|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/362 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1960 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0068/2020), |
A.
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (2), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem l-"Awtorità") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 79 183 814,25, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ċkejken ta' 0,47 % meta mqabbel mal-2017; billi l-baġit tal-Awtorità huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (3);
B.
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta żieda ċkejkna ta' 0,02 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 91,31 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis ta' 1 %; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jinnota li, fl-approċċ ta' ġestjoni tagħha, li huwa wieħed komprensiv u bbażat fuq il-prestazzjoni, l-Awtorità introduċiet diversi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-impatt u għall-eżitu biex tkejjel il-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni oħrajn biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; |
|
3. |
Jirrikonoxxi li l-2018 kienet it-tieni sena tal-approċċ ta' ġestjoni komprensiv u bbażat fuq il-prestazzjoni, tal-kejl tal-prestazzjoni tal-Awtorità bbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ġodda u tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-Istrateġija tal-Awtorità għall-2020; |
|
4. |
Jinnota b'sodisfazzjon ir-riżultati tajbin miksuba mill-Awtorità għal dak li jikkonċerna l-konformità mal-iskadenzi tal-produzzjoni xjentifika; jinnota wkoll li fl-uniku qasam li fih 83,6 % tar-riżultati kienu magħluqa fit-termini previsti, inqas mill-objettiv ta' 90 %, id-dewmien kien limitat għal ftit oqsma li fihom kien hemm volum ta' xogħol konsiderevolment għoli; |
|
5. |
Jinnota li, wara l-evalwazzjoni esterna tal-Awtorità li bdiet fl-2017, l-Awtorità adottat sensiela ta' rakkomandazzjonijiet fil-laqgħa tagħha f'Ottubru 2018; jinnota li l-oqsma ta' progress imsemmija fir-rapport ta' evalwazzjoni kienu jinkludu, b'mod partikolari, il-mekkaniżmi l-ġodda tal-Awtorità għall-involviment mal-partijiet ikkonċernati, il-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-indipendenza msaħħa tagħha; jinnota li l-oqsma ta' titjib enfasizzati fl-evalwazzjoni jirrigwardaw l-approċċ tal-Awtorità li tistabbilixxi l-prijorità tar-riżorsi, il-viżibbiltà ekonomika tas-sistema tagħha għar-reklutaġġ ta' esperti u l-ħtieġa li l-materjali ta' komunikazzjoni tagħha jiġu adattati aktar mill-qrib għall-ħtiġijiet ta' pubbliku differenti; |
|
6. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità tikkondividi riżorsi u attivitajiet mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-oqsma tal-valutazzjoni tar-riskju, tad-data u tar-riċerka; jinnota li l-Awtorità ilha żżid il-kondiviżjoni tar-riżorsi u tal-attivitajiet tagħha maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, b'mod partikolari fil-qasam tad-data u l-mapep ambjentali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex b'mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
7. |
Iħeġġeġ lill-Awtorità biex taħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha; |
|
8. |
Jilqa' l-kontribut tal-Awtorità għas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf tal-Unjoni, kif ukoll l-isforzi konsiderevoli tagħha biex tipprovdi lill-maniġers tar-riskju tal-Unjoni b'konsulenza xjentifika komprensiva, indipendenti u aġġornata dwar kwistjonijiet marbuta mal-katina tal-ikel, billi tinforma b'mod ċar lill-pubbliku dwar ir-riżultati tagħha u l-informazzjoni li fuqha huma bbażati, u tikkoopera ma' partijiet ikkonċernati u sħab istituzzjonali bil-għan li tippromwovi l-koerenza u l-fiduċja fis-sistema tas-sikurezza tal-ikel tal-Unjoni; |
|
9. |
Jenfasizza li, fl-2018, l-Awtorità ffinalizzat 788 mistoqsija permezz ta' opinjonijiet xjentifiċi, rapporti tekniċi u pubblikazzjonijiet ta' sostenn; |
|
10. |
Jemmen li l-Awtorità għandha tkompli tagħti attenzjoni speċjali lill-opinjoni pubblika u timpenja ruħha li tkun miftuħa u trasparenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħti lill-Awtorità kompiti addizzjonali relatati mal-valutazzjoni tas-sikurezza u mal-komunikazzjonijiet pubbliċi, li kollha kemm huma jiġġeneraw spejjeż supplimentari; |
Politika dwar il-persunal
|
11. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 97,49 %, bil-ħatra ta' 5 uffiċjali u ta' 306 aġenti temporanji mit-319-il post tax-xogħol awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 323 post awtorizzat fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 122 aġent kuntrattwali u 14-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2018; |
|
12. |
Jinnota bi tħassib li l-Awtorità, li hija waħda mill-aġenziji regolatorji tal-Unjoni responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskji tal-prodotti rregolati, ma tirċevix biżżejjed riżorsi biex twettaq b'mod effikaċi r-responsabbiltajiet tagħha; jinsisti li l-Awtorità tingħata biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha; |
|
13. |
Jinnota li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fost l-aġenziji fir-rigward tal-użu ta' persunal estern impjegat fi rwoli ta' konsulenza fil-qasam tal-IT; jitlob li d-dipendenza fuq ir-reklutaġġ estern f'dan il-qasam importanti u sensittiv titnaqqas kemm jista' jkun biex jiġi limitat kull riskju potenzjali; |
|
14. |
Jinnota li l-Awtorità adottat il-mudell tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u għall-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota barra minn hekk li organizzat sessjonijiet ta' taħriġ obbligatorji kemm għall-persunal kif ukoll għall-maniġers, qiegħdet għad-dispożizzjoni servizz ta' assistenza psikoloġika kunfidenzjali u organizzat il-pubblikazzjoni fuq l-intranet tagħha ta' rapport dwar il-fastidju, li juri l-istatistika u l-proċeduri formali fil-perjodu 2014-2018; jitlob lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda insegwitu tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' fastidju; |
|
15. |
Jirrikonoxxi li l-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-maniġment superjuri tal-Awtorità huwa sodisfaċenti, peress li 2 minn 5 huma rġiel, u 3 huma nisa; jesprimi tħassib, madankollu, dwar l-iżbilanċ ġeografiku, peress li m'hemmx maniġers superjuri li huma ċittadini tal-Istati li saru membri tal-Unjoni fl-2004; jitlob lill-Awtorità tieħu miżuri li jiżguraw bilanċ ġeografiku aħjar fil-maniġment superjuri tagħha; |
|
16. |
Jiddispjaċih li, fir-rigward tal-perjodi ta' preklużjoni ta' sentejn, il-politika ta' indipendenza tal-2017 tinkludi l-obbligu li jiġu eżaminati l-interessi tal-esperti biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-mandat tal-grupp xjentifiku li għalih l-espert ikun qiegħed japplika; jitlob li l-politika tiġi aġġornata mingħajr dewmien sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-esperti jitqiesu fil-kuntest tal-mandat ġenerali tal-Awtorità, kif mitlub ripetutament mill-Parlament; |
|
17. |
Jiddispjaċih li l-finanzjamenti għar-riċerka mill-kumpaniji li jidħlu fl-ambitu tal-mandat tal-Awtorità mhumiex meqjusin rilevanti għall-perjodu ta' preklużjoni, dment li l-ammonti inkwistjoni ma jkunux ogħla minn 25 % tal-baġit totali ddedikat għar-riċerka amministrat mill-espert u/jew mit-tim ta' riċerka tiegħu, u li l-limitu minimu japplika għal sorsi individwali u mhux għas-sorsi privati kollha meqjusin flimkien; jitlob li jitneħħa l-limitu ta' finanzjament mill-politika ta' indipendenza tal-Awtorità, bi qbil mat-talbiet ripetuti li għamel dwar il-kwistjoni l-Parlament; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
18. |
Jinnota bi tħassib li l-Awtorità ntlaqtet minn problemi ta' kunflitti ta' interess u li l-istħarriġ wera li l-proporzjon ta' esperti b'kunflitt ta' interess finanzjarju varja minn 59 % fl-2013 għal 49 % fl-2017; jinnota li l-Qorti identifikat il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà, iżda ma titkellimx dwar l-indipendenza tal-esperti; jistieden lill-Awtorità tadotta perjodu strett ta' preklużjoni fir-rigward ta' kunflitti ta' interess finanzjarji u linji gwida ta' politika ċari dwar l-użu ta' esperti, li jipproteġu l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità minn influwenza indebita; |
|
19. |
Jiddispjaċih għall-fatt li esperti esterni, bħall-esperti li jattendu seduti ta' smigħ jew membri tal-forum ta' konsulenza, punti fokali jew netwerks xjentifiċi, mhumiex soġġetti għal skrinjar ta' kunflitti ta' interess, u li jista' jagħti l-każ li ma jiġix identifikat xi kunflitt ta' interess potenzjali f'dan il-qasam; |
|
20. |
Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi, u b'mod partikolari l-appell tiegħu lill-Awtorità biex ittejjeb il-komunikazzjoni tar-riskju tagħha, taġġorna d-dokumenti ta' gwida tagħha f'konformità mal-iżviluppi l-aktar reċenti fl-oqsma kollha rilevanti, iżżid il-faċilità tal-użu tal-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web tagħha u tiffaċilita l-estrazzjoni tad-data, tippubblika l-opinjoni tagħha f'ġurnali riveduti mill-pari u tħeġġeġ aktar esperti nazzjonali u xjentisti oħra biex jipparteċipaw fil-ħidma tagħha u teskludi l-parteċipazzjoni ta' esperti li għandhom kunflitt ta' interess mill-istadji kollha tal-proċess ta' reviżjoni bejn il-pari; jinnota mir-risposta tagħha li l-Awtorità daħħlet diversi wħud mir-rakkomandazzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) rivedut, b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda fit-trasparenza u fl-aċċessibbiltà tal-komunikazzjonijiet tar-riskji; |
|
21. |
Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 178/2002 rivedut se jirrikjedi li l-Awtorità tagħmel, b'mod proattiv, id-data regolatorja mressqa mill-applikanti disponibbli, biex din tkun tista' titniżżel, tiġi stampata u kkonsultata f'format elettroniku; billi dan se jippermetti lill-Awtorità tibbenefika minn reviżjoni estiża bejn il-pari min-naħa tal-komunità xjentifika; ifakkar li dan ir-rekwiżit ta' trasparenza huwa indispensabbli għar-riċerka sponsorizzata mill-industrija iżda ma jistax jintuża bħala bażi għal rifjut tal-użu mill-akkademiċi ta' data li tkun inżammet kunfidenzjali għal raġunijiet leġittimi, bħar-rekords mediċi personali tal-pazjenti; |
Kontrolli interni
|
22. |
Jilqa' l-fatt li fl-2018 sar kontroll tal-idoneità bil-għan li jiġi vvalutat kif għandha tiġi riveduta l-Istrateġija tal-Awtorità Kontra l-Frodi fl-2019 u matul is-sena ta' rappurtar, u li l-Awtorità ma kellhiex għalfejn tittrażmetti jew tagħti segwitu għal kwalunkwe suspett ta' każijiet ta' frodi lill-OLAF; |
|
23. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, is-Servizz tal-Awditjar Intern ħareġ rapport ta' awditjar dwar "Il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u l-Etika fl-EFSA" u l-Awtorità qed tħejji pjan ta' azzjoni korrispondenti biex tintervjeni f'xi oqsma li fihom jista' jseħħ titjib; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri implimentati; |
|
24. |
Jistieden lill-Awtorità tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
|
25. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(2) ĠU C 202, 12.6.2018, p. 1.
(3) ĠU C 202, 12.6.2018, p. 3.
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.