|
7.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/62 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 612/2014
tal-11 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 fir-rigward ta' miżuri ġodda skont il-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari il-punti (b), (c), (e), (f) u (h) tal-Artikolu 53 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 irrevoka u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2) u jinkludi, fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tal-Parti II tat-Titolu I, ir-regoli dwar il-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid. Filwaqt li l-parti l-kbira tar-regoli stabbiliti f'dik it-Taqsima jiżguraw il-kontinwazzjoni tar-regoli applikabbli għall-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, ġew stabbiliti wkoll ċerti regoli ġodda. Dawk ir-regoli ġodda jintroduċu tliet elementi ġodda, jiġifieri, il-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri bħala miżura sekondarja parallella mal-promozzjoni li diġà teżisti dwar l-inbid fis-swieq ta' pajjiżi terzi, miżura ta' innovazzjoni fis-settur tal-inbid, kif ukoll estensjoni tal-miżura dwar ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji biex tkopri t-tħawwil mill-ġdid tal-vinji wara l-qlugħ obbligatorju tad-dwieli għal raġunijiet ta' saħħa jew fitosanitarji. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kontenut ta' dawk l-elementi ġodda. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (3) jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tal-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għas-supplimentazzjoni tar-regoli l-ġodda stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet xierqa fir-Regolament (KE) Nru 555/2008. |
|
(3) |
L-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-appoġġ speċifiku għall-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji ta' eliġibbiltà skont din il-miżura sekondarja sabiex tkun tista' tiġi inkluża fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ. Dawn il-kriterji għandhom ikunu konsistenti ma' miżuri simili fi skemi oħra, u b'mod partikolari dawk dwar l-informazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (4). |
|
(4) |
Sabiex jiżguraw li l-implikazzjoni tas-settur tal-inbid ikollha l-istruttura u l-kompetenzi meħtieġa, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li korp pubbliku ma jistax ikun l-uniku benefiċjarju tal-miżura sekondarja għall-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri. |
|
(5) |
Il-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri għandha tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jkun speċifikat li l-informazzjoni mgħoddija permezz tal-miżura sekondarja għall-promozzjoni tal-inbid ma tistax tkun orjentata favur xi marki kummerċjali u lanqas tħajjar il-konsum ta' xi nbejjed speċifiċi. |
|
(6) |
Sabiex jiġu informati u protetti l-konsumaturi, għandu jkun speċifikat li kull informazzjoni għall-konsumaturi fir-rigward tal-impatt fuq is-saħħa ta' prodott promoss fl-Istati Membri jeħtieġ li jkollha bażi xjentifika rikonoxxuta u jeħtieġ li tiġi aċċettata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għas-saħħa pubblika fl-Istat Membru fejn iseħħu l-operazzjonijiet. |
|
(7) |
Għandu wkoll jiġi stabbilit it-tul ta' żmien tal-operazzjonijiet imwettqa fl-Istati Membri u dan għandu jkun konformi mat-tul ta' żmien tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni iffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008. |
|
(8) |
Filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-miżura għall-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri u fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-promozzjoni tal-inbid f'pajjiżi terzi skont il-programmi nazzjonali ta' appoġġ u fid-dawl tal-iskema tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti agrikoli fis-suq intern, għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż ġenerali li jkunu saru mill-benefiċjarju fit-twettiq ta' dawn il-miżuri. |
|
(9) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet appoġġjati skont il-miżura sekondarja għall-promozzjoni tal-inbid fl-Istati Membri u meta jitqies it-tul ta' dawk l-operazzjonijiet, għandu jkun possibbli li l-ħlasijiet isiru qabel l-esekuzzjoni tal-operazzjoni sħiħa jew ta' parti minnha, bil-kundizzjoni li tkun depożitata garanzija biex ikun żgurat li l-operazzjoni tkun esegwita. |
|
(10) |
Sabiex jiġi evitat finanzjament doppju ta' operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 u l-miżuri ta' promozzjoni ffinanzjati skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istati Membri għandhom jintroduċu kriterji ta' demarkazzjoni ċari fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ. |
|
(11) |
Il-punt (c) tal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-estensjoni ta' miżura ta' sostenn marbuta mar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji mat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji wara l-qlugħ mill-għeruq obbligatorju għal raġunijiet ta' saħħa jew fitosanitarji. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jippermettu l-inklużjoni ta' attività bħal din fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ u li jiġi stabbilit limitu għall-infiq. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' leġiżlazzjoni fitosanitarja tal-Unjoni, l-appoġġ għandu jkun possibbli biss meta miżuri bħal dawn ikunu konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (6). Barra minn hekk, in-nefqa għat-tħawwil mill-ġdid ta' vinji għandha tkun limitata għal 15 % tan-nefqa totali annwali f'kull Stat Membru sabiex ikun żgurat li l-parti l-kbira tal-fondi li jintefqu fuq il-miżura ta' ristrutturar u konverżjoni jintużaw biex tittejjeb il-kompetittività tal-produtturi tal-inbid. |
|
(12) |
Sabiex jiġi evitat finanzjament doppju ta' operazzjonijiet ta' tħawwil mill-ġdid ta' vinji għal raġunijiet ta' saħħa jew fitosanitarji eliġibbli skont l-Artikolu 46(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 l-operazzjoni sostnuta skont l-Artikolu 22, 23 u 24 tad-Direttiva 2000/29/KE u skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 l-Istati Membri għandhom jintroduċu kriterji ta' demarkazzjoni ċari fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ. |
|
(13) |
L-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistiplula l-miżura speċifika ta' appoġġ għall-innovazzjoni fis-settur tal-inbid sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda rigward il-prodotti li hemm referenza għalihom fil-Parti II tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament u sabiex tiżdied il-kummerċjabbiltà u l-kompetittività tal-prodotti tad-dwieli tal-Unjoni. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw l-operazzjonijiet eliġibbli skont il-miżura l-ġdida sabiex din tkun tista' tiġi inkluża fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ. |
|
(14) |
Sabiex ikunu żgurati l-kwalità tal-proġetti ppreżentati u t-trasferiment tal-għarfien mir-riċerka fis-settur tal-inbid, iċ-ċentri ta' riċerka u l-iżvilupp għandhom jipparteċipaw fil-proġett appoġġjat mill-benefiċjarji tal-miżura tal-innovazzjoni. |
|
(15) |
Għandhom jiġu stabbiliti t-tipi ta' investimenti eliġibbli skont il-miżura tal-innovazzjoni. Għandu jiġi speċifikat b'mod partikolari li investimenti sempliċi ta' sostituzzjoni ma għandhomx ikunu spejjeż eliġibbli biex ikun żgurat li l-għan tal-miżura, jiġifieri l-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda, jintlaħaq minn dan l-appoġġ. |
|
(16) |
Sabiex jiġi evitat finanzjament doppju ta' operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Artikoli 36, 61, 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-Istati Membri għandhom jintroduċu kriterji ta' demarkazzjoni ċari fil-programmi nazzjonali ta' appoġġ. |
|
(17) |
Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fit-Titolu II, il-Kapitolu II huwa emendat kif ġej:
|
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika). (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta' programmi ta' appoġġ, kummerċ ma' pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid (ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta' Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008 p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).