Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

14 ta’ Ottubru 2025 (*)

“Servizzi diġitali – Regolament (UE) 2022/2065 – Deżinjazzjoni ta’ pjattaforma online kbira ħafna – Żamma tal-interess ġuridiku – Assenza ta’ nuqqas ta’ lok għall-għoti ta’ deċiżjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 – Ċertezza legali – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”)

Fil-Kawża T‑134/24,

Technius LTD, stabbilita f’Limassol (Ċipru), irrappreżentata minn T. Bosch u T. Kraul, avokati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, bħala aġent,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Menegatti, W. Kuzmienko, E. Paladini, L. Taïeb u E. Ni Chaoimh, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon, N. Brzezinski, M. Moore u N. Coghlan, bħala aġenti,

u minn

Stichting Article 19, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Husovec, avukat,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, K. Kowalik-Bańczyk, E. Buttigieg, G. Hesse u I. Dimitrakopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Technius LTD, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8844 final tal‑20 ta’ Diċembru 2023 li tiddeżinja lil Stripchat bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti tqiegħed għad-dispożizzjoni pjattaforma online ta’ divertiment għall-adulti li tippermetti lil mudelli jxandru direttament prestazzjonijiet pornografiċi permezz ta’ webcam lill-pubbliku (iktar ’il quddiem “Stripchat”). Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tqiegħed għad-dispożizzjoni din il-pjattaforma mingħajr ma tipproduċi kontenut għaliha.

3        Fil‑15 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti ppubblikat fuq is-sit internet tagħha, konformement mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1), in-numru medju fix-xahar ta’ destinatarji attivi fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem in-“NMM”) ta’ Stripchat bejn Settembru 2022 u Frar 2023 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”), li kien jammonta għal 31.8 miljun.

4        Fil‑15 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni Ewropea talbet lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-metodoloġija li hija kienet użat sabiex tikkalkola l-NMM bil-għan li tivverifika l-eżattezza tan-numru mħabbar.

5        Fil‑31 ta’ Mejju 2023, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni sommarju tal-metodoloġija użata, ibbażata fuq id-data pprovduta mis-servizz ta’ analiżi tal-kummerċjalizzazzjoni Similarweb Ltd (iktar ’il quddiem “Similarweb”). Ir-rikorrenti indikat li hija kienet iddeterminat, fl-ewwel lok, in-numru fix-xahar ta’ “viżitaturi” ta’ Stripchat matul il-perijodu rilevanti, qabel ma kkalkolat il-medja matul dan il-perijodu ta’ sitt xhur, li kienet tammonta għal 67 010 749 viżitatur fix-xahar. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti wettqet id-“deduplikazzjoni”, operazzjoni li kienet tikkonsisti fl-esklużjoni tal-viżitaturi li kienu kkonsultaw Stripchat matul xahar partikolari kemm mill-kompjuter tagħhom kif ukoll mill-apparat mobbli tagħhom, li wasslet għall-esklużjoni ta’ 4 927 505 viżitatur u għal total, wara d-deduplikazzjoni, ta’ medja ta’ 62 083 244 viżitatur uniku fix-xahar. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti wettqet it-“tindif” tad-data sabiex teskludi min-numru ta’ viżitaturi uniċi li jirriżulta mid-deduplikazzjoni lil dawk li ma kinux “attivi” fis-sens li kienu għamlu biss “żjara mingħajr interazzjoni”, jiġifieri li kienu kkonnettjaw ma’ Stripchat iżda ma kienu ġew esposti għal ebda kontenut imxandar fuq din il-pjattaforma. Similarweb stmat ir-“rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni”, li tikkorrispondi għall-proporzjon ta’ żjarat mingħajr interazzjoni, għal madwar 49 %. Minn dan ir-rikorrenti ddeduċiet li n-numru ta’ viżitaturi uniċi kellu jitnaqqas b’49 %. Għaldaqstant, hija naqqset 30 304 161 minn 62 083 244, sabiex waslet għal NMM fl-Unjoni ta’ 31 779 083.

6        Fis‑6 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni staqsiet lil Similarweb dwar il-metodoloġija li hija kienet użat sabiex tistma n-numru ta’ viżitaturi uniċi fix-xahar u n-numru ta’ żjarat mingħajr interazzjoni.

7        Fis‑26 ta’ Settembru 2023, wara r-risposti ta’ Similarweb tal‑25 u tas‑26 ta’ Lulju u tal‑1 u tal‑5 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet preliminari tagħha fis-sens li Stripchat kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi ddeżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet preliminari”). B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet tqis li d-data ta’ Similarweb kienet suffiċjentement affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-NMM ta’ Stripchat, iżda li kienet ikkonkludiet, b’mod provviżorju, li l-metodoloġija tar-rikorrenti li kienet tikkonsisti f’li ma jiġux ikkalkolati ż-żjarat mingħajr interazzjoni ma kinitx xierqa. Abbażi tad-data msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkalkolat li n-numru ta’ viżitaturi uniċi wara d-deduplikazzjoni kien jammonta għal 62 221 379 (iktar ’il quddiem id-“data tal-Kummissjoni”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet preliminari f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065.

8        Fit‑28 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrenti kkonfermat li kienet irċeviet il-konklużjonijiet preliminari. Fit‑2 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni taqsam magħha l-komunikazzjonijiet elettroniċi skambjati ma’ Similarweb kif ukoll dokumenti oħra msemmija fil-konklużjonijiet preliminari.

9        Fl‑4 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti kopji diġitali tad-dokumenti mitluba. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-ewwel nett, ir-risposti ta’ Similarweb tal‑25 u tas‑26 ta’ Lulju u tal‑1 u tal‑5 ta’ Settembru 2023, it-tieni nett, nota għall-fajl dwar dokumenti ta’ referenza miġbura insostenn tal-konklużjonijiet preliminari, li tiddeskrivi d-data u l-metodoloġija użati sabiex tiġi stmata d-data tal-Kummissjoni u, it-tielet nett, ċerti log files tekniċi. Il-Kummissjoni tat ukoll lir-rikorrenti l-possibbiltà li tibbenefika minn ħamest ijiem addizzjonali sabiex twieġeb għall-konklużjonijiet preliminari.

10      Fl‑14 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti wieġbet għall-konklużjonijiet preliminari u fakkret li hija kienet tal-fehma li d-data li toriġina minn Similarweb ma setgħetx tintuża bħala indikatur preċiż li jippermetti li jiġi ddeterminat l-NMM ta’ Stripchat fl-assenza tat-tnaqqis taż-żjarat mingħajr interazzjoni jew ta’ kwalunkwe proċess xieraq ieħor ta’ “tindif” tad-data.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-NMM ta’ Stripchat kien jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, b’tali mod li Stripchat kellha tiġi ddeżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna konformement mal-Artikolu 33(4) ta’ dan ir-regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn Stichting Article 19, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti

14      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lir-rikorrent. Barra minn hekk, l-interess ġuridiku għandu jeżisti mhux biss fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, iżda wkoll sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, D & A Pharma vs EMA, C‑136/22 P, EU:C:2023:572, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jispiċċax neċessarjament minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu jkun waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, rikorrent jista’ jżomm interess li jikseb dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dan l-att għall-perijodu li matulu kien applikabbli u pproduċa l-effetti tiegħu, peress li tali dikjarazzjoni żżomm tal-inqas interess bħala bażi għal possibbli rikors għad-danni (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Nemea Bank vs BĊE et, C‑181/22 P, EU:C:2024:1020, punt 41).

16      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni adottat, fis‑27 ta’ Mejju 2025, id-Deċiżjoni C(2025) 3521 final li ttemm id-deżinjazzjoni ta’ Stripchat bħala pjattaforma online kbira ħafna u li tħassar id-deċiżjoni kkontestata. Mill-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li din tikkonsisti f’revoka tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 33(6) tar-Regolament 2022/2065, li bis-saħħa tiegħu l-obbligi stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament ma jibqgħux japplikaw għall-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna erba’ xhur wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li ttemm id-deżinjazzjoni ta’ dan is-servizz bħala pjattaforma online kbira ħafna. Peress li d-deċiżjoni kkontestata kellha effetti fuq ir-rikorrenti, tal-inqas għall-perijodu mit‑22 ta’ April 2024 sat‑28 ta’ Settembru 2025, hija ġustament issostni li għandha interess persistenti fl-annullament tagħha, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

 Fuq il-mertu

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti inizjalment qajmet sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2 TFUE, tal-Artikolu 20 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif protett mill-Artikolu 52 tal-Karta.

18      Fid‑19 ta’ Novembru 2025, ir-rikorrenti wieġbet bil-miktub għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, billi indikat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-ħames u għas-sitt motiv tagħha, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Zalando vs Il‑Kummissjoni. (T‑348/23, taħt appell, EU:T:2025:821).

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

19      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn hija ma tesponix b’mod ċar, eżawrjenti u inekwivoku l-punti ta’ fatt li servew bħala bażi għall-adozzjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirreferi biss b’mod inċidentali għad-data li ppermettitilha tikkonkludi li Stripchat kienet taqbeż il-limitu medju fix-xahar ta’ 45 miljun destinatarju attiv fl-Unjoni previst fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, mingħajr ma tiżvela s-sors jew il-metodoloġija użata sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ destinatarji attivi. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata tiffoka fuq iċ-ċaħda tal-NMM ipprovdut mir-rikorrenti. Issa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata iktar fuq informazzjoni oħra disponibbli miksuba b’mod indipendenti mill-Kummissjoni, kien jaqa’ fuqha, skont ir-rikorrenti, li tipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar id-data u l-metodoloġija użati. Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 jawtorizza lill-Kummissjoni tuża data indipendenti, l-użu ta’ din il-possibbiltà jwassal għall-obbligu sussegwenti li tipprovdi spjegazzjoni ċara u fondata, b’mod partikolari meta jkunu kkonċernati drittijiet fundamentali.

20      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li r-riċevituri tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

22      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, l-ewwel nett, fil-premessi 5 sa 7, il-Kummissjoni fakkret il-metodoloġija użata mir-rikorrenti, li hija komposta minn tliet stadji (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

23      It-tieni nett, fil-premessi 9 sa 11 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-konklużjonijiet preliminari tagħha. F’dan il-kuntest, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, hija spjegat in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-użu tal-indikatur tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni fil-kalkolu tar-rikorrenti, jiġifieri mat-tielet stadju tal-metodoloġija proposta minn din tal-aħħar. Fil-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni, hija għamlet riferiment numeriku għad-data ta’ Similarweb, wara d-deduplikazzjoni, filwaqt li enfasizzat li din id-data kienet affidabbli, billi adottat, essenzjalment, il-kalkoli tar-rikorrenti dwar l-ewwel żewġ stadji metodoloġiċi intiżi li jiddeterminaw l-NMM tas-sit internet Stripchat. Hija enfasizzat in-numru ta’ 62 221 379 viżitatur uniku fix-xahar matul il-perijodu rilevanti (wara d-deduplikazzjoni), numru li kien jippreżenta differenza minima minn dak li kienet waslet għalih ir-rikorrenti fi tmiem it-tieni stadju tal-metodoloġija tagħha (ara, f’dan ir-rigward, ukoll il-punti 39 sa 42 iktar ’il quddiem).

24      It-tielet nett, kif jirriżulta mill-premessi 16 sa 30 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-konklużjonijiet preliminari tagħha ma kinux iqiegħdu lil dawn tal-aħħar inkwistjoni.

25      Ir-raba’ nett, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fir-rigward tal-metodoloġija tar-rikorrenti mfakkra fil-punt iktar ’il fuq, essenzjalment, li, billi min-numru biss ta’ viżitaturi uniċi wara d-deduplikazzjoni, kif indikat minn Similarweb, naqqset in-numru ta’ viżitaturi li kienu għamlu żjara mingħajr interazzjoni, ikkalkolat bl-applikazzjoni tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni kif imsemmija fl-aħħar parti tal-imsemmi punt iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet naqqset artifiċjalment in-numru reali ta’ destinatarji attivi ta’ Stripchat fl-Unjoni. Kif spjegat il-Kummissjoni, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, l-indikatur tal-viżitaturi uniċi ta’ Similarweb kien jinkludi biss il-viżitaturi li kienu jammontaw għal numru minimu ta’ żjarat attivi ta’ kuljum matul ix-xahar ikkonċernat, sabiex jiġi evitat li utenti inattivi jiġu inklużi fin-numru totali ta’ viżitaturi uniċi fix-xahar. Iż-żjarat attivi kienu jinkludu l-azzjonijiet tal-viżitaturi bħal meta jikklikkjaw fuq link jew jimlew formola. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija ta’ Similarweb għall-kalkolu tan-numru ta’ viżitaturi uniċi kienet tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà li viżitatur li jkollu biss aċċess inċidentali għal sit, bħal żjara mingħajr interazzjoni, jingħadd bħala viżitatur uniku. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni indikat li ma kinitx naqqset in-numru ta’ viżitaturi uniċi wara d-deduplikazzjoni abbażi tan-numru ta’ viżitaturi li kienu għamlu żjara mingħajr interazzjoni, kif ikkalkolat mir-rikorrenti bl-applikazzjoni tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni. Għall-kuntrarju, fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li n-numru medju fix-xahar ta’ viżitaturi uniċi ddeterminat minn Similarweb wara d-deduplikazzjoni kien indikatur iktar affidabbli sabiex jiġi ddeterminat l-NMM. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-premessi 20 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet ukoll, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti fis-sens li r-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni bbażata fuq in-numru ta’ viżitaturi uniċi kellha tkun ogħla minn jew ugwali għar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni bbażata fuq in-numru totali ta’ żjarat u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet tagħha bbażati fuq sors ġdid ta’ data invokat insostenn tal-medja ta’ konnessjonijiet għal kull viżitatur uniku fuq Stripchat fl-Unjoni. Kif jirriżulta mill-premessi 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata u min-noti ta’ qiegħ il-paġna 16 sa 22 tagħha, il-Kummissjoni, barra minn hekk, għamlet riferiment għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ma’ Similarweb, li jippermettu, b’mod partikolari, fehim aħjar tal-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni u tal-kunċett ta’ “viżitaturi uniċi”, kif użati minn Similarweb.

26      Il-ħames nett, fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija applikata mir-rikorrenti sabiex tikkalkola l-NMM kienet intrinsikament żbaljata, li l-indikatur tal-“viżitaturi uniċi” ta’ Similarweb kien diġà jeskludi proporzjon kbir taż-żjarat mingħajr interazzjoni u li r-rikorrenti ma kienet ipprovdiet ebda data oħra tagħha stess jew provenjenti minn terzi li tindika numru affidabbli ta’ utenti li ma kinux għamlu żjara mingħajr interazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat li kienet qieset li n-numru medju fix-xahar ta’ viżitaturi uniċi ddeterminat minn Similarweb għal Stripchat wara d-deduplikazzjoni, jiġifieri 62 621 379 viżitatur uniku fix-xahar matul il-perijodu bejn Settembru 2022 u Frar 2023, kien l-iktar indikatur affidabbli li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddetermina l-NMM.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata tindika, b’mod ċar u suffiċjentement preċiż, kemm in-nuqqasijiet tal-metodoloġija tar-rikorrenti kif ukoll l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-NMM ta’ Stripchat.

28      Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti u tissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq.

29      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

30      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq data suffiċjentement affidabbli u li din id-data rriżultat inkoerenti u fattwalment inkorretta. Hija tippreċiża li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Similarweb ikkoreġiet il-metodoloġija tagħha li tippermetti li jiġi stmat in-numru ta’ viżitaturi uniċi. Hija żżid li l-Kummissjoni kellha tipproċedi għat-“tindif” tal-imsemmija data sabiex tikkoreġi l-ineżattezzi li bihom kienet ivvizzjata. Hija ssostni, barra minn hekk, li din id-data ma tikkoinċidix mad-data li tirriżulta minn sorsi oħra disponibbli. Minn dan hija tikkonkludi li, billi qieset b’mod żbaljat li l-NMM ta’ Stripchat fl-Unjoni kien jaqbeż il‑45 miljun, il-Kummissjoni kisret kemm l-obbligu tagħha li teżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni kif ukoll l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

32      Skont l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065, il-Kummissjoni tiddeżinja bħala pjattaformi online kbar ħafna il-pjattaformi online li għandhom NMM ta’ mill-inqas 45 miljun. Hija tieħu din id-deċiżjoni abbażi tad-data kkomunikata mill-fornitur tal-pjattaforma online bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) ta’ dan l-istess regolament, tal-informazzjoni mitluba bis-saħħa tal-Artikolu 24(3) tiegħu jew ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħha.

33      Skont l-Artikolu 3(p) tar-Regolament 2022/2065, destinatarju attiv ta’ pjattaforma online huwa destinatarju tas-servizz li jkun ġie f’kuntatt ma’ pjattaforma online, jew billi jitlob lill-pjattaforma online tospita informazzjoni, jew billi jkun espost għall-informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u mxerrda permezz tal-interfaċċa online tagħha.

34      L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2022/2065 jipprevedi li, sas‑17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online, f’taqsima tal-interfaċċa online tagħhom aċċessibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar il-medja mensili tad-destinatarji attivi tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkolata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u konformement mal-metodoloġija stabbilita fl-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 33(3) tal-imsemmi regolament, fejn dawk l-atti ddelegati ġew adottati.

35      Barra minn hekk, l-Artikolu 24(3) tar-Regolament 2022/2065 jipprovdi li l-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jikkomunikaw lill-koordinatur tas-servizzi diġitali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, aġġornata sal-mument tat-talba. L-imsemmi koordinatur tas-servizzi diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-mutur ta’ tfittxija online jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-kalkolu msemmi fl-imsemmi paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u ġustifikazzjonijiet fir-rigward tad-data użata.

–       Fuq in-natura inkoerenti u inkorretta tad-data użata mill-Kummissjoni

36      Ir-rikorrenti ssostni li d-data li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni hija inkoerenti u inkorretta mill-perspettiva fattwali. Hija ssostni li, fl-imsemmija data, ċerti Stati Membri, bħall-Irlanda, għandhom NMM għoli wisq sabiex ikun plawżibbli, filwaqt li oħrajn, bħad-Danimarka, għandhom NMM baxx wisq.

37      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data pprovduta minn Similarweb sabiex tiddetermina l-NMM ta’ Stripchat fl-Unjoni.

38      Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li d-data ta’ Similarweb li r-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-affidabbiltà tagħha hija preċiżament dik li fuqha hija bbażat ruħha sabiex tiddetermina l-NMM ta’ Stripchat fl-Unjoni bejn Settembru 2022 u Frar 2023 u tippubblikah fuq is-sit internet tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għall-konklużjonijiet preliminari, ir-rikorrenti ma qegħditx inkwistjoni l-affidabbiltà ta’ din id-data, b’tali mod li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni espliċita, il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq din id-data mingħajr ma tesponi r-raġunijiet għalfejn kienet tqisha affidabbli.

39      Fir-rigward tad-differenzi bejn id-data tar-rikorrenti u dik użata mill-Kummissjoni (ara l-punti 5 u 7 iktar ’il fuq, dwar in-numru ta’ viżitaturi uniċi wara d-deduplikazzjoni), din tal-aħħar tafferma li ħadet inkunsiderazzjoni d-data ta’ Similarweb għad-Danimarka, filwaqt li r-rikorrenti ma kinitx għamlet dan. Skont il-Kummissjoni, din l-esklużjoni kienet dovuta għall-fatt li, waqt il-ġbir tad-data, Similarweb ma kinitx ipprovdiet data dwar l-udjenza wara d-deduplikazzjoni għad-Danimarka, peress li d-data tagħha għal dan l-Istat Membru kienet tinkludi biss il-viżitaturi uniċi fix-xahar li kienu jikkonnettjaw ma’ Stripchat minn kompjuters desktop.

40      Fuq dan il-punt, għandu jiġi nnotat li d-differenza bejn l-NMM tar-rikorrenti u dak tal-Kummissjoni effettivament tikkorrispondi għan-numru ta’ viżitaturi uniċi tas-servizz Stripchat kif indikat mill-Kummissjoni għad-Danimarka (billi jiġu arrotondati għal 138 135 viżitatur uniku għall-perijodu rilevanti), mingħajr ma dan l-element fattwali huwa kkontestat bħala tali mir-rikorrenti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-differenza hija minima u ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-pjattaforma Stripchat qabżitx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065, li barra minn hekk ma huwiex allegat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar din id-differenza huwa ineffettiv.

41      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegatx għalfejn hija ma kinitx inkludiet id-data dwar id-Danimarka fil-kalkolu inizjali tagħha, ibbażat fuq id-data ta’ Similarweb, minkejja li din id-data kienet aċċessibbli u kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-metodoloġija li hija stess kienet segwiet.

42      Minn dan isegwi li l-integrazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data dwar in-numru ta’ utenti tas-servizz Stripchat fid-Danimarka fil-kalkolu tan-NMM meħud inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-legalità tagħha.

–       Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ Similarweb wara d-deċiżjoni kkontestata

43      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Similarweb ikkoreġiet il-metodoloġija tagħha li tippermetti li jiġi stmat in-numru ta’ viżitaturi uniċi, billi aġġornat l-algoritmi tagħha u integrat “l-aħħar żviluppi fil-metodoloġiji online [tagħha]”. Ir-rikorrenti ssostni li, bl-applikazzjoni ta’ din id-data kkoreġuta, li hija kisbet mingħand Similarweb fit‑8 ta’ Awwissu 2024, l-NMM ta’ Stripchat, għall-perijodu rilevanti, jammonta għal 37 270 950 (iktar ’il quddiem id-“data kkoreġuta”), jiġifieri ċifra “ferm inqas mil-livell għad-deżinjazzjoni bħala pjattaforma online kbira ħafna”. Ir-rikorrenti ssostni wkoll, billi tippreżenta tabelli ddettaljati, li ċ-ċifri l-ġodda għal kull Stat Membru huma iktar baxxi miċ-ċifri inizjali.

44      Skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, “[i]l-Kummissjoni għandha tieħu [d-deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet tal-imsemmi regolament] abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2), u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni [tagħha]”. Issa, la d-data kkoreġuta u lanqas il-metodoloġija l-ġdida ta’ Similarweb ma kienu jaqgħu, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, taħt waħda minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni retroattiv ta’ tali data fil-kuntest tal-eżami tal-legalità ta’ deċiżjoni li tindika pjattaforma online bħala pjattaforma online kbira ħafna, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament, huwa ta’ natura li joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ pjattaforma ta’ dan it-tip, sa fejn din id-data hija marbuta b’mod ċar ma’ evoluzzjoni regolari u mal-volatilità tal-algoritmi li abbażi tagħhom tiġi prodotta.

45      Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta dan l-att ikun ġie adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, huwa eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, ta’ elementi sussegwenti għad-data tal-adozzjoni tiegħu.

46      Issa, kif indikat, id-data kkoreġuta li r-rikorrenti tinvoka fir-replika tagħha tikkostitwixxi elementi sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-argument li hija żviluppat billi bbażat ruħha fuq din id-data huwa irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’illegalità minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data kkoreġuta.

–       Fuq ir-rilevanza tad-data meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni

48      Ir-rikorrenti ssostni li d-data li fuqha kienu bbażati l-kalkoli tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti biss fi stimi u li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal “tindif” tad-data, l-ewwel nett, fir-rigward tal-użu tal-“pop-under”, jiġifieri reklami li jidhru f’tieqa ta’ browser tal-internet moħbija wara dik effettivament murija, it-tieni nett, fir-rigward tal-utenti li użaw networks privati virtwali (iktar ’il quddiem il-“VPN”) u, it-tielet nett, fir-rigward taż-żjarat mingħajr interazzjoni. Hija żżid li d-data tal-Kummissjoni ma kinitx tikkoinċidi mad-data li tirriżulta minn sorsi oħra disponibbli.

49      Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, fir-rigward tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, skont ir-rikorrenti, tieħu inkunsiderazzjoni, bħall-użu tal-“pop-under” jew tal-VPN, li, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-utenti tal-VPN mhux neċessarjament jinsabu fl-Unjoni u li l-persuni li rċevew “pop-under” ma kinux neċessarjament esposti għall-kontenut tagħhom, hija ma siltitx il-konsegwenzi mill-affermazzjonijiet tagħha stess billi aġġustat iċ-ċifri inizjali tagħha meta kkalkolat l-NMM ta’ Stripchat sabiex tikkonforma mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2022/2065. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku wkoll li l-kwistjoni tal-użu tal-“pop-under” jew tal-VPN ma kinitx tqajmet mir-rikorrenti b’risposta għall-konklużjonijiet preliminari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-użu tal- “pop-under” jew tal-VPN, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza.

50      Fir-rigward tad-data li fuqha l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tan-NMM, ir-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li hija bbażat ruħha biss fuq stimi arbitrarji. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, bħar-rikorrenti, ibbażat il-kalkolu tagħha fuq id-data ta’ Similarweb.

51      Fir-rigward ta’ eventwali obbligu tal-Kummissjoni li twettaq “tindif” tad-data billi tieħu inkunsiderazzjoni rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni tirrappreżenta l-perċentwali ta’ żjarat mingħajr interazzjoni li jikkorrispondu għaż-żjarat li matulhom viżitatur jikkonnettja ma’ sit internet u mbagħad joħroġ minnu wara li jkun ikkonsulta paġna waħda biss, mingħajr ebda forma oħra ta’ interazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li Similarweb tikkalkola r-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni billi tiddividi ż-żjarat ta’ paġna waħda bit-total taż-żjarat fuq sit matul perijodu partikolari. Ir-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni hija indikata bħala perċentwali tat-total taż-żjarat matul il-perijodu speċifikat.

52      Fir-rigward tal-metodoloġija tar-rikorrenti għad-determinazzjoni tan-NMM ta’ Stripchat, din ġiet miġbura fil-qosor fil-punt 5 iktar ’il fuq.

53      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li, billi min-numru biss ta’ viżitaturi uniċi wara d-deduplikazzjoni, kif indikat minn Similarweb, hija naqqset in-numru ta’ viżitaturi li kienu għamlu żjara mingħajr interazzjoni, ikkalkolat bl-applikazzjoni tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni, ir-rikorrenti kienet naqqset artifiċjalment in-numru reali ta’ destinatarji attivi ta’ Stripchat fl-Unjoni (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li n-numru medju fix-xahar ta’ viżitaturi uniċi ddeterminat minn Similarweb wara d-deduplikazzjoni kien indikatur iktar affidabbli sabiex jiġi ddeterminat l-NMM.

54      Għandu jiġi ppreċiżat, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-numru ta’ viżitaturi uniċi stmat minn Similarweb kien jinkludi biss il-viżitaturi li kienu jammontaw għal numru minimu ta’ żjarat matul ix-xahar ikkonċernat, sabiex jiġi evitat li utenti inattivi jiġu inklużi fin-numru totali ta’ viżitaturi uniċi fix-xahar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 16 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-komunikazzjoni elettronika ta’ Similarweb tal‑5 ta’ Settembru 2023, li tgħid li l-viżitaturi uniċi ta’ Stripchat kienu jikkorrispondu għal dawk li kienu żaru din il-pjattaforma “[g]ħal ftit jiem fi tmiem ix-xahar preċedenti (6 ijiem), fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni […] u għal ftit jiem fi tmiem ix-xahar inkwistjoni (3 ijiem)”.

55      Fl-analiżi tad-data ta’ Similarweb, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar għal xiex jirreferu t-termini “żjarat” u “viżitaturi” fil-kuntest tal-formula applikata għall-kalkolu tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni. Hija talbet ukoll lil Similarweb tippreċiża jekk iż-żjarat mingħajr interazzjoni kinux diġà tnaqqsu min-numru ta’ viżitaturi uniċi kkomunikat lill-klijenti.

56      Mill-posta elettronika ta’ Similarweb tas‑26 ta’ Lulju 2023 jirriżulta li din wieġbet, fir-rigward tal-ewwel domanda msemmija fil-punt iktar ’il fuq, li, effettivament, it-termini “żjarat” u “viżitaturi uniċi” ma kinux interkambjabbli. Hija kkonfermat li r-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni kienet ikkalkolata abbażi taż-żjarat.

57      Barra minn hekk, Similarweb indikat, b’riferiment għall-viżitaturi attivi fix-xahar (viżitaturi uniċi), li l-mudell kien jipprevedi ċerta korrezzjoni tal-kalkolu, billi jieħu inkunsiderazzjoni data mill-bidu u mit-tmiem tal-perijodu kkunsidrat, u dan l-iffiltrar jelimina, skont Similarweb, il-maġġoranza l-kbira taż-żjarat mingħajr interazzjoni, b’mod partikolari meta viżitaturi jkunu kkonnettjaw ma’ Stripchat bi żball. F’dan ir-rigward, id-data speċifikata dwar il-viżitaturi uniċi, kif indikata fil-punt 54 iktar ’il fuq, ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni talli warrbet il-metodoloġija tagħha, li tikkonsisti fl-applikazzjoni tar-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni kif iddefinita minn Similarweb għan-numru ta’ viżitaturi uniċi, wara deduplikazzjoni, għar-raġuni li hija kienet naqqset artifiċjalment in-numru reali ta’ destinatarji attivi ta’ Stripchat fl-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie indikat, l-imsemmija rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni ġiet ikkalkolata billi n-numru ta’ żjara mingħajr interazzjoni ġie diviż bin-numru totali ta’ żjarat, matul perijodu ddeterminat minn qabel, minkejja li d-data “viżitaturi uniċi”, kif iddefinita minn Similarweb, diġà tinkludi, b’mod inerenti, filtrazzjoni li telimina numru sinjifikattiv ta’ żjara mingħajr interazzjoni (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

59      Għaldaqstant, kif tindikat il-Kummissjoni fil-premessi 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, l-approċċ tar-rikorrenti dwar id-determinazzjoni tan-NMM għal Stripchat ma kienx iġġustifikat. Peress li l-metodoloġija għall-kalkolu tan-numru ta’ viżitaturi uniċi fix-xahar użata minn Similarweb kienet diġà tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà li viżitatur li jkollu biss aċċess inċidentali għal sit internet, bħal żjara mingħajr interazzjoni, jingħadd bħala viżitatur uniku, l-approċċ tar-rikorrenti kien jikkonsisti f’bidla tal-metodoloġija ta’ Similarweb li ma kinitx kompatibbli mal-elementi essenzjali tagħha u li ma kinitx ta’ natura li tipproduċi riżultat affidabbli. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata talli ma wrietx diliġenza fir-rigward tal-kjarifiki tekniċi neċessarji mingħand Similarweb sabiex tifhem l-elementi rilevanti tal-metodoloġija użata f’dan il-każ mir-rikorrenti, peress li hija kkuntattjatha diversi drabi, u Similarweb wieġbet, b’mod partikolari, permezz tal-posta elettronika tal‑25 u tas‑26 ta’ Lulju u tal‑1 u tal‑5 ta’ Settembru 2023. Minn dawn il-komunikazzjonijiet elettroniċi jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-Kummissjoni approfondiet il-fehim tagħha tal-elementi tekniċi li kienu l-bażi tal-metodoloġija applikata mir-rikorrenti (ara wkoll il-punti 54 sa 58 iktar ’il fuq).

60      Għaldaqstant, minn naħa, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-metodoloġija tar-rikorrenti ma tistax titqies li hija suffiċjentement affidabbli. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta tikkritika lill-Kummissjoni talli ma naqqsitx b’49 % in-numru ta’ viżitaturi uniċi sabiex tiddetermina n-NMM ta’ Stripchat.

61      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, tnaqqas l-istima tagħha tan-numru ta’ viżitaturi uniċi tas-sit Stripchat li jikkorrispondi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni li kellha tiddetermina, mill-atti tal-proċess, u b’mod partikolari mill-komunikazzjoni elettronika ta’ Similarweb mar-rikorrenti tal‑5 ta’ Ottubru 2023, jirriżulta li Similarweb ikkonfermat li ma kienx hemm, sa fejn taf hi, mezz tekniku li jippermetti li tiġi indikata bi preċiżjoni suffiċjenti r-rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni meta mqabbla mal-viżitaturi uniċi. F’tali sitwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, lanqas ma kienet il-Kummissjoni li kellha twettaq analiżi jew evalwazzjonijiet addizzjonali dwar dan is-suġġett, li, barra minn hekk, ma kinux twettqu jew proposti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ data iktar preċiża min-naħa tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha twettaq hija stess, għall-ewwel darba, kalkolu ipotetiku, differenti minn dak propost mir-rikorrenti, intiż sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni rata ta’ żjarat mingħajr interazzjoni li għandha tiġi ddeterminata, sabiex jitnaqqas in-numru ta’ viżitaturi uniċi tas-sit internet Stripchat (wara deduplikazzjoni), u dan minkejja li l-mod kif dawn ġew iddefiniti minn Similarweb juri b’mod ċar li parti sinjifikattiva miż-żjarat mingħajr interazzjoni hija diġà eskluża minn dan in-numru.

63      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex fondata meta tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli twettaq tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi uniċi tas-sit internet Stripchat (wara deduplikazzjoni).

–       Fuq l-osservanza tal-obbligu li jsir eżami bir-reqqa u b’imparzjalità

64      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet l-oħra, pjuttost eteroġenji, imressqa mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, intiżi li juru li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, billi naqset milli tqabbel id-data tagħha ma’ data minn sorsi oħra ġeneralment aċċessibbli, li, skont ir-rikorrenti, ma tikkonfermahiex, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar tirreferi għad-data minn Google Trends (għodda aċċessibbli għall-pubbliku li tindika l-popolarità tat-talbiet għal tfittxija f’Google Search, skont il-pajjiż, matul iż-żmien), li turi li l-volum tat-tfittxijiet għal Stripchat huwa kunsiderevolment inqas minn dak tas-sit internet P., pjattaforma ta’ kontenut intiż għall-adulti li allegatament ġiet indikata wkoll bħala pjattaforma online kbira ħafna mill-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata minn studju reċenti dwar l-użu tal-internet fir-Renju Unit [Office of Communications (OFCOM, Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet, ir-Renju Unit), “Online Nation 2023 Report”, p. 50 (figura 36)). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka wkoll id-data minn impriża kompetitriċi ta’ Similarweb, jiġifieri l-impriża ta’ analiżi tas-swieq SE.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-diversi sorsi msemmija iktar ’il fuq, ġeneralment aċċessibbli, li għalihom tirreferi r-rikorrenti sabiex issostni li d-data ta’ Similarweb ma kinitx korretta, ma ġewx invokati matul il-proċedura amministrattiva, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżaminahom u r-rikorrenti ma tistax tikkritikaha talli naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex data rilevanti sa fejn din ma tippermettix li tiġi evalwata l-affidabbiltà tal-metodu użat minn Similarweb, propost mir-rikorrenti u adottat mill-Kummissjoni.

66      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li n-numru ta’ tfittxijiet fuq Google Search li jirrigwardaw is-sit internet Stripchat u l-analiżijiet imwettqa f’dan ir-rigward fuq Google Trends ma jippermettux li jiġi evalwat l-NMM ta’ dan is-sit minħabba l-mezzi l-oħra ta’ aċċess eżistenti, b’mod partikolari permezz tal-URL tal-paġna li għandha tiġi kkonsultata. Bl-istess mod, il-paragun ma’ siti kompetituri, bħal P., tkun xi tkun barra minn hekk l-impriża li twettaq dan il-paragun, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi kkalkolat in-NMM tas-sit internet Stripchat. Fir-rigward tal-elementi bbażati fuq studji ta’ impriżi oħra bħal SE, mhux ippreżentati quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kellha teħodhom inkunsiderazzjoni, filwaqt li, barra minn hekk, l-imsemmija studji kienu bbażati fuq informazzjoni u data differenti minn dik użata mir-rikorrenti.

67      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u tad-dritt għal smigħ

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata li tapplikah jiksru d-dritt tagħha għal smigħ. Hija ssostni li t-terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol previst mill-imsemmija dispożizzjoni u applikat f’dan il-każ huwa, fih innifsu, eċċessivament qasir u, de facto, iċaħħad id-dritt għal smigħ mis-sens tiegħu.

70      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament, il-Kunsill u Stichting Article 19, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

71      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ippreżentati insostenn tat-tielet motiv tagħha, jaqgħu taħt żewġ partijiet distinti. Minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, “jikser id-dritt għal smigħ [tagħha]”, hija għandha titqies li tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret, billi applikat fid-deċiżjoni kkontestata l-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 għaċ-ċirkustanzi tal-każ, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u d-dritt tagħha għal smigħ.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ, kif protett mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2022, LU vs BEI, T‑536/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:40, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi evalwat skont, b’mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33).

74      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, “[f]ejn il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew abbażi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat 10 ijiem tax-xogħol biex jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u dwar l-intenzjoni tieħu li jiddeżinja l-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna”.

75      Għandu jiġi kkonstatat li, b’mod ġenerali, terminu ta’ għaxart ijiem ma jistax jitqies li huwa insuffiċjenti għall-preżentazzjoni utli u effettiva tal-perspettiva tal-fornitur tal-pjattaforma kkonċernata dwar il-konklużjonijiet preliminari, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi fornitur kellu jkun diġà ġabar l-informazzjoni neċessarja u pproċeda għall-kalkolu tan-NMM tal-pjattaforma tiegħu skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2022/2065. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ għaxart ijiem stabbilit mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 ma jiksirx id-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

76      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kritika tar-rikorrenti dwar il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u tad-dritt tagħha għal smigħ minħabba l-applikazzjoni tat-terminu stabbilit mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li dan it-terminu ta’ għaxart ijiem jista’ jirriżulta insuffiċjenti f’ċerti ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tal-informazzjoni invokata mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi ma hijiex ipprovata.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni la adottat metodu ġdid li r-rikorrenti kien ikollha tifhem u tevalwa fid-dettall, u lanqas ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data tagħha stess, li għalhekk kienet titqies bħala ġdida. Hija pjuttost irrifjutat l-aħħar stadju tal-metodoloġija applikata mir-rikorrenti stess. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ewwel żewġ stadji ta’ din il-metodoloġija, hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq, essenzjalment, l-istess data li toriġina minn Similarweb bħal dik użata mir-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tagħha stess.

78      Ċertament, ir-rikorrenti ssostni li tali terminu seta’ jirriżulta qasir wisq fil-każ ta’ neċessità li tikkomunika ma’ impriża terza, bħal Similarweb, dwar elementi preċiżi bħad-definizzjonijiet tat-termini użati fil-kuntest tal-metodoloġija applikata. Issa, fuq dan il-punt, minn naħa, ir-rikorrenti diġà kellha l-okkażjoni, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar in-NMM konformement mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2022/2065, mhux biss li tiġbor u tevalwa data dwar dan is-suġġett, iżda wkoll li tifhem id-data miksuba minn Similarweb u li tiżgura ruħha mir-rilevanza tagħha kif ukoll mill-metodoloġija użata. Għalhekk, ladarba l-Kummissjoni kienet bagħtitilha l-konklużjonijiet preliminari tagħha, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li twieġeb b’mod utli u effikaċi, fit-terminu mogħti.

79      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ngħatat terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta rċeviet il-fajl (jiġifieri d-dokumenti insostenn tal-konklużjonijiet preliminari) sabiex tippreżenta osservazzjonijiet, jiġifieri terminu globali ta’ ħmistax‑il jum tax-xogħol sabiex twieġeb għall-imsemmija konklużjonijiet, wara li tkun ikkonfermat li rċeviethom (ir-rikorrenti kkonfermat li rċeviet il-konklużjonijiet preliminari fit‑28 ta’ Settembru 2023 u kisbet aċċess għall-fajl fl‑4 ta’ Ottubru 2023). Ir-rikorrenti wieġbet f’dan it-terminu. Barra minn hekk, f’din ir-risposta, ir-rikorrenti ma esprimiet l-ebda lment u ma fformulat ebda riżerva fuq id-dritt tagħha għal smigħ u lanqas fuq in-natura insuffiċjenti tat-terminu li kien ingħatalha. Għalhekk, ir-rikorrenti ma turix li t-terminu li hija kellha kien insuffiċjenti.

80      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

81      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 ma jikkostitwixxix bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata peress li, fl-assenza ta’ att delegat li jistabbilixxi metodoloġija għall-kalkolu tal-NMM, dan il-kunċett ta’ “numru medju fix-xahar ta’ destinatarji attivi ta’ pjattaforma online” ma huwiex suffiċjentement preċiż u l-indikazzjoni bħala pjattaforma online kbira ħafna għaldaqstant ma hijiex suffiċjentement prevedibbli. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jippermetti lill-operaturi ekonomiċi affettwati, bħalha, jidentifikaw id-drittijiet u l-obbligi legali tagħhom kif ukoll jippjanaw u jibbaġitjaw is-servizzi tagħhom konsegwentement. Skont ir-rikorrenti, lanqas ma jirriżulta b’mod ċar kif għandu jiġi ddeterminat jekk destinatarju huwiex “uniku”. Għalkemm il-kunċett ta’ “viżitatur uniku” jintuża komunement fil-marketing, allegatament ma jeżisti ebda kriterju tekniku li jippermetti li jiġu identifikati tali viżitaturi, b’mod partikolari meta persuna taċċedi għal servizz permezz ta’ telefon ċellulari kif ukoll ta’ kompjuter desktop matul l-istess xahar u meta din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni darba biss. Barra minn hekk, ir-regolament inkwistjoni allegatament ma jipprevedix il-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ għad-data. Fl-aħħar nett, l-espressjoni “medja fix-xahar” hija allegatament impreċiża.

82      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament, il-Kunsill u Stichting Article 19, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

83      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 invokata mir-rikorrenti, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tagħha.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni għandha tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu konsegwentement il-passi meħtieġa (sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 68, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 46). Dan il-prinċipju japplika b’mod partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeżiġix li kull regola għandha teskludi kull dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha. Li huwa importanti, min-naħa l-oħra, huwa jekk l-att legali inkwistjoni jkunx ivvizzjat b’ambigwità tali li tfixkel lil dak li jkun milli jirrisolvi b’ċertezza suffiċjenti dubji li jista’ jkollu dwar il-portata jew it-tifsira tad-dispożizzjoni (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 31; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:93, punt 55). Għalhekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jiġi ppreġudikat għas-sempliċi raġuni li l-qorti tal-Unjoni għandha tirrikorri għal metodi ta’ interpretazzjoni differenti mill-interpretazzjoni letterali ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 167).

86      Barra minn hekk, il-fatt li dispożizzjoni ma tippreskrivix metodu jew proċess konkret fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha ma jfissirx madankollu li din tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, f’tali ċirkustanza, hija l-awtorità jew l-operaturi kkonċernati li għandhom jagħżlu metodu affidabbli li jista’ jiżgura l-osservanza tar-rekwiżit li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 33).

87      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-kunċett ta’ “destinatarju attiv ta’ pjattaforma online” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(p) tar-Regolament 2022/2065, li jipprovdi li dan huwa “riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta’ talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha”. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kunċett huwa intiż li japplika għal varjetà kbira ta’ sitwazzjonijiet. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(i) u mill-premessa 13 tar-Regolament 2022/2065 jirriżulta li l-kunċett ta’ “pjattaforma online” jinkludi kemm networks soċjali kif ukoll postijiet tas-suq. Il-kunċett ta’ “destinatarju attiv ta’ pjattaforma online” għandu għalhekk ikun jista’ jiġi adattat għal tipi differenti ta’ pjattaformi online li jistgħu jesponu tipi differenti ta’ kontenut, fosthom kontenut awdjo u viżiv, skont modalitajiet differenti, pereżempju permezz tal-użu ta’ sit internet jew ta’ applikazzjoni, billi l-aċċess għal dan il-kontenut ikun jew ma jkunx suġġett għal reġistrazzjoni minn qabel u għall-ftuħ ta’ kont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Zalando vs Il‑Kummissjoni, T‑348/23, taħt appell, EU:T:2025:821, punt 79) jew, għas-siti li jinkludu kontenut għall-adulti, għall-obbligu li tiġi indikata, iddikjarata, jew saħansitra pprovata, l-età legali tal-utenti.

88      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att u jipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur tal-imsemmi att, minkejja li ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet innifishom tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, LEA, C‑10/22, EU:C:2024:254, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, il-premessa 77 tar-Regolament 2022/2065 tippreċiża li l-kalkolu tan-NMM, u għalhekk tan-numru ta’ persuni esposti għall-informazzjoni ospitata minn pjattaforma online, jista’ jiddependi fuq “[i]n-natura tas-servizz u l-mod kif ir-riċevituri tas-servizz jinteraġixxu miegħu”. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Zalando vs Il‑Kummissjoni, T‑348/23, taħt appell, EU:T:2025:821, punt 100).

90      Fl-aħħar nett, il-premessa 77 tar-Regolament 2022/2065 tindika wkoll li destinatarji jistgħu jkunu esposti għal informazzjoni sempliċement “bħal li jarawha jew jisimgħuha” u li “l-involviment mhuwiex limitat għall-interazzjoni mal-informazzjoni billi wieħed jikklikkja fuq, jikkummenta, jillinkja, jikkondividi, jixtri jew iwettaq tranżazzjonijiet fuq pjattaforma online”. Hija żżid li l-“kunċett ta’ riċevitur attiv tas-servizz mhux neċessarjament jikkoinċidi ma’ dak ta’ utent irreġistrat ta’ servizz”. Barra minn hekk, hija tispeċifika li l-għadd ta’ destinatarji attivi ta’ servizz għandu jinkludi d-destinatarji uniċi kollha li jużawh b’mod attiv, b’tali mod li destinatarju tas-servizz li juża interfaċċi online differenti, sa fejn ikun possibbli, jingħadd darba biss. Din il-premessa tindika wkoll li r-Regolament 2022/2065 “ma jirrikjedix li l-fornituri ta’ pjattaformi online jew tal-magni tat-tiftix online jwettqu traċċar speċifiku ta’ individwi online”.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunċett ta’ “destinatarju attiv ta’ pjattaforma online” għandu jitqies li huwa suffiċjentement preċiż, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 77 tar-Regolament 2022/2065, u, minħabba f’hekk, prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

92      Fir-rigward tal-kunċetti l-oħra li r-rikorrenti tqis li huma impreċiżi, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament 2022/2065 u esposti iktar ’il fuq fir-rigward tal-kunċett ta’ “destinatarju attiv” jagħtu biżżejjed elementi li jippermettu lill-fornituri jikkalkolaw in-NMM ta’ pjattaforma online.

93      Fil-fatt, qari flimkien tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament 2022/2065 u tal-premessa 77 ta’ dan l-istess regolament, li barra minn hekk tipprevedi espliċitament il-possibbiltà ta’ deduplikazzjoni fir-rigward tad-destinatarji tas-servizz li jużaw interfaċċi online differenti, jinkludi preċiżazzjonijiet suffiċjenti sabiex il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tosserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dan ir-rigward, filwaqt li tħalli f’idejn l-impriżi kkonċernati l-użu ta’ mezzi tekniċi u metodoloġiċi suffiċjentement affidabbli sabiex inaqqsu, jekk ikun il-każ, data li tista’ twassal għal kalkolu doppju, jew saħansitra multiplu, tal-istess utenti, minħabba li dawn ikunu aċċedew għas-servizzi minn għodod differenti bħal kompjuter desktop, telefon ċellulari jew ukoll, f’każijiet oħra għajr dak ineżami, applikazzjoni mobbli.

94      Fil-fatt, fl-għażla tagħhom ta’ adozzjoni ta’ metodu affidabbli, il-pjattaformi għandhom ċertu marġni ta’ manuvra peress li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbru u janalizzaw id-data rilevanti għall-kalkolu tan-NMM.

95      F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ metodi differenti għall-kalkolu tan-NMM tal-pjattaformi ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tistabbilixxi li l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065, moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

96      Barra minn hekk, sa fejn ċerti elementi li jaqgħu taħt il-funzjonament tal-pjattaformi inkwistjoni huma teknikament diffiċli ħafna li jiġu kkwantifikati, il-leġiżlatur ma jistax jiġi kkritikat talli ma speċifikax tali mezzi tekniċi u metodoloġiċi.

97      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex neċessarju li att leġiżlattiv jagħmel huwa stess preċiżazzjonijiet ta’ natura teknika (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 160). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li r- 2022/2065 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta att delegat ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ tali att delegat, l-ambigwità ta’ dan ir-regolament tkun tali li l-applikazzjoni tiegħu tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Zalando vs Il‑Kummissjoni, T‑348/23, taħt appell, EU:T:2025:821, punt 114).

98      Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, l-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

99      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kritika dwar l-allegati obbligi kontradittorji li għalihom huwa suġġett fornitur ta’ servizzi, jiġifieri li jikkalkola n-NMM tiegħu filwaqt li tastjeni minn kwalunkwe traċċar eżawrjenti tal-utenti tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma ntweriex li l-allegata projbizzjoni tat-traċċar kienet twassal għal impossibbiltà li ssir stima suffiċjentement affidabbli tan-NMM.

100    It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti relatata man-nuqqas ta’ ċarezza tar-Regolament 2022/2065 fir-rigward tat-“tul” li matulu għandu jiġi kkalkolat l-NMM, l-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament jimponi b’mod ċar fuq il-fornituri l-obbligu li jippubblikaw “informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur”, u din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma jidhirx li r-rikorrenti żbaljat fid-definizzjoni tal-perijodu rilevanti u l-Kummissjoni barra minn hekk ma fformulat ebda kritika f’dan ir-rigward.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pproduċietx element li jippermetti li jitqies li l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament 2022/2065 kienu insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u l-karatteristiċi speċifiċi tal-pjattaforma inkwistjoni, l-NMM tagħha.

102    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

103    Konsegwentement, ir-raba’ motiv tar-rikorrenti għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

104    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti huma miċħuda. Ir-rikors huwa miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

106    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament u l-Kunsill għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

107    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Skont dan l-artikolu, Stichting Article 19 għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Technius LTD għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Stichting Article 19 għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Papasavvas

Kowalik-Bańczyk

Buttigieg

Hesse

 

      Dimitrakopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ottubru 2025.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.