KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2019 ( 1 )
Kawża C-547/18
Dong Yang Electronics Sp. z o.o.
vs
Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-valur miżjud – Provvisti ta’ servizzi – Post tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE – Sussidjarja (bis-sede tagħha fi Stat Membru) ta’ kumpannija omm bis-sede tagħha f’pajjiż terz”
I. Introduzzjoni
|
1. |
F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita bil-kwistjoni dwar fejn jinsab il-post ta’ provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). Dan il-post jiddetermina liema Stat għandu s-setgħa li jimponi taxxi. |
|
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret għaliex kumpanija Koreana qabbdet kumpanija Pollakka biex tipprovdilha servizzi ta’ mmuntar. Billi dan il-kuntratt ġie eżegwit permezz tas-sussidjarja Pollakka tal-klijent Korean, it-tilwima hija dwar jekk is-servizz ġiex ipprovdut lill-klijent Korean jew lis-sussidjarja Pollakka tiegħu inkwantu stabbiliment fiss tal-klijent. Jekk tiġi adottata din l-aħħar ipoteżi, il-post tal-provvista jkun fil-Polonja u kien messha tħallset il-VAT skont id-dritt Pollakk, li l-fornitur kellu jiġbor u jħallas. Dan ma sarx. |
|
3. |
Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija “biss” dwar jekk ġietx implimentata korrettement il-liġi fil-qasam tal-VAT, u mhux dwar l-ammont ta’ dħul fiskali (Pollakk). Kieku s-servizzi ġew ipprovduti lil stabbiliment fiss fil-Polonja, allura l-klijent Korean kien ikun jista’ mingħajr dubju jnaqqas il-VAT. Fil-fatt, l-oġġetti prodotti ġew ikkummerċjalizzati fis-suq Ewropew mill-Polonja, b’tali mod li huma suġġetti għall-VAT. Fiż-żewġ każijiet, il-VAT la kienet ser tkun ta’ piż għall-klijent Korean u lanqas ma kienet ser iżżid id-dħul fiskali Pollakk. |
|
4. |
Minkejja dan, il-kwistjoni hija rilevanti, għaliex il-fornitur għandu jew ma għandux iħallas il-VAT fil-Polonja, skont jekk sussidjarja tistax titqies jew le bħala l-istabbiliment fiss ta’ kumpannija omm. Għall-fornitur, din il-kwistjoni tista’ tkun waħda ta’ importanza eżistenzjali, jekk iktar ’il quddiem ma jirnexxilux jiġbor il-VAT mis-sieħeb kuntrattwali tiegħu. |
|
5. |
Tassew li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha bosta drabi dwar il-kunċett ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-liġi dwar il-VAT. Madankollu, hija qatt ma indikat b’mod ċar jekk sussidjarja hijiex stabbiliment fiss tal-kumpannija prinċipali. Fis-sentenza tagħha DFDS ( 2 ) il-Qorti tal-Ġustizzja donnha qieset, inizjalment, li sussidjarja tikkostitwixxi wkoll stabbiliment fiss. Fis-sentenza Daimler ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu reġgħet tbiegħdet minn din il-pożizzjoni. Fil-kawża Welmory ( 4 ), hija setgħet finalment tevita milli twieġeb. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi b’mod ċar dwar din il-kwistjoni. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
6. |
Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jinstab fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
|
7. |
L-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT ( 6 ) jistipula: “Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.” |
|
8. |
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal- 15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”) ( 7 ) “Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.” |
|
9. |
L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludi l-kjarifika li ġejja fir-rigward tar-relazzjoni bejn it-tassazzjoni fil-post tas-sede u t-tassazzjoni fil-post tal-istabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli: “Meta forniment ta’ servizzi lil persuna taxxabbli, jew persuna mhux taxxabbli meqjusa bħala persuna taxxabbli, jaqa’ fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE, u l-persuna taxxabbli hija stabbilita f’iżjed minn pajjiż wieħed, dak il-forniment għandu jkun taxxabbli fil-pajjiż fejn dik il-persuna taxxabbli stabbiliet in-negozju tagħha. Madanakollu, fejn is-servizz huwa pprovdut għal stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli li jinsab f’post minbarra dak fejn il-klijent stabilixxa n-negozju tiegħu, dak il-forniment għandu jkun taxxabbli fil-lok tal-istabbiliment fiss li jirċievi dak is-servizz u li jużah għall-ħtiġijiet proprji tiegħu. […]” |
|
10. |
L-obbligi tal-fornitur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi huma deskritti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni: “Biex jidentifika l-istabbiliment fiss tal-klijent li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur għandu jeżamina n-natura u l-użu tas-servizz provdut. Meta n-natura u l-użu tas-servizz provdut ma jippermettulux jidentifika l-istabbiliment fiss li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur, fl-identifikazzjoni ta’ dak l-istabbiliment fiss, għandu jeżamina b’mod partikolari jekk il-kuntratt, id-dokument tal-ordni u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti mill-Istat Membru tal-klijent u kkomunikat lilu mill-klijent jidentifikax l-istabbiliment fiss bħala klijent tas-servizz u jekk l-istabbiliment fiss hux l-entità li tħallas għas-servizz. Fejn l-istabbiliment fiss tal-klijent li jingħatalu s-servizz ma jistax ikun determinat skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu jew meta servizzi koperti mill-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE jkunu ġew fornuti lil persuna taxxabbli taħt kuntratt li jkopri servizz wieħed jew aktar li ntużaw b’mod mhux identifikabbli jew li ma jistax jiġi kkwantifikat, il-fornitur jista’ jikkunsidra b’mod validu li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti fil-post fejn il-klijent stabilixxa n-negozju tiegħu.” |
B. Id-dritt Pollakk
|
11. |
L-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT ġie implimentat fil-Polonja permezz tal-Artikolu 28b(1) u (2) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004, li jipprovdi li, f’każijiet li fihom is-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jkun qiegħed f’post differenti mill-post fejn hija għandha s-sede tagħha jew l-indirizz permanenti tagħha, il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi jkun jinstab fil-post tal-istabbiliment fiss. |
|
12. |
L-Artikolu 13(3) tal-ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju Liberu tal-Attività Ekonomika) tat-2 ta’ Lulju 2004 jistipula li persuni barranin għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 sa 2a għandhom id-dritt ta’ stabbiliment biss taħt il-forma ta’ soċjetà in akkomandita sempliċi, soċjetà in akkomandita b’ishma, kumpannija b’responsabbiltà limitata jew kumpannija b’responsabbiltà limitata b’ishma, bla ħsara għal ftehim internazzjonali li jipprovdu mod ieħor. |
|
13. |
Tali dispożizzjonijiet ma jirriżultawx mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra ( 8 ) F’dan il-ftehim, ir-Repubblika tal-Polonja tat lill-impriżi Koreani aċċess fis-suq tagħha biss fil-forma ta’ twaqqif ta’ sussidjarja li tikkorrispondi għal wieħed mit-tipi ta’ kumpannija msemmija ( 9 ) |
III. It-tilwima fil-kawża prinċipali
|
14. |
Fis-27 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Dong Yang Electronics sp. z o. o. (iktar ’il quddiem “Dong Yang”), li għandha s-sede tagħha fil-Polonja, ikkonkludiet mal-kumpanija LG Display Co. Ltd. (Korea) (iktar ’il quddiem “LG Korea”), li għandha s-sede tagħha fir-Republika tal-Korea, kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ mmuntar ta’ bords ta’ ċirkwiti stampati magħmula minn ċerti materjali (elementi, komponenti) li kienu proprjetà tal-kumpannija LG Korea. |
|
15. |
Dawn il-materjali ġew ipprovduti lil Dong Yang minn LG Display Polska sp. z.o.o (iktar ’il quddiem “LG Poland Production), sussidjarja tal-kumpannija LG Korea. Dong Yang kienet tipprovdi wkoll lil LG Poland Production il-bords ta’ ċirkwiti stampati pproċessati wara l-immuntar tagħhom. Filwaqt li Dong Yang kienet tiftiehem ma’ LG Korea dwar il-kwantità totali ta’ materjal meħtieġ, hija LG Poland Production li kienet tinformaha dwar il-kwantità meħtieġa kuljum. |
|
16. |
L-elementi rilevanti f’dan il-każ tal-istruttura interna tal-“grupp-LG”, li ma kinux magħrufa minn Dong Yang, huma esposti kif ġej: |
|
17. |
Abbażi tal-impenji kuntrattwali meħuda fir-rigward ta’ LG Korea, LG Poland Production kienet tipproduċi prodotti lesti, jiġifieri partijiet li jintużaw fl-immuntar TFT-LCD, billi tgħaqqad komponenti li kienu proprjetà tal-kumpannija LG Korea. LG Poland Production kienet tipprovdi barra minn hekk lil LG Korea servizzi oħra marbuta mal-ħżin u l-loġistika f’dak li jirrigwarda l-prodotti lesti li wkoll kienu proprjetà ta’ LG Korea. Il-prodotti lesti kienu jinbiegħu minn LG Korea lil sussidjarja oħra marbuta magħha b’kapital fil-Polonja (iktar ’il quddiem “LG Poland Sales”) u din is-sussidjarja kienet imbagħad tiddistribwihom fis-suq Ewropew. |
|
18. |
LG Korea, li kienet irreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-Polonja u li kellha hemmhekk rappreżentant fiskali, assigurat lil Dong Yang li hija ma kellha l-ebda stabbiliment fiss, ma kienet timpjega l-ebda impjegat u ma kellha l-ebda proprjetà immobbli u lanqas tagħmir tekniku fit-territorju Pollakk. |
|
19. |
Għalhekk fis-sena 2012, Dong Yang ħarġet lil LG Korea, għas-servizzi ta’ mmuntar pprovduti minnha, fatturi li fihom ma kinitx ikkalkolata l-VAT. Minflok, dawn il-fatturi kellhom din in-nota: “Valur taxxabbli Artikolu 28b(2) tal-Liġi dwar il-VAT”. Il-fatturi kienu jindikaw li LG Korea kienet ir-riċevitur tas-servizzi u huma, barra minn hekk, tħallsu minn din il-kumpannija. |
|
20. |
Madankollu, l-awtoritajiet fiskali Pollakki kompetenti ffissaw il-VAT li Dong Yang kellha tħallas għas-servizzi inkwistjoni għas-sena 2012. Huma qiesu li l-VAT kienet dovuta bir-rata normali fil-Polonja, billi s-servizzi li tat il-kumpannija Dong Yang fil-fatt kienu ingħataw mhux fis-sede ta’ LG Korea fil-Korea, iżda fl-istabbiliment fiss li l-kumpannija għandha fil-Polonja – LG Poland Production. |
|
21. |
Abbażi tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn LG Korea u LG Poland Production, l-awtoritajiet fiskali kkonstataw li LG Korea kienet hija nfisha ħolqot fil-Polonja stabbiliment fiss billi “użat il-potenzjal ekonomiku” ta’ LG Poland Production, billi implimentat mudell ta’ impriża maħsub għal dan il-għan permezz ta’ kuntratt. Minflok ma qagħdet fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ LG Korea, Dong Yang kellha, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, teżamina l-użu tas-servizzi li kienet tipprovdi. Kieku għamlet dan, hija kienet tinduna li r-riċevitur reali tas-servizzi li hija kienet tipprovdi, kien LG Poland Production. |
|
22. |
Fil-kuntest tar-rikors tagħha, Don Yang titlob l-annullament tal-valutazzjonijiet tat-taxxa. Hija tqis li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma humiex issodisfatti. |
IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
B’digriet tas-6 ta’ Ġunju 2018, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjjin skont l-Artikolu 267 TFUE:
|
|
24. |
Waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Dong Yang, l-awtorità fiskali Pollakka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u pparteċipaw ukoll fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019. |
V. Evalwazzjoni legali
A. Interpretazzjoni tad-domandi preliminari
|
25. |
L-ewwel nett għandhom jiġu ċċarati d-domandi tal-qorti tar-rinviju. |
|
26. |
Is-suġġett tal-ewwel domanda jirrigwarda biss il-punt dwar jekk is-sempliċi fatt li kumpanija omm stabbilita f’pajjiż terz għandha sussidjarja Pollakka (f’dan il-każ, LG Poland Production) jimplikax li hija – jiġifieri l-kumpanija omm Koreana – għandha stabbiliment fiss fil-Polonja fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
27. |
Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf ukoll, fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, liema huma l-kriterji l-oħra li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja (LG Poland Production) tikkostitwixxix stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (LG Korea). Fil-fatt, l-eżami tar-relazzjonijiet kuntrattwali msemmija fit-tieni domanda preliminari jkun obbligatorju biss jekk ikun rilevanti biex tiġi stabbililta l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika b’mod espliċitu, fil-bidu tal-motivazzjoni tad-domandi preliminari, li hija għandha mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT biex tiddetermina l-post tal-provvista tas-servizzi minn Dong Yong lil LG Korea. |
|
28. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, minn naħa, jekk sussidjarja tikkostitwixxix, bħala tali, stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (ara B). Hija tistaqsi min-naħa l-oħra – fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv – jekk hemmx kriterji oħra li jippermettu li jitqies, meta jkunu ssodisfatti, li sussidjarja hija stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (ara C). F’każ li jeżistu kriterji bħal dawn, il-qorti tar-rinviju jkollha wkoll il-mistoqsija dwar dak li l-fornitur għandu jivverifika sabiex jistabbilixxi jekk sussidjarja tikkostitwixxix tali stabbiliment fiss (ara D). |
B. Sussidjarja hija stabbiliment fiss tal-kumpanija prinċipali?
|
29. |
Mill-kliem tad-Direttiva dwar il-VAT jidher diġà li sussidjarja li hija kumpannija ġuridikament awtonoma ma tistax fl-istess waqt titqies bħala stabbiliment fiss tal-kumpanija omm tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jitkellem dwar persuna taxxabbli waħda, li stabbiliet is-sede tal-attività ekonomika tagħha f’post u li għandha stabbiliment fiss f’post ieħor. Madankollu, kumpannija omm u kumpannija sussidjarja ma humiex persuna taxxabbli waħda, iżda tnejn. |
|
30. |
Huwa minnu li l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza f’ċerti ċirkustanzi lill-Istati Membri “jikkunsidra[w] bħala persuna taxxabbli” diversi persuni taxxabbli li huma marbuta mill-qrib (dak li jissejjaħ “grupp VAT”). Madankollu din il-possibbiltà hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni (“persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”). Billi LG Korea għandha mingħajr dubju s-sede tagħha fil-Korea t’Isfel, grupp VAT mas-sussidjarja Pollakka tagħha huwa eskluż a priori. |
|
31. |
Il-kriterji sostantivi l-oħra msemmija fl-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, li huma ppreċiżati permezz tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, lanqas ma jippermettu l-konklużjoni li r-rabtiet strutturali, taħt id-dritt tal-kumpanniji, ma’ persuna taxxabbli oħra huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hemm stabbiliment fiss tal-kumpannija omm. |
|
32. |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jsemmi, f’dan il-kuntest, kriterji bħalma huma livell suffiċjenti ta’ permanenza tal-istabbiliment u struttura xierqa li tippermettilha tirċievi u tuża servizzi. Dawn huma kollha kriterji li ma għandhom l-ebda rabta mal-liġi dwar il-kumpanniji u għalhekk jistgħu jikkonċernaw biss l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli waħda li għandha s-sede tagħha f’post ieħor. |
|
33. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jwieġeb biss id-domanda dwar jekk il-fatt li l-infrastruttura eżistenti ta’ persuna taxxabbli tkun tinsab f’post differenti minn dak fejn tas-sede tagħha huwiex biżżejjed sabiex hija tkun tikkostitwixxi stabbiliment fiss. Bil-kontra tal-pożizzjoni difiża mir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa irrilevanti għall-kwistjoni li għandha tiġi deċiża f’dan il-każ, dwar jekk l-infrastruttura ta’ persuna taxxabbli oħra (u għalhekk ukoll il-post fejn hija stabbiliet in-negozju tagħha) tistax tikkostitwixxi wkoll l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli distinta. |
|
34. |
Għalhekk, bi qbil mal-Kummissjoni, ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ tingħata b’“le” ċar: is-sempliċi fatt li kumpannija stabbilita f’pajjiż terz ikollha sussidjarja fi Stat Membru ma jimplikax li din is-sussidjarja hija stabbiliment fiss fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, f’dan l-Istat Membru. |
C. Jeżistu kriterji li skonthom sussidjarja tista’ tikkostitwixxi stabbiliment fiss tal-kumpanija omm?
|
35. |
Madankollu għandu jiġi ċċarat il-punt dwar jekk jeżistux kriterji skont liema, eċċezzjonalment, sussidjarja tista’ tkun integrata fl-istruttura ta’ grupp sal-punt li hija jkollha titqies, mhux biss bħala persuna taxxabbli awtonoma, iżda wkoll bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
36. |
Din l-analiżi tagħti lok għal oġġezzjonijiet ta’ prinċipju (ara 1), b’tali mod li evalwazzjoni differenti hija possibbli biss fil-każ ta’ prattiki abbużivi (ara 2). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS lanqas ma tipprekludi din il-konklużjoni ( 10 ) (ara 3). |
1. Oġġezzjonijiet ta’ prinċipju
|
37. |
Iqumu oġġezzjonijiet ta’ prinċipju kontra l-ammissjoni li s-sede ta’ sussidjarja tikkostitwixxi stabbiliment fiss tal-kumpannija omm. Il-kunċett ġuridiku ta’ stabbiliment fiss huwa intiż sabiex jippermetti li entità taxxabbli tiġi attribwita “aġir” partikolari. Madankollu, jekk l-istabbiliment ikun ġuridikament awtonomu u jikkostitwixxi, għaldaqstant, entità taxxabbli distinta, hemm bosta raġunijiet sabiex tiġi eskluża, b’mod ġenerali, attribuzzjoni lil entità legali oħra. |
|
38. |
Kif diġà indikat (ara l-punt 29), anki l-kliem tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jmur kontra t-teżi li tgħid li l-infrastruttura ta’ persuna taxxabbli (u għahekk ukoll il-post fejn hija stabbilita) tista’ fl-istess waqt tikkostitwixxi l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra. B’mod korrispondenti, ġie sostnut ukoll li entità li għandha personalità ġuridika proprja – pereżempju sussidjarja – “ma tistax tkun fl-istess waqt l-istabbiliment fiss ta’ persuna ġuridika oħra” ( 11 ). |
|
39. |
Barra minn hekk, dan ikun iwassal għal kunflitti mar-regoli dwar l-inverżjoni tal-ħlas (Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT) u dwar il-grupp fiskali (Arikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT). |
|
40. |
Dan ikun il-każ jekk sussidjarja nazzjonali (ikkontrollata) tikkonkludi pereżempju ma’ kumpannija barranija kuntratti validi taħt id-dritt ċivili, li jiġu eżegwiti u ntaxxati fil-post tas-sede tas-sussidjarja. Fil-fatt, jekk ikun hemm lok li s-sussidjarja titqies bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm, il-VAT tkun dovuta fit-territorju nazzjonali mhux mis-sussidjarja, iżda mill-kumpannija omm, skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan ikun il-każ ukoll meta, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija omm tkun stabbilita f’pajjiż terz. |
|
41. |
It-trasferiment tal-kwalità ta’ debitur fiskali fuq il-persuna li tirċievi s-servizzi, skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa, madankollu, intiż ukoll sabiex jiffaċilita l-ġbir tat-taxxa mill-Istat li fih il-persuna li tirċievi s-servizz tkun residenti. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-kumpannija omm inkwistjoni. Barra minn hekk, billi din ma għandhiex neċessarjament għarfien dwar l-operazzjonijiet legali kollha ta’ persuna ġuridika awtonoma – anki jekk din tkun sussidjarja – din il-konklużjoni tidher stramba. Il-kumpannija omm tkun, kontra r-rieda tagħha, responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet li ma kinitx taf bihom u li għalihom hija ma rċeviet l-ebda korrispettiv. Dan ikun diffiċilment kompatibbli mal-funzjoni tal-persuna taxxabbli bħala kollettur tat-taxxa f’isem l-Istat ( 12 ). |
|
42. |
Barra minn hekk, dan l-effett – it-trasferiment tal-obbligi fiskali lil kumpannija “marbuta mill-qrib” – huwa previst biss fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan jagħmel ukoll ineffettiva l-evalwazzjoni espliċita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tippermetti l-ġabra fi grupp ta’ diversi persuni ġuridikament indipendenti għal raġunijiet tajba ( 13 ) biss fl-Istat membru u għalhekk mhux ma’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi. |
|
43. |
Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Welmory ( 14 ), diġà indikajt l-importanza primordjali taċ-ċertezza legali għall-fornitur tas-servizz fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-obbligi fiskali tiegħu u ddeduċejt minn dan li entità li għandha personalità ġuridika proprja ma tistax tkun fl-istess waqt l-istabbiliment fiss ta’ persuna ġuridika oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett taċ-ċertezza legali fis-sentenza li hija tat f’din il-kawża ( 15 ) L-istess jgħodd fir-rigward taċ-ċertezza legali tar-riċevitur tas-servizzi, li għandu jkun jaf, jekk huwiex huwa, jew jekk hijiex is-sussidjarja jew il-kumpanija omm tiegħu (ara l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT) li għandu/għandhom iħallsu l-VAT. |
|
44. |
Barra minn hekk, nirreferi għall-memorandum ta’ spejgazzjoni għall-abbozz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, li skontu “huwa, importanti li l-fornitur […] ikun kapaċi jistabbilixxi b’mod korrett fejn jinsab [ir-riċevitur]” ( 16 ). Dan ikun jista’ jagħmlu biss, jekk ikun jista’ jeskludi li s-sede ta’ sussidjarja tista’ wkoll titqies bħala stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra. L-istatus legali ta’ kumpanija awtonoma – f’dan il-każ, kumpannija b’responsabbiltà limitata (sp.z.o.o) – huwa relattivament faċli sabiex jiġi ddeterminat. |
|
45. |
Barra minn hekk, ma huwiex dejjem ċar mill-estern – jiġifieri, f’dan il-każ, minn Dong Yang –min ikun qed jikkontrolla sussidjarja. F’din il-kawża, jidher li LG Poland Production – skont kif jindikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Don Yang fin-noti tagħha u waqt is-seduta – għadha wkoll ikkontrollata sa 20 % minn kumpannija terza. Jekk dawn l-20 % jkunu jikkostitwixxu minorità li tista’ twaqqaf deċiżjonijiet, allura wieħed qajla jista’ jitkellem dwar pereżempju sussidjarja (ikkontrollata). |
|
46. |
Bħala konklużjoni, sussidjarja awtonoma ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm. |
2. Eċċezzjoni hija ġġustifikata permezz tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi?
|
47. |
L-iktar l-iktar, konklużjoni differenti tista’ tkun valida, jekk ir-relazzjonijiet kuntrattwali magħżula (f’dan il-każ, dawk li jorbtu lil LG Korea u lil Dong Yang) ikunu jikkostitwixxu prattika abbużiva. |
|
48. |
Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, kif huwa applikat fl-ambitu tal-VAT mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Halifax ( 17 ), huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ). |
|
49. |
Għalhekk, dan il-prinċipju jista’ jkun applikabbli wkoll f’dan il-każ. Madankollu nqis, bħall-Kummissjoni, li huwa relattivament ċar li f’dan il-każ ma kienx hemm prattika abbużiva min-naħa ta’ LG Korea, peress li s-servizzi ġew ikkummissjonati direttament minn Don Yang (minflok, pereżempju, kummissjoni minn LG Poland Production) |
|
50. |
Minn naħa, Dong Yang mhux biss ipprovdiet formalment is-servizzi lil LG Korea, iżda effettivament lil LG Poland Production. Anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika (l-hekk imsejħa perspettiva ekonomika), li tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistma komuni tal-VAT ( 19 ), il-konklużjoni kuntrarja ma tistax tintlaqa’ f’dan il-każ. |
|
51. |
LG Poland Production la kienet il-parti l-oħra fil-kuntratt ma’ Dong Yang, la l-propjetarja tal-prodotti pproċessati, u lanqas ma kienet hija li għamlet użu ulterjuri minnhom (jiġifieri ma biegħithomx hi). Pjuttost, LG Korea biegħet il-prodotti lesti lil LG Poland Sales. F’dan ir-rigward – kif ir-Renju Unit sostna waqt is-seduta – ma jistax jiġi sostnut li l-kumpanija LG Poland Production użat is-servizzi ta’ Dong Yang. Kemm Dong Yang kif ukoll LG Poland Production ikkollaboraw flimkien, inkwantu “fornituri”, fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni bbażat fuq it-taqsim tax-xogħol, u dan fl-interess ta’ LG Korea. Din tal-aħħar użat is-servizzi taż-żewġ kumpanniji billi biegħet il-prodotti lesti lil LG Poland Sales. |
|
52. |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li Dong Yang effettivament ipprovdiet is-servizzi tagħha lil LG Poland Production, dan ma jkollu l-ebda effett fuq l-ammont ta’ dħul fiskali Pollakk u fuq l-ammont tal-piż ta’ VAT imġarrab minn LG Poland Production. F’dan il-każ, LG Poland Production ikollha d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input korrispondenti fil-mument li fih tinħareġ il-fattura ( 20 ). |
|
53. |
Anki jekk jingħad li LG Korea għandha stabbiliment fiss fil-Polonja minħabba s-sussidjarja tagħha LG Poland Production, dan ma jibdel xejn. F’każ bħal dan, LG Korea jkollha fil-Polonja dritt għal tnaqqis u konsegwentement lanqas ma jkollha ġġarrab il-piż tal-VAT f’dan l-Istat. Għaż-żewġ perspettivi, la r-Repubblika tal-Polonja u lanqas l-awtoritajiet fiskali ma jirnexxielhom juru liema piż ta’ VAT seta’ ġie evaż b’mod abbużiv. |
|
54. |
L-argument ewlieni tal-Polonja huwa li l-ħolqien tal-valur sar fil-Polonja u għandu għalhekk jiġi ntaxxat fil-Polonja wkoll. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-argument huwiex fil-fatt korrett (għal dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ oġġetti u mal-kunsinna sussegwenti ta’ dawn fil-Komunità, li hija eżenti mit-taxxa skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT, pereżempju, dan l-argument ma huwiex korrett, għaliex hawn japplika l-prinċipju tal-pajjiż destinatarju, b’tali mod li l-valur jinħoloq f’wieħed mill-pajjiżi u jiġi ntaxxat f’pajjiż ieħor). |
|
55. |
Fil-fatt, sa fejn is-servizzi ta’ Dong Yang ġew integrati fi prodotti li jinbiegħu fil-Polonja, is-servizz ta’ Dong Yang huwa wkoll intaxxat, finalment, fil-post tal-konsum tal-prodotti (jiġifieri fil-Polonja). L-ammont li LG Korea ħallset lil Dong Yang mingħajr VAT Pollakka huwa inkluż fil-prezz tal-prodott finali (hawnhekk moniter TFT) u huwa finalment xorta suġġett għall-VAT Pollakka mal-bejgħ tal-prodott finali fil-Polonja. B’hekk, il-Polonja tirċievi, fil-mument tal-kunsinna tal-moniter TFT fil-Polonja, id-dħul fiskali fuq il-valur maħluq minn Dong Yang għal LG Korea fil-Polonja. Il-fatt li, mill-perspettiva tal-VAT, il-post tal-provvista tas-servizzi ta’ Dong Yang kien preċedentement fil-Korea jirriżulta minn deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-post ta’ provvista ta’ servizzi lil kumpannija oħra fis-sede ta’ din. |
|
56. |
Madankollu din id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma għandha, f’dan il-każ, l-ebda rilevanza għad-dħul fiskali tal-Polonja, kif il-Kummissjoni enfasizzat ġustament. F’dan ir-rigward, ma hemmx riskju partikolari ta’ abbuż taħt il-liġi dwar il-VAT fil-każ ta’ servizzi li jiġu integrati fi prodotti fiżiċi. Għaldaqstant, lanqas ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Dong Yang kellhiex b’xi mod tinduna li l-immuntar ta’ LG Korea kien abbużiv. |
|
57. |
Din hija differenza deċiżiva mill-każijiet li fihom servizzi jiġu integrati f’servizzi oħra. Dawn tal-aħħar diġà ġew eżaminati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). F’dan ir-rigward, huwa teoretikament konċepibbli li jitnaqqas il-piż tal-VAT permezz ta’ strutturi tad-dritt ċivili, kif milli jidher ipprova jsir fil-kawża DFDS ( 22 ) – għalkemm, huwa minnu, fil-kuntest legali preċedenti. |
|
58. |
Il-fatt li Dong Yang ma ddikjaratx u ma ħallsitx il-VAT tal-Korea t’Isfel lanqas ma jista’ jitqies bħala prattika abbużiva min-naħa ta’ din il-kumpannija. Fir-rigward tal-VAT dovuta fil-Korea t’Isfel – skont id-dritt fis-seħħ f’dan il-pajjiż –, huwa probabbli li LG Korea informat korrettement lill-parti l-oħra fil-kuntratt, Dong Yang. Kif irriżulta fis-seduta, Dong Yang ġiet assigurata li hija ma kellhiex tħallas it-taxxa, fil-Korea t’Isfel, fuq l-“importazzjoni ta’ dawn is-servizzi”. Ma huwiex eskluż li, taħt id-dritt tal-Korea t’Isfel fil-qasam tal-VAT, pereżempju, hija prevista l-inverżjoni ta’ ħlas fuq ir-riċevitur tas-servizz li huwa stabbilit fil-Korea t’Isfel, meta kumpannija barranija tipprovdilu servizzi. Mill-inqas dan huwa dak li huwa previst għal bosta servizzi pprovduti minn kumpanniji barranin lil kumpanniji nazzjonali fil-kuntest tas-sistema tal-VAT fl-Unjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT). |
3. Eċċezzjoni hija ġġustifikata permezz tas-sentenza fil-kawża DFDS?
|
59. |
L-iktar l-iktar, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS tista’ tmur kontra dan. Fil-fatt, wieħed jista’ jinterpretaha fis-sens li huwa eventwalment possibbli li sussidjarja kkontrollata tikkostitwixxi, inkwantu sempliċi organu awżiljarju tal-kumpanija omm, stabbiliment fiss ta’ din tal-aħħar ( 23 ). |
|
60. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta operatur turistiku li s-sede tiegħu tinsab fi Stat Membru jipprovdi lil vjaġġaturi provvisti ta’ servizzi permezz ta’ kumpannija li topera fil-kwalità ta’ aġent fi Stat Membru ieħor, dawn il-provvisti huma suġġetti għall-VAT f’dan l-Istat imsemmi l-aħħar. Il-prerekwiżit huwa li din il-kumpannija, li taġixxi bħala sempliċi organu awżiljarju tal-operatur turistiku, ikollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u tekniċi li jikkaratterizzaw stabbiliment fiss ( 24 ).. |
|
61. |
Din id-deċiżjoni – li fuqha l-Polonja essenzjalment tibbaża ruħha – kienet tikkonċerna, madankollu, il-qasam speċifiku tal-operaturi turistiċi, li fi kwalunkwe każ jaqgħu taħt sistema speċjali fil-qasam tal-VAT (issa l-Artikolu 306 et seq tad-Direttiva dwar il-VAT). Diġà għal din ir-raġuni biss, din id-deċiżjoni ma hijiex direttament trasponibbli għal każijiet oħra. |
|
62. |
It-tieni nett, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kienet tikkonċerna sussidjarja li, fil-kwalità ta’ intermedjarja tal-kumpanija omm, kienet tipprovdi servizzi lil terzi. Din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-każ preżenti. LG Poland Production ma tbigħx il-moniters għan-nom ta’ LG Korea. Ma jistax jingħad li hija taġixxi bħala sempliċi organu awżiljarju. |
|
63. |
It-tielet nett, is-sentenza DFDS kienet tikkonċerna l-każ oppost tal-post tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-kumpanija omm jew mis-sussidjarja u mhux ir-riċeviment tal-provvista minn terz. Din hija raġuni oħra għalfejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma diffiċilment applikabbli. Il-kriterju tal-organu awżiljarju li jaġixxi għall-kumpanija omm ma japplikax f’dan il-każ. Id-domanda fis-sentenza DFDS kienet dwar min kien ipprovda s-servizzi ta’ vvjaġġar (u mhux min kien irċevihom) minn perspettiva ekonomika. |
|
64. |
Ir-raba’ nett, il-kawża DFDS kienet ikkaraterizzata – kif osservat ġustament il-Kummissjoni – miċ-ċirkustanzi partikolari tar-riskju ta’ abbuż fil-qasam tas-servizzi u wkoll mill-fatt li eżenzjoni mit-taxxa kienet tapplika jew le skont il-post tal-provvista tas-servizzi. Kif diġà ssemma hawn fuq, il-VAT hija madankollu dovuta finalment f’din il-kawża fuq il-kunsinna tal-oġġetti (moniters), fir-rigward ta’ liema s-servizz huwa biss pass preliminari. Għalhekk f’dan il-każ ma hemmx tali riskju ta’ abbuż. |
|
65. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tbiegħdet mis-sentenza DFDS u għamlitha ċara li sussidjarja 100 % tikkostitwixxi wkoll persuna ġuridika li hija taxxabbli b’mod awtonomu ( 25 ) Barra minn hekk, kif diġà indikajt fil-punt 43, huwa fl-interess taċ-ċertezza legali, f’dak li jirrigwarda l-persuna li hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT, li entità b’personalità ġuridika proprja ma tkunx tista’ fl-istess waqt tkun l-istabbiliment fiss ta’ persuna oħra distinta. |
|
66. |
Konsegwentement, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS ma tipprovdix elementi utli għal din il-kawża. |
4. Konklużjoni intermedja
|
67. |
Għaldaqstant, sussidjarja ma tistax titqies bħala l-istabbiliment fiss tal-kumpannija omm (fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT). Soluzzjoni oħra tkun konċepibbli biss jekk l-istruttura kuntrattwali magħżula mir-riċevitur tas-servizz tkun tmur kontra l-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwa l-każ. Abbażi tal-fatti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx evidenza li ssostni tali ipoteżi f’dan il-każ. |
D. Sussidjarjament: l-obbligi ta’ verifika tal-fornitur tas-servizz
|
68. |
Madankollu, jekk wieħed jaċċetta l-ipoteżi tal-prattika abbużiva (min-naħa ta’ LG Korea, f’dan il-każ), tqum il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li għandhom jiġu eżaminati mill-fornitur (Dong Yang, f’dan il-każ), sabiex ikun jista’ jistabbilixxi jekk hemmx prattika abbużiva mill-parti l-oħra fil-kuntratt miegħu. Dan iwassal imbagħad għall-konsegwenza li kumpannija awtonoma jkollha titqies bħala l-istabbiliment fiss ta’ kumpannija awtonoma oħra. |
|
69. |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-fornitur għandu jeżamina n-natura u l-użu tas-servizzi pprovduti, biex jiddetermina l-istabbililiment fiss li lilu jkun ġie pprovdut is-servizz. |
|
70. |
Madankollu, l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jinqara fimkien mal-Artikolu 21 tal-istess regolament. L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirreferi għall-każ li fih persuna taxxabbli tkun residenti f’pajjiż u żżomm stabbiliment fiss f’pajjiż ieħor. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, għaldaqstant, l-inċertezza dwar f’liema post magħruf tal-persuna taxxabbli (l-istabbiliment fiss jew il-post fejn hija stabbiliet in-negozju tagħha) ġie pprovdut is-servizz. |
|
71. |
F’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar jekk it-tieni persuna taxxabbli (li minn barra tidher li hija persuna ġuridikament awtonoma) tistax titqies bħala stabbiliment fiss tal-ewwel persuna taxxabbli. Konsegwentement ma huwiex ċar jekk fil-fatt hemmx stabbiliment fiss. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jkoprix dan il-każ. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jirreferix għar-relazzjonijiet taħt id-dritt tal-kumpaniji bejn kumpanniji riċevituri, iżda biss għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur u r-riċevitur tas-servizz. B’dan il-mod, pereżempju, jissemmew il-kuntratt u l-formola tal-ordni, filwaqt li siltiet mir-reġistru tal-kummerċ, u dokumenti analogi oħra, min-naħa l-oħra, ma jissemmewx. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 21 et seq. tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma humiex relevanti f’dan il-każ. |
|
72. |
Indipendentement minn dan, huwa madankollu possibbli li persuna taxxabbli – li sempliċement taġixxi bħala kollettriċi tat-taxxa għan-nom tal-Istat – kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha ( 26 ) – tiġi suġġetta għal ċerti rekwiżiti, proporzjonati, fil-qasam ta’ diliġenza ( 27 ). Pereżempju, meta jkun hemm indizji konkreti ta’ evażjoni fiskali jew ta’ irregolaritajiet, wieħed jista’ jistenna mill-persuna taxxabbli li din tiġbor ċerta informazzjoni addizzjonali dwar il-fornitur tagħha sabiex tiżgura ruħha dwar l-affidabbiltà tal-imsemmi fornitur ( 28 ). L-istess jgħodd – ara, b’mod partikolari, il-premessa 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nr 282/2011 – għad-determinazzjoni bi preċiżjoni tal-post tal-istabbiliment tar-riċevitur tas-servizz. |
|
73. |
Kif l-Avukat Ġenerali enfasizza ġustament f’dan il-kuntest, saħansitra meta jkun hemm indizji konkreti ta’ evażjoni fiskali jew ta’ irregolaritajiet, l-awtoritajiet fiskali ma jistgħux madankollu jobbligaw lill-persuna taxxabbli li tagħmel investigazzjonijiet kumplessi u estensivi u b’dan il-mod, de facto, jittrasferixxu lilha l-kompiti ta’ investigazzjoni li suppost jagħmlu huma ( 29 ). |
|
74. |
Minn dan neċessarjament jirriżulta li fi kwalunkwe każ ma jistax jintalab l-impossibbli, lanqas minn Dong Yang. L-eżami tar-relazzjonijiet kuntrattwali, li għalihom ma għandhiex aċċess, li jorbtuha mal-parti l-oħra fil-kuntratt magħha u s-sussidjarji ta’ din (li hija tista’ ma tkunx taf bihom) huwa madankollu suġġettivament impossibbli. Tali obbligu ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni jkun imur lil hinn mil-livell ta’ diliġenza li jista’ raġonevolment jintalab minnha. Għaldaqstant il-partijiet kollha jassumu ġustament li Dong Yang ma kellhiex l-obbligu li tanalizza dawn il-kuntratti. |
|
75. |
Sakemm ma jkunx hemm indizji fis-sens kuntrarju, parti f’kuntratt tista’ assolutament tafda f’dikjarazzjoni bil-miktub tal-parti l-oħra li tiżguraha li hija ma għandha l-ebda stabbiliment fiss fit-territorju nazzjonali (f’dan il-każ fil-Polonja). Dan huwa iktar u iktar minnu peress li d-dritt Pollakk ( 30 ) jostakola l-attivitajiet tal-impriżi Koreani taħt il-forma ta’ stabbilimenti fissi, b’tali mod li ma hemmx raġuni valida sabiex wieħed jiddubita mid-dikjarazzjonijiet tal-parti l-oħra fil-kuntratt magħha. |
|
76. |
Il-fatt li sussidjarja tkun involuta fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jistax joħloq obbligu li titwettaq investigazzjoni iktar fid-dettall, mill-inqas f’dan il-każ, li huwa kkaratterizzat mit-tqassim tax-xogħol għall-finijet tal-produzzjoni ta’ oġġett li huwa proprjetà tal-parti l-oħra fil-kuntratt. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li sussidjarja awtonoma ma tikkostitwixxix fil-prinċipju stabbiliment fiss tal-kumpannija omm (kif esponejt fid-dettall fil-punti 37 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
77. |
Għaldaqstant, wieħed jista’ tabilħaqq jeżiġi mill-persuna taxxabbli livell xieraq ta’ diliġenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post eżatt tal-provvista tas-servizzi. Madankollu dan ma jinkludix ir-riċerka u l-verifika dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali, li għalihom hija ma għandhiex aċċess, li jorbtu lill-parti fil-kuntratt u lis-sussidjarja ta’ din. |
VI. Konklużjoni
|
78. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż
( 2 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 26).
( 3 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Daimler (C‑318/11 u C‑319/11, EU:C:2012:666, punti 47 et seq.).
( 4 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298).
( 5 ) ĠU 2006 L 347, p. 1; rettifika fil-ĠU 2007 L 335, p. 60.
( 6 ) Fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, li tirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU 2008, L 44, p. 11).
( 7 ) ĠU 2011, L 77, p. 1.
( 8 ) ĠU 2011 L 127, p. 6.
( 9 ) Ara d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu7.11(1), tal-Artikolu 7.13 u tal-Anness 7-A-2 (ĠU 2011, L 127, p. 1201 u 1202) tal-Ftehim.
( 10 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77).
( 11 ) Ara, b’mod espliċitu, Stadie H., UStG, it-tielet edizzjoni 2015, Artikolu 3a, punt 32 in fine.
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, A-PACK CZ (C‑127/18, EU:C:2019:377, punt 22); tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 21), u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 25).
Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:440, punt 21).
( 13 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aviva (C‑605/15, EU:C:2017:150, punti 38 et seq.).
( 14 ) C‑605/12, EU:C:2014:340, punti 29, 30 u 36.
( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 55).
( 16 ) Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni), KUMM(2009)672 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2009, p. 3.
( 17 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punti 67 et seq.).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 31), li tiċċita s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et (C‑101/08, EU:C:2009:626, punt 50).
( 19 ) Ara, b’mod espliċitu, is-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2018, T‑2 (C‑396/16, EU:C:2018:109, punt 43); tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 42); tas-7 ta’ Ottubru 2010, Loyalty Management UK (C‑53/09 u C‑55/09, EU:C:2010:590, punt 39), u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg (C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 43).
Ara wkoll, fl-istess direzzjoni, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Mydibel (C‑201/18, EU:C:2019:254, punti 38 et seq.), f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ provvista.
( 20 ) Dwar in-neċessità ta’ fattura li ssemmi separatament il-VAT għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2018:249, punti 42 u 43), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Biosafe - Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2017:927, punti 34 et seq.).
( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832); tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298), u tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77).
( 22 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C 260/95, EU:C:1997:77).
( 23 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 26).
( 24 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 29).
( 25 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Daimler (C‑318/11 u C‑319/11, EU:C:2012:666, punt 48).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, A-PACK CZ (C‑127/18, EU:C:2019:377, punt 22); tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 21), u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 25).
Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:440, punt 21).
( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet ta’ frodi: sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2018, Božičevič Ježovnik (C‑528/17, EU:C:2018:868, punt 46 – sa ċertu punt); tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona (C‑273/11, EU:C:2012:547, punt 53 – sa ċertu punt), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 59 – sa ċertu punt).
( 28 ) Sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2017, Litdana (C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 39); tat-22 ta’ Ottubru 2015, PPUH Stehcemp (C‑277/14, EU:C:2015:719, punt 52), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 60).
( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Finanzamt Neuss u Butin (C‑374/16 u C‑375/16, EU:C:2017:515, punt 61). Fl-istes sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2013, LVK (C‑643/11, EU:C:2013:55, punt 62), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punti 61 et seq).
( 30 ) L-Artikolu 13(3) tal-Ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju Liberu tal-Attività Ekonomika) tat-2 ta’ Lulju 2004.