European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2589

3.10.2024

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2024–2029)

ARTIKOLU 1

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) billi jispeċifika, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”) għaż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Guinea-Bissau”) u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

Il-Protokoll għandu jiġi interpretat u applikat fil-kuntest tal-Ftehim u b’mod konsistenti miegħu.

ARTIKOLU 2

Relazzjoni bejn il-Protokoll u ftehimiet u strumenti legali oħra

Il-Protokoll għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità:

(a)

mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, United Nations Convention on the Law of the Sea) tal-1982;

(b)

mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) jew ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd rilevanti oħra, bħall-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF, Fishery Committee for the Eastern Central Atlantic);

(c)

mal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħażniet ta’ Ħut tal-1995;

(d)

mal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-1995 (FAO, Food and Agriculture Organization of the United Nations);

(e)

mal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-2009 (FAO);

(f)

mal-pubblikazzjoni tal-2015 tal-FAO Voluntary Guidelines for Securing Sustainable Small-Scale Fisheries in the Context of Food Security and Poverty Eradication (Linji Gwida Volontarji biex jiġi Żgurat is-Sajd Sostenibbli fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Qerda tal-Faqar);

u b’mod konsistenti magħhom.

ARTIKOLU 3

Prinċipji

1.   F’konformità mal-prinċipju tat-trasparenza, il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippubblikaw u jiskambjaw informazzjoni dwar kwalunkwe ftehim li jippermetti lill-bastimenti barranin jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u dwar l-isforz tas-sajd li jirriżulta, b’mod partikolari l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet li jkunu nħarġu u l-qabdiet li jkunu saru.

2.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Il-Guinea-Bissau għandha tintrabat li ma tagħtix kundizzjonijiet tekniċi iktar favorevoli minn dawk li jinsabu f’dan il-Protokoll lil flotot barranin oħra li joperaw fiż-żona tas-sajd tagħha u li jkollhom l-istess karatteristiċi u jistadu għall-istess speċijiet. Il-kundizzjonijiet inkwistjoni huma relatati mal-konservazzjoni, mal-isfruttament sostenibbli, mal-iżvilupp u l-ġestjoni tar-riżorsi, u mal-imposti u d-drittijiet relatati mal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd li joperaw fiż-żona tas-sajd tagħha.

3.   Fir-rigward tal-istokkijiet ta’ ħut transżonali jew l-istokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna, il-Partijiet għandhom iqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet xjentifiċi mwettqa fil-livell nazzjonali u reġjonali kif ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati fil-livell nazzjonali u mill-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd, biex jiddeterminaw ir-riżorsi aċċessibbli.

4.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jiżguraw li dan il-Protokoll jiġi implimentat f’konformità mal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Samoa”), dwar l-elementi essenzjali marbutin mad-drittijiet tal-bniedem, mal-prinċipji demokratiċi u mal-istat tad-dritt, u dwar l-element fundamentali marbut mal-governanza tajba, mal-iżvilupp sostenibbli u mal-ġestjoni ambjentali sostenibbli u soda.

5.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tas-sajjieda imbarkati fuq il-bastimenti tal-Unjoni ma jridux ikunu f’kunflitt mal-istrumenti applikabbli għas-sajjieda tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-xogħol (ILO, International Labour Organisation) u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol (1998), kif emendata fl-2022, u l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO dwar ix-Xogħol fis-Sajd. Dan jinkludi l-ħarsien tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta’ negozjar kollettiv tal-ħaddiema, l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u tax-xogħol, kif ukoll ambjent tax-xogħol sikur u san u kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol deċenti abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

6.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu r-ratifika tal-konvenzjonijiet tal-ILO u tal-IMO applikabbli għas-sajjieda. Jintrabtu wkoll li jippromwovu taħriġ adegwat għas-sajjieda, b’mod partikolari dak previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-IMO dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd (STCW-F).

7.   F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll kif deskritt fl-Anness tiegħu. Il-ħruġ ta’ kwalunkwe liċenzja tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni barra mill-qafas ta’ dan il-Protokoll, b’mod partikolari fil-forma ta’ liċenzja tas-sajd diretta, għandu jkun ipprojbit.

ARTIKOLU 4

Opportunitajiet tas-sajd

L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim għandhom jiġu stabbiliti f’konformità ma’ dan l-Artikolu:

1.

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu espressi f’termini tal-isforz tas-sajd, abbażi tat-tunnellaġġ gross irreġistrat (GRT, gross registered tonnage) jew abbażi tal-qabdiet totali permissibbli (TAC, total allowable catch), kif speċifikat hawn taħt:

(a)

speċijiet demersali (il-krustaċji, iċ-ċefalopodi u l-ħut) u ħut pelaġiku żgħir:

(i)

bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża għall-ħut bil-pinen u għaċ-ċefalopodi: 3 500 GRT fis-sena;

(ii)

bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża għall-gambli: 3 700 GRT fis-sena;

(iii)

bastimenti tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku żgħir: 0 tunnellati fis-sena;

(b)

speċijiet migratorji ħafna (l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar), ħlief il-familja Alopiidae u l-familja Sphyrnidae, kif ukoll l-ispeċijiet li ġejjin: Cetorhinus maximus, Rhincodon typus, Carcharodon carcharias, Carcharinus falciformis, Carcharinus longimanus:

(i)

bastimenti tat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża u bastimenti tas-sajd bil-konzijiet: 28 bastiment;

(ii)

bastimenti tat-tonn bil-qasab u x-xlief: 13-il bastiment.

2.

Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom jiġu awtorizzati skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Anness u f’konformità mar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-ICCAT.

3.

Il-partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal tranżizzjoni minn sistema ta’ ġestjoni tal-isforz għal sistema ta’ limitu tal-qbid ibbażata fuq it-TAC, li tkun tista’ sseħħ meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tekniċi u legali, li jinvolvi, b’mod partikolari, l-użu effettiv ta’ sistema elettronika ta’ rappurtar tal-qbid (“ERS”, electronic reporting system) u ta’ ipproċessar ta’ data tal-qbid, f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness. Il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat Konġunt”) għandu jiddeċiedi meta jkunu ġew issodisfati t-termini u l-kundizzjonijiet li jippermettu li din it-tranżizzjoni sseħħ.

4.

L-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandu japplika skont l-Artikoli 10 u 11.

ARTIKOLU 5

Durata

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta’ 5 snin li jibda mill-ewwel jum tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 19, sakemm il-Protokoll ma jiġix itterminat kif previst fl-Artikolu 18.

ARTIKOLU 6

Kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim għandha tkun ta’ EUR 17 000 000 fis-sena.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tinkludi:

(a)

ammont annwali ta’ EUR 12 500 000 għall-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau; u

(b)

ammont speċifiku ta’ EUR 4 500 000 fis-sena għall-appoġġ għall-politika settorjali tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

3.   L-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandu japplika skont l-Artikoli 10, 11, 17 u 18.

4.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja skont il-paragrafu 2, punt (a), għandu jsir mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll, u fis-snin ta’ wara, mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-anniversarju tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll.

5.   L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandu jkollhom il-kompetenza esklużiva li jiddeċiedu kif se tintuża l-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2, punt (a).

6.   Il-pagamenti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jitħallsu f’kont uniku tat-Teżor Pubbliku miftuħ mal-Bank Ċentrali tal-Guinea-Bissau u li d-dettalji tiegħu għandhom jitgħaddew kull sena mill-Ministeru responsabbli mis-sajd. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2, punt (b), maħsuba għall-appoġġ settorjali, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Guinea-Bissau f’kont pubbliku konġunt tal-Ministeru responsabbli mis-sajd u tal-Ministeru responsabbli mill-finanzi. Kull sena, l-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni Ewropea d-dettalji tal-kontijiet bankarji.

7.   Kull komponent tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiddaħħal fil-baġit tal-Istat u għandu jkun soġġett għar-regoli u l-proċeduri tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Guinea-Bissau.

ARTIKOLU 7

Appoġġ settorjali

1.   L-appoġġ settorjali fil-qafas ta’ dan il-Protokoll għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għas-sajd u għall-ekonomija l-blu. L-objettiv tiegħu huwa li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u li jiġi żviluppat is-settur fil-Guinea-Bissau, b’mod partikolari permezz:

—

tat-tisħiħ tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd (fosthom permezz tal-istallazzjoni tal-ERS u tat-tħaddim tagħha);

—

tat-tisħiħ tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data għal finijiet xjentifiċi u tal-kapaċità ta’ analiżi u ta’ valutazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u tas-sajd;

—

tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-partijiet involuti fis-settur tas-sajd;

—

tal-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira;

—

tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali;

—

tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-promozzjoni tal-investiment fis-settur;

—

tal-iżvilupp tal-infrastrutturi rilevanti għas-sajd;

—

tal-appoġġ għall-ekonomija blu u tal-iżvilupp tal-akkwakultura.

2.   Sa mhux aktar tard minn 3 xhur wara l-bidu tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar programm settorjali pluriennali u dwar ir-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikulari:

(a)

linji gwida annwali u pluriennali għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (b);

(b)

l-objettivi annwali u pluriennali li għandhom jintlaħqu sabiex jiġi promoss is-sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet li l-Guinea-Bissau esprimiet fil-politika nazzjonali tas-sajd tagħha jew f’politiki rilevanti oħra, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira, mas-sorveljanza, mal-kontroll u mal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU, illegal, unregulated and unreported), kif ukoll mal-prijoritajiet b’rabta mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet xjentifiċi tal-Guinea-Bissau fis-settur tas-sajd;

(c)

il-kriterji u l-proċeduri li għandhom jintużaw biex jiġu evalwati r-riżultati miksuba fuq bażi annwali, fosthom, jekk ikun il-każ, l-indikaturi baġitarji u finanzjarji.

3.   Kwalunkwe emenda tal-programm settorjali li tiġi proposta trid tiġi approvata mill-Partijiet fil-Kumitat Konġunt.

4.   Kull sena, il-Guinea-Bissau għandha tippreżenta rapport u xi dokumenti ta’ sostenn dwar il-progress li jkun sar fil-proġetti implimentati permezz tal-appoġġ finanzjarju settorjali, li jiġu eżaminati mill-Kumitat Konġunt. Qabel l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll, il-Guinea-Bissau għandha tibgħat ukoll rapport finali.

5.   L-Unjoni tista’ tirrevedi jew tissospendi, parzjalment jew totalment, il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 6(2), il-punt (b), fil-każ tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja jew jekk ir-riżultati li jinkisbu ma jkunux konformi mal-ipprogrammar, wara evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat Konġunt. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha terġa’ tibda titħallas wara konsultazzjoni u qbil bejn iż-żewġ Partijiet, malli r-riżultati tal-implimentazzjoni jkunu jiġġustifikaw dan.

6.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-appoġġ settorjali sakemm il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 6(2), il-punt (b), tintuża kollha, jekk ikun il-każ wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll. Madankollu, din il-kontribuzzjoni ma tistax titħallas aktar tard minn 6 xhur wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

7.   Il-partijiet għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-appoġġ settorjali u tal-assistenza tal-Unjoni fis-sħubija mal-Guinea-Bissau. Din il-viżibbiltà hija waħda mill-objettivi skont dan l-Artikolu.

8.   Il-verifiki u l-kontrolli dwar l-użu tal-fondi tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (b), jistgħu jitwettqu mill-korpi tal-awditjar u tal-kontroll ta’ kull Parti, inkluż il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Dan għandu jinkludi l-aċċess għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għas-siti u għall-faċilitajiet tal-benefiċjarji.

ARTIKOLU 8

Kooperazzjoni xjentifika għas-sajd sostenibbli

1.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli u li jiġġieldu kontra s-sajd IUU fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li joperaw f’dawn l-ilmijiet u abbażi tal-prinċipji ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u tal-ekosistemi tal-baħar.

2.   Fil-perjodu kopert minn dan il-Protokoll, l-Unjoni u l-Guinea-Bissau għandhom jikkooperaw bejniethom biex jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-istat tar-riżorsi u tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

3.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu l-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tas-CECAF, kif ukoll il-kooperazzjoni fil-livell sottoreġjonali b’rabta mal-ġestjoni responsabbli tas-sajd, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Kummissjoni Sottoreġjonali tas-Sajd.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt biex jadottaw, jekk ikun meħtieġ u bi ftehim reċiproku, miżuri ġodda favur il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

ARTIKOLU 9

Kumitat Xjentifiku Konġunt

1.   Il-Kumitat Xjentifiku Konġunt imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Ftehim għandu jkun magħmul minn xjenzati li kull Parti taħtar f’numri ndaqs. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, fil-Kumitat Xjentifiku Konġunt jistgħu jitħallew jieħdu sehem xi osservaturi, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd bħas-CECAF.

2.   Il-Kumitat Xjentifiku Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-Ftehim. Fil-prinċipju, il-laqgħat għandhom isiru darba fil-Guinea-Bissau u darba fl-Unjoni. Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jistgħu jissejħu wkoll laqgħat oħra. Il-laqgħat għandhom jiġu ppreseduti b’mod alternat mill-Partijiet.

3.   Il-kompiti tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt għandhom ikopru, b’mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-ġbir tad-data dwar l-isforzi tas-sajd u dwar il-qabdiet tal-flotot nazzjonali u ta’ dawk barranin li jkunu qed joperaw fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u li jkunu qed jistadu għall-ispeċijiet koperti minn dan il-Protokoll;

(b)

il-proposta, il-monitoraġġ u l-analiżi tal-istħarriġiet annwali ta’ valutazzjoni li jikkontribwixxu għall-proċess ta’ valutazzjoni tal-istokkijiet u li jippermettu li jiġu ddeterminati l-opportunitajiet ta’ sajd u l-għażliet ta’ sfruttament li jiggarantixxu l-konservazzjoni tar-riżorsi u tal-ekosistema tagħhom;

(c)

it-tfassil ta’ rapport xjentifiku annwali, abbażi ta’ dan, dwar l-attivitajiet tas-sajd koperti minn dan il-Protokoll;

(d)

it-tfassil, fuq inizjattiva tiegħu stess jew bi tweġiba għal talba tal-Kumitat Konġunt jew ta’ waħda mill-Partijiet, ta’ kwalunkwe pariri xjentifiċi marbutin mal-miżuri ta’ ġestjoni li jitqiesu meħtieġa għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet u tas-sajd koperti minn dan il-Protokoll.

4.   Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-ICCAT u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, bħal dak tas-CECAF, u, jekk ikun il-każ, tal-konklużjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd koperti minn dan il-Protokoll u li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni.

ARTIKOLU 10

Reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u tal-miżuri tekniċi

1.   F’każ li l-Guinea-Bissau tiddeċiedi, abbażi ta’ parir tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, li tagħlaq ċertu żoni għal ċertu tip ta’ sajd jew li tistabbilixxi staġuni magħluqa għalih bħala parti minn miżura ta’ konservazzjoni tar-riżorsi, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ biex janalizza r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, biex jevalwa l-impatt ta’ dan l-għeluq fuq l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim u biex jiddeċiedi dwar il-miżuri korrettivi li jistgħu jittieħdu.

2.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1, il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel fuq tnaqqis proporzjonat tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Ftehim li l-Unjoni trid tħallas u, jekk ikun meħtieġ, fuq kumpens li għandhom jingħataw is-sidien tal-bastimenti.

3.   Kwalunkwe għeluq ta’ tip partikolari ta’ sajd li l-Guinea-Bissau tiddeċiedi dwaru abbażi ta’ parir xjentifiku, għandu japplika mingħajr diskriminazzjoni għall-bastimenti kollha involuti f’dak is-sajd, inkluż il-bastimenti nazzjonali u dawk li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrevedi l-opportunitajiet tas-sajd previsti fl-Artikolu 4 bi ftehim reċiproku abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat, u dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom jiġu emendati kif meħtieġ mill-Kumitat Konġunt.

5.   Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat Konġunt jista’ jeżamina u jadatta, bi ftehim reċiproku, id-dispożizzjonijiet marbutin mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd u r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness tiegħu, fosthom l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-appoġġ settorjali.

ARTIKOLU 11

Sajd sperimentali u opportunitajiet ġodda tas-sajd

1.   F’każ li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu interessati jwettqu attivitajiet tas-sajd li mhumiex previsti fl-Artikolu 4 u sabiex jiġu ttestjati l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika ta’ tipi ġodda ta’ sajd, jistgħu jingħataw liċenzji biex dawn l-attivitajiet jitwettqu fuq bażi sperimentali f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau li tkun fis-seħħ. Meta jkun possibbli, dan is-sajd sperimentali għandu jsir bl-użu tal-għarfien espert xjentifiku u tekniku disponibbli lokalment. Il-vjaġġi tas-sajd sperimentali jsiru bil-għan li jiġu ttestjati l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika ta’ tipi ġodda ta’ sajd.

2.   Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħarraf lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau bl-applikazzjonijiet għal-liċenzji tas-sajd sperimentali abbażi ta’ dossier tekniku li jindika:

(a)

l-ispeċijiet fil-mira;

(b)

il-karatteristiċi tekniċi tal-bastiment;

(c)

l-esperjenza tal-uffiċjali tal-bastiment fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd ikkonċernat;

(d)

il-parametri tekniċi proposti għall-vjaġġ (id-durata, l-irkaptu tas-sajd, ir-reġjuni li se jiġu esplorati, eċċ.);

(e)

it-tip ta’ data miġbura biex ikun żgurat monitoraġġ xjentifiku tal-impatt ta’ dawn l-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi u fuq l-ekosistemi.

3.   Il-liċenzji għas-sajd sperimentali għandhom jingħataw għal perjodu massimu ta’ 6 xhur. Għandhom ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ imposta stabbilita mill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau.

4.   Matul il-vjaġġ kollu, għandu jkun hemm abbord osservatur xjentifiku mill-Istat tal-bandiera u osservatur magħżul mill-Guinea-Bissau.

5.   L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jistabbilixxu l-qabdiet awtorizzati fil-kuntest tal-vjaġġ tas-sajd sperimentali. Il-qabdiet li jsiru fil-kuntest tal-vjaġġ tas-sajd sperimentali u matulu jibqgħu l-proprjetà ta’ sid il-bastiment. Il-ħut ta’ daqs li ma jkunx skont il-liġi jew il-ħut li s-sajd għalih ma jkunx awtorizzat mil-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau ma jistax jinżamm abbord jew jiġi kkummerċjalizzat.

6.   Ir-riżultati ddettaljati tal-vjaġġ għandhom jitgħaddew lill-Kumitat Konġunt u lill-Kumitat Xjentifiku Konġunt biex jiġu analizzati.

7.   Skont, b’mod partikolari, ir-riżultati tal-vjaġġ tas-sajd sperimentali u l-parir tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jintroduċu opportunitajiet tas-sajd ġodda li mhumiex elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għal dawk l-opportunitajiet il-ġodda tas-sajd u għandhom jemendaw dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu sa ma jiskadi dan il-Protokoll. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), ta’ dan il-Protokoll għandha tiżdied kif xieraq. L-imposti u l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Anness li japplikaw għas-sidien tal-bastimenti għandhom jiġu stabbiliti kif xieraq.

ARTIKOLU 12

Integrazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-Unjoni fis-settur tas-sajd tal-Guinea-Bissau

1.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-Unjoni fis-settur kollu tas-sajd tal-Guinea-Bissau, b’mod partikolari billi jistabbilixxu l-impriżi konġunti u billi joħolqu l-infrastrutturi.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bejniethom sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni fost l-operaturi tal-Unjoni tas-settur privat dwar l-opportunitajiet kummerċjali u industrijali, b’mod partikolari b’rabta mal-investimenti diretti, li jeżistu fis-settur kollu tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

3.   Bl-istess objettiv, il-Guinea-Bissau tista’ tagħti wkoll inċentivi lill-operaturi tal-Unjoni li jwettqu dawn l-investimenti.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ investiment u strumenti ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet jew tal-proġetti identifikati, b’mod partikolari fil-qafas tal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni.

5.   Ladarba tiġi ssodisfata kull kundizzjoni teknika meħtieġa, il-partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni tal-qabdiet li jkunu saru mill-bastimenti tal-Unjoni fil-Guinea-Bissau lejn is-suq tal-Unjoni.

6.   Il-partijiet għandhom jappoġġaw l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma bl-għan li jidentifika u jappoġġa proġetti ta’ investiment u jiffaċilita l-ksib ta’ finanzjament, kemm bilateralment kif ukoll multilateralment.

7.   Kull sena, il-Kumitat Konġunt jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

ARTIKOLU 13

Skambju tal-informazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jagħtu preferenza lis-sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni u tad-dokumenti marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Għandhom jimplimentaw sistemi siguri tal-IT li jawtomatizzaw l-iskambju ta’ data dwar l-awtorizzazzjonijiet u l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni, jew skambji elettroniċi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

2.   Il-verżjoni elettronika tad-dokumenti previsti f’dan il-Protokoll għandha titqies li hija ekwivalenti għalkollox għall-verżjoni stampata.

3.   Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw minnufih lil xulxin b’kwalunkwe ħsara fis-sistema tal-IT. F’dan il-każ, l-informazzjoni u d-dokumenti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jiġu sostitwiti b’mod awtomatiku bil-verżjoni stampata tagħhom kif stipulat fl-Anness ta’ dan il-Protokoll.

4.   Il-proċeduri għat-trażmissjoni tad-data, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tal-iskambji tal-informazzjoni, huma stabbiliti fl-Anness għal dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 14

Kunfidenzjalità tad-data

1.   Il-Guinea-Bissau u l-Unjoni għandhom jiżguraw li d-data skambjata skont il-Ftehim tintuża mill-awtorità kompetenti esklużivament għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-ġestjoni, tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tas-sajd.

2.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw li d-data kummerċjalment sensittiva u personali kollha dwar il-bastimenti tal-Unjoni u l-attivitajiet tas-sajd tagħhom li tinkiseb skont il-Ftehim, kif ukoll l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva kollha dwar is-sistemi ta’ komunikazzjoni użati mill-Unjoni, jiġu pproċessati b’mod kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata biss id-data aggregata dwar l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd.

3.   Id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.

4.   Id-data personali skambjata skont il-Ftehim għandha tiġi pproċessata f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Appendiċi 3 tal-Anness ta’ dan il-Protokoll. Aktar salvagwardji u rimedji fir-rigward tad-data personali u tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kumitat Konġunt.

5.   Id-data skambjata skont il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Appendiċi 3 għall-Anness ta’ dan il-Protokoll anke wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 15

Leġiżlazzjoni applikabbli

1.   Il-liġijiet applikabbli tal-Guinea-Bissau għandhom jirregolaw l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni li joperaw fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau, dment li l-Ftehim jew dan il-Protokoll, flimkien mal-Anness u l-appendiċijiet tiegħu, ma jipprevedux mod ieħor.

2.   Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub b’kwalunkwe bidla fil-politika u l-leġiżlazzjoni tas-sajd tagħhom. Dan it-tibdil leġiżlattiv jew regolatorju li jħalli impatt tekniku fuq l-attivitajiet tas-sajd għandu jibda japplika għall-bastimenti tal-Unjoni wara 3 xhur minn meta jiġi nnotifikat b’mod uffiċjali.

ARTIKOLU 16

Prerogattivi tal-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddelibera jew jiddeċiedi permezz ta’ skambju ta’ ittri jew permezz ta’ laqgħa mill-bogħod.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-emendi ta’ dan il-Protokoll dwar:

(a)

l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikoli 4 u 10 u, jekk ikun meħtieġ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (a);

(b)

il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali msemmija fl-Artikolu 7;

(c)

il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi li jirregolaw is-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni;

(d)

is-salvagwardji addizzjonali għall-protezzjoni tad-data personali previsti fl-Artikolu 14(4).

L-emendi ta’ dan il-Protokoll għandhom jitniżżlu f’minuti ffirmati mill-Partijiet, li għandhom jispeċifikaw id-data li fiha dawn l-emendi jsiru infurzabbli.

ARTIKOLU 17

Sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll

1.   L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, fosthom il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punti (a) u (b), tista’ tiġi sospiża, wara li ssir konsultazzjoni fil-Kumitat Konġunt, jekk tiġi ssodisfata kundizzjoni waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk ikun hemm ċirkustanzi mhux tas-soltu, minbarra fenomeni naturali, li minħabba fihom ma jkunux jistgħu jitwettqu l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau;

(b)

jekk ikun hemm tibdil sinifikanti fid-definizzjoni jew fl-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd ta’ waħda miż-żewġ Partijiet li jaffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll;

(c)

jekk jinbdew il-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni previsti fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Samoa b’rabta ma’ ksur tal-elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif iddefiniti fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim;

(d)

jekk l-Unjoni tonqos milli tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), għal raġunijiet oħra apparti dawk previsti fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu;

(e)

jekk ikun hemm tilwima serja mhux solvuta bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim jew ta’ dan il-Protokoll.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha terġa’ tibda titħallas wara konsultazzjoni u qbil bejn iż-żewġ Partijiet malli s-sitwazzjoni terġa’ lura għal kif kienet qabel ma seħħew l-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jiġu sospiżi meta jiġi sospiż il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 6(2), il-punt (a). F’każ li titwaqqaf din is-sospensjoni, il-perjodu ta’ validità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandu jittawwal b’perjodu li jkun daqs dak tas-sospensjoni tal-attivitajiet tas-sajd. Matul il-perjodu ta’ sospensjoni għandhom jieqfu l-attivitajiet kollha tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

4.   Sabiex l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tiġi sospiża, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub li hija jkun beħsiebha tagħmel dan mill-inqas 3 xhur qabel id-data li fiha tkun se tidħol fis-seħħ din is-sospensjoni, ħlief fil-każ previst fil-paragrafu 1(c), u dan għandu jwassal għal sospensjoni immedjata. Sadanittant, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt.

5.   F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu għaddejjin bil-konsultazzjonijiet bil-ħsieb li jaslu għal ftehim bonarju biex isolvu t-tilwim ta’ bejniethom. Meta jaslu għal dan il-ftehim, dan il-Protokoll għandu jerġa’ jibda jiġi implimentat u l-ammont tal-kumpens finanzjarju għandu jitnaqqas b’mod proporzjonat u pro rata temporis skont id-durata li matulha kienet sospiża l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 18

Terminazzjoni

1.   F’każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra li hija jkun beħsiebha tittermina dan il-Protokoll mill-inqas 6 xhur qabel id-data li fiha tkun se tidħol fis-seħħ din it-terminazzjoni.

2.   Hekk kif tintbagħat in-notifika, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jibdew konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

ARTIKOLU 19

Applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

ARTIKOLU 20

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li lestew il-proċeduri meħtieġa għal dak l-għan.

ARTIKOLU 21

Testi awtentiċi

Dan il-Protokoll għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Bulgaru, bil-Kroat, bid-Daniż, bl-Ispanjol, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bl-Irlandiż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Iżvediż u biċ-Ċek, b’kull wieħed minn dawn it-testi awentiku b’mod ugwali.

Image 1

Image 2


(1)   ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5.

(2)   ĠU L, 2023/2862, 28.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2862/oj.


ANNESS

KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ATTIVITAJIET TAS-SAJD TAL-BASTIMENTI TAL-UNJONI FIŻ-ŻONA TAS-SAJD TAL-GUINEA-BISSAU

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1.   Ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness u dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kwalunkwe referenza għall-Unjoni jew għall-Guinea-Bissau bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

(a)

għall-Unjoni: il-Kummissjoni Ewropea, jekk ikun meħtieġ permezz tad-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Guinea-Bissau,

(b)

għall-Guinea-Bissau: id-dipartiment tal-gvern responsabbli mis-sajd.

2.   Żona tas-sajd awtorizzata

Iż-żona tas-sajd awtorizzata li fiha l-bastimenti tal-Unjoni huma awtorizzati jistadu għandha tikkorrispondi għaż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, fosthom dik il-parti li tikkorrispondi għaż-żona komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau u mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli li l-Guinea-Bissau hija Parti għalihom.

Il-linji bażi għandhom jiġu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.   Ħatra ta’ aġent lokali

Minbarra l-bastimenti għat-tonn, kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll irid ikun rrappreżentati minn aġent li jkun residenti fil-Guinea-Bissau.

4.   Kont bankarju

Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, il-Guinea-Bissau għandha tgħaddi lill-Unjoni d-dettalji tal-kont jew tal-kontijiet bankarji li fihom għandhom jitħallsu l-ammonti ta’ flus li l-bastimenti tal-Unjoni għandhom iħallsu skont il-Ftehim. L-ammonti dovuti b’rabta mat-trasferimenti bankarji għandhom iħallsuhom is-sidien tal-bastimenti.

5.   Punti fokali

Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar il-punti fokali rispettivi tagħhom li jippermettu li tiġi skambjata l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, b’mod partikolari dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-iskambju tad-data aggregata rigward il-qabdiet u l-isforz tas-sajd, dwar il-proċeduri marbuta mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u mal-qabdiet u dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

TAQSIMA 1

PROĊEDURI APPLIKABBLI

1.   Kundizzjoni biex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd – bastimenti eliġibbli

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim għandhom jinħarġu bil-kundizzjoni li l-bastiment ikun imniżżel fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u li dan ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Iridu jkunu ntlaħqu l-obbligi preċedenti kollha ta’ sid il-bastiment, tal-kaptan jew tal-bastiment innifsu li jinħolqu mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Guinea-Bissau skont il-Ftehim.

2.   Talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd

L-Unjoni għandha tippreżenta lill-Guinea-Bissau, b’mod elettroniku, applikazzjoni għal kull bastiment li għandu jiġi awtorizzat mill-inqas 40 jum tax-xogħol qabel id-data li fiha għandhom jibdew l-operazzjonijiet, billi tuża l-formola li tinsab fl-Appendiċi I għal dan l-Anness.

L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u n-notifika dwar jekk ġewx aċċettati għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku permezz tas-sistema LICENCE, jiġifieri s-sistema elettronika u sigura għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd magħmula disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea.

Sakemm is-sistema LICENCE tibda taħdem kompletament, l-Unjoni se tkompli tippreżenta applikazzjoni lill-Guinea-Bissau b’mod uffiċjali għal kull bastiment li għandu jiġi awtorizzat. Il-Kumitat Konġunt se jiddeċiedi dwar it-tranżizzjoni lejn l-użu tas-sistema LICENCE.

Għal kull talba inizjali għal awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll jew wara li l-bastiment ikkonċernat issirlu bidla teknika, flimkien mat-talba għandu jintbagħat dan li ġej:

(a)

il-prova tal-ħlas tal-imposta b’rata fissa għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mitluba;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-aġent lokali tal-bastiment, jekk ikun hemm wieħed;

(c)

għall-bastimenti tat-tkarkir, il-prova tal-ħlas bil-quddiem tal-kontribuzzjoni b’rata fissa għall-kostijiet marbuta mal-osservatur;

(d)

fil-każ tal-bastimenti tat-tkarkir, iċ-ċertifikat tat-tunnellaġġ tal-bastiment, maħruġ mill-Istat tal-bandiera.

Għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll għal bastiment li l-karatteristiċi tekniċi tiegħu ma jkunux inbidlu, it-talba għat-tiġdid għandha tkun akkumpanjata biss mill-prova tal-ħlas tal-imposta u, jekk ikun il-każ, mill-prova tal-ħlas tal-kontribuzzjoni b’rata fissa għall-kostijiet marbuta mal-osservatur.

3.   Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

Il-Guinea-Bissau għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni oriġinali tas-sajd f’perjodu massimu ta’ 25 jum minn meta tirċievi l-fajl tal-applikazzjoni komplut u mill-inqas 15-il jum qabel jibda l-perjodu tas-sajd. Din l-awtorizzazzjoni għandha tintbagħat lis-sidien tal-bastimenti:

(a)

fil-każ tal-bastimenti tat-tkarkir, permezz tal-aġenti, flimkien ma’ kopja skennjata li għandha tintbagħat lill-Unjoni; u

(b)

fil-każ tal-bastimenti għat-tonn, permezz tad-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Guinea-Bissau; jekk id-delegazzjoni tkun magħluqa, il-Guinea-Bissau tista’ tibgħat l-awtorizzazzjoni tas-sajd direttament lil sid il-bastiment, jew lill-aġent tiegħu, u tibgħat kopja lill-Unjoni.

Fil-każ tal-bastimenti għat-tonn, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat minnufih, b’mod elettroniku, kopja ta’ din l-awtorizzazzjoni tas-sajd lil sid il-bastiment, u, jekk ikun il-każ, lill-aġent lokali tiegħu. Dik il-kopja ma għandhiex tibqa’ valida malli tasal l-awtorizzazzjoni oriġinali tas-sajd. Dik il-kopja, li għandha tinżamm abbord il-bastimenti, għandha tkun valida għal perjodu ta’ 40 jum li matulu għandha titqies li hija ekwivalenti għall-awtorizzazzjoni oriġinali.

Ladarba l-għodda LICENCE tibda taħdem, il-Guinea-Bissau se tindika li l-applikazzjoni ġiet aċċettata u ttella’ fis-sistema LICENCE kopja elettronika ffirmata tal-liċenzja oriġinali. Sadanittant, il-Guinea-Bissau għandha tibgħat lill-Unjoni, permezz ta’ email, kopja skennjata tal-liċenzji maħruġa.

4.   Ħsarat fis-sistema LICENCE

Meta jinqalgħu xi diffikultajiet fit-trażmissjoni tal-informazzjoni fis-sistema LICENCE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Guinea-Bissau, sakemm is-sistema terġa’ tibda taħdem l-iskambji elettroniċi tal-liċenzji tas-sajd għandhom isiru permezz tal-kanali uffiċjali.

Wara li s-sistema terġa’ tibda taħdem bħas-soltu, l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata fis-sistema LICENCE minn kull Parti.

5.   Lista tal-bastimenti li huma awtorizzati jistadu

Malli toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-Guinea-Bissau għandha tistabbilixxi minnufih, għal kull kategorija ta’ bastimenti, il-lista finali tal-bastimenti li huma awtorizzati jistadu fiż-żona tas-sajd tagħha. Din il-lista għandha tintbagħat minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-Unjoni b’mod elettroniku.

6.   Durata tal-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ 3 xhur, ta’ 6 xhur jew ta’ sena. Sabiex jiġi stabbilit il-bidu tal-perjodu ta’ validità, “perjodu ta’ sena” għandu jfisser dan li ġej:

(a)

għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn id-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena;

(b)

fis-snin ta’ wara, kull sena kalendarja sħiħa;

(c)

għall-aħħar sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tal-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

Perjodu ta’ validità ta’ 3 xhur jew ta’ 6 xhur għandu jibda fl-ewwel tax-xahar ta’ kull xahar. Madankollu, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd ma jistgħux jibqgħu validi wara l-31 ta’ Diċembru tas-sena li jinħarġu fiha.

7.   Żamma abbord tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjoni tas-sajd trid tinżamm dejjem abbord il-bastiment.

Madankollu, il-bastimenti għat-tonn għandhom jiġu awtorizzati jistadu malli jiddaħħlu fil-lista provviżorja. Tali bastimenti jridu dejjem iżommu abbord il-lista provviżorja sakemm tinħarġilhom l-awtorizzazzjoni tas-sajd tagħhom.

8.   Trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment partikolari u ma tistax tiġi ttrasferita.

Madankollu, f’każ ta’ forza maġġuri u fuq talba tal-Unjoni, l-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinbidel b’awtorizzazzjoni ġdida maħruġa f’isem bastiment ieħor li jkun simili għal dak li għandu jinbidel.

It-trasferiment għandu jsir billi sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu jagħti lura lill-Guinea-Bissau l-awtorizzazzjoni tas-sajd li għandha tiġi sostitwita, u billi l-Guinea-Bissau tistabbilixxi minnufih l-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tingħata minnufih lil sid il-bastiment jew lill-aġent tiegħu hekk kif tingħata lura l-awtorizzazzjoni li għandha tiġi sostitwita, ladarba ssir l-ispezzjoni teknika f’konformità mal-punt 10. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tibda tgħodd dakinhar li tingħata lura l-awtorizzazzjoni li għandha tiġi sostitwita.

Fil-każ tal-bastimenti tat-tkarkir, jekk it-tunnellaġġ tal-bastiment ta’ sostituzzjoni jkun ikbar minn dak tal-bastiment sostitwit, l-imposta addizzjonali għandha tiġi kkalkulata b’mod proporzjonat għad-differenza fit-tunnellaġġ u għall-perjodu ta’ validità li jkun għad fadal. Sid il-bastiment għandu jħallas dik l-imposta addizzjonali hekk kif tiġi ttrasferita l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

Il-Guinea-Bissau għandha taġġorna minnufih il-lista tal-bastimenti li huma awtorizzati jistadu. Il-lista l-ġdida għandha titgħadda minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-Unjoni.

Il-Partijiet għandhom jaġġornaw l-informazzjoni fis-sistema LICENCE.

9.   Bastimenti ta’ appoġġ

Fuq talba tal-Unjoni, il-Guinea-Bissau għandha tawtorizza lill-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd jiġu megħjuna minn bastimenti ta’ appoġġ. Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom itajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ikunu ta’ kumpanija tal-Unjoni, u ma jistgħux ikunu mgħammra għas-sajd.

Il-Guinea-Bissau għandha tistabbilixxi l-lista tal-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati u tgħaddiha minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-Unjoni.

Il-Partijiet għandhom jaġġornaw l-informazzjoni fis-sistema LICENCE.

Għal dan l-għan, il-bastimenti ta’ appoġġ irid ikollhom awtorizzazzjoni maħruġa skont il-liġi tal-Guinea-Bissau u għandhom iħallsu imposta annwali.

10.   Spezzjoni teknika tal-bastimenti tat-tkarkir

Darba fis-sena jew wara li jinbidel it-tunnellaġġ tal-bastiment, jew meta l-użu ta’ rkaptu ieħor tas-sajd iwassal għal bidla fil-kategorija tas-sajd, kull bastiment tat-tkarkir tal-Unjoni għandu jidħol fil-port ta’ Bissau biex issirlu spezzjoni teknika, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau li tkun fis-seħħ.

L-għan tal-ispezzjoni teknika huwa li tivverifika l-konformità tal-karatteristiċi tekniċi tal-bastiment u tal-irkaptu tas-sajd li jkun hemm abbord, kif ukoll il-ħarsien tar-regoli sanitarji u tar-regoli marbutin mal-imbark tal-baħrin nazzjonali.

Il-Guinea-Bissau hija obbligata twettaq l-ispezzjoni teknika f’massimu ta’ 48 siegħa minn meta l-bastiment tat-tkarkir jasal fil-port, dejjem jekk tkun ġiet avżata minn qabel dwar il-wasla tiegħu.

Wara l-ispezzjoni teknika, il-Guinea-Bissau għandha tagħti ċertifikat tal-konformità lill-kaptan tal-bastiment minnufih.

Iċ-ċertifikat tal-konformità għandu jkun validu għal sena. Madankollu, għandu jkun meħtieġ ċertifikat tal-konformità ġdid f’każ ta’ kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tas-sajd mill-kategorija tas-sajd għall-gambli jew lejn din il-kategorija. Barra minn hekk, f’każ li l-bastiment joħroġ miż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau għal iktar minn 45 jum, ikun meħtieġ ta’ ċertifikat tal-konformità ġdid.

Iċ-ċertifikat tal-konformità għandu jinżamm dejjem abbord il-bastiment.

Il-kostijiet marbutin mal-ispezzjoni teknika għandu jħallashom sid il-bastiment u għandhom ikunu jikkorrispondu għall-ammont stabbilit skont l-iskala li tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau. Dawn il-kostijiet ma jistgħux jaqbżu l-ammonti li jħallsu l-bastimenti nazzjonali jew il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat terz għall-istess servizzi.

TAQSIMA 2

IMPOSTI U ĦLASIJIET BIL-QUDDIEM

L-ammont tal-imposta b’rata fissa huwa stabbilit għal kull kategorija ta’ bastimenti fl-iskedi tekniċi fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness. Dan jinkludi t-taxxi nazzjonali u lokali kollha, minbarra t-taxxi tal-port, il-kostijiet relatati mal-forniment tas-servizzi u t-taxxa tal-boll applikabbli għall-ammonti tat-tariffi tal-liċenzji.

Ir-regolamenti dwar it-taxxa tal-boll fis-seħħ fil-mument tal-iffirmar tal-Protokoll għandhom jiddeterminaw ir-rata applikabbli għal-liċenzji, li għandha tibqa’ fissa għad-durata tal-Protokoll.

Meta l-awtorizzazzjoni tas-sajd tkun valida għal inqas minn sena, l-ammont tal-imposta b’rata fissa għandu jiġi aġġustat b’mod proporzjonat għall-perjodu ta’ validità mitlub. Jekk ikun meħtieġ, ma’ dan l-ammont aġġustat għandu jiżdied l-ammont dovut għall-perjodu ta’ 3 xhur jew ta’ 6 xhur skont l-iskali stabbiliti fl-iskedi tekniċi korrispondenti.

KAPITOLU III

MIŻURI TEKNIĊI TA’ KONSERVAZZJONI

Il-miżuri tekniċi applikabbli għall-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd u li jkunu marbutin maż-żona, mal-irkaptu tas-sajd u mal-livell tal-qabdiet aċċessorji, huma ddefiniti għal kull kategorija tas-sajd fl-iskedi tekniċi fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.

Il-bastimenti għat-tonn għandhom iħarsu r-rakkomandazzjonijiet kollha adottati mill-ICCAT.

KAPITOLU IV

DIKJARAZZJONI TAL-QABDIET

1.   Ġurnal ta’ abbord tas-sajd

Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jkun qed jistad skont il-Ftehim għandu jżomm ġurnal ta’ abbord tas-sajd. F’dak li għandu x’jaqsam mal-bastimenti għat-tonn, il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jkun konformi mar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-ICCAT dwar il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data marbuta mal-attivitajiet tas-sajd.

Kull bastiment tal-Unjoni għandu jkun mgħammar b’sistema elettronika (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ERS”, electronic reporting system) li tkun kapaċi tirreġistra u tittrażmetti data dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment (minn hawn ’il quddiem id-“ data tal-ERS”).

Bastiment tal-UE li ma jkunx mgħammar b’ERS, jew li l-ERS tiegħu ma tkunx qiegħda taħdem, ma għandux ikun awtorizzat jidħol fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau biex iwettaq attivitajiet tas-sajd fiha.

Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jimtela mill-kaptan għal kull jum li l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau. Il-bastiment għandu jittrażmetti d-data tal-ERS lill-Istat tal-bandiera tiegħu, li għandu jqegħedha awtomatikament għad-dispożizzjoni taċ-ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd tal-Guinea-Bissau (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “ĊMS”), ladarba l-ERS tiegħu tibda taħdem.

Id-data tal-ERS għandha tiġi trażmessa bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambji standardizzati tad-data dwar is-sajd. Ir-rekwiżiti tekniċi għat-trażmissjonijiet permezz tal-ERS se jiġu vvalidati fil-Kumitat Konġunt.

Kuljum, il-kaptan għandu jniżżel fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd il-kwantità ta’ kull speċi, identifikata bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha, maqbuda u miżmuma abbord, espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali.

Jekk ikun il-każ, kuljum, fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd, il-kaptan għandu jniżżel ukoll il-kwantitajiet ta’ kull speċi mormija lura l-baħar, espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali.

Meta jkun se jintbagħat lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau, il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jimtela b’ittri kbar biex ikun jista’ jinqara u għandu jiġi ffirmat mill-kaptan.

Il-kaptan għandu jkun responsabbli mill-akkuratezza tad-data rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd.

2.   Dikjarazzjoni tal-qabdiet

Regola għar-rappurtar tal-qabdiet sakemm l-ERS tibda tintuża

Il-kaptan għandu jiddikjara l-qabdiet tal-bastiment billi jagħti lill-Guinea-Bissau l-ġurnali ta’ abbord tas-sajd tiegħu għall-perjodu li matulu kien jinsab fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

Il-kaptan għandu jibgħat il-ġurnali ta’ abbord tas-sajd lill-Guinea-Bissau fl-indirizz elettroniku pprovdut għal dan l-għan. Il-Guinea-Bissau għandha tikkonferma li tkun irċeviethom billi twieġeb l-email minnufih.

B’mod alternattiv, il-ġurnali ta’ abbord tas-sajd jistgħu jintbagħtu kif ġej:

(a)

f’każ li l-bastiment ikun se jgħaddi minn port tal-Guinea-Bissau, kull ġurnal ta’ abbord tas-sajd oriġinali għandu jitgħadda lir-rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għas-Sajd Industrijali tal-Ministeru għas-Sajd tal-Guinea-Bissau (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ id-“Direttorat Ġenerali għas-Sajd Industrijali”), li għandu jikkonferma bil-miktub li jkun irċevihom;

(b)

f’każ li l-bastiment ikun se joħroġ miż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau mingħajr ma jgħaddi minn port tal-Guinea-Bissau qabel, kull ġurnal ta’ abbord tas-sajd oriġinali għandu jintbagħat bil-posta fi żmien 14-il jum mill-wasla fi kwalunkwe port ieħor u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 30 jum minn meta joħroġ miż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

Il-kaptan għandu jibgħat kopja ta’ kull ġurnal ta’ abbord tas-sajd lill-Unjoni. Fil-każ tal-bastimenti għat-tonn u tal-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, il-kaptan għandu jibgħat ukoll kopja ta’ kull ġurnal ta’ abbord tas-sajd tiegħu lil wieħed mill-istituti xjentifiċi li ġejjin:

(a)

lill-IRD (Institut de recherche pour le développement);

(b)

lill-IEO (Instituto Español de Oceanografia); jew

(c)

lill-IPMA (Instituto Português do Mar e da Atmosfera).

Jekk bastiment jerġa’ lura fiż-żona tal-Guinea-Bissau matul il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu, irid jerġa’ jibgħat dikjarazzjoni ġdida tal-attivitajiet u tal-qabdiet.

F’każ li ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Guinea-Bissau tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm issir id-dikjarazzjoni tal-qabdiet li tkun nieqsa u tista’ tippenalizza lil sid il-bastiment skont id-dispożizzjonijiet previsti għal dan l-għan fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, il-Guinea-Bissau tista’ tirrifjuta li ġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-Guinea-Bissau għandha tgħarraf lill-Unjoni minnufih b’kwalunkwe penali li tiġi applikata f’dan il-kuntest.

Regola għar-rappurtar tal-qabdiet ladarba l-ERS tibda tintuża

Il-qabdiet għandhom ikunu notifikati kif ġej:

(a)

il-kaptani tal-bastimenti kollha li jkunu qed joperaw fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau skont dan il-Protokoll għandhom jimlew il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku kuljum u jibagħtuh permezz tal-ERS jew, f’każ li din is-sistema tkun bil-ħsara, permezz ta’ email liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u liċ-ĊMS tal-Guinea-Bissau fi żmien 7 ijiem minn meta joħorġu miż-żona tas-sajd

(b)

fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku trid tiġi speċifikata l-kwantità ta’ kull speċi, identifikata bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha, maqbuda u miżmuma abbord, espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali. Għal kull speċi ewlenija, il-kaptan għandu jniżżel ukoll meta ma jinqabad xejn minnha. Il-kaptan għandu jniżżel ukoll il-kwantitajiet ta’ kull speċi mormija lura l-baħar, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun hemm bżonn, fl-għadd ta’ ħut individwali.

Il-bastiment għandu jittrażmetti id-data tal-ERS lill-Istat tal-bandiera tiegħu, li għandu jiżgura li din titqiegħed b’mod awtomatiku għad-dispożizzjoni tal-Guinea-Bissau. L-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li din id-data tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data elettronika li tippermetti li din id-data tinżamm b’mod sigur għal mill-inqas 36 xahar.

L-Istat tal-bandiera u l-Guinea-Bissau għandhom jiżguraw li jkollhom it-tagħmir tal-IT u s-software meħtieġa biex id-data tal-ERS tiġi trażmessa awtomatikament.

It-trażmissjoni tad-data tal-ERS trid issir bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambji standardizzati tad-data dwar is-sajd.

F’każ li ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-qabdiet, il-Guinea-Bissau tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm tinkiseb id-dikjarazzjoni tal-qabdiet li tkun nieqsa u tista’ tippenalizza lil sid il-bastiment skont id-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, il-Guinea-Bissau tista’ tirrifjuta li ġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-Guinea-Bissau għandha tgħarraf lill-Unjoni minnufih b’kwalunkwe penali li tiġi applikata f’dan il-kuntest.

L-Istat tal-bandiera u l-Guinea-Bissau għandhom jaħtru korrispondent tal-ERS kull wieħed li se jservi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness. L-Istat tal-bandiera u l-Guinea-Bissau għandhom jgħaddu lil xulxin id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondent tal-ERS tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni minnufih.

3.   Kalkolu tal-imposti għall-bastimenti għat-tonn

Għal kull bastiment għat-tonn, l-Unjoni għandha tistabbilixxi, abbażi tal-qabdiet iddikkjarati minnu, kalkolu finali tal-imposti dovuti mill-bastiment b’rabta mal-istaġun annwali tiegħu għas-sena kalendarja preċedenti.

L-Unjoni għandha tgħarraf lill-Guinea-Bissau b’dan il-kalkolu finali sat-30 ta’ April tas-sena sussegwenti, dik li matulha jkunu saru l-qabdiet. Il-Guinea-Bissau għandu jkollha xahar biex tivvalida dan il-kalkolu jew biex titlob kjarifika.

Meta l-kalkolu finali jkun ogħla mill-imposta b’rata fissa li tkun tħallset għall-ksib tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti lill-Guinea-Bissau minnufih. Meta l-kalkolu finali jkun inqas mill-imposta b’rata fissa, sid il-bastiment ma jkunx jista’ jirkupra l-ammont li jifdal.

KAPITOLU V

ĦATT L-ART U TRAŻBORD

1.   Ħatt l-art jew trażbord tal-qabdiet

Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq iħott l-art jew jittrażborda l-ħut li jkun qabad miż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau fil-port tal-Guinea-Bissau, għandu jinnotifika lir-rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għas-Sajd Industrijali dwar dan li ġej, mill-inqas 24 siegħa qabel il-ħatt l-art jew it-trażbord:

(a)

isem il-bastiment tal-Unjoni li se jħott l-art jew jittrażborda l-ħut;

(b)

il-port tal-ħatt l-art jew tat-trażbord;

(c)

id-data u l-ħin previsti għall-ħatt l-art jew għat-trażbord;

(d)

il-kwantità (espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali) ta’ kull speċi li għandha tinħatt l-art jew tiġi ttrażbordata (identifikata bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha);

(e)

fil-każ tat-trażbord, isem il-bastiment li jkun qed jirċievi l-ħut.

Fil-każ tat-trażbord, il-kaptan irid jiżgura li l-bastiment li jkun qed jirċievi l-ħut ikollu awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmel dan ix-xogħol.

It-trażbord irid isir f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau u fil-port tal-Guinea-Bissau, li l-koordinati ġeografiċi tiegħu għandhom jintbagħtu lill-kaptan u lill-aġent tal-bastiment mill-awtoritajiet kompetenti. It-trażbord fuq il-baħar huwa pprojbit.

In-nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għandu jwassal biex jiġu applikati l-penali previsti għal dan l-għan fil-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau.

2.   Kontribuzzjoni in natura għas-sigurtà alimentari

Il-bastimenti tat-tkarkir li jwettqu attività tas-sajd fil-Guinea-Bissau huma obbligati jħottu l-art parti mill-qabdiet tagħhom fil-Guinea-Bissau għall-finijiet tas-sigurtà alimentari tal-pajjiż. Il-ħatt l-art għandu jsir kif ġej:

(a)

fil-każ tal-bastimenti għall-ħut bil-pinen/għaċ-ċefalopodi, 2,5 tunnellati kull trimestru u għal kull bastiment;

(b)

fil-każ tal-bastimenti għall-gambli, 1,25 tunnellata kull trimestru u għal kull bastiment.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, il-kontribuzzjonijiet ta’ kull bastiment jistgħu jingħataw għal diversi bastimenti f’daqqa u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod akkumulat għal diversi trimestri. Il-ħatt l-art għandu jsir fiż-żona tal-port tal-Guinea-Bissau u l-ħut għandu jingħata lir-rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għas-Sajd Industrijali.

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim, il-ħatt l-art kopert minn dan il-Kapitolu għandu jħares ir-regolamenti fis-seħħ fil-Guinea-Bissau, b’mod partikolari dawk relatati mad-daqs minimu tal-ispeċijiet ikkonċernati mill-obbligu tal-ħatt l-art. Skont dan l-obbligu, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom iħottu l-art biss speċijiet ta’ ħut awtorizzati li jinqabdu skont dan il-Protokoll, inkluż il-qabdiet aċċessorji awtorizzati.

Id-Direttorat Ġenerali għas-Sajd Industrijali għandu jfassal u jiffirma b’mod sistematiku formola li tikkonferma l-wasla ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet in natura, li mbagħad għandha titgħadda lill-kaptan.

KAPITOLU VI

KONTROLL U SPEZZJONI

1.   Dħul fiż-żona tas-sajd u ħruġ minnha

Kwalunkwe dħul fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u kwalunkwe ħruġ minnha, minn bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd, irid jiġi nnotifikat lill-Guinea-Bissau fi żmien 24 siegħa qabel dan id-dħul jew dan il-ħruġ. Dan il-perjodu għandu jitnaqqas għal 4 sigħat fil-każ tal-bastimenti għat-tonn.

Meta jinnotifika d-dħul jew il-ħruġ tiegħu, il-bastiment għandu jgħaddi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-data, il-ħin u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera previsti;

(b)

il-kwantità ta’ kull speċi miżmuma abbord, identifikata bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali;

(c)

il-preżentazzjoni tal-prodotti.

Preferibbilment, in-notifika għandha tintbagħat b’email, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, bil-fax jew bir-radju, f’indirizz elettroniku, fuq numru tat-telefown jew fuq frekwenza kkomunikata mill-Guinea-Bissau. Il-Guinea-Bissau għandha tinnotifika minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-Unjoni b’kwalunkwe bidla fl-indirizzi elettroniċi, fin-numru tat-telefown jew fil-frekwenza tat-trażmissjoni.

Kwalunkwe bastiment li jinqabad jistad fiż-żona tal-Guinea-Bissau mingħajr ma jkun innotifika l-preżenza tiegħu minn qabel għandu jitqies bħala bastiment li jkun qed jistad mingħajr awtorizzazzjoni.

2.   Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti – is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS, Vessel Monitoring System)

Meta jkunu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, il-bastimenti tal-Unjoni jridu jkunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita, jiġifieri permezz tal-VMS, li tiżgura l-komunikazzjoni awtomatika u kontinwa tal-pożizzjoni tagħhom, kull siegħa, liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tagħhom.

Huwa pprojbit li wieħed iċaqlaq, jitfi, jeqred, jagħmel ħsara jew jiddiżattiva s-sistema ta’ monitoraġġ kontinwu tal-pożizzjoni permezz tal-komunikazzjoni bis-satellita li tkun abbord il-bastiment għat-trażmissjoni tad-data, jew li wieħed jibdel minn jeddu, ibagħbas jew jiffalsifika d-data li din is-sistema tittrażmetti jew tirreġistra.

In-notifiki tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni u dwar il-qabdiet għandhom jintbagħtu bi prijorità permezz tal-VMS jew tal-ERS jew, jekk dawn ikunu bil-ħsara, permezz ta’ email, bil-fax jew bir-radju. Il-Guinea-Bissau għandha tinnotifika minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-Unjoni b’kwalunkwe bidla fl-indirizz elettroniku, fin-numru tat-telefown jew fil-frekwenza tat-trażmissjoni.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)

il-pożizzjoni ġeografika l-iżjed riċenti tal-bastiment (il-lonġitudni, il-latitudni), b’marġni ta’ errur ta’ inqas minn 500 metru, u b’intervall ta’ kunfidenza ta’ 99 %;

(c)

id-data u l-ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni; u

(d)

il-veloċità tal-bastiment u d-direzzjoni li fiha jkun qed jivvjaġġa.

Kwalunkwe bastiment li jinqabad jistad fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau mingħajr ma jkun innotifika l-preżenza tiegħu minn qabel għandu jitqies bħala bastiment li jkun qed jikser il-liġi.

3.   Spezzjoni fuq il-baħar jew fil-port

L-ispezzjoni fuq il-baħar fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, jew fil-port, tal-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandha ssir minn bastimenti u spetturi tal-Guinea-Bissau li jkunu identifikati b’mod ċar bħala bastimenti u spetturi maħtura sabiex iwettqu kontrolli tas-sajd.

Qabel ma jitilgħu abbord, l-ispetturi tal-Guinea-Bissau għandhom javżaw lill-bastiment tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jwettqu spezzjoni. L-ispezzjoni ssir minn massimu ta’ żewġ spetturi, li jridu jipprovdu prova tal-identità u tal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom bħala spetturi qabel ma jwettqu l-ispezzjoni. Jekk ikun il-każ, magħhom jista’ jkun hemm rappreżentanti tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali tal-Guinea-Bissau f’konformità mad-dritt internazzjonali tal-baħar.

L-ispetturi tal-Guinea-Bissau għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-Unjoni biss għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbuta mal-ispezzjoni. Għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jxejjen l-impatt fuq il-bastiment u fuq l-attività tas-sajd u l-merkanzija tiegħu.

Il-Guinea-Bissau tista’ tawtorizza lil spetturi akkreditati mill-Unjoni jieħdu sehem fl-ispezzjoni bħala osservaturi.

Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu jiffaċilita l-imbark u x-xogħol tal-ispetturi tal-Guinea-Bissau.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi tal-Guinea-Bissau għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu d-dritt iżid il-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun fasslu u mill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni.

L-ispetturi tal-Guinea-Bissau għandhom jgħaddu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni qabel ma jinżlu minn fuq il-bastiment. Il-Guinea-Bissau għandha tgħaddi kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-Unjoni fi żmien 8 ijiem mill-ispezzjoni.

4.   Kontroll tal-qabdiet

Sakemm l-ERS tibda verament tintuża, kull trimestru għandhom jitwettqu kontrolli għal għarrieda, abbażi ta’ sistema ta’ rotazzjoni, fuq terz tal-bastimenti tat-tkarkir li huma awtorizzati jistadu, sabiex tiġi eżaminata l-konformità tal-qabdiet mal-informazzjoni ddikjarata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd. Minn hawn ’il quddiem se tiġi riveduta l-frekwenza tal-kontroll tal-qabdiet biex titqies l-introduzzjoni tal-verifika tad-data dwar il-qabdiet permezz tal-ERS.

Kull kontroll għandu jsir fi tmiem il-vjaġġ wara li jingħata avviż 24 siegħa qabel u ma għandux idum aktar minn 4 sigħat.

Dawn il-kontrolli għandhom isiru f’post li l-koordinati ġeografiċi tiegħu se jintbagħtu lill-kaptan u lill-aġent tal-bastiment mill-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau.

KAPITOLU VII

KSUR TAR-REGOLI

1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim, ir-regolamenti tal-Guinea-Bissau dwar il-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd għandhom japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet fiż-żona tas-sajd skont dan il-Protokoll.

L-Unjoni għandha tieħu l-passi xierqa kollha biex tiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha jħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-sajd fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau, f’konformità mal-UNCLOS.

2.   Ipproċessar tal-ksur

Kwalunkwe ksur min-naħa ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll għandu jiġi nnotifikat lill-Unjoni fi żmien 48 siegħa, filwaqt li tiġi indikata n-natura tal-ksur. Id-deċiżjoni dwar dan il-ksur għandha tintbagħat lill-Unjoni u lill-Istat tal-bandiera fi żmien 7 ijiem tax-xogħol.

L-iffirmar tar-rapport tal-ispezzjoni min-naħa tal-kaptan għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ sid il-bastiment li jiddefendi ruħu mill-akkuża tal-ksur allegat.

3.   Detenzjoni ta’ bastiment — Laqgħa ta’ informazzjoni

Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tipprevedi dan b’rabta mal-ksur allegat, kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jkun wettaq ksur jista’ jiġi mġiegħel iwaqqaf l-attività tas-sajd tiegħu u, f’każ li jkun qed ibaħħar, jirritorna lejn port tal-Guinea-Bissau.

Il-Guinea-Bissau għandha tinnotifika lill-Unjoni fi żmien 48 siegħa b’kwalunkwe detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. Ma’ din in-notifika għandha tintbagħat l-evidenza tal-ksur allegat.

Qabel ma tieħu kwalunkwe miżura kontra l-bastiment, il-kaptan jew il-merkanzija kkonċernati, ħlief il-miżuri mmirati għall-ħarsien tal-evidenza, il-Guinea-Bissau għandha torganizza, fuq talba tal-Unjoni, fi żmien jum tax-xogħol min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni sabiex jiġu ċċarati l-fatti li wasslu għad-detenzjoni tal-bastiment u sabiex jiġi spjegat x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi din il-laqgħa ta’ informazzjoni.

4.   Penali għall-ksur — Proċedura ta’ kompromess

Il-Guinea-Bissau għandha tistabbilixxi l-penali għall-ksur allegat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li tkun fis-seħħ.

Meta s-soluzzjoni għall-ksur tkun tinvolvi proċedimenti legali, qabel dawn jingħataw bidu għandha tinbeda proċedura ta’ kompromess bejn il-Guinea-Bissau u l-Unjoni sabiex jiġu ddeterminati t-termini tal-penali u l-livell tagħha. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jieħu sehem f’din il-proċedura ta’ kompromess. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm sa mhux iktar tard minn 4 ijiem min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment.

5.   Proċedimenti legali — Garanzija bankarja

Jekk il-proċedura ta’ kompromess tfalli u l-ksur jitressaq quddiem il-qorti kompetenti, sid il-bastiment li jkun wettaq il-ksur għandu jiddepożita garanzija bankarja f’bank magħżul mill-Guinea-Bissau, li l-ammont tagħha, kif stabbilit mill-Guinea-Bissau, għandu jkun ikopri l-kostijiet marbuta mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens li jista’ jkun hemm ’il quddiem. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċedimenti legali.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rrilaxxata u tingħata lura lil sid il-bastiment minnufih wara li tinqata’ s-sentenza:

(a)

kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda penali;

(b)

skont l-ammont tal-bilanċ li jkun għad fadal, jekk il-penali tkun multa li tkun inqas mill-ammont tal-garanzija bankarja.

Il-Guinea-Bissau għandha tgħarraf lill-Unjoni bir-riżultat tal-proċedimenti legali fi żmien 8 ijiem mis-sentenza.

6.   Rilaxx tal-bastiment

Il-bastiment u l-kaptan tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-penali titħallas fi proċedura ta’ kompromess, jew ladarba l-garanzija bankarja tkun ġiet iddepożitata.

KAPITOLU VIII

IMPJIEG TAS-SAJJIEDA ABBORD BASTIMENTI TAL-UNJONI

1.   Għadd ta’ sajjieda li għandhom jiġu imbarkati

L-operatur ta’ bastiment tal-Unjoni awtorizzat skont dan il-Protokoll għandu jimbarka sajjieda mill-pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) biex jaħdmu abbord il-bastiment tiegħu bħala membri tal-ekwipaġġ għad-durata tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment fil-qafas tal-Protokoll.

Matul il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu, kull bastiment tat-tkarkir demersali tal-Unjoni għandu jimbarka sajjieda mill-Guinea-Bissau fil-limiti li ġejjin:

(a)

sitt sajjieda jekk ikollu kapaċità ta’ inqas minn 250 GRT;

(b)

seba’ sajjieda jekk ikollu kapaċità ta’ bejn 250 u 400 GRT;

(c)

tmien sajjieda jekk ikollu kapaċità ta’ iktar minn 400 GRT.

Is- sajjieda li għandhom jiġu imbarkati skont dan il-paragrafu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 (2), inkluż f’dak li jirrigwarda l-passaport, il-ktieb tal-baħrin, iċ-ċertifikat mediku u t-taħriġ bażiku. Il-lista ta’ rekwiżiti li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni għandha titgħadda biżżejjed minn qabel lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau mill-Istat tal-bandiera. Is-sajjieda mill-pajjiżi tal-OSAKP li għandhom jiġu imbarkati f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandhom ikunu jistgħu jifhmu l-lingwa ta’ ħidma stabbilita abbord il-bastiment tas-sajd.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Guinea-Bissau għandhom jistabbilixxu, jaġġornaw regolarment u jgħaddu lis-sidien tal-bastimenti lista ta’ sajjieda kompetenti.

Il-kaptan għandu jfassal, jiddata u jiffirma lista tal-ekwipaġġ konformi mal-Formola 5 tal-Konvenzjoni tal-OMI dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali u għandu jibgħat kopja ta’ din il-lista lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau qabel ma l-bastiment iħalli ż-żona tal-port.

Is-sid tal-bastiment jew, fin-nuqqas tiegħu, il-kaptan, għandu jirrifjuta l-imbark ta’ sajjied fuq il-bastiment tiegħu jekk dan ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jimbarkaw aktar sajjieda nazzjonali.

2.   Kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-kundizzjonijiet li bihom is-sajjieda mill-pajjiżi tal-OSAKP jiġu imbarkati jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/159, inkluż fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol jew tal-mistrieħ, id-drittijiet ta’ ripatrijazzjoni u s-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali.

3.   Kuntratt tax-xogħol tas-sajjieda

Għal kull sajjied impjegat abbord bastiment tal-Unjoni f’konformità mal-punt 1, għandu jiġi nnegozjat u ffirmat kuntratt tax-xogħol bil-miktub kemm mis-sajjied kif ukoll mill-impjegatur, li għandu wkoll jiġi approvat mill-awtorità kompetenti tal-Guinea-Bissau.

Il-ftehim jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/159 (l-Anness I tad-Direttiva).

4.   Paga tas-sajjieda

Il-kost tal-paga u kwalunkwe kost addizzjonali tax-xogħol għandhom jitħallsu direttament jew, fil-każ fejn is-sajjied ikun impjegat minn servizz privat tas-suq tax-xogħol, indirettament minn sid il-bastiment.

Is-sajjieda mill-pajjiżi tal-OSAKP għandu jkollhom paga fix-xahar jew regolari garantita, preferibbilment permezz ta’ trasferiment bankarju. Din għandha tiġi stabbilita bi ftehim reċiproku bejn sidien il-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u s-sajjieda u/jew it-trade unions jew ir-rappreżentanti tagħhom. Meta ma jkunux ġew konklużi ftehimiet kollettivi u l-pagi bażiċi minimi tal-Istati tal-bandiera ma jkunux japplikaw, il-kundizzjonijiet tal-paga bażika mogħtija lis-sajjieda mill-pajjiżi tal-OSAKP ma jistgħux ikunu inferjuri għall-istandards tal-ILO.

Is-sajjieda ma għandhomx għalfejn iġarrbu kwalunkwe kost potenzjali tal-pagamenti li jirċievu. Is-sajjieda għandu jkollhom il-mezzi biex jibagħtu b’xejn lill-familji tagħhom il-pagamenti kollha li jirċievu, jew parti minnhom, inkluż il-pagamenti bil-quddiem.

Is-sajjieda għandhom jirċievu payslip għal kull paga li jirċievu u, jekk jitolbuha, prova li l-paga ntbagħtet.

5.   Sigurtà soċjali

Il-Guinea-Bissau għandha tiżgura li s-sajjieda residenti abitwali fit-territorju tagħha u d-dipendenti tagħhom, sa fejn previst mil-liġi nazzjonali, ikunu intitolati għall-protezzjoni soċjali b’kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal ħaddiema oħra, b’mod partikolari l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom, li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tagħha.

6.   Servizzi privati ta’ reklutaġġ u kollokament għas-sajjieda

Is-servizzi privati tas-suq tax-xogħol jinkludu servizz privat ta’ reklutaġġ u kollokament għas-sajjieda, jiġifieri kwalunkwe persuna, kumpanija, istituzzjoni, aġenzija jew organizzazzjoni oħra, inkluż l-aġenti magħżula mis-sidien tal-bastimenti, li jwettqu attivitajiet ta’ reklutaġġ ta’ sajjieda f’isem is-sidien tal-bastimenti jew ta’ kollokament ta’ sajjieda mas-sidien tal-bastimenti.

L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jiżguraw li l-aġenti li jfornu servizzi ta’ reklutaġġ u ta’ kollokament kemm lis-sajjieda kif ukoll lis-sidien tal-bastimenti:

(a)

ma jużaw l-ebda mezz, mekkaniżmu jew lista bl-għan li jipprevjenu jew jiskoraġġixxu lis-sajjieda milli jsibu impjieg;

(b)

ma jimponux fuq is-sajjieda, fi flus jew in natura, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, tariffi jew kostijiet oħra marbuta mas-servizzi tas-suq tax-xogħol tagħhom;

(c)

ma jagħtux b’self u lanqas ma jfornu oġġetti jew servizzi lis-sajjieda li jridu jiġu rimborżati jew imħallsa mis-sajjieda stess;

(d)

ma jnaqqsux mill-paga tas-sajjieda kwalunkwe ammont bħala ħlas jew ir-rimborż ta’ kwalunkwe self, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi fornuti qabel mas-sajjied ikun ġie impjegat; u

(e)

jiżguraw li:

(i)

il-kuntratt tax-xogħol tas-sajjied ikun jikkonforma ma’ dan il-Kapitolu, mal-leġiżlazzjonijiet, mar-regolamenti u mal-ftehimiet ta’ negozjar kollettivi li jirregolaw il-kuntratt tax-xogħol tas-sajjied;

(ii)

il-kuntratt tax-xogħol tas-sajjied jitfassal b’lingwa mifhuma mis-sajjied u bil-lingwa uffiċjali jew tax-xogħol tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat;

(iii)

is-sajjieda impjegati jiġu infurmati bid-drittijiet u bl-obbligi tagħhom qabel ma jiffirmaw il-kuntratt tax-xogħol tagħhom;

(iv)

jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex is-sajjieda impjegati jkunu jistgħu jeżaminaw it-termini tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom u jitolbu parir dwaru qabel ma jiffirmawh;

(v)

is-sajjieda impjegati jirċievu kopja ffirmata tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom;

(vi)

is-sajjieda jħarsu l-obbligi tagħhom skont dan il-Kapitolu; u

(vii)

is-sid tal-bastiment jirċievi kopja ta’ kull payslip u prova tal-ħlas f’waqthom ma’ kull paga li tintbagħat, jekk il-pagi jkunu f’idejn l-aġent.

L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jiżguraw li l-uffiċjali nazzjonali li jimpjegaw sajjieda stazzjonati abbord bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jiżguraw li l-kuntratti tax-xogħol tas-sajjieda iffirmati ma’ dawk is-sajjieda jindikaw li huma impjegati mill-aġent, bil-ħsieb li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sidien tal-bastimenti li jassenjawlhom il-kompiti u jissorveljaw il-prestazzjoni tagħhom.

B’deroga mill-punt (b), tat-tieni subparagrafu, il-kostijiet relatati mal-kisba ta’ ktieb tas-sajjieda, ta’ ċertifikat mediku u ta’ passaport għandhom jitħallsu mis-sajjied. Il-kostijiet tal-kisba ta’ viża u ta’ permess tax-xogħol, jekk applikabbli, huma r-responsabbiltà tal-impjegatur.

7.   Ħarsien ta’ dan il-kapitolu

L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Partijiet għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sajjieda tkun aċċessibbli faċilment u mingħajr ħlas f’forma komprensiva u trasparenti.

L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan il-Kapitolu f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u f’konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

L-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera għandhom jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-paragrafi 1, 2 u 3 abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Dawn jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom f’konformità mal-linji gwida tal-ILO għall-Ispezzjoni mill-Istat tal-Bandiera tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol fuq il-Bastimenti tas-Sajd.

Il-Kummissjoni Konġunta għandha timmonitorja l-ħarsien tal-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

KAPITOLU IX

OSSERVATURI

1.   Osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

Il-bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu soġġetti għal skema ta’ osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd li jwettqu fil-kuntest tal-Ftehim.

Osservatur huwa kwalunkwe persuna li tingħata s-setgħa minn awtorità nazzjonali li tosserva l-implimentazzjoni tar-regoli li japplikaw għall-operazzjonijiet tas-sajd jew li tosserva dawn l-operazzjonijiet għal skopijiet xjentifiċi.

Fil-każ tal-bastimenti għat-tonn u tal-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ukoll lill-pajjiżi kkonċernati l-oħra malajr kemm jista’ jkun b’rabta mad-definizzjoni ta’ sistema ta’ osservaturi reġjonali u mal-għażla tal-organizzazzjoni kompetenti tas-sajd.

Il-bastimenti l-oħra għandhom jimbarkaw osservatur maħtur mill-Guinea-Bissau. Jekk l-osservatur ma jitfaċċax fil-ħin u fil-post maqbulin, postu jrid jieħdu xi ħadd ieħor sabiex il-bastiment ikun jista’ jibda l-attivitajiet tiegħu minnufih.

2.   Bastimenti u osservaturi ddeżinjati

Meta toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-Guinea-Bissau għandha tgħarraf lill-Unjoni u lil sid il-bastiment, jew lill-aġent tiegħu, bil-bastimenti u bl-osservaturi ddeżinjati, kif ukoll bil-ħin li matulu l-osservatur ikun se jinsab abbord kull bastiment. Il-Guinea-Bissau għandha tgħarraf minnufih lill-Unjoni u lil sid il-bastiment, jew lill-aġent tiegħu, b’kull bidla marbuta mal-bastimenti u l-osservaturi ddeżinjati.

L-osservatur ma għandux iqatta’ iżjed ħin abbord il-bastiment milli għandu bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

3.   Kontribuzzjoni finanzjarja b’rata fissa

Meta jħallas l-imposta, sid il-bastiment għandu jħallas lill-Guinea-Bissau, għal kull bastiment tat-tkarkir, l-ammont ta’ EUR 10 000 fis-sena, aġġustat pro rata temporis skont id-durata tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastimenti ddeżinjati.

4.   Paga tal-osservatur

Il-Guinea-Bissau għandha tħallas il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur.

5.   Kundizzjonijiet tal-imbark

Meta jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Madankollu, l-akkomodazzjoni tal-osservatur abbord għandha tqis l-istruttura teknika tal-bastiment.

Sid il-bastiment għandu jħallas il-kostijiet marbuta mal-akkomodazzjoni u mal-ikel ipprovduti lill-osservatur abbord il-bastiment.

Il-kaptan għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura s-sigurtà fiżika u l-benesseri tal-osservatur.

L-osservatur għandu jingħata l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Għandu jkollu aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, għad-dokumenti marbutin mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord tas-sajd u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment li huma marbutin b’mod dirett mal-kompiti tiegħu.

6.   Obbligi tal-osservatur

Waqt li jkun abbord l-osservatur għandu:

(a)

jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex ma jinterrompix jew ifixkel l-operazzjonijiet tas-sajd;

(b)

iħares l-oġġetti u t-tagħmir li jkun hemm abbord;

(c)

iħares in-natura kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument tal-bastiment.

7.   L-imbark u l-iżbark tal-osservatur

Sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu għandu jgħarraf lill-Guinea-Bissau, 10 ijiem qabel l-imbark, bid-data, bil-ħin u bil-port tal-imbark tal-osservatur. Jekk l-osservatur jiġi imbarkat f’pajjiż barrani, sid il-bastiment għandu jħallas il-kostijiet marbuta mal-ivvjaġġar tiegħu lejn il-port tal-imbark.

Meta l-osservatur ma jiġix żbarkat f’port tal-Guinea-Bissau, sid il-bastiment għandu jiżgura r-ritorn tal-osservatur lura lejn il-Guinea-Bissau mill-aktar fis possibbli u jħallas il-kostijiet relatati hu.

8.   Kompiti tal-osservatur

L-osservaturi għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

josservaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment;

(b)

jivverifikaw il-pożizzjoni tal-bastiment waqt l-operazzjonijiet tas-sajd tiegħu;

(c)

iwettaqu attivitajiet fil-kuntest tal-programmi xjentifiċi, inkluż kampjunar bijoloġiku;

(d)

jagħmlu lista tal-irkaptu tas-sajd użat;

(e)

jivverifikaw id-data dwar il-qabdiet li jkunu saru fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau li tkun irrappurtata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd;

(f)

jivverifikw il-perċentwali tal-qabdiet aċċessorji abbażi ta’ dak li huwa ddefinit fl-iskedi tekniċi għal kull kategorija u jistma l-qabdiet skartati;

(g)

għandhom jgħaddu l-osservazzjonijiet tagħhom darba kuljum fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tagħhom, fosthom il-kwantità ta’ qabdiet ewlenin u aċċessorji abbord.

9.   Rapport tal-osservatur

Qabel ma jinżel minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jippreżenta dikjarazzjoni tal-osservazzjonijiet tiegħu lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu jkollu d-dritt li jżid il-kummenti tiegħu. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-osservatur u mill-kaptan. L-osservatur għandu jippreżenta lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau responsabbli mill-kontroll u mis-sorveljanza, immedjatament wara li jiżbarka, id-dikjarazzjoni oriġinali u r-rapport finali tal-missjoni ffirmati u ttimbrati kif xieraq mill-kaptan tal-bastiment, li għandu jirċievi kopja tagħhom mingħand l-osservatur. L-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom jibagħtu kopja tad-dokumenti kollha lill-Unjoni.

APPENDIĊIJIET

Appendiċi 1 – Formola tat-talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Appendiċi 2 – Skedi tekniċi għal kull kategorija

Appendiċi 3 – Ipproċessar tad-data personali


(1)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (Cogeca), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12).

Appendiċi 1

FORMOLA TAT-TALBA GĦAL AWTORIZZAZZJONI TAS-SAJD

FTEHIM TA’ SĦUBIJA FIS-SETTUR TAS-SAJD IL-GUINEA-BISSAU – L-UNJONI EWROPEA

Image 3

Image 4

Appendiċi 2

SKEDI TEKNIĊI GĦAL KULL KATEGORIJA

SKEDA 1

KATEGORIJA TAS-SAJD NUMRU 1 – BASTIMENTI TAT-TKARKIR MGĦAMMRA BI FRIŻA GĦALL-ĦUT BIL-PINEN U GĦAĊ-ĊEFALOPODI

1.

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, fosthom iż-żona ta’ ġestjoni komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, li tasal sal-angolu ażimut ta’ 268o fit-Tramuntana.

2.

Rkaptu awtorizzat:

Huma awtorizzati x-xbieki standard tat-tkarkir bid-diriġenti u rkaptu selettiv ieħor.

It-tanguni huma awtorizzati.

Kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd huwa pprojbit milli juża’ l-mezzi jew it-tagħmir kollu sabiex jimblokka l-malji tax-xbieki jew inaqqas l-azzjoni selettiva tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li x-xbieki jitherrew jew jiċċarrtu, man-naħa ta’ taħt tal-manka ta’ xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jista’ jitwaħħal biss inforr tat-taħkik magħmul mix-xbiek jew minn xi drapp ieħor. Dan l-inforr għandu jitwaħħal biss mat-truf ta’ quddiem u tal-ġnub tal-manka tax-xibka tat-tkarkir. Għan-naħa ta’ fuq tax-xibka tat-tkarkir jista’ jintuża tagħmir ta’ protezzjoni, iżda dan irid ikun magħmul minn biċċa xibka unika li tkun magħmula mill-istess materjal tal-manka u li l-malji tagħha jkunu ta’ mill-inqas 300 millimetru meta jkunu stirati.

Huwa pprojbit li wieħed jirdoppja r-raden, sempliċi jew immaljat, tal-manka.

3.

Daqs minimu awtorizzat tal-malji:

70 mm

4.

Qabdiet aċċessorji:

Skont is-sistema tal-ġestjoni tal-isforz, abbażi tal-GRT, l-għadd ta’ krustaċji li l-bastimenti jkollhom abbord fi tmiem kull vjaġġ ma jridx ikun iktar minn 5 % tal-qabdiet kollha li jkunu għamlu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau. Il-qbid tat-totlu (Todarodes sagittatus u Todaropsis eblanae) huwa awtorizzat u jingħadd mal-ispeċijiet fil-mira.

Mit-tranżizzjoni lejn sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq il-limitu tal-qbid, jiġifieri abbażi tat-TAC, il-Partijiet se jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex jiddeterminaw ir-rati awtorizzati tal-qabdiet aċċessorji, abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt.

Kwalunkwe qbiż tal-perċentwali tal-qabdiet aċċessorji awtorizzati għandu jiġi ppenalizzat f’konformità mar-regolamenti tal-Guinea-Bissau.

5.

Tunnellaġġ awtorizzat / imposti:

5.1.

Tunnellaġġ awtorizzat skont is-sistema ta’ ġestjoni tal-isforz (abbażi tal-GRT)

3 500 GRT fis-sena

5.2.

Imposti f’EUR għal kull GRT fis-sistema tal-ġestjoni tal-isforz

EUR 310 għal kull GRT fis-sena

Fil-każ tal-awtorizzazzjonijiet ta’ 3 xhur jew ta’ 6 xhur, l-imposti għandhom jiġu kkalkulati pro rata temporis u jiżdiedu b’4 % jew bi 2,5  % rispettivament.

SKEDA 2

KATEGORIJA TAS-SAJD NUMRU 2 – BASTIMENTI TAT-TKARKIR GĦALL-GAMBLI

1.

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, fosthom iż-żona ta’ ġestjoni komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, li tasal sal-angolu ażimut ta’ 268o fit-Tramuntana.

2.

Rkaptu awtorizzat:

Ix-xbieki standard tat-tkarkir bid-diriġenti u rkaptu selettiv ieħor huma awtorizzati.

It-tanguni huma awtorizzati.

Kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd huwa pprojbit milli juża’ l-mezzi jew it-tagħmir kollu sabiex jimblokka l-malji tax-xbieki jew inaqqas l-azzjoni selettiva tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li x-xbieki jitherrew jew jiċċarrtu, man-naħa ta’ taħt tal-manka ta’ xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jista’ jitwaħħal biss inforr tat-taħkik magħmul mix-xbiek jew minn xi drapp ieħor. Dan l-inforr għandu jitwaħħal biss mat-truf ta’ quddiem u tal-ġnub tal-manka tax-xibka tat-tkarkir. Għan-naħa ta’ fuq tax-xibka tat-tkarkir jista’ jintuża tagħmir ta’ protezzjoni, iżda dan irid ikun magħmul minn biċċa xibka unika li tkun magħmula mill-istess materjal tal-manka u li l-malji tagħha jkunu ta’ mill-inqas 300 millimetru meta jkunu stirati.

Huwa pprojbit li wieħed jirdoppja r-raden, sempliċi jew immaljat, tal-manka.

3.

Daqs minimu awtorizzat tal-malji:

50 mm

4.

Qabdiet aċċessorji:

L-għadd ta’ ċefalopodi u ta’ ħut li l-bastimenti tat-tkarkir għall-gambli jkollhom abbord fi tmiem kull vjaġġ ma jridx ikun iktar minn 15 % u minn 70 %, rispettivament, tal-qabdiet kollha li jkunu għamlu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

Kwalunkwe qbiż tal-perċentwali tal-qabdiet aċċessorji awtorizzati għandu jiġi ppenalizzat f’konformità mar-regolamenti tal-Guinea-Bissau.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt sabiex jadattaw ir-rata awtorizzata abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt.

5.

Tunnellaġġ awtorizzat / imposti:

5.1.

Tunnellaġġ awtorizzat skont is-sistema ta’ ġestjoni tal-isforz (abbażi tal-GRT)

3 700 GRT fis-sena

5.2.

Imposti f’EUR għal kull GRT fis-sistema tal-ġestjoni tal-isforz

EUR 434 għal kull GRT fis-sena

Fil-każ tal-awtorizzazzjonijiet ta’ 3 xhur jew ta’ 6 xhur, l-imposti għandhom jiġu kkalkulati pro rata temporis u jiżdiedu b’4 % jew bi 2,5  % rispettivament.

SKEDA 3

KATEGORIJA TAS-SAJD NUMRU 3 – BASTIMENTI TAT-TONN BIL-QASAB U X-XLIEF

1.

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, fosthom iż-żona ta’ ġestjoni komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, li tasal sal-angolu ażimut ta’ 268o fit-Tramuntana.

Il-bastimenti tat-tonn bil-qasab u x-xlief huma awtorizzati jistadu għal-lixka ħajja sabiex iwettqu l-vjaġġi tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

2.

Rkaptu awtorizzat:

2.1.

Qasab u xlief

2.2.

It-tartaruni tal-borża bil-lixka ħajja: 16 mm.

3.

Qabdiet aċċessorji:

F’konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi u mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT, is-sajd għall-gabdoll (Cetorhinus maximus), għall-kelb l-abjad (Carcharodon carcharias), għall-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus), għall-kurazzi tal-familja Sphyrnidae (ħlief il-kurazza tiburo), għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus) u għall-kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis) għandu jkun ipprojbit. Is-sajd għat-tawru (Carcharias taurus) u għall-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) għandu jkun ipprojbit.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt sabiex jaġġornaw din il-lista abbażi tar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi.

4.

Tunnellaġġ awtorizzat / imposti:

4.1.

Ammont annwali b’rata fissa bil-quddiem

EUR 3 600 għal 51,43 tunnellata għal kull bastiment

4.2.

Imposta addizzjonali għal kull tunnellata mistada

EUR 70 għal kull tunnellata

4.3.

Għadd ta’ bastimenti awtorizzati jistadu

13-il bastiment

SKEDA 4

KATEGORIJA TAS-SAJD NUMRU 3 – BASTIMENTI TAT-TONN BIT-TARTARUNI MGĦAMMRA BI FRIŻA U BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-KONZIJIET

1.

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, fosthom iż-żona ta’ ġestjoni komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, li tasal sal-angolu ażimut ta’ 268o fit-Tramuntana.

2.

Rkaptu awtorizzat:

Tartaruni u konzijiet tal-wiċċ

3.

Qabdiet aċċessorji:

F’konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi u mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT, is-sajd għall-gabdoll (Cetorhinus maximus), għall-kelb l-abjad (Carcharodon carcharias), għall-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus), għall-kurazzi tal-familja Sphyrnidae (ħlief il-kurazza tiburo), għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus) u għall-kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis) għandu jkun ipprojbit. Is-sajd għat-tawru (Carcharias taurus) u għall-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) għandu jkun ipprojbit.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt sabiex jaġġornaw din il-lista abbażi tar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi.

4.

Tunnellaġġ awtorizzat / imposti:

4.1.

Ammont annwali b’rata fissa bil-quddiem

EUR 5 500 li jikkorrispondu għal 68,75 tunnellata għal kull bastiment bit-tartaruni għall-ewwel żewġ perjodi ta’ applikazzjoni tal-Protokoll u għal 64,71 tunnellata għal kull bastiment bit-tartaruni għall-perjodi ta’ applikazzjoni li ġejjin

EUR 3 600 għal 51,43 tunnellata għal kull bastiment tas-sajd bil-konzijiet

4.2.

Imposta addizzjonali għal kull tunnellata mistada

EUR 80 għal kull tunnellata għall-bastimenti bit-tartaruni għall-ewwel żewġ perjodi ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, u EUR 85 għal kull tunnellata għall-bastimenti bit-tartaruni għall-perjodi ta’ applikazzjoni li ġejjin

EUR 70 għal kull tunnellata għall-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet

4.3.

Imposti applikabbli għall-bastimenti ta’ appoġġ

EUR 5 000 fis-sena għal kull bastiment

4.4.

Għadd ta’ bastimenti awtorizzati jistadu

28 bastiment

SKEDA 5

KATEGORIJA TAS-SAJD NUMRU 5 – BASTIMENTI TAS-SAJD GĦALL-ĦUT PELAĠIKU Ż-ŻGĦIR

1.

Żona tas-sajd:

Lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, fosthom iż-żona ta’ ġestjoni komuni ta’ bejn il-Guinea-Bissau u s-Senegal, li tasal sal-angolu ażimut ta’ 268o fit-Tramuntana.

2.

Bastimenti u rkaptu awtorizzati:

2.1.

Il-bastimenti b’kapaċità ta’ 5 000 tunnellaġġ gross jew inqas biss huma awtorizzati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Guinea-Bissau.

2.2.

L-irkaptu awtorizzat huwa x-xbieki tat-tkarkir pelaġiku u t-tartaruni tal-borża għas-sajd industrijali.

3.

Daqs minimu awtorizzat tal-malji:

70 mm għax-xbieki tat-tkarkir.

4.

Qabdiet aċċessorji:

L-għadd ta’ ħut, ħlief dak pelaġiku, ta’ ċefalopodi u ta’ krustaċji li l-bastimenti tat-tkarkir jkollhom abbord fi tmiem kull vjaġġ ma jridx ikun iktar minn 10 %, minn 10 % u minn 5 %, rispettivament, tal-qabdiet kollha li jkunu għamlu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

Kwalunkwe qbiż tal-perċentwali tal-qabdiet aċċessorji awtorizzati għandu jiġi ppenalizzat f’konformità mar-regolamenti tal-Guinea-Bissau.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt sabiex jadattaw ir-rata awtorizzata abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt.

5.

Tunnellaġġ awtorizzat / imposti:

5.1.

Tunnellaġġ awtorizzat skont sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq il-limitu tal-qbid (jiġifieri abbażi tat-TAC)

0 tunnellati fis-sena

5.2.

Imposti f’EUR għal kull tunnellata f’sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq il-limitu tal-qbid (jiġifieri abbażi tat-TAC)

Għad iridu jiġu ddeterminati

Id-definizzjoni ta’ vjaġġ:

Għall-finijiet ta’ dan l-Appendiċi, id-durata ta’ vjaġġ ta’ bastiment tal-Unjoni huwa ddefinit kif ġej:

—

il-perjodu ta’ bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u l-ħruġ minnha; jew

—

il-perjodu ta’ bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u xi trażbord; jew

—

il-perjodu ta’ bejn id-dħul fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u xi ħatt l-art fl-istess pajjiż.

Appendiċi 3

IPPROĊESSAR TAD-DATA PERSONALI

1.   Definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni

1.1.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan l-Appendiċi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Ftehim u d-definizzjonijiet li ġejjin:

—

“ data personali”: l-informazzjoni kollha dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (minn hawn “il quddiem imsejħa ‘suġġett tad-data ’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista” tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni;

—

“ipproċessar”: kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-modifikazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, id-disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

—

“awtorità trasferenti”: l-awtorità pubblika li tibgħat id-data personali;

—

“awtorità destinatarja”: l-awtorità pubblika li tirċievi d-data personali;

—

“vjolazzjoni tad-data ”: vjolazzjoni tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, t-telf, l-alterazzjoni, l-iżvelar mhux awtorizzati aċċidentali jew illegali tad-data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor, jew l-aċċess mhux awtorizzat għaliha;

—

“trasferiment ulterjuri”: it-trasferiment tad-data personali minn parti riċeventi lil entità li mhijiex parti firmatarja f’dan il-Protokoll (“parti terza”);

—

“awtorità superviżorja”: awtorità pubblika indipendenti responsabbli mis-superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

1.2.   Kamp ta’ applikazzjoni

Il-persuni kkonċernati minn dan il-Protokoll huma b’mod partikolari l-persuni fiżiċi li huma sidien ta’ bastimenti tal-Unjoni, ir-rappreżentanti tagħhom, il-kaptan u l-ekwipaġġ li jaħdmu abbord bastimenti tal-Unjoni li joperaw skont dan il-Protokoll.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet, il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, id-data li ġejja tista’ tiġi skambjata u pproċessata ulterjorment:

—

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-bastiment;

—

l-attivitajiet ta’ bastiment jew dawk relatati miegħu, il-pożizzjoni u l-movimenti tiegħu, l-attività tas-sajd tiegħu jew l-attività tiegħu marbuta mas-sajd, miġbura permezz ta’ kontrolli, spezzjonijiet jew osservaturi;

—

id-data dwar is-sid(ien) tal-bastiment jew tar-rappreżentant tiegħu/tagħhom, bħall-isem, in-nazzjonalità, id-dettalji ta’ kuntatt professjonali u l-kont bankarju professjonali,

—

id-data dwar l-aġent lokali, bħall-isem, in-nazzjonalità u d-dettalji ta’ kuntatt professjonali,

—

id-data dwar il-kaptani u l-membri tal-ekwipaġġ, bħall-isem, in-nazzjonalità, il-pożizzjoni u, fil-każ tal-kaptan, id-dettalji ta’ kuntatt,

—

id-data relatata mas-sajjieda imbarkati, bħall-isem, id-dettalji ta’ kuntatt, it-taħriġ, iċ-ċertifikat tas-saħħa.

1.3.   Awtoritajiet responsabbli

L-awtoritajiet responsabbli mill-ipproċessar tad-data huma, min-naħa waħda, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtorità tal-Istat Membru tal-bandiera għall-Unjoni, u min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti maħtura mill-Guinea-Bissau.

2.   Salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali

2.1.   Limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data

Id-data personali mitluba u ttrasferita skont dan il-Protokoll hija adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, jiġifieri għall-ipproċessar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u għall-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet imwettqa mill-bastimenti tal-Unjoni. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw id-data personali skont dan il-Protokoll biss għall-finijiet speċifiċi stabbiliti fih.

Id-data li tasal ma għandhiex tiġi pproċessata għal skopijiet oħra għajr għal dawk imsemmija hawn fuq, inkella għandha tiġi anonimizzata.

Fuq talba, l-awtorità destinatarja għandha tgħarraf lill-awtorità trasferenti dwar l-użu tad-data pprovduta minnufih.

2.2.   Akkuratezza

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data personali ttrasferita skont dan il-Protokoll tkun akkurata, attwali u, fejn xieraq, aġġornata regolarment abbażi tal-għarfien tal-awtorità trasferenti. Jekk waħda mill-Partijiet issib li d-data personali trasferita jew dik li tasal ma tkunx akkurata, din għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra minnufih u tikkoreġiha u taġġornaha kif meħtieġ.

2.3.   Limitazzjoni tal-ħżin

Id-data personali ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-objettiv li għalih tkun ġiet skambjata, u għandha tinżamm għal massimu ta’ sena wara l-iskadenza ta’ dan il-Protokoll, sakemm id-data ma tkunx meħtieġa biex tippermetti s-segwitu ta’ ksur tal-liġi, ta’ spezzjoni jew ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. F’dan il-każ, id-data tista’ tinżamm sakemm ikun meħtieġ biex jiġi segwit il-ksur jew l-ispezzjoni jew sal-konklużjoni finali tal-proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv.

Jekk id-data personali tinħażen għal żmien itwal, din għandha tiġi anonimizzata.

2.4.   Sigurtà u kunfidenzjalità

Id-data personali għandha tiġi pproċessata b’tali mod li tiġi żgurata s-sigurtà xierqa tagħha, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluż il-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali. L-awtoritajiet inkarigati mill-ipproċessar għandhom jindirizzaw kwalunkwe vjolazzjoni tad-data u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirrimedjaw kwalunkwe effett negattiv tal-vjolazzjoni tad-data personali u jtaffu l-effetti negattivi possibbli tagħha. L-awtorità destinatarja għandha tinnotifika din il-vjolazzjoni lill-awtorità trasferenti malajr kemm jista’ jkun u dawn għandhom jikkooperaw kif meħtieġ ma’ xulxin b’mod reċiproku u f’waqtu sabiex kull waħda minn dawk l-awtoritajiet tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha li jirriżultaw minn vjolazzjoni tad-data personali skont il-qafas legali nazzjonali tagħhom.

Il-Partijiet jintrabtu li jimplimentaw il-miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw li l-ipproċessar jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

2.5.   Rettifika jew tħassir

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtorità trasferenti u l-awtorità destinatarja jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżguraw minnufih ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali meta l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, b’mod partikolari minħabba li din id-data ma tkunx adegwata, rilevanti, akkurata jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar.

Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe rettifika jew tħassir.

2.6.   Trasparenza

Il-Partijiet iridu jiżguraw li s-suġġetti tad-data jiġu informati, permezz ta’ notifika individwali u tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fuq is-siti web tagħhom, dwar il-kategoriji tad-data trasferita u pproċessata ulterjorment, il-mod kif tiġi pproċessata d-data personali, l-għodda rilevanti użata għat-trasferiment, l-iskop tal-ipproċessar, il-partijiet terzi jew il-kategoriji ta’ partijiet terzi li lilhom, ulterjorment, tista’ tiġi ttrasferita l-informazzjoni, id-drittijiet individwali u l-mekkaniżmi disponibbli biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu rimedju, u d-dettalji rigward fejn jistgħu jressqu tilwima jew ilment.

2.7.   Trasferiment ulterjuri

L-awtorità destinatarja għandha tittrasferixxi d-data personali li tasal skont dan il-Protokoll lil parti terza stabbilita f’pajjiż għajr l-Istati Membri tal-bandiera jekk dan ikun iġġustifikat minn objettiv importanti ta’ interess pubbliku, rikonoxxut ukoll fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-awtorità trasferenti, u jekk ir-rekwiżiti l-oħra tal-Appendiċi (b’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data) jiġux issodisfati; u

—

jekk il-pajjiż li fih tinsab il-parti terza jew li fih l-organizzazzjoni internazzjonali tibbenefika minn deċiżjoni ta’ adegwatezza adottata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“deċiżjoni ta’ adegwatezza”) li tkopri t-trasferiment ulterjuri; jew

—

f’każijiet speċifiċi, meta dan it-trasferiment ikun meħtieġ biex l-awtorità trasferenti tissodisfa l-obbligi tagħha lejn l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd; jew

—

f’każijiet eċċezzjonali u meta jkun meqjus meħtieġ, il-parti terza tintrabat li tipproċessa d-data biss għall-iskopijiet speċifiċi li għalihom tiġi ulterjorment ittrasferita u li tħassarha immedjatament ladarba l-ipproċessar ma jibqax meħtieġ għal dan il-għan.

3.   Drittijiet tas-suġġetti tad-data

3.1.   Aċċess għad-data personali

Fuq talba ta’ suġġett tad-data, l-awtoritajiet destinatarji jridu:

—

jikkonfermaw lis-suġġett tad-data jekk id-data personali dwaru hijiex qiegħda tiġi pproċessata jew le;

—

jipprovdu informazzjoni dwar l-iskop tal-ipproċessar, il-kategoriji tad-data personali, il-perjodu ta’ ħżin (jekk possibbli), id-dritt li tintalab rettifika jew tħassir, id-dritt li jitressaq ilment, eċċ.;

—

jipprovdu kopja tad-data personali;

—

jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar is-salvagwardji applikabbli.

3.2.   Korrezzjoni tad-data personali

Fuq talba ta’ suġġett tad-data, l-awtorità destinatarja għandha tirrettifika d-data personali tiegħu li ma tkunx kompluta, ma tkunx akkurata jew ma tkunx għadha valida.

3.3.   Tħassir tad-data personali

Fuq talba ta’ suġġett tad-data, l-awtoritajiet destinatarji jridu:

—

iħassru kwalunkwe data personali dwaru li tkun ġiet ipproċessata b’mod li ma jkunx konformi mas-salvagwardji stabbiliti f’dan il-Protokoll;

—

iħassru kwalunkwe data personali li tikkonċernah li ma tkunx għadha meħtieġa għall-iskopijiet li għalihom tkun ġiet ipproċessata legalment;

—

iwaqqfu l-ipproċessar tad-data personali jekk is-suġġett tad-data joġġezzjona għaliha għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.

3.4.   Proċeduri

L-awtorità destinatarja għandha tagħti tweġiba fi żmien raġonevoli u f’waqtha, u fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn xahar mit-talba, għal talba ta’ suġġett tad-data dwar l-aċċess għad-data personali tiegħu, jew ir-rettifika u t-tħassir tagħha. L-awtorità destinatarja tista’ tieħu miżuri xierqa, bħall-impożizzjoni ta’ imposti raġonevoli biex ikopru l-kostijiet amministrattivi jew ir-rifjut tal-issodisfar ta’ talba li tkun manifestament infondata jew eċċessiva.

Fil-każ ta’ tweġiba negattiva għal talba ta’ suġġett tad-data, dan irid jiġi infurmat mill-awtorità destinatarja bir-raġunijiet għar-rifjut.

3.5.   Restrizzjonijiet

Id-drittijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jkunu limitati jekk din il-limitazzjoni tkun prevista mil-liġi u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għas-sejbien u għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

Dawn id-drittijiet jistgħu jkunu limitati wkoll biex jiżguraw funzjoni ta’ kontroll, ta’ spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, anke kultant, mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Bl-istess kundizzjonijiet, dawn jistgħu jkunu limitati wkoll għall-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

4.   Rimedju u kontroll indipendenti

4.1.   Kontroll indipendenti

Il-konformità tal-ipproċessar tad-data personali ma’ dan il-Protokoll għandha tkun soġġetta għal kontroll indipendenti minn korp estern jew intern li jeżerċita kontroll indipendenti u li jkollu setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ rimedju.

4.2.   Awtoritajiet ta’ kontroll

Għall-Unjoni, dan il-kontroll għandu jiġi eżerċitat mill-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS, European data protection supervisor), meta l-ipproċessar jaqa’ fil-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea, jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, meta l-ipproċessar jaqa’ fil-kompetenza tal-Istat Membru tal-bandiera, u għall-Guinea-Bissau għandu jiġi eżerċitat mill-awtorità kompetenti maħtura.

L-awtoritajiet imsemmija hawn fuq se jittrattaw b’mod effettiv u f’waqtu l-ilmenti tas-suġġetti tad-data rigward l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont dan il-Protokoll.

4.3.   Dritt għal rimedju

Kull Parti għandha tiżgura li, fl-ordni legali tagħha, suġġett tad-data li jqis li xi awtorità ma ħarsitx is-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 14 u f’dan l-Appendiċi, jew li jqis li kien hemm vjolazzjoni fir-rigward tad-data personali tiegħu, jista’ jitlob kumpens mingħand dik l-awtorità sa fejn ikun permess mid-dispożizzjonijiet legali applikabbli quddiem qorti jew korp ekwivalenti.

B’mod partikolari, kwalunkwe lment kontra kwalunkwe awtorità jista’ jiġi indirizzat lill-EDPS, fil-każ tal-Kummissjoni Ewropea, u lill-awtorità kompetenti maħtura mill-Guinea-Bissau, fil-każ tal-Guinea-Bissau. Barra minn hekk, ċerti lmenti kontra kwalunkwe awtorità jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ tal-Kummissjoni Ewropea, u quddiem il-qrati tal-Guinea-Bissau, fil-każ tal-Guinea-Bissau.

Fil-każ ta’ tilwima jew ilment ippreżentati minn suġġett tad-data, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu, kontra l-awtorità trasferenti, l-awtorità destinatarja jew iż-żewġ awtoritajiet, l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar dawn it-tilwim jew l-ilmenti u għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu t-tilwima jew l-ilment b’mod amikevoli kemm jista’ jkun malajr.

4.4.   Żvelar

Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin infurmati dwar kwalunkwe ilment li jirċievu dwar l-ipproċessar tad-data personali skont dan il-Protokoll u dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu.

5.   Rieżami

Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jaffettwaw l-ipproċessar tad-data personali. Kull Parti għandha teżamina perjodikament il-politiki u l-proċeduri tagħha stess implimentati mill-Artikolu 14 u minn dan l-Appendiċi u, fuq talba raġonevoli ta’ waħda mill-Partijiet, il-Parti l-oħra għandha teżamina l-politiki u l-proċeduri tagħha għall-ipproċessar tad-data personali biex tivverifika u tikkonferma l-implimentazzjoni effettiva tas-salvagwardji previsti fl-Artikolu 14 u f’dan l-Appendiċi. Ir-riżultati tal-eżaminazzjoni jiġu kkomunikati lill-Parti rikjedenti.

Jekk ikun meħtieġ, huma għandhom jaqblu fil-Kumitat Konġunt dwar kwalunkwe biddla li jenħtieġ li ssir f’dak l-Anness.

6.   Sospensjoni tat-trasferiment

Il-Parti trasferenti tista’ tissospendi jew ittemm it-trasferiment tad-data personali fejn il-Partijiet jonqsu milli jsolvu b’mod amikevoli tilwim dwar l-ipproċessar tad-data personali f’konformità ma’ dan l-Appendiċi sakemm tqis li l-kwistjoni ġiet solvuta b’mod sodisfaċenti mill-Parti riċeventi. Id-data diġà ttrasferita għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan l-Appendiċi.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2589/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)