazzjoni tal-piż li jirreġistra r-riżultati tal-użin, mingħajr ma jistampahom jew jurihom huwa stess b’mod viżibbli, jikkostitwixxi “strument tal-użin mhux awtomatiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jista’ jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dan l-anness, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fil-punt 14 tal-imsemmi anness, dwar l-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg.
Fuq l-ispejjeż
69 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
strument għad-determinazzjoni tal-piż li jirreġistra r-riżultati tal-użin, mingħajr ma jistampahom jew jurihom huwa stess b’mod viżibbli, jikkostitwixxi “strument tal-użin mhux awtomatiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jista’ jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dan l-anness, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fil-punt 14 tal-imsemmi anness, dwar l-istrumenti għall-bejgħ dirett lill-pubbliku b’kapaċità massima ta’ mhux iktar minn 100 kg.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.