IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2025
COM(2025) 557 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Sommarju tar-Rapport ta’ Sinteżi dwar it-tħaddim tar-Regolament (UE) Nru 649/2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi għall-perjodu 2020-2022
{SWD(2025) 278 final}
Abbrevjazzjonijiet użati
Aġenzija
Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA, European Chemicals Agency)
BPR (Biocidal Products Regulation)
Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali
CLP (Classification, Labelling and Packaging Regulation)
Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ
NM
Nomenklatura Magħquda
CUS (Customs Union and Statistics)
Unjoni Doganali u Statistika
DNA (Designated National Authority)
Awtorità Nazzjonali Nominata
ECHA (European Chemicals Agency)
Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
ePIC
Applikazzjoni ta’ software għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 649/2012
UE
Unjoni Ewropea
FRA (Final Regulatory Action)
Azzjoni Regolatorja Finali
IT (Information Technology)
Teknoloġija tal-informazzjoni
NEA (National Enforcement Authority)
Awtorità Nazzjonali tal-Infurzar
OECD (Organisation for Economic Cooperation and Development)
Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
ĠU
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
PIC (Prior Informed Consent)
Kunsens Infurmat Minn Qabel
POP (Persistent Organic Pollutant)
Inkwinant Organiku Persistenti
PPPR (Plant Protection Products Regulation)
Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti
REACH (Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals Regulation)
Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi
RIN (Reference Identification Number)
Numru ta’ Identifikazzjoni ta’ Referenza
SDS
Skeda ta’ Data ta’ Sigurtà
1Introduzzjoni
Ir-Regolament PIC
Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 (“ir-Regolament PIC”) jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem (PIC) għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali. Ir-Regolament għandu l-għan li jippromwovi r-responsabbiltà kondiviża u l-kooperazzjoni fil-moviment internazzjonali ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, u li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn ħsara potenzjali billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-karatterisitiċi tas-sustanzi kimiċi perikolużi, billi jipprevedi proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ tali sustanzi kimiċi, u bid-disseminazzjoni tad-deċiżjonijiet lill-partijiet li huma firmatarji tal-Konvenzjoni u lil pajjiżi oħra.
Ir-Regolament PIC japplika għas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam u għas-sustanzi kimiċi industrijali (li jintużaw minn professjonisti u konsumaturi) u għall-pestiċidi (inklużi l-bijoċidi) li huma pprojbiti jew ristretti severament mil-leġiżlazzjoni tal-UE għal raġunijiet ta’ saħħa jew ambjentali. Dan imur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni peress li japplika għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha u jeħtieġ il-kunsens tal-pajjiż importatur għal ħafna aktar sustanzi kimiċi minn dawk elenkati taħt il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-esportazzjoni japplikaw ukoll għal ċerti taħlitiet li fihom sustanzi kimiċi elenkati.
Skont ir-Regolament PIC, l-esportazzjonijiet huma soġġetti għal rekwiżiti differenti, skont l-elenkar tagħhom fl-Anness I: is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I, il-Parti 1 huma soġġetti għal notifika tal-esportazzjoni lill-pajjiż importatur, filwaqt li s-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I, il-Partijiet 2 u 3, huma soġġetti għal notifika ta’ esportazzjoni u għall-kunsens espliċitu tal-pajjiż importatur, sakemm ma jkunux soġġetti għall-proċedura PIC skont il-Konvenzjoni u esportati lejn Parti li tkun ipprovdiet risposta pożittiva għall-importazzjoni. Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal taħlitiet li jkun fihom sustanzi elenkati fl-Anness I tar-Regolament f’konċentrazzjonijiet li jiskattaw l-obbligi ta’ tikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ (CLP) , u għal ċerti oġġetti.
Ir-Regolament PIC jimponi wkoll obbligi fuq il-Kummissjoni biex tinnotifika lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar l-Azzjoni Regolatorja Finali (FRA) dwar sustanzi kimiċi li huma pprojbiti jew ristretti severament f’kategorija ta’ użu waħda tal-Konvenzjoni (sustanzi kimiċi industrijali jew pestiċidi) u li huma elenkati fl-Anness I, il-Parti 2 tar-Regolament PIC. Dan il-proċess huwa magħruf bħala n-notifika tal-FRA u huwa l-bażi biex is-sustanzi kimiċi jiġu elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni.
Għas-sustanzi kimiċi li huma elenkati fl-Anness I, il-Parti 3 (li jikkorrispondi għall-Anness III tal-Konvenzjoni), il-Kummissjoni, f’isem l-UE u abbażi tas-setgħa fir-Regolament PIC, tfassal deċiżjoni dwar l-importazzjoni li tiddeskrivi jekk is-sustanza kimika tkunx tista’ tiġi importata fl-UE u taħt liema kundizzjonijiet. Din tintbagħat lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.
L-eżerċizzju tar-rapportar
L-Artikolu 22 tar-Regolament PIC jirrikjedi lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament kull 3 snin, u li tikkompila rapport ta’ sinteżi li jinkludi dan li ġej:
·l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 22(1) dwar it-tħaddim tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament, inklużi għal kontrolli doganali, ksur, penali u azzjoni ta’ rimedju;
·l-informazzjoni sottomessa mill-Aġenzija skont l-Artikolu 22(1) dwar it-tħaddim tal-proċeduri tar-Regolament.
Dan it-tielet eżerċizzju ta’ rapportar ikopri l-perjodu 2020-2022. Il-kwestjonarju dwar ir-rapportar online sar disponibbli għall-Istati Membri fit-28 ta’ Marzu 2024 bi skadenza għat-tlestija stabbilita għall-10 ta’ Mejju 2024. Ir-rapporti kollha ġew sottomessi sat-28 ta’ Ġunju 2024. L-Aġenzija ppubblikat ir-rapport tagħha tal-2020-2022 dwar it-tħaddim tal-proċeduri tar-Regolament PIC f’Ottubru 2023.
Ir-rapport attwali huwa s-sommarju tar-rapport ta’ sinteżi, li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament PIC fil-perjodu 2020-2022.
2Governanza tar-Regolament PIC
Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u d-DNAs iqisu li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom fl-implimentazzjoni tar-Regolament PIC tkompli tkun effettiva.
Fil-livell nazzjonali, kull Stat Membru jinnomina DNA biex twettaq il-funzjonijiet amministrattivi previsti fir-Regolament PIC. Bħal fil-perjodu tar-rapportar preċedenti, l-Istati Membri qiesu li l-koordinazzjoni bejn id-DNAs u l-Kummissjoni, u bejn id-DNAs u l-Aġenzija, kienet sodisfaċenti.
Il-Kummissjoni qieset li l-kooperazzjoni mad-DNAs u mal-Aġenzija kienet sodisfaċenti, kemm fir-rigward tal-iskambji regolari matul il-perjodu tar-rapportar kif ukoll tad-diskussjonijiet fil-laqgħat ta’ darbtejn fis-sena dwar tad-DNA dwar il-PIC.
L-Aġenzija rrapportat li kienet kompliet taħdem tajjeb mad-DNAs, li l-koordinazzjoni mal-Kummissjoni kienet ġeneralment sodisfaċenti, u li l-prevedibbiltà u l-ippjanar tax-xogħol kienu tjiebu.
L-iskarsezza ta’ riżorsi tipperikola l-implimentazzjoni effettiva u xxekkel l-attivitajiet tat-titjib u tal-infurzar.
Ir-riżorsi ddedikati għall-implimentazzjoni mill-Kummissjoni u mill-ECHA tar-Regolament PIC baqgħu f’livell simili bħal fil-perjodu tar-rapportar preċedenti.
L-għadd ta’ notifiki ta’ esportazzjoni pproċessati mill-Aġenzija naqas matul il-perjodu. Madankollu, l-ammont ta’ xogħol totali relatat mal-ipproċessar tat-tim tal-PIC tal-Aġenzija baqa’ għoli minħabba żieda f’kompiti oħra ta’ proċessar u dawk relatati, inkluża żieda notevoli fl-għadd ta’ talbiet għal appoġġ tekniku / regolatorju.
Minħabba l-għadd għoli u dejjem jikber ta’ sottomissjonijiet, l-Aġenzija kompliet tinvesti riżorsi umani u finanzjarji fiż-żamma u fit-titjib tal-applikazzjoni tal-ePIC, kif spiss mitlub mid-DNAs, u fil-proċessi u l-modi ta’ ħidma tal-Aġenzija biex timplimenta r-Regolament.
Id-DNAs tal-PIC irrapportaw livelli ta’ riżorsi ddedikati għall-implimentazzjoni tar-Regolament PIC li jvarjaw minn 0,05 sa 3,25 ekwivalenti għall-full time (FTEs, full-time equivalents). L-għadd ta’ Stati Membri li jirrapportaw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tagħhom għandhom biżżejjed riżorsi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament naqas għal 12, minn 15 fil-perjodu preċedenti u 18 fl-ewwel perjodu tar-rapportar. Bl-istess mod, 10 Stati Membri, meta mqabbla ma’ 8 fil-perjodu tar-rapportar preċedenti u 7 fl-ewwel wieħed, iddikjaraw li ma għandhomx biżżejjed riżorsi.
3Aġġornament tal-Annessi I u V tar-Regolament PIC
Aġġornamenti għall-Anness I
L-Artikolu 23 jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrevedi l-lista ta’ sustanzi kimiċi fl-Anness I mill-inqas darba fis-sena abbażi tal-iżviluppi fid-dritt tal-UE – prinċipalment ir-Regolament REACH , il-BPR u l-PPPR – u skont il-Konvenzjoni. L-Annessi tar-Regolament PIC huma emendati permezz ta’ atti delegati adottati mill-Kummissjoni.
Matul il-perjodu tar-rapportar, żdiedu 48 sustanza mal-Anness I, li 44 minnhom ġew inklużi fl-Anness I, il-Partijiet 1 u 2. Minn dawn, ġew inklużi 35 sustanza minħabba li kienu ġew ipprojbiti taħt il-PPPR, 1 minħabba li ma ġietx approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali taħt il-BPR, 6 minħabba restrizzjoni skont ir-REACH (3 għall-użu pubbliku, 3 għall-użu professjonali), u 2 minħabba restrizzjoni skont ir-Regolament dwar il-POPs. 4 sustanzi żdiedu mal-Anness I, il-Parti 3 wara l-inklużjoni tagħhom fl-Anness III tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE, elenkati fl-Anness I tar-Regolament PIC, ġew aġġornati.
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, il-Kummissjoni trid tinnotifika lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni bil-miktub dwar is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I, il-Parti 2 li jikkwalifikaw għal notifika tal-PIC. Matul il-perjodu tar-rapportar, ġew sottomessi 31 notifika tal-FRA lis-Segretarjat.
Aġġornamenti għall-Anness V
L-emendi għall-Anness V, il-Parti 1 tar-Regolament PIC (sustanzi kimiċi soġġetti għal projbizzjoni tal-esportazzjoni) huma skattati mill-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tar-Regolament dwar il-POPs. Matul il-perjodu tar-rapportar, żdiedu ħames sustanzi mal-Anness V, il-Parti 1.
Fl-Anness V, il-Parti 2 tar-Regolament PIC telenka sustanzi kimiċi għajr POPs li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-esportazzjoni. Matul il-perjodu tar-rapportar, ċerti taħlitiet li fihom il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju u ċerti prodotti miżjudin bil-merkurju żdiedu mal-Parti 2.
4Applikazzjoni tar-Regolament PIC
Is-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-esportaturi u l-importaturi mid-DNAs u mill-Aġenzija komplew jitjiebu, u b’hekk issaħħet il-konformità.
24 Stat Membru rrapportaw li wettqu miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni, b’mod partikolari billi pprovdew informazzjoni online. Kważi l-Istati Membri kollha li wettqu tali miżuri qiesu li dan kien wassal għal konformità aħjar mill-esportaturi u l-importaturi.
L-Aġenzija kompliet tipprovdi informazzjoni u appoġġ lill-esportaturi u lill-importaturi permezz tas-sit web tagħha, l-aħbarijiet elettroniċi ta’ kull ġimgħa, il-bullettin, il-media soċjali, il-messaġġi interni fl-e-PIC, u l-helpdesk. Hija tejbet ukoll l-faċilità ta’ użu tal-paġni tal-ePIC .
Attivitajiet oħra tal-Aġenzija kienu jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-esportaturi, it-tmexxija ta’ diversi avvenimenti ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u l-pubblikazzjoni ta’gwida dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u dwar il-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq biex il-kumpaniji jiġu infurmati dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament PIC wara l-Brexit.
Iż-żieda fl-għadd ta’ notifiki ta’ esportazzjoni trattati mid-DNAs u mill-ECHA laħqet livell stabbli, u l-għadd ta’ notifiki pproċessati mill-Istati Membri għadu jvarja b’mod sinifikanti.
In-notifiki ta’ esportazzjoni huma l-istrument li permezz tagħhom il-pajjiżi jiskambjaw l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi li huma pprojbiti jew ristretti b’mod sever. L-esportaturi bbażati fl-UE li għandhom l-intenzjoni li jesportaw sustanza kimika elenkata fl-Anness I, il-Parti 1 tar-Regolament iridu jissottomettu notifika ta’ esportazzjoni lid-DNA tagħhom. Ladarba d-DNA tkun ivverifikat u aċċettat in-notifika, din tintbagħat lill-Aġenzija, li tivverifikaha wkoll u tibgħatha lid-DNA tal-pajjiż importatur. Jekk ma tirċievi l-ebda rikonoxximent tal-irċevuta, l-Aġenzija terġa’ tibgħat in-notifika.
Il-proċedura sħiħa titwettaq permezz tal-ePIC, u l-esportaturi jridu jużaw il-mudell tan-notifika pprovdut. Għal ċerti esportazzjonijiet li jiġu eżentati mir-Regolament jew mir-rekwiżit tan-notifiki ta’ esportazzjoni, l-esportaturi jridu jitolbu RIN speċjali mid-DNA tagħhom u jużawh fid-dikjarazzjoni doganali sabiex jiffaċilitaw l-iżdoganar tal-merkanzija.
L-għadd ta’ notifiki ta’ esportazzjoni u talbiet għal RIN speċjali żdied b’mod stabbli mill-2014 sal-2019 iżda wera sinjali li laħaq livell stabbli matul il-perjodu tar-rapportar attwali (
Figure 1
).
Illustrazzjoni 1. Għadd totali ta’ a) notifiki ta’ esportazzjoni aċċettati u mibgħuta lill-Aġenzija mid-DNAs, u b) talbiet għal RIN speċjali aċċettati mid-DNAs għal kull sena
Bħal fil-passat, l-għadd ta’ notifiki ta’ esportazzjoni proċessati varja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri (
Figure 2
).
Illustrazzjoni 2. Għadd totali ta’ notifiki ta’ esportazzjoni aċċettati u mibgħuta lill-Aġenżija mid-DNAs matul il-perjodu tar-rapportar
21 Stat Membru pproċessaw aktar notifiki ta’ esportazzjoni matul dan il-perjodu tar-rapportar milli f’dak preċedenti. L-għadd ta’ notifiki proċessati żdied l-aktar fil-Belġju (+ 1 660), segwit min-Netherlands (+ 901), il-Ġermanja (+ 768) u Spanja (+ 726).
L-għadd ta’ talbiet għal RIN speċjali pproċessati mill-Istati Membri varja ħafna. Il-Ġermanja, il-Belġju u Franza komplew jaċċettaw l-ogħla numru ta’ talbiet.
L-għadd ta’ formoli ta’ notifika ta’ esportazzjoni li jeħtieġ li jiġu sottomessi mill-ġdid minħabba mili żbaljat naqas iżda għadu għoli.
Matul il-perjodu tar-rapportar, l-Istati Membri talbu s-sottomissjoni mill-ġdid ta’ 3 010 notifika ta’ esportazzjoni, meta mqabbla ma’ 5 889 fil-perjodu preċedenti u 2 904 fil-perjodu ta’ qabel dak. Ir-raġunijiet ewlenin kienu n-nuqqas li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u l-kwistjonijiet bl-SDS mehmuża man-notifika ta’ esportazzjoni.
L-Aġenzija talbet is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ 1 760 notifika ta’ esportazzjoni matul il-perjodu tar-rapportar, li jirrappreżenta tnaqqis mill-2 758 f’dak preċedenti. Ix-xejra hija simili għas-sottomissjonijiet mill-ġdid mitluba mid-DNAs.
L-Istati Membri rrifjutaw 738 notifika ta’ esportazzjoni matul il-perjodu tar-rapportar, żieda mill-544 f’dak preċedenti. Id-DNAs jirrapportaw li d-diffikultajiet ewlenin li jiltaqgħu magħhom l-esportaturi kienu d-disponibbiltà tal-kodiċijiet NM jew CUS u l-informazzjoni marbuta direttament mal-esportazzjonijiet (bħad-dettalji ta’ kuntatt tal-importatur), fejn kien hemm ftit titjib jew l-ebda titjib, u l-użu maħsub tas-sustanza kimika fil-pajjiż importatur, fejn kien hemm titjib sinifikanti.
Kien hemm ukoll titjib konsiderevoli fid-diffikultajiet irrapportati marbuta mas-sommarju u r-raġunijiet għall-azzjoni regolatorja finali, id-data tad-dħul fis-seħħ u l-informazzjoni dwar l-azzjoni regolatorja finali meħuda mill-UE.
L-għadd ta’ notifiki ta’ esportazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE żdied.
L-Artikolu 9 jeħtieġ li l-Aġenzija ddaħħal in-notifiki tal-esportazzjoni li tirċievi minn pajjiżi mhux tal-UE fil-bażi tad-data tagħha, tirrikonoxxi l-irċevuta tan-notifika lid-DNA tal-pajjiż esportatur u tipprovdi kopja lid-DNA tal-Istat jew Stati Membri li jirċievu l-importazzjoni.
L-Aġenzija rċeviet 1 863 notifika minn pajjiżi mhux tal-UE fil-perjodu tar-rapportar attwali, li jirrappreżenta żieda mill-1 371 fil-perjodu preċedenti. Wara tnaqqis fl-2020, l-għadd ta’ notifiki żdied b’aktar mid-doppju sal-2022.
Rapportar mid-DANs dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tas-sustanzi kimiċi sar aktar effettiv iżda xorta jista’ jittejjeb.
L-Artikolu 10 jirrikjedi li l-esportaturi u l-importaturi tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I tar-Regolament jinfurmaw lid-DNA bil-kwantitajiet li esportaw lejn jew importaw minn pajjiżi mhux tal-UE matul is-sena preċedenti. L-esportaturi jridu jipprovdu wkoll lid-DNA bl-ismijiet u bl-indirizzi ta’ kull importatur. Mill-banda l-oħra, id-DNAs iridu jipprovdu din l-informazzjoni lill-Aġenzija kull sena, li tiġbor flimkien id-data fil-livell tal-UE u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku .
L-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija u mid-DNAs issuġġeriet li l-proċess ta’ rapportar skont l-Artikolu 10 ħadem mingħajr xkiel. 7 Stati Membri rrapportaw sottomissjoni tardiva tal-informazzjoni mill-esportaturi u 9 (meta mqabbla mal-5 fil-perjodu tar-rapportar preċedenti) mill-importaturi. Kien hemm aktar żbalji fil-kwantitajiet irrapportati, ukoll minħabba li l-Aġenzija tejbet il-funzjonalità tar-rapportar fl-ePIC billi inkludiet twissijiet ta’ kwantitajiet potenzjalment żbaljati. Hija ħejjiet ukoll lista ta’ kontroll għad-DNAs biex tgħinhom jivverifikaw ir-rapporti tal-industrija u jfasslu rapporti nazzjonali aggregati dwar il-kwantità ta’ sustanzi kimiċi esportati u importati. Madankollu, għall-kuntrarju taż-żewġ perjodi ta’ rapportar preċedenti, l-Aġenzija nnotat dewmien fis-sottomissjoni tar-rapporti minn xi DNAs.
L-UE adottat deċiżjonijiet dwar l-importazzjoni għal ħames sustanzi elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam.
Skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni, il-Partijiet huma mitluba jadottaw deċiżjoni dwar l-importazzjoni għal kull sustanza kimika ġdida elenkata fl-Anness III u jissottomettuha lis-Segretarjat. Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament PIC, id-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-importazzjoni jiġu adottati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni sottomess lill-Kumitat REACH għal opinjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva.
Matul il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni waħda, li pprovdiet deċiżjonijiet ġodda dwar l-importazzjoni għal żewġ sustanzi u emendat id-deċiżjonijiet dwar tliet sustanzi oħra.
Ir-rata ta’ rispons tal-pajjiżi mhux tal-UE għal talbiet espliċiti ta’ kunsens tibqa’ baxxa iżda qed tiżdied, u s-sistemi mtejba u l-koordinazzjoni tajba bejn l-Aġenzija u d-DNAs kellhom effett pożittiv.
L-Artikolu 14 jirrikjedi l-kunsens espliċitu tal-pajjiż importatur qabel ma s-sustanzi kimiċi elenkati fil-Anness I, il-Partijiet 2 jew 3, jkunu jistgħu jiġu esportati. Madankollu, id-DNA tal-esportatur tista’ tiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ u f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li tirrinunzja dan ir-rekwiżit meta sustanza kimika elenkata fil-Parti 2 tiġi esportata lejn pajjiż tal-OECD jew meta l-pajjiż importatur ma jkunx wieġeb wara 60 jum, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.
Matul il-perjodu tar-rapportar attwali, 19-il Stat Membru ttrattaw talbiet għal kunsens espliċitu, u pproċessaw total ta’ 7 233 talba, li tirrappreżenta żieda mill-5 058 fil-perjodu preċedenti u 3 362 fil-perjodu ta’ qabel dak. L-għadd ta’ talbiet ipproċessati kien ogħla milli fil-perjodu preċedenti fi 13-il Stat Membru (
Figure 3
).
Illustrazzjoni 3. L-għadd ta’ talbiet għal kunsens espliċitu pproċessati mill-Istati Membri matul il-perjodu attwali meta mqabbel mal-perjodu preċedenti għal dawk li esperjenzaw l-akbar bidla (% tal-bidla muri fil-parenteżi).
10 Stati Membri rrapportaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ kunsens espliċitu, 3 aktar milli fil-perjodu tar-rapportar preċedenti. Il-komunikazzjoni mad-DNAs tal-pajjiżi importaturi kompliet tkun l-isfida ewlenija. Mis-7 233 talba għal kunsens espliċitu, 58 % irċevew risposta, ftit aktar minn 54 % fil-perjodu preċedenti.
Bħal fil-passat, l-Aġenzija qieset li dan il-proċess qed jaħdem mingħajr xkiel u li l-kollaborazzjoni hija effettiva. Skont il-feedback mid-DNAs, id-determinazzjoni tal-perjodu ta’ validità u xi restrizzjonijiet speċifiċi (jiġifieri l-ispeċifiċità tar-RIN, l-ispeċifiċità tal-esportatur) huma l-aktar kwistjonijiet diffiċli ffaċċjati meta jiġu interpretati r-risposti.
11-il Stat Membru, meta mqabbla mat-8 fil-perjodu preċedenti u s-6 fil-perjodu ta’ qabel dak, kellhom jiddeċiedu jekk kienx meħtieġ kunsens espliċitu għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I, il-Parti 2 għall-pajjiżi tal-OECD. L-ebda Stat Membru ma rrapporta diffikultajiet fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni.
15-il Stat Membru, żieda mit-13 fil-perjodu preċedenti u l-11 fil-perjodu qabel dak, irċevew talbiet għal rinunzja skont l-Artikolu 14(7). L-għadd ta’ talbiet għal rinunzja żdied minn 571 fil-perjodu preċedenti għal 1 328 fil-perjodu attwali. Stat Membru wieħed biss irrapporta diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ rinunzja.
Il-Kummissjoni qieset li l-proċedura ta’ rinunzja taħdem mingħajr xkiel b’mod ġenerali u vvalutat il-kollaborazzjoni mad-DNAs bħala waħda pożittiva. L-Aġenzija qieset ukoll li l-proċess qed jaħdem bla xkiel b’mod ġenerali u li ċerti ineffiċjenzi rrapportati f’perjodi preċedenti ġew indirizzati.
10 Stati Membri rrapportaw każijiet fejn l-esportazzjonijiet ingħataw permess biex jipproċedu sakemm tingħata r-risposta għal talba għal kunsens espliċitu skont l-Artikolu 14(8). L-għadd totali ta’ każijiet kien ta’ 181 meta mqabbel mal-569 fil-perjodu tar-rapportar preċedenti. L-Aġenzija ma rrapportat l-ebda diffikultà, li kien titjib sinifikanti mill-perjodu preċedenti. Dan kien prinċipalment minħabba titjib fil-funzjonalità tal-ePIC.
Kien hemm inqas każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-sustanzi kimiċi esportati.
L-Artikolu 17 jiddikjara li s-sustanzi kimiċi esportati jridu jiġu mballati u ttikkettati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE, sakemm il-pajjiż importatur ma jirrikjedix mod ieħor. SDS konformi mal-Anness II tar-Regolament REACH irid jintbagħat lil kull importatur flimkien mas-sustanza kimika esportata.
Tliet Stati Membri biss irrapportaw kwistjonijiet ta’ konformità, meta mqabbla mas-sitta fil-perjodu preċedenti, fir-rigward tal-informazzjoni li trid takkumpanja s-sustanzi kimiċi esportati.
L-Istati Membri kollha għandhom sistemi ta’ kontroll u ta’ infurzar, iżda inqas Stati Membri jirrapportaw li għandhom strateġija ta’ infurzar.
L-Istati Membri kollha ħatru awtoritajiet bir-responsabbiltà għall-infurzar tar-Regolament fir-rigward tal-kontroll tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I f’konformità mal-Artikolu 18. Fl-Istati Membri kollha ħlief wieħed dan jinvolvi l-amministrazzjonijiet doganali, u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huwa involut ukoll l-ispettorat tal-ambjent/tas-saħħa.
12-il Stat Membru għandhom strateġija ta’ infurzar, li jirrappreżenta tnaqqis mis-16 fil-perjodu preċedenti. F’xi Stati Membri dan kien minħabba li l-infurzar kien diġà fis-seħħ u ma kien meħtieġ l-ebda żvilupp ulterjuri. 12-il Stat Membru jipprovdu taħriġ regolari għall-ispetturi u xi wħud jinkludu r-Regolament PIC bħala suġġett okkażjonali fit-taħriġ ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni dwar sustanzi kimiċi. B’mod ġenerali, it-taħriġ regolari naqas u għall-ewwel darba, ftit Stati Membri indikaw li ma sar l-ebda taħriġ minħabba nuqqas ta’ riżorsi jew restrizzjonijiet finanzjarji.
17-il Stat Membru rrapportaw li wettqu kontrolli fuq l-esportazzjonijiet u 12 fuq l-importazzjonijiet matul il-perjodu. Bħal fil-passat, instabu ftit każijiet ta’ ksur. Il-feedback tad-DNA dwar l-attivitajiet tal-Forum kien fil-biċċa l-kbira pożittiv.
L-għadd ta’ Stati Membri li jindikaw li l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom biżżejjed riżorsi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament naqas minn 15 fil-perjodu preċedenti għal 12 fil-perjodu attwali. 10 Stati Membri, meta mqabbla mat-8 fil-perjodu preċedenti, iddikjaraw li ma kellhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji u/jew umani.
Filwaqt li l-attivitajiet ta’ infurzar żdiedu f’xi Stati Membri, inqas każijiet ta’ ksur wasslu għal penali.
It-tipi ta’ attività ta’ infurzar imwettqa kienu fil-biċċa l-kbira l-istess bħal fil-perjodu preċedenti (
Figure 4
). Madankollu, saru verifiki ta’ dokumenti minn 4 Stati Membri oħra (80 %) u spezzjonijiet proattivi/ta’ rutina minn 3 Stati Membri oħra. Aktar minn nofs wettqu investigazzjonijiet jew spezzjonijiet reattivi jew proattivi, u ftit inqas minn nofs irrapportaw li jwettqu spezzjonijiet jew verifiki fuq il-post.
Illustrazzjoni 4. Attivitajiet ta’ infurzar li twettqu fl-Istati Membri
Matul il-perjodu tar-rapportar, twettqu total ta’ 93 691 kontroll fuq l-esportazzjonijiet, li tirrappreżenta żieda mid-9 132 fil-perjodu preċedenti u s-6 474 fil-perjodu ta’ qabel dak. Din iż-żieda sinifikanti hija dovuta l-aktar għall-ispezzjonijiet ta’ simulazzjoni mwettqa mill-Bulgarija (40 425) u kontrolli mhux speċifikati minn Spanja (42 168) (
Table 1
). Fir-rigward tal-importazzjonijiet, saru 60 421 kontroll, li tirrappreżenta żieda mill-1 463 fil-perjodu preċedenti u mill-1 941 fil-perjodu ta’ qabel dak. Din iż-żieda kbira hija dovuta l-aktar għall-kontrolli minn Spanja (58 177). Il-kontrolli doganali jkomplu jammontaw għall-maġġoranza tal-kontrolli.
Tabella 1. Għadd totali ta’ kontrolli uffiċjali fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet li jinvolvu verifiki skont ir-Regolament PIC matul il-perjodu tar-rapportar (il-perjodu preċedenti fil-parenteżi)
|
|
Kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet doganali
|
Kontrolli mwettqa mill-ispetturi
|
Kontrolli mwettqa minn entitajiet oħra
|
|
Kontrolli uffiċjali fuq l-esportazzjonijiet
|
93 308 (8 599)
|
383 (526)
|
0 (7)
|
|
Kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjonijiet
|
59 299 (237)
|
1 082 (1 193)
|
40 (33)
|
Seba’ Stati Membri, meta mqabbla mal-ħamsa fil-perjodu preċedenti u t-tlieta fl-ewwel perjodu tar-rapportar, irrapportaw li kienu identifikaw ksur permezz ta’ kontrolli doganali, iżda l-proporzjon tal-ksur kien baxx ħafna (madwar 0,3 %) . Bħal fil-perjodu tar-rapportar preċedenti, 6 Stati Membri (meta mqabbla mad-9 fl-ewwel perjodu tar-rapportar) sabu każijiet ta’ ksur permezz ta’ kontrolli mwettqa mill-ispetturi. Il-proporzjon ta’ każijiet ta’ ksur huwa ogħla milli għall-kontrolli doganali (madwar 5,4 % 12).
Il-kategorija ewlenija tal-każijiet ta’ ksur li nstabu mill-amministrazzjonijiet doganali kienet relatata mal-fatt li l-Kaxxa 44 tad-dokument amministrattiv uniku ma kinitx imtliet kif suppost (60 każ ta’ ksur) u man-nuqqas ta’ RIN (46 każ ta’ ksur). Il-kategorija ewlenija ta’ każijiet ta’ ksur li nstabu mill-ispetturi kienet tikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar l-Iskeda tad-Data tas-Sikurezza (35 każ ta’ ksur) u n-nuqqas ta’ notifika ta’ esportazzjoni għas-sustanza kimika (20 każ ta’ ksur).
13-il każ ta’ ksur fi 3 Stati Membri wasslu għal penali matul dan il-perjodu tar-rapportar, meta mqabbla ma’ 29 każ ta’ ksur fi 3 Stati Membri fil-perjodu preċedenti u 13-il każ ta’ ksur f’4 Stati Membri fl-ewwel perjodu.
L-assistenza teknika mill-Aġenzija kompliet tkun milqugħa.
L-Aġenzija kienet involuta f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni, inklużi tliet workshops reġjonali biex tittejjeb il-kapaċità tal-partijiet firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, żewġ webinars u workshop organizzat mill-Konvenzjoni biex jiġu appoġġati reġjuni differenti. L-Aġenzija pprovdiet ukoll appoġġ lill-pajjiżi kandidati, bl-għan li żżid il-kapaċità tagħhom ta’ ġestjoni tal-kimiċi, permezz tal-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. L-ebda Stat Membru ma pparteċipa f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni matul dan il-perjodu tar-rapportar.
L-utenti tal-ePIC ġeneralment sabu li l-għodda tal-IT kienet aktar faċli għall-utent u utli għall-ħidma tagħhom.
L-Aġenzija żviluppat u żżomm l-ePIC, l-għodda tal-IT użata mill-awtoritajiet rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar u l-amministrazzjonijiet doganali, kif ukoll mill-esportaturi u l-importaturi. L-għadd ta’ utenti tal-ePIC mill-industrija rdoppja mill-perjodu preċedenti, u jirrappreżenta 91 % tal-utenti.
Il-karatteristiċi ġodda miżjuda mal-ePIC matul il-perjodu wasslu għal tnaqqis fil-ħinijiet tal-ipproċessar, proċessi aktar effiċjenti u titjib fit-traċċabilità u l-konsistenza tal-każijiet u fl-affidabilità tad-data. Id-DNAs ġeneralment ikklassifikaw l-ePIC bħala faċli għall-utent u utli fit-twettiq tal-kompiti ewlenin tagħhom u raw titjib mill-perjodu preċedenti (
Figure 5
).
Illustrazzjoni 5. Is-sistema tal-ePIC hija faċli biex tintuża għad-DNAs?
Kemm id-DNAs kif ukoll l-Aġenzija rrapportaw feedback prinċipalment pożittiv dwar l-ePIC mill-industrija. L-istudju tal-faċilità ta’ użu li tnieda mill-Aġenzija fi tmiem l-2022 kien ipproduċa għadd ta’ proposti għal titjib, li wħud minnhom kienu ngħataw prijorità għall-implimentazzjoni, b’aktar ippjanati għal stadju aktar tard.
L-informazzjoni u d-data dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament PIC saru aktar aċċessibbli.
Pjattaforma mtejba ta’ disseminazzjoni tal-PIC bdiet topera f’Novembru 2022 biex tiżgura d-disseminazzjoni effiċjenti tad-data tal-PIC u integrazzjoni aħjar mal-pjattaforma ta’ disseminazzjoni bejn ir-regolamenti tal-Aġenzija. F’Diċembru 2022 żdiedet informazzjoni dwar ir-risposta tal-UE għall-importazzjonijiet skont il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam .
L-Aġenzija ppubblikat tliet rapporti dwar il-kummerċ għall-2019, l-2020 u l-2021 skont l-Artikolu 10, żewġ rapporti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni li jkopru l-2018-2019 u l-2020-2021 skont l-Artikolu 20 , u rapport dwar l-operazzjoni tar-Regolament li jkopri l-2020-2022 skont l-Artikolu 22 .
5Konklużjonijiet
Ir-Regolament PIC jittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fid-dritt tal-UE. Madankollu, ir-Regolament PIC imur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni sabiex joffri livell ogħla ta’ protezzjoni, b’mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi b’ekonomiji fi tranżizzjoni.
Dan ir-rapport juri li l-proċeduri stabbiliti mir-Regolament PIC u l-implimentazzjoni tagħhom jaħdmu mingħajr xkiel, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi bejn id-DNAs, l-ECHA u l-Kummissjoni kemm dwar il-kompiti interni tal-UE kif ukoll dwar il-ħidma internazzjonali. Dan kien fundamentali għall-kisba tal-objettivi tar-Regolament.
Il-proċedura ta’ notifika ta’ esportazzjoni tiżgura li l-pajjiżi importaturi jirċievu informazzjoni importanti dwar s-sustanzi kimiċi u l-esportazzjonijiet tagħhom. Hemm aktar minn 10 000 notifika ta’ esportazzjoni fis-sena, li juri b’mod ċar l-iskala ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni. Dan joħloq ammont kbir ta’ xogħol għall-Aġenzija u għad-DNAs li jistgħu jiġu ttrattati biss b’riżorsi xierqa ta’ persunal. Il-prestazzjoni tal-applikazzjoni tal-IT “ePIC”, li ġiet żviluppata u li hija miżmuma mill-Aġenzija, għandha rwol importanti f’dan ir-rigward.
L-użu tal-proċedura ta’ kunsens espliċitu bħala proċedura standard għall-esportazzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi, li jmur lil hinn mill-Konvenzjoni, fisser li 7 233 talba għal kunsens espliċitu ntbagħtu lill-pajjiżi importaturi fil-perjodu tar-rapportar. Dan in-numru għoli ta’ talbiet ħoloq diffikultajiet għal ħafna pajjiżi importaturi, b’42 % tat-talbiet jibqgħu mhux imwieġba.
L-esportaturi ta’ sustanzi kimiċi soġġetti għar-Regolament PIC ġeneralment kienu konxji mill-obbligi tagħhom u setgħu jissodisfawhom. Id-DNAs u l-Aġenzija pprovdew l-assistenza meħtieġa, u dan għen biex l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur jinżamm baxx. Għalkemm l-awtoritajiet doganali wettqu għadd kbir ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet (93 308) u l-importazzjonijiet (59 299), ir-rata ta’ każijiet ta’ ksur kienet baxxa ħafna b’madwar 0,3 %. Ir-rata kienet kemxejn ogħla, madwar 5,4 %, għall-kontrolli mwettqa mill-ispetturi.
B’mod ġenerali, filwaqt li l-Istati Membri setgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom, huma xi drabi batew biex ilaħħqu mal-għadd għoli ta’ notifiki ta’ esportazzjoni fi tmiem kull sena u biex jissodisfaw l-iskadenzi. Il-ħidma tal-Aġenzija kienet għalkollox konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament PIC u essenzjali għall-funzjonament bla xkliel tal-proċeduri. Il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligi tagħha skont ir-Regolament PIC, billi adottat żewġ regolamenti delegati li żiedu 48 sustanza kimika mal-Anness I u deċiżjoni ta’ implimentazzjoni waħda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-importazzjoni tal-UE matul il-perjodu tar-rapportar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkoordinat il-kontribuzzjoni tal-UE għall-ħidma internazzjonali u rrappreżentat lill-UE fil-Konvenzjoni.