Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
5 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq – Reklamar – Artikolu 6(1) u (3) – Obbligi tad-distributuri – Obbligu ta’ diliġenza – Portata – Artikolu 20(1) – Allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-prodott – Kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur – Riproduzzjoni mid-distributur, mingħajr tibdil, ta’ allegazzjoni tal-manifattur dwar il-prodott – Prattiċi kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 3(4) – Regola ta’ kunflitt – Protezzjoni tal-konsumaturi u l-moviment liberu tal-prodotti kożmetiċi”
Fil-Kawża C‑435/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura
Verband Sozialer Wettbewerb eV
vs
GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH,
fil-preżenza ta’:
M.E.G. Gottlieb Diaderman-Haus GmbH & Co. KG,
Korea Ginseng Vertriebs GmbH (KGV),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Fenger (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ April 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH, minn T. Winter, Rechtsanwalt,
– għal M.E.G. Gottlieb Diaderman-Haus GmbH & Co. KG, minn T. Winter, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou, V. Karra u S. Trekli, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Flett u P. Kienapfel, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6), tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162, fil-ĠU 2021, L 224, p. 43 u fil-ĠU L, 2026/90520), tal-Artikolu 3(4), tal-Artikolu 5(1) u (4) (a), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa mill-Verband Sozialer Wettbewerb eV (iktar ’il quddiem il-“VSW”), assoċjazzjoni Ġermaniża li għandha bħala għan, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, kontra GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH (iktar ’il quddiem “GUT GEKAUFT”), kumpannija Ġermaniża li topera ħanut ta’ prodotti dijetetiċi u naturali, intiża sabiex tipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tippromwovi prodott kożmetiku, fil-fuljetti ta’ reklamar tagħha, minħabba allegazzjoni li tinsab fuq dawn il-fuljetti u fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott fir-rigward ta’ ċerti effetti tal-estratt ta’ pjanta li jinsab fl-imsemmi prodott.
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id-Direttiva 2005/29
3 Il-premessi 7, 10, 11 u 14 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxu:
“(7) Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. [...]
[...]
(10) Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi [tal-Unjoni] eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. [...] Għaldaqstant din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi [tal-Unjoni] li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell [tal-Unjoni Ewropea] u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. [...] Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis [tal-Unjoni], li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
(11) [...] Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. [...]
[...]
(14) Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. [...] Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi [tal-Unjoni] eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali [...] ”.
4 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt (d):
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
d) ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.
5 L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni” huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.
[...]
4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”
6 L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jipprevedi:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
[...]
4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
a) jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,
[...]”.
7 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “L-Azzjonijiet qarrieqa”, jipprovdi:
“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:
[...]
b) il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;
[...]”.
Ir‑Regolament Nru 1223/2009
8 Il-premessi 4, 11, 13, 51 u 71 tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxu:
“(4) Dan ir-Regolament jarmonizza b’mod komprensiv ir-regoli [fl-Unjoni Ewropea] sabiex jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
[...]
(11) Sabiex jiġu stabbiliti responsabbiltajiet ċari, kull prodott kożmetiċi għandu jkun marbut ma’ persuna responsabbli li tkun stabbilita [fl-Unjoni].
[...]
(13) Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit taħt liema kundizzjonijiet distributur għandu jiġi kkunsidrat bħala l-persuna responsabbli.
[...]
(51) Il-konsumatur għandu jkun imħares minn stqarrijiet qarrieqa dwar l-effikaċja u karatteristiċi oħra tal-prodotti kożmetiċi. B’mod partikolari d-[Direttiva 2005/29] hija applikabbli. [...]
(71) Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kisba tas-suq intern u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana permezz tal-konformità tal-prodotti kożmetiċi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell [tal-Unjoni], [l-Unjoni] tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. [...]”.
9 Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:
“1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(d) ‘manifattur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott kożmetiku jew li f’ismu jew bit-trejdmark tiegħu jiġi ddisinjat jew immanifatturat, u jikkummerċjalizza l-prodott kożmetiku;
(e) ‘distributur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-fornimnent, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li jpoġġi l-prodott kożmetiku disponibbli fis-suq [tal-Unjoni];
10 L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuna responsabbli”, jipprevedi:
“[...]
3. Għal prodott kożmetiku mmanifatturat [fl-Unjoni], u mhux sussegwentement esportat u importat lura [fl-Unjoni], il-manifattur stabbilit [fl-Unjoni] għandu jkun il-persuna responsabbli.
[...]
6. Id-distributur għandu jkun il-persuna responsabbli fejn hu jqiegħed prodott fis-suq taħt ismu jew trademark tiegħu jew jimmodifika prodott li diġà tqiegħed fis-suq b’tali mod li l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli jistgħu jiġu affettwati.
[...]”.
11 L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-persuni responsabbli”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-persuni responsabbli għandhom jiżguraw il-konformità [mal-] Artikolu 20 [...] ”.
12 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009, intitolat “Obbligi tad-distributuri”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:
“1. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, meta jagħmlu prodott kożmetiku disponibbli fis-suq, is-distributuri għandhom jaġixxu b’attenzjoni kif imiss fir-rigward tal-ħtiġijiet applikabbli.
2. Qabel ma jagħmlu prodott kożmetiku disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li:
– l-informazzjoni tal-ittikkettjar li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 19(1)(a), (e) u (g) u l-Artikolu 19(3) u (4) hija preżenti,
– ir-rekwiżiti tal-lingwi pprovduti mill-Artikolu 19(5) huma ssodisfatti,
– id-data tad-durabilità minima speċifikata, meta applikabbli taħt l-Artikolu 19(1) ma tkunx għaddiet.
3. Meta d-distributuri jqisu jew jkollhom raġuni biex jemmnu li:
– prodott kożmetiku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti provduti minn dan ir-Regolament, m’għandhomx jagħmlu l-prodott disponibbli fis-suq sakemm dan ikun sar konformi mal-ħtiġijiet applikabbli,
– prodott kożmetiku li jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, huma għandhom jaċċertaw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex il-prodott isir konformi, ikun irtirat jew jissejjaħ lura, jekk ikun xieraq.
Barra minn hekk, meta l-prodott kożmetiku jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem, id-distributuri għandhom minnufih jinfurmaw lill-persuna responsabbli u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu l-prodott disponibbli u tal-Istat Membru fejn il-fajl tal-informazzjoni tal-prodott huwa faċilment aċċessibbli, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ konformità u tal-miżuri korrettivi li jkunu ttieħdu.
4. Id-distributuri għandhom jiżguraw li waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-ħażna jew il-kundizzjonijiet tat-trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. ”.
13 L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klejms tal-prodotti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Fl-ittikkettjar, meta jsir disponibbli fis-suq u jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.”.
Id‑dritt Ġermaniż
14 Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004, kif emendata miz-Zweites Gesetz zur Änderung des Gesetzes gegen den unlauteren Wettbewerb (it-Tieni Liġi li timmodifika l-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑2 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2158) (iktar ’il quddiem l-“UWG”), li jistabbilixxi l-“projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali”, il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.
15 L-Artikolu 3a tal-UWG, intitolat “Ksur tad-dritt”, jipprevedi li jwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi, meta l-ksur ikun jista’ jippreġudika b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, tal-operaturi l-oħra tas-suq jew tal-kompetituri.
16 L-Artikolu 3(1), kif ukoll l-Artikolu 5(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 5(2) tal-UWG, li jittrasponu l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(4)(a) u l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, jipprovdu li r-reklamar ta’ distributur li jinkludi indikazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-vantaġġi ta’ prodott huwa prattika kummerċjali żleali min-naħa tad-distributur, ipprojbita bħala tali, anki jekk huwa jkun irriproduċa r-reklamar tal-manifattur.
17 Konformement mat-tieni każ tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-UWG, kull min iwettaq prattika kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
18 Gut Gekauft topera ħanut speċjalizzat fil-bejgħ ta’ prodotti dijetetiċi u naturali.
19 Fil-fuljett ta’ reklamar tagħha tax-xahar ta’ Novembru 2020, din il-kumpannija ppromoviet krema għall-wiċċ billi allegat ċerti effetti ta’ benefiċċju tal-estratt tal-ġinseng li jinsab f’din il-krema.
20 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa l-manifattur tal-prodott kożmetiku inkwistjoni li, minn naħa, bagħat lil Gut Gekauft din l-allegazzjoni, li tidher ukoll fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, u, min-naħa l-oħra, approva l-fuljett ta’ reklamar qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.
21 Peress li l-effikaċja tal-estratt tal-ġinseng fil-kuntest ta’ użu estern ma ġietx ipprovata xjentifikament, il-VSW tqis li l-allegazzjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 u għalhekk hija żleali.
22 Wara intimazzjoni tas‑17 ta’ Novembru 2020, li baqgħet mingħajr suċċess, il-VSW resqet azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni kontra Gut Gekauft, b’mod partikolari sabiex din tal-aħħar tiġi pprojbita milli tirrikorri għal tali reklamar, quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li laqgħet din l-azzjoni.
23 L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), adita fl-appell, bidlet is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet it-talba tal-VSW, minħabba li Gut Gekauft ma kinitx responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009. Dik il-qorti qieset li Gut Gekauft ma kinitx obbligata tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni, peress li hija kienet irriproduċiet mingħajr modifika u użat għar-reklamar tagħha stess l-allegazzjoni ta’ reklamar tal-manifattur, li kien il-persuna responsabbli fis-sens ta’ dan ir-regolament.
24 Permezz tal-appell għal reviżjoni tagħha quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, il-VSW titlob l-istabbiliment mill-ġdid tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.
25 Dik il-qorti titlaq mill-premessa li l-promozzjoni tal-prodott inkwistjoni bl-allegazzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009.
26 Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk Gut Gekauft għandhiex twieġeb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, bħala distributur tal-prodotti inkwistjoni, għal tali ksur tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, peress li din il-kumpannija użat fil-fuljett ta’ reklamar tagħha intiż għall-promozzjoni ta’ dan il-prodott, mingħajr ma vverifikatu, messaġġ ta’ reklamar qarrieqi mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-manifattur.
27 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-obbligi imposti fuq id-distributur skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament jinkludux ukoll dawk relatati mal-promozzjoni tal-prodotti li jirriżultaw mill-Artikolu 20(1) tal-istess regolament. Jekk ikun il-każ, hija tistaqsi jekk dan id-distributur għandux jirrispondi għall-konsegwenzi ta’ messaġġ ta’ reklamar mhux konformi ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, li jimplika li huwa obbligat jikkontrolla l-messaġġ ta’ reklamar meħud, mingħajr tibdil, mill-manifattur u jivverifika li l-prodott ikkummerċjalizzat effettivament għandu l-effetti allegati.
28 Fit-tieni lok, dik il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ fejn id-distributur ma kellux iwieġeb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, għall-konsegwenzi ta’ reklamar li jikser l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, dan id-distributur għandux xorta waħda jinżamm responsabbli għal tali reklamar qarrieqi skont ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/29.
29 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-imsemmi regolament jirregolaw b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà tad-distributur ta’ prodott kożmetiku. Għalhekk, fil-każ ta’ prattika kummerċjali żleali ta’ tali distributur, l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 6 tal-istess regolament, bħala lex specialis, ma jistgħux, konformement mar-regola ta’ kunflitt prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, jiġu nnewtralizzati permezz tal-użu tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kunflitt magħhom.
30 Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk ir-responsabbiltà tad-distributur ta’ prodott kożmetiku ma kinitx irregolata b’mod eżawrjenti mir-Regolament Nru 1223/2009, li ma jkunx ikopri, b’mod partikolari, il-każ fejn id-distributur sempliċement jirriproduċi fir-reklamar tiegħu, mingħajr ma jibdlu, il-messaġġ ta’ reklamar tal-manifattur.
31 Is-suċċess tal-appell għal reviżjoni jiddependi għalhekk mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 kif ukoll tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:
“1) Distributur li ma huwiex persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-[Regolament Nru 1223/2009] għandu, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, raġuni għalfejn jaħseb li r-reklamar magħmul minn manifattur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tal-istess regolament meta huwa juża r-reklamar imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur għal finijiet kummerċjali tiegħu stess, mingħajr ma jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex issostanzjati b’mod suffiċjenti? Jew id-distributur għandu biss taħt ċerti kundizzjonijiet – u fl-affermattiv, taħt liema – raġuni għalfejn jaħseb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta[r-Regolament Nru 1223/2009], li r-reklamar talmanifattur li huwa juża ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, u għandu jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex suffiċjentement issostanzjati?
2) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprekludu li r-reklamar ta’ distributur li fih allegazzjoni qarrieqa magħmula mill-manifattur fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ prodott kożmetiku jitqies bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tad-[Direttiva 2005/29]?”.
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
33 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li distributur, li jqiegħed prodott kożmetiku għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur u mingħajr ma jemendah, huwa obbligat, skont l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, li jivverifika li dan il-prodott għandu l-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar tiegħu, minkejja li dawn l-allegazzjonijiet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur tal-imsemmi prodott, jinsabu wkoll fuq l-imballaġġ tal-istess prodott u ġew riprodotti bħala tali minn dan id-distributur.
34 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1223/2009 huwa intiż, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, sabiex “ jistabbilixxi r-regoli li kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq għandu jkun konformi magħhom, sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb u jkun hemm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem”.
35 Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jitqiegħdu fis-suq biss il-prodotti kożmetiċi li għalihom persuna fiżika jew ġuridika hija indikata fl-Unjoni bħala l-“persuna responsabbli”, li tiggarantixxi, skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, għal kull prodott kożmetiku mqiegħed fis-suq, il-konformità tiegħu mal-obbligi applikabbli stabbiliti minn dan l-istess regolament.
36 Il-persuna responsabbli għal prodott kożmetiku mmanifatturat fl-Unjoni li sussegwentement ma huwiex is-suġġett ta’ esportazzjoni u sussegwentement ta’ importazzjoni mill-ġdid hija, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, il-manifattur stabbilit fl-Unjoni. Fir-rigward tad-distributur, konformement mal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament, dan jitqies li huwa l-persuna responsabbli meta jqiegħed prodott kożmetiku fis-suq taħt ismu jew it-trademark tiegħu, jew jimmodifika prodott diġà mqiegħed fis-suq b’tali mod li jkun hemm riskju li l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti applikabbli tiġi affettwata minnu.
37 F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, peress li Gut Gekauft qiegħdet il-prodott kożmetiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, billi rriproduċiet l-allegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar mingħajr ma biddliethom, din il-parti ma tistax titqies li hija “persuna responsabbli”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament.
38 Madankollu, għandu jiġi ddeterminat sa fejn l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, tippermetti li jitqies li distributur li jippromwovi prodott kożmetiku fil-fuljett ta’ reklamar tiegħu stess u għall-finijiet kummerċjali tiegħu, billi jattribwixxi lilu ċerti karatteristiċi jew ċerti funzjonijiet, u minkejja li rriproduċa l-allegazzjonijiet li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur ta’ dan il-prodott, mingħajr ma jemendahom, huwa madankollu obbligat iwettaq il-verifiki ta’ dawn l-allegazzjonijiet sabiex jiżgura ruħu li l-imsemmi prodott effettivament għandu dawn il-karatteristiċi jew dawn il-funzjonijiet.
39 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-kuntest li jagħmlu parti minnu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑4 ta’ Ġunju 2026 Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, meta jqiegħdu prodott kożmetiku għad-dispożizzjoni fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bid-diliġenza meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli. Għalkemm jeżistu xi inkonsistenzi terminoloġiċi li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, madankollu, dawn l-inkonsistenzi ma jaffettwawx it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li hija tirregola t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti kożmetiku fis-suq.
41 L-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jippreċiża li, meta d-distributuri jqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li prodott kożmetiku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament, huma jistgħu jqiegħdu dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq biss wara li dan ikun sar konformi mar-rekwiżiti applikabbli. It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi li meta d-distributuri jqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li prodott kożmetiku li huma jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq ma jkunx konformi mal-istess regolament, huma għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji sabiex dan il-prodott isir konformi, jirtirawh jew isejħuh lura, skont il-każ.
42 L-allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti kożmetiċi huma speċifikament irregolati fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1223/2009, li l-paragrafu 1 tiegħu jippreċiża li, għat-tikkettar, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq u għar-reklamar ta’ dawn il-prodotti, it-test, id-denominazzjonijiet, it-trademarks, l-istampi jew sinjali figurattivi oħra jew le ma jistgħux jintużaw sabiex jagħtu lill-imsemmija prodotti karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.
43 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-artikolazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi, ta’ minn naħa, tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20(1) tiegħu, għandu jiġi osservat li l-attività promozzjonali tikkostitwixxi attività ordinarja ta’ distributur, li jikkontrolla l-mod kif il-prodott huwa ppreżentat lill-pubbliku, b’tali mod li r-reklamar tal-prodotti kożmetiċi, imsemmi f’dan l-Artikolu 20, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.
44 Din l-interpretazzjoni hija sostnuta, qabelxejn, mill-qari flimkien tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1223/2009 u tal-Linji Gwida dwar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 655/2013 tal‑10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji komuni għall-ġustifikazzjoni ta’ pretensjonijiet użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi (ĠU 2013, L 190, p. 31), liema regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tal-“pretensjonijiet [allegazzjonijiet] użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi”, li jimmilita wkoll favur interpretazzjoni fis-sens li l-promozzjoni tal-prodotti kożmetiċi tagħmel parti mill-“attivitajiet” ta’ distributur, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.
45 Fil-fatt, dawn il-linji gwida jippreċiżaw li d-distributur għandu jittraduċi l-“allegazzjonijiet ta’ reklamar” kollha trażmessi mill-persuna responsabbli b’mod li l-essenza tagħhom tinżamm, taħt piena li jsir huwa stess “persuna responsabbli”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1223/2009. Minn dan jirriżulta li t-traduzzjoni ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu 4(6) tikkonċerna wkoll l-allegazzjonijiet li jinsabu fil-mezzi ta’ reklamar u li, għaldaqstant, dan ir-regolament jimplika li l-promozzjoni tal-prodotti tagħmel parti mill-“attivitajiet” ta’ distributur, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.
46 Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, kemm l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 kif ukoll il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 tiegħu jirreferu b’mod partikolari għat-tqegħid għad-“[dispożizzjoni] fis-suq” tal-prodotti kożmetiċi. Skont l-Artikolu 2(1)(e) ta’ dan ir-regolament, distributur iqiegħed preċiżament il-prodotti kożmetiċi għad-dispożizzjoni fis-suq, peress li din l-azzjoni timplika, konformement mal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament, kull provvista ta’ prodott kożmetiku intiż għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, bi ħlas jew mingħajr ħlas. Issa, il-promozzjoni tal-prodotti kożmetiċi takkumpanja t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq mid-distributur li jipparteċipa għalhekk fil-provvista tagħhom fil-kuntest ta’ attività kummerċjali.
47 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jirreferux espressament għar-reklamar ta’ prodott imwettaq mid-distributur u l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament ma jindikax speċifikament lid-distributuri bħala destinatarji tal-projbizzjoni li jitwettaq reklamar qarrieqi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, il-konformità mal-Artikolu 20 tal-istess regolament għandha tiġi ggarantita mill-“persuna responsabbli”, li, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, hija bħala prinċipju l-manifattur.
48 Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “rekwiżiti applikabbli” imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009, li magħhom għandhom ikunu konformi l-prodotti kożmetiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi dak relatat mar-reklamar ta’ tali prodotti, li jirriżulta mill-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.
49 Fil-fatt, ir-rekwiżiti li għalihom jirreferi dan l-Artikolu 6(1) u (3) jirreferu għall-obbligi rilevanti kollha ta’ dan ir-regolament sa fejn dawn jikkonċernaw lid-distributur. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa intiż, b’mod konformi mal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li dan ir-regolament ifittex li jilħaq, sabiex jipprekludi li l-konsumatur jiġi mqarraq, b’mod partikolari, fil-qasam tal-promozzjoni tal-prodotti kożmetiċi, ir-regoli dwar ir-reklamar li jinsabu f’din id-dispożizzjoni għandhom jinqraw bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “rekwiżiti applikabbli” previsti fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6.
50 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligi tad-distributur li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jistgħu jinkludu, bħala prinċipju, dawk relatati mal-promozzjoni tal-prodotti, li jirriżultaw mill-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.
51 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-portata tal-obbligi tad-distributuri fil-qasam tar-reklamar tal-prodotti kożmetiċi, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta li l-obbligu li ma jitqegħidx fis-suq prodott kożmetiku jew, jekk ikun il-każ, li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa, li jiġi rtirat jew imfakkar huwa limitat għall-każijiet fejn dawn id-distributuri “jqisu jew jkollhom raġuni biex jemmnu” li dan il-prodott ma huwiex konformi ma’ dan ir-regolament, mingħajr ma din id-dispożizzjoni timponi fuq l-imsemmija distributuri obbligu ġenerali ta’ verifika sistematika tal-veraċità tal-allegazzjonijiet riprodotti mill-manifattur.
52 Konsegwentement, l-obbligu ta’ diliġenza li għandu distributur skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan id-distributur huwa obbligat li jiżgura l-konformità mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament u, għalhekk, li jivverifika l-veraċità tal-allegazjzonijiet tal-manifattur, li huwa juża fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodott kożmetiku fis-suq, biss jekk ikun konxju ta’ problema u jekk l-informazzjoni li huwa jkollu tiżvela n-natura qarrieqa ta’ dawn l-allegazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punti 34 u 37).
53 Din l-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
54 F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta li, bħala prinċipju, huwa l-manifattur li huwa l-persuna responsabbli. Fil-fatt, huwa l-manifattur li għandu għarfien preċiż tad-disinn, tal-funzjonament u tal-użu intiż tal-prodott tiegħu, peress li l-obbligu li tiġi vverifikata l-konformità ta’ dan il-prodott mal-leġiżlazzjoni applikabbli jaqa’, bħala prinċipju, taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Għaldaqstant, il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza mid-distributur għandu jkun jista’ jiġi kkonstatat biss meta l-iżball ta’ evalwazzjoni tiegħu dwar il-veraċità ta’ allegazzjoni dwar l-imsemmi prodott ikun manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punti 32 u 39).
55 Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedi obbligu għad-distributuri li jwettqu ċerti verifiki elenkati b’mod eżawrjenti u relatati ma’ karatteristiċi preċiżi tal-prodotti kożmetiċi qabel ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq. Madankollu, dawn huma rekwiżiti formali li ma jikkonċernawx l-eżattezza tal-allegazzjonijiet magħmula mill-manifattur.
56 Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, adottata fil-punti 49 u 55 ta’ din is-sentenza, hija konformi mal-għan imfittex minn dan ir-regolament, li huwa intiż, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tiegħu u kif rifless fil-premessa 71 tiegħu, għat-twettiq tas-suq intern kif ukoll għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-konformità tal-prodotti kożmetiċi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmi regolament.
57 Fil-fatt, minn naħa, interpretazzjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq id-distributur, abbażi tal-obbligu ta’ diliġenza tiegħu previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, li jivverifika, b’mod sistematiku, l-eżattezza tal-messaġġi ta’ reklamar relatati ma’ prodotti kożmetiċi, timponi fuqu oneru sproporzjonat, u b’hekk tirriskja li tipperikola t-twettiq tal-għan ta’ dan ir-regolament li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punti 60 u 63).
58 Min-naħa l-oħra, il-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, id-distributur huwa obbligat, skont l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, mill-obbligu li jivverifika l-veraċità tal-allegazzjonijiet dwar il-prodotti kożmetiċi, sabiex jiżgura l-konformità ta’ dawn il-prodotti, meta dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
59 Kif iddikjarat fil-premessa 51 ta’ dan ir-regolament, il-konsumatur għandu jkun protett minn allegazzjonijiet qarrieqa dwar l-effikaċja jew karatteristiċi oħra tal-prodotti kożmetiċi. Issa, dan l-għan jiġi ppreġudikat jekk prodott kożmetiku, li r-reklamar tiegħu ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq mid-distributur, mingħajr ma dan tal-aħħar qatt ma jkun obbligat iwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jidentifika n-natura qarrieqa ta’ dan ir-reklamar.
60 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 52 sa 59 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal- ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tiegħu, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq id-distributur obbligu li jivverifika sistematikament il-veraċità tal-allegazzjonijiet dwar prodott kożmetiku li huwa jiddistribwixxi, meħuda mingħajr modifika tal-manifattur, iżda biss bħala li jobbligah iwettaq tali verifika meta jkollu informazzjoni li minnha jirriżulta manifestament li dawn l-allegazzjonijiet huma qarrieqa.
61 F’dan il-każ, fir-rigward tal-informazzjoni li kellha Gut Gekauft, il-qorti tar-rinviju tindika li l-pubblikazzjoni tal-fuljett ta’ reklamar dwar il-prodott kożmetiku ddistribwit ġiet segwita minn intimazzjoni mill-VSW, tas‑17 ta’ Novembru 2020, intiża sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ allegazzjonijiet qarrieqa fir-reklamar relatat ma’ dan il-prodott. Għalhekk, skont din il-qorti, distributur jista’ jkollu raġunijiet sabiex jemmen li l-allegazzjoni li l-manifattur ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, peress li dan id-distributur jiġi informat b’informazzjoni li l-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa jippromwovi ma jintwerewx b’mod suffiċjenti.
62 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li distributur jista’ jkollu raġunijiet leġittimi sabiex jiddubita l-konformità ta’ prodott mal-leġiżlazzjoni rilevanti meta tkun ġiet indirizzata lilu intimazzjoni minn kompetitur dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ dan il-prodott. Din l-intimazzjoni, li d-distributur għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex josserva l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, għandha tesponi, b’mod issostanzjat, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li għalihom l-allegazzjonijiet riprodotti mid-distributur għandhom jitqiesu li ma humiex konformi mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punti 70 u 73).
63 Għaldaqstant, distributur li jqis jew li għandu raġuni sabiex jemmen li prodott kożmetiku ma huwiex konformi ma’ dan ir-regolament huwa obbligat jirreaġixxi qabel ma dan il-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq, anki jekk ma jkunx responsabbli għall-konformità tal-imsemmi prodott mar-regoli applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 36) Bl-istess mod, skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, distributur li jqis jew li jkollu raġuni sabiex jemmen li prodott kożmetiku ma huwiex konformi mal-istess regolament huwa wkoll obbligat li jirreaġixxi wara li dan il-prodott ikun sar disponibbli fis-suq, filwaqt li jiżgura li jittieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji sabiex dan il-prodott isir konformi, jiġi rtirat jew jissejjaħ lura, skont il-każ.
64 Għandu jingħad ukoll li, fil-każ fejn id-distributur jinforma lill-manifattur bir-raġunijiet tiegħu sabiex jemmen li l-prodott ikkonċernat mill-intimazzjoni ma huwiex konformi u jekk dan tal-aħħar huwa tal-opinjoni li l-allegat nuqqas ta’ konformità ma huwiex fondat, id-distributur ma huwiex obbligat isegwi din l-opinjoni jekk id-dubji tiegħu dwar dan in-nuqqas ta’ konformità jippersistu. Madankollu, id-distributur ma jistax jiġi kkritikat li kiser l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu billi segwa l-opinjoni mogħtija mill-manifattur, sakemm din l-opinjoni ma tidhirx manifestament infondata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental, C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 71).
65 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni ta’ Gut Gekauft, jekk l-isforzi magħmula minnha kinux suffiċjenti fid-dawl tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu.
66 Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li distributur, li jqiegħed prodott kożmetiku għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur u mingħajr ma jemendah, huwa obbligat, skont l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, li jivverifika li dan il-prodott għandu l-karatteristiċi jew il-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar tiegħu, filwaqt li dawn l-allegazzjonijiet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur tal-imsemmi prodott, jidhru wkoll fuq l-imballaġġ tal-istess prodott u ġew riprodotti bħala tali minn dan id-distributur, biss meta l-imsemmi distributur ikollu biżżejjed informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa tal-imsemmija allegazzjonijiet.
Fuq it‑tieni domanda
67 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6) kif ukoll mal-Artikolu 6(1) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku, imwettaq minn distributur li jqiegħed dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, ibbażat fuq allegazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, li ttieħed mill-manifattur mingħajr modifika, jitqies li huwa “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a), kif ukoll l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29.
68 Għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2005/29 hija intiża li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali min-naħa tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson, C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 Kif tiddikjara l-premessa 11 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali unika tal-prattiki kummerċjali żleali li jbiddlu l-aġir ekonomiku tal-konsumaturi. Hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għal dawn tal-aħħar billi twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, dan japplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, kif stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ prodott (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa), C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 52).
71 Mill-Artikolu 5(1) u (4)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-prattiki kummerċjali żleali huma pprojbiti u li huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki kummerċjali li huma qarrieqa.
72 L-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz, u għalhekk tkun falza jew li, bi kwalunkwe mod, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ġenerali tagħha, tqarraq jew tista’ tqarraq bil-konsumatur medju, fir-rigward b’mod partikolari tal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott u li, fiż-żewġ każijiet, iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.
73 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 tiddistingwi ruħha permezz ta’ kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae partikolarment wiesa’, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa kunċett wiesa’ ħafna tal-kunċett ta’ “prattika kummerċjali”, fis-sens tagħha, peress li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jiddefinixxiha bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant”. Għalhekk, l-uniku kriterju adottat minn din id-dispożizzjoni jinsab fil-fatt li l-prattika tal-kummerċjant għandha tkun relatata direttament ma’, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ oġġett fost il-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
74 F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-prattika li tikkonsisti f’fuljett ta’ reklamar u fuq l-imballaġġ ta’ prodott kożmetiku, l-effetti li jibbenefikaw minnhom ċerti komponenti ta’ dan il-prodott tikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson, C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 29).
75 Minn dan isegwi li, skont l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, sakemm din tapplika, id-distributuri huma obbligati, b’mod ġenerali, li ma jwettqux prattika kummerċjali qarrieqa, u għalhekk żleali, mingħajr ma jkun għalhekk neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-imsemmija distributuri jqisux jew għandhomx raġunijiet sabiex jemmnu li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar imxandra huma qarrieqa.
76 Għaldaqstant, fil-każ li l-imsemmija direttiva tapplika, il-fatt li distributur jieħu lura mill-manifattur l-indikazzjonijiet dwar il-prodott kożmetiku, mingħajr ma jemendahom, jista’, bħala prinċipju, meta dawn l-indikazzjonijiet jattribwixxu lill-prodotti proprjetajiet li huma ma għandhomx, jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali qarrieqa elenkati fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, humiex issodisfatti.
77 Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/29, din tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà tal-prodotti. L-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jinkludi klawżola ta’ esklużjoni, skont liema, “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet [tagħha] u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et. (Kuntratti ta’ assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet), C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 136).
78 Huwa għalhekk bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, ir-Regolament Nru 1223/2009 jirregola aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali u, min-naħa l-oħra, jeżisti kunflitt bejn d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament u dawk tal-imsemmija direttiva li dawn l-aspetti speċifiċi jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Lidl Italia (Prattiki kummerċjali żleali li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti tal-ikel), C‑301/25, EU:C:2026:357, punt 28).
79 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk, sa fejn ir-Regolament Nru 1223/2009 jinkludi, b’mod partikolari fl-Artikolu 20(1) tiegħu, regoli speċifiċi dwar l-allegazzjonijiet dwar il-prodotti kożmetiċi, li d-distributuri huma marbuta bihom skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, dawn ir-regoli jistgħux jitqiesu bħala dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw aspetti partikolari ta’ prattiki kummerċjali żleali.
80 F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(6) u l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, jirregolaw il-portata tal-obbligi li għandhom id-distributuri fil-qasam tar-reklamar tal-prodotti kożmetiċi u, għaldaqstant, dik tal-aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali ta’ distributur. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu regoli speċjali meta mqabbla mar-regoli ġenerali dwar il-prattiki kummerċjali qarrieqa li jinsabu fid-Direttiva 2005/29.
81 Konsegwentement, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, konformement mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, jeżistix kunflitt bejn, minn naħa, l-Artikolu 4(6) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva.
82 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kunflitt” jirreferi għal relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati li tmur lil hinn mis-sempliċi disparità jew mis-sempliċi differenza, li turi diverġenza impossibbli li tingħeleb permezz ta’ formula magħquda li tagħmel possibbli l-koeżistenza ta’ żewġ sitwazzjonijiet mingħajr ma jkollha tiġi żnaturata (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 60).
83 L-għan tad-Direttiva 2005/29 huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, f’dan is-sens, li jiġi ggarantit li l-prattiki kummerċjali żleali jiġu kkumbattuti b’mod effettiv fl-interess ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2025, Trenitalia, C‑510/23, EU:C:2025:41, punt 33). L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż preċiżament sabiex jiggarantixxi protezzjoni xierqa tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa lil dawn tal-aħħar permezz tar-reklamar ta’ prodott. Kif tiddikjara l-premessa 14 tal-imsemmija direttiva, huwa mixtieq li l-prattiki kummerċjali qarrieqa jkopru l-prattiki, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li, billi jqarrqu bil-konsumatur, jipprekluduh milli jagħmel għażla informata u għalhekk b’mod effettiv.
84 Bl-istess mod, kif ġie ppreċiżat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-għan tar-Regolament Nru 1223/2009 jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, il-premessa 51 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi, minn naħa, li l-konsumatur għandu jkun protett minn allegazzjonijiet qarrieqa dwar l-effikaċja jew karatteristiċi oħra tal-prodotti kożmetiċi u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2005/29 hija applikabbli.
85 Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li din id-direttiva u l-imsemmi regolament għandhom għan komuni, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludi, b’mod sistematiku, l-eżistenza ta’ kunflitt bejn l-obbligi tad-distributuri dwar l-allegazzjonijiet ta’ reklamar ta’ prodott kożmetiku abbażi tal-imsemmija direttiva, minn naħa, u abbażi tal-istess regolament, min-naħa l-oħra.
86 Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1223/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, għażel li jillimita l-portata tal-obbligi tad-distributuri, b’mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tal-prodotti kożmetiċi, billi ddistingwihom mill-obbligi tal-manifatturi, peress li dawn id-distributuri jistgħu jinżammu responsabbli għal reklamar qarrieqi relatat ma’ prodott kożmetiku biss f’ċerti ċirkustanzi preċiżi. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, min-naħa tagħhom, jimponu fuq id-distributuri projbizzjoni ġenerali li jxandru reklamar qarrieqi.
87 Għaldaqstant, l-obbligi imposti fuq id-distributuri fil-qasam tar-reklamar tal-prodotti kożmetiċi mir-Regolament Nru 1223/2009 u dawk fil-qasam tar-reklamar imposti mid-Direttiva 2005/29 jistgħu jimplikaw, f’ċerti ċirkustanzi, diverġenza impossibbli li tingħeleb permezz ta’ interpretazzjoni kkombinata, peress li l-applikazzjoni parallela tagħhom twassal sabiex jiġi nnewtralizzat l-effett tal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, fil-każ fejn id-distributur ma jkunx kiser dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, jekk id-distributur ma jkunx konxju tan-natura qarrieqa tar-reklamar ta’ prodott kożmetiku u jikkonforma ruħu bis-sħiħ mal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1223/2009 f’dan ir-rigward, u ma jkunx hemm elementi jew prattiki kummerċjali oħra li jaqgħu taħt id-Direttiva 2005/29, allura din tal-aħħar tkun tista’ ma tapplikax.
88 Minn dan isegwi li meta distributur, li jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar ta’ manifattur mingħajr ma jemendahom u jaġixxi skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009, jista’ jeżisti kunflitt bejn dawn ir-rekwiżiti u dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/29.
89 Issa, mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009 għandhom jipprevalu fuq dawk ta’ din id-direttiva.
90 Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta li dan tal-aħħar jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret ukoll li minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni sabiex jiġi stabbilit suq intern tal-prodotti kożmetiċi, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fédération des entreprises de la beauté, C‑4/21, EU:C:2022:681, punti 33 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
91 Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ fejn id-distributur jaġixxi bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tiegħu u, għaldaqstant, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu.
92 Fil-fatt, peress li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29 jipprojbixxi l-aġir qarrieqi tal-operaturi ekonomiċi fil-qasam tar-reklamar, din il-projbizzjoni tinkludi neċessarjament il-prattiki msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009. Kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, il-prattika ta’ distributur li tmur kontra l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament tmur ukoll kontra l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva.
93 F’tali sitwazzjoni, ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni huwa l-istess, jiġifieri li d-distributur huwa, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, konxju tan-natura qarrieqa tar-reklamar u li jaġixxi bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tiegħu.
94 Id-Direttiva 2005/29 tista’ tapplika wkoll meta d-distributur ta’ prodott kożmetiku jwettaq prattika li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tagħha, iżda li ma taqax, jew li ma taqax fl-aspetti kollha tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009. Fil-fatt, obbligi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu imposti fuq id-distributuri abbażi ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni.
95 Sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 jirregolaw aspetti li ma humiex koperti mir-Regolament Nru 1223/2009, l-applikazzjoni għad-distributuri tar-rekwiżiti iktar stretti fil-qasam tar-reklamar li jirriżultaw minn din id-direttiva ma ċċaħħadx il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, minn kull effett utli. Dan ikun il-każ jekk distributur jippromwovi prodott kożmetiku billi juża messaġġ pubbliċitarju, mingħajr ma jkun konxju tan-natura qarrieqa tiegħu, u li, barra minn hekk, juża, pereżempju, prattiki kummerċjali aggressivi. F’każ bħal dan, id-distributur jista’ jiġi akkużat bi ksur tal-imsemmija direttiva għal dawn l-aħħar prattiki, anki jekk ma jkunx hemm ksur tal-imsemmi regolament.
96 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6), l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), kif ukoll l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1223/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– jipprekludi li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku, imwettaq minn distributur li jqiegħed dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, ibbażat fuq allegazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, li ttieħed mill-manifattur mingħajr modifika, jitqies li huwa “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva, meta dan id-distributur ma jkollux informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa ta’ din l-allegazzjoni, u
– ma jipprekludix li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku, imwettaq minn distributur li jqiegħed dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, ibbażat fuq allegazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, li ttieħed mill-manifattur mingħajr modifika, jitqies li huwa “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva, meta dan id-distributur ikollu informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa ta’ din l-allegazzjoni.
Fuq l‑ispejjeż
97 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
distributur, li jqiegħed prodott kożmetiku għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur u mingħajr ma jemendah, huwa obbligat, skont l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, li jivverifika li dan il-prodott għandu l-karatteristiċi jew il-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar tiegħu, filwaqt li dawn l-allegazzjonijiet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur tal-imsemmi prodott, jidhru wkoll fuq l-imballaġġ tal-istess prodott u ġew riprodotti bħala tali minn dan id-distributur, biss meta l-imsemmi distributur ikollu biżżejjed informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa tal-imsemmija allegazzjonijiet.
2) L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri flimkien mal-Artikolu 4(6), l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), kif ukoll l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1223/2009,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– jipprekludi li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku, imwettaq minn distributur li jqiegħed dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, ibbażat fuq allegazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, li ttieħed mill-manifattur mingħajr modifika, jitqies li huwa “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva, meta dan id-distributur ma jkollux informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa ta’ din l-allegazzjoni, u
– ma jipprekludix li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku, imwettaq minn distributur li jqiegħed dan il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq taħt l-isem jew it-trademark tal-manifattur, ibbażat fuq allegazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, li ttieħed mill-manifattur mingħajr modifika, jitqies li huwa “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva, meta dan id-distributur ikollu informazzjoni li tiżvela n-natura manifestament qarrieqa ta’ din l-allegazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.