KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 ( 1 )

Kawża C‑598/24

CY

vs

Gândul Media Network SRL,

HO

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 2 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Artikolu 3 – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Test qasir kondiviż fuq Facebook u riprodott fl-istampa online – Artikolu 5(3)(ċ) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Eċċezzjoni marbuta mal-għan ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Livell ta’ armonizzazzjoni”

Introduzzjoni

1.

Id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea jipprevedu sensiela ta’ eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awturi li jippermettu lill-utenti ta’ xogħlijiet li jwettqu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, ċerti atti li normalment jaqgħu fil-monopolju tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet.

2.

Dawn l-eċċezzjonijiet huma kollha, ħlief waħda, ta’ natura fakultattiva. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ għal dak li jirrigwarda mhux biss l-għażla ta’ eċċezzjonijiet li huma jixtiequ jittrasponu fid-dritt intern tagħhom, iżda wkoll il-mod konkret tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.

Madankollu, uħud minn dawn l-eċċezzjonijiet jippermettu rikonċiljazzjoni tan-natura esklużiva tal-prerogattivi tal-awturi mad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ xogħlijiet, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni fid-diversi aspetti tagħha. Għalhekk, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li dawn ma jkunux trasposti, b’mod jew b’ieħor, fid-dritt intern tal-Istati Membri kollha ( 2 ).

4.

Din il-kawża tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri waqt it-traspożizzjoni tal-eċċezzjoni intiża sabiex tiżgura l-libertà ta’ informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti li minnha tgawdi l-istampa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 3 ) jipprovdu:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

Artikolu 5

[…]

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)

riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

[…]

5. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

Id-dritt Rumen

6.

L-Artikolu 35(1) u (2) tal-Legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tal‑14 ta’ Marzu 1996 ( 4 ) jipprovdi:

“1.   L-użu segwenti ta’ xogħol preċedentement miġjub għal konoxxenza tal-pubbliku huwa awtorizzat, mingħajr il-kunsens tal-awtur u mingħajr il-ħlas ta’ ebda remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jkun konformi mal-prattika ġusta, li ma jippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u li ma jikkawżax dannu għall-awtur jew għad-detenturi tad-drittijiet ta’ użu:

[…]

2.   Taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, huma permessi r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, ix-xandir jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku, mingħajr ma jinkiseb vantaġġ kummerċjali jew ekonomiku dirett jew indirett:

[…]

c)

ta’ siltiet qosra minn xogħlijiet, fil-kuntest ta’ informazzjoni relatata ma’ ġrajjiet kurrenti, iżda biss sa fejn dan ikun iġġustifikat mill-għan ta’ informazzjoni li jrid jintlaħaq;

[…]”

7.

L-Artikolu 35 ta’ din il-liġi jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, fid-dawl b’mod partikolari tal-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2(c) tiegħu, l-obbligu li jiġi indikat is-sors u l-isem tal-awtur tax-xogħol użat, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.

Fit‑8 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għalliema fi skola, ippubblikat fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook test ta’ 22 linja intitolat “Gwida qasira għall-ġenituri fl-okkażjoni tad-dħul lura l-iskola”. B’ton kemm umoristiku kif ukoll didattiku, fih hija indikat li xtaqet li ma tirċivix rigali mingħand il-ġenituri tal-istudenti tagħha.

9.

Fl‑14 ta’ Settembru 2021, il-ġurnalist HO ppubblika fis-sit tal-gazzetta online Gândul, operata minn Gândul Media Network SRL, kumpannija rregolata mid-dritt Rumen, artiklu intitolat “Il-messaġġ mingħajr preċedent ta’ għalliema lill-ġenituri li kellhom l-intenzjoni jagħtuha rigali fil-bidu tas-sena skolastika”, li fih kien riprodott, wara l-introduzzjoni, it-test sħiħ ippubblikat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit, minn naħa, li t-test inkwistjoni kien użat mingħajr il-kunsens minn qabel tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li isimha kif ukoll is-sors ta’ dan it-test, permezz ta’ hyperlink li jwassal għall-oriġinal, kienu ġew miżjuda sussegwentement.

10.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors abbażi tad-dritt għall-kumpens tad-dannu materjali u morali mġarrab minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ April 2022, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ċaħdet dan ir-rikors, billi kkunsidrat li t-test inkwistjoni ma setax jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ikkonfermat din is-sentenza b’sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2023.

11.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva 2001/29] għandhom jiġu interpretati fis-sens li test imqiegħed fuq network soċjali u li jesprimi opinjoni dwar prattiċi soċjali kkunsidrati mhux xierqa jista’ jitqies bħala xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti l-użu, għall-iskop ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet kurrenti, ta’ siltiet qosra biss minn xogħol, u mhux ix-xogħol kollu kemm huwa, b’mod partikolari meta x-xogħol ikun qasir, u biss bil-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ vantaġġ dirett jew indirett, kummerċjali jew ekonomiku?”

12.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Analiżi

13.

F’dan il-kawża saru żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konformità max-xewqat tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nikkonċentra l-konklużjonijiet tiegħi fuq it-tieni domanda. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, huwa suffiċjenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tipprovdi li l-klassifikazzjoni ta’ suġġett bħala “xogħol”, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni, teħtieġ biss li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li s-suġġett ikun oriġinali, fis-sens li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess, u li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni ( 5 ). Għalhekk, iċ-ċirkustanzi bħat-tul tat-test, il-post tal-pubblikazzjoni tiegħu kif ukoll l-eventwali appartenenza tiegħu, jew le, għal ġeneru letterarju predeterminat ma għandhom ebda effett fuq din il-klassifikazzjoni. Il-verifika tas-sodisfazzjon ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet f’każ konkret taqa’ kompletament taħt evalwazzjonijiet fattwali u, għalhekk, taħt il-kompetenza tal-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu.

14.

Għalhekk, ser ngħaddi direttament għall-analiżi tat-tieni domanda preliminari.

Fuq l-għan tat-tieni domanda preliminari

15.

It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29.

16.

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar parti ta’ din id-dispożizzjoni, li tirregola l-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi fir-rigward tal-“użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli”.

17.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk il-pubblikazzjoni tat-test inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala “ġrajja kurrenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, u, fit-tieni lok, dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Rumena li ttrasponietha, sa fejn din tal-aħħar tillimita l-użu awtorizzat għal “siltiet qosra” minn xogħlijiet u tipprojbixxi li jinkiseb minn dawn kull vantaġġ kummerċjali jew ekonomiku, anki indirett, peress li dawn ir-restrizzjonijiet ma jinstabux fid-dispożizzjoni inkwistjoni tad-Direttiva 2001/29. Huwa biss dan it-tieni aspett li huwa rifless fit-tieni domanda preliminari. Madankollu, l-ewwel aspett jirrigwarda l-applikabbiltà nnifisha tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għall-kawża prinċipali. Għalhekk, jidhirli li huwa utli li jitneħħew id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

18.

Għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax stħarriġ tal-validità tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tad-Direttiva 2001/29, iżda tilwima konkreta li għaliha tista’ tapplika din id-dispożizzjoni nazzjonali. Għalhekk, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta din id-dispożizzjoni, sa fejn huwa possibbli, b’konformità ma’ din id-direttiva, jew, jekk ikun il-każ, tħalliha mhux applikata għall-kawża ( 6 ). Il-konformità tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva 2001/29 għandha għalhekk tiġi evalwata minn dik il-qorti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit tal-osservanza tal-bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni.

19.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar preċiż, essenzjalment, minn naħa, liema huma l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha li tillimita l-użu awtorizzat għar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għal siltiet qosra minn xogħlijiet u tipprojbixxi li minnu jinkiseb vantaġġ ekonomiku dirett jew indirett.

Il-ġurisprudenza relatata mal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti

20.

Qabel ma nibda l-analiżi tal-problemi ġuridiċi mqajma mill-qorti tar-rinviju, jidhirli neċessarju li titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29.

21.

Il-kawża prinċipali tirrigwarda każ partikolari ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, fis-sens li l-pubblikazzjoni nnifisha tax-xogħol użat għar-rappurtaġġ ta’ ġrajja kurrenti tikkostitwixxi din il-ġrajja u li r-rappurtaġġ inkwistjoni jikkonsisti, essenzjalment, f’komunikazzjoni lill-pubbliku tal-kontenut ta’ dan ix-xogħol. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, impliċitament iżda neċessarjament, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari fil-kawża Spiegel Online ( 7 ).

22.

Kien ukoll f’dik is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-linji ġenerali tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni ma tarmonizzax b’mod sħiħ l-eċċezzjoni prevista minnha, billi tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sinjifikattiv għad-definizzjoni ddettaljata tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha, li jippermettilhom jibbilanċjaw l-interessi inkwistjoni. Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jirriżulta b’mod partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv” li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni ( 8 ).

23.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri kien limitat minn diversi aspetti ( 9 ).

24.

L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29, josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 10 ).

25.

It-tieni nett, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jikkompromettux it-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 intiżi għall-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jissalvagwardjaw l-effett utli tal-eċċezzjoni inkwistjoni ( 11 ).

26.

It-tielet nett, il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri huwa limitat mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

27.

Finalment, ir-raba’ nett, waqt it-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tiegħu li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 12 ). Issa, id-drittijiet fundamentali kkonċernati huma, b’mod partikolari, minn naħa, id-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-awturi stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-utenti ta’ xogħlijiet protetti, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta ( 13 ).

28.

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Fuq il-klassifikazzjoni bħala “ġrajja kurrenti”

29.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 jistax japplika fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, minn ġurnal online, ta’ test ippubblikat fil-bidu ta’ sena skolastika fuq paġna ta’ Facebook, li fih għalliem jindika li huwa jqis ċertu aġir bħala mhux xieraq f’ambjent skolastiku. Id-dubji ta’ dik il-qorti jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-ġurnal ma inkoraġġixxiex id-dibattitu pubbliku dwar is-suġġett, pereżempju billi stieden lill-qarrejja tiegħu jirreaġixxu.

30.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ġrajja kurrenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din tfisser “ġrajja li, fil-mument li jsir ir-rappurtaġġ dwarha, tkun ta’ interess ta’ informazzjoni għall-pubbliku” ( 14 ).

31.

Ma naħsibx li huwa xieraq li jiżdiedu elementi addizzjonali mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-għan tal-eċċezzjoni inkwistjoni, li huwa li jiġi ppreżervat id-dritt tal-istampa li tinforma u tal-pubbliku li jkun informat, din id-definizzjoni għandha tinkludi s-suġġetti kollha li huma importanti mill-perspettiva tas-soċjetà fil-mument li fih il-pubbliku jkun informat bihom. Min-naħa l-oħra, la l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u lanqas il-grad ta’ gravità tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet ma jiddependu fuq in-natura tal-ġrajja li tagħha jsir rappurtaġġ bl-użu tax-xogħol protett inkwistjoni. Għalhekk, hawnhekk, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni huwa favur definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “ġrajja kurrenti”, kif ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.

Il-klassifikazzjoni bħala “ġrajja kurrenti” tal-pubblikazzjoni minn għalliem tal-opinjoni tiegħu, li tipprovdi li huwa jqis ċertu aġir mhux xieraq fl-ambitu skolastiku, taqa’ ovvjament taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, xejn ma jipprekludi tali klassifikazzjoni peress li l-funzjonament tas-sistema skolastika huwa suġġett ta’ informazzjoni li jista’, b’mod ċar, ikun ta’ interess għall-pubbliku u l-opinjoni inkwistjoni tista’ tiżvela prattiki li jaffettwaw dan il-funzjonament.

33.

Il-fatt li, f’dan il-każ, il-qarrejja tal-ġurnal li fih ix-xogħol inkwistjoni kien użut ma kinux mistiedna jirreaġixxu ma jidhirlix li għandu effett hawnhekk. Minkejja li huwa minnu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Funke Medien ( 15 ), madankollu dan il-fatt bl-ebda mod ma jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29.

34.

Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjoni ta’ “rappurtaġġ”, prevista f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala dik li tagħti informazzjoni dwar ġrajja kurrenti. Barra minn hekk, għalkemm is-sempliċi tħabbir ta’ tali ġrajja ma jikkostitwixxix rappurtaġġ tagħha, il-kelma “rappurtaġġ”, fis-sens normali tagħha, ma tirrikjedix madankollu li l-utent iwettaq analiżi ddettaljata ta’ tali ġrajja ( 16 ). L-istess japplika, a fortiori, għal stedina ta’ reazzjoni, għaliex din tmur manifestament lil hinn mis-sens normali tal-kelma “rappurtaġġ”. Fuq livell iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li, minkejja li dibattitu jista’ ħafna drabi jkun il-konsegwenza – mixtieqa – tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni, huwa bl-ebda mod ma huwa kundizzjoni.

35.

Għalhekk, sabiex japplika l-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29, huwa suffiċjenti li x-xogħol protett inkwistjoni jkun użat sabiex tingħata informazzjoni dwar ġrajja li, fil-mument li fih tingħata din l-informazzjoni, tkun ta’ interess għall-pubbliku.

Fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti fid-dritt Rumen

36.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Rumena li tirregola l-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti mal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 fir-rigward ta’ żewġ punti, jiġifieri l-fatt li l-użu awtorizzat huwa limitat għal siltiet qosra minn xogħlijiet u li huwa pprojbit li minnu jinkiseb vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett ( 17 ).

Fuq il-limitazzjoni tal-użu awtorizzat għas-siltiet qosra minn xogħlijiet

37.

Id-dubju tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Rumena li tittrasponi l-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 jirrigwarda l-fatt li din id-dispożizzjoni tippermetti l-użu “ta’ xogħlijiet”, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Rumena tillimita l-użu awtorizzat għas-“siltiet qosra minn xogħlijiet”.

38.

Qabelxejn nixtieq nindika li, fil-fehma tiegħi, billi għamel hekk, il-leġiżlatur Rumen ma marx lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa għandu għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

39.

L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29, din id-dispożizzjoni hija ta’ natura fakultattiva għall-Istati Membri, kif inhu l-każ ta’ kważi l-eċċezzjonijiet kollha għad-drittijiet tal-awtur previsti minn din id-direttiva. Madankollu, skont regola ta’ interpretazzjoni universalment aċċettata, dak li jista’ jagħmel iktar jista’ wkoll jagħmel inqas, b’tali mod li l-Istati Membri ma humiex marbuta, bħala prinċipju, li waqt l-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, jittrasponuhom fil-portata potenzjali kollha tagħhom.

40.

Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni stess tinkludi limitazzjoni, li tipprovdi li l-użu fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti huwa awtorizzat biss “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-formulazzjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-implimentazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni ( 19 ). Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jirrigwarda neċessarjament, b’mod partikolari, il-portata tal-użu li jsir mix-xogħol. Għalhekk, f’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom dritt jillimitaw l-użu awtorizzat għas-siltiet qosra minn xogħlijiet jekk jikkunsidraw li użu iktar wiesa’ ma huwiex iġġustifikat mill-iskop informattiv li jrid jintlaħaq mill-eċċezzjoni inkwistjoni.

41.

It-tieni nett, tali limitazzjoni, filwaqt li hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2001/29 intiża sabiex tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, ma tikkontestax, fl-opinjoni tiegħi, l-effett utli tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(ċ) in fine ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex li jippermetti l-użu ta’ xogħlijiet protetti bħala tali, iżda li tevita li l-libertà ta’ informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti tkun indebitament limitata mid-drittijiet esklużivi li jipproteġu x-xogħlijiet assoċjati – b’mod jew b’ieħor – ma’ dawn il-ġrajjiet. Madankollu, anki fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, ix-xogħol innifsu jew il-pubblikazzjoni tiegħu jikkostitwixxu l-ġrajja li tiġi rrappurtata, dan ir-rappurtaġġ ma għandux jitħawwad mar-riproduzzjoni u mal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dan ix-xogħol kollu kemm hu, ħlief bi żnaturament komplet tas-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-limitazzjoni tal-użu awtorizzat għas-siltiet qosra minn xogħlijiet ma tikkompromettix l-effett utli tal-eċċezzjoni inkwistjoni.

42.

It-tielet nett, l-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 għandha tkun konformi mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjoni tripla, imsejħa wkoll “test fi tliet stadji”, li tipprovdi li l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur għandhom japplikaw biss f’ċerti każijiet speċjali li la jippreġudikaw l-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw preġudizzju inġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

43.

F’dan ir-rigward, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-riproduzzjoni sħiħa u l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol, min-natura tagħhom, jistgħu jippreġudikaw l-isfruttament normali tiegħu u jikkawżaw konsegwentement – din hija l-loġika tat-test fi tliet stadji – preġudizzju inġustifikat għall-interessi leġittimi tal-awtur. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-komunikazzjoni sekondarja tax-xogħol, imwettqa fil-kuntest tal-eċċezzjoni, tissostitwixxi l-komunikazzjoni oriġinali, u teżenta lid-destinatarji milli jirrikorru għal din tal-aħħar, bil-konsegwenza li tippreġudika l-isfruttament normali tax-xogħol mill-awtur tiegħu.

44.

Fl-ambjent tal-internet, komunikazzjoni lill-pubbliku għandha ħafna drabi natura permanenti u faċilment riproduċibbli, b’tali mod li l-awtur jista’ jitlef il-kontroll kollu fuq ix-xogħol tiegħu, li jiċċirkola b’mod indipendenti mill-volontà tiegħu, li jippreġudika mhux biss id-drittijiet patrimonjali tiegħu, iżda wkoll dawk morali ( 20 ). Barra minn hekk, minkejja li l-eċċezzjoni inkwistjoni hija prinċipalment intiża sabiex tippreżerva d-dritt tal-istampa li tagħti informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti ( 21 ), l-applikazzjoni tagħha ma hijiex suġġetta għad-detenzjoni, mill-utent ikkonċernat, ta’ status formali ta’ korp tal-istampa. Madankollu, fl-ambjent tal-internet, kulħadd jista’ jallega li qiegħed jagħti informazzjoni dwar ġrajja kurrenti sabiex jipprevalixxi ruħu minn din l-eċċezzjoni sabiex jikkomunika lill-pubbliku xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur. Għalhekk, jeżisti hawnhekk riskju ta’ abbuż kunsiderevoli.

45.

Konsegwentement, jiena tal-opinjoni, fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li huwa leġittimu li Stat Membru jillimita l-użu awtorizzat fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għas-siltiet qosra minn xogħlijiet.

46.

Ir-raba’ nett, l-implimentazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għandha tosserva l-bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli, b’mod partikolari, minn naħa, il-proprjetà intellettwali stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni u tal-istampa, protetta mill-Artikolu 11 tagħha. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-użu awtorizzat għas-siltiet qosra minn xogħlijiet tosservax dan il-bilanċ.

47.

Għal dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali, kif diġà osservajt, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol sħiħ mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet ta’ dan l-awtur. F’dawn il-każijiet estremi, bħal dawk imsemmija fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn l-awtur jitlef il-kontroll fuq l-isfruttament tax-xogħol tiegħu, dan il-ksur ikun, fl-opinjoni tiegħi, manifestament sproporzjonat. Il-limitazzjoni tal-użu awtorizzat, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, għas-siltiet qosra minn xogħlijiet tikkontribwixxi għas-salvagwardja ta’ dan id-dritt fundamentali.

48.

Mill-banda l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-libertà ta’ espressjoni, huwa minnu li din hija ristretta. Madankollu, jiena ma naħsibx li din ir-restrizzjoni hija sproporzjonata. Il-libertà ta’ espressjoni li hija inkwistjoni hawnhekk tirrigwarda l-informazzjoni mogħtija dwar ġrajja. Għalhekk, l-użu tax-xogħol protett iservi biss bħala eżempju intiż sabiex jikkompleta din l-informazzjoni u ma għandux jikkostitwixxi l-essenzjali tagħha. Għalhekk, l-użu ta’ siltiet qosra għandu normalment ikun suffiċjenti. Huwa neċessarju wkoll, evidentement, li s-siltiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat jistgħu jkunu ta’ tul raġonevoli sabiex jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ informazzjoni mfittex. Madankollu, dan l-aspett jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konkret.

49.

Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, dan huwa l-każ, bħala prinċipju, irrispettivament mit-tul tax-xogħol ikkonċernat. Madankollu, fil-każ ta’ xogħlijiet tant qosra li ma jistgħux ikunu riprodotti b’mod utli ħlief b’mod sħiħ, il-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru inkwistjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, għandha tippermetti l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet sħaħ, billi tassimilahom ma’ siltiet, jekk dan jirriżulta neċessarju sabiex jintlaħaq l-iskop informattiv imfittex. Fil-każijiet l-oħra kollha, huwa normalment possibbli li jiġu estratti minn xogħol il-partijiet neċessarji mill-perspettiva tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, mingħajr riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol b’mod sħiħ. Infakkar li l-għan tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex li jippermetti l-użu ta’ xogħlijiet protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, iżda li jiżgura l-libertà li tingħata informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti.

50.

Barra minn hekk, f’diversi sitwazzjonijiet, b’mod partikolari fuq l-internet, fosthom dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tekniki bħall-hyperlinks jippermettu li l-pubbliku jingħata l-aċċess għax-xogħol ikkonċernat sħiħ u għalhekk li jintlaħaq faċilment l-għan imfittex, mingħajr ma jkollha tintalab l-awtorizzazzjoni tal-awtur, iżda wkoll mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tiegħu ( 22 ). Għalhekk, f’tali każijiet, ir-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol sħiħ ma humiex neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

51.

Minn dan nikkonkludi li l-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-użu għar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għas-siltiet qosra minn xogħlijiet, bil-kundizzjoni li t-tul tas-silta li l-użu tagħha huwa awtorizzat ikun suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-iskop informattiv imfittex.

Fuq il-projbizzjoni li jinkiseb vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali

52.

Il-projbizzjoni li mill-użu ta’ xogħol, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, jinkiseb kwalunkwe vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali, dirett jew indirett, prevista mil-leġiżlazzjoni Rumena, hija iktar problematika.

53.

Il-qorti tar-rinviju ma tindikax x’inhu s-sens eżatt tal-kliem “kwalunkwe vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali, dirett jew indirett” fid-dritt Rumen. Għalhekk, jekk il-projbizzjoni li tirrigwarda l-vantaġġ ekonomiku indirett għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’, hija tqajjem dubji serji. Il-korpi tal-istampa, filwaqt li għandhom funzjoni fundamentali f’soċjetà demokratika li tikkonsisti fl-informazzjoni lill-pubbliku u fl-eżerċizzju ta’ kontroll tal-awturi tal-ħajja pubblika, għandhom normalment attività ekonomika. Din l-attività tista’ tkun iffinanzjata jew direttament mill-klijenti, jew mir-reklamar. Fiż-żewġ każijiet, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni tikkostitwixxi s-servizz ipprovdut li l-kontenut tiegħu, filwaqt li jiġbed il-klijenti, għandu effett fuq id-dħul tal-operatur ekonomiku kkonċernat. Għalhekk, dan l-operatur jikseb vantaġġ ekonomiku indirett mill-pubblikazzjonijiet tiegħu kollha, inkluż minn rappurtaġġi ta’ ġrajjiet kurrenti li fihom ix-xogħlijiet protetti huma użati fil-kuntest tal-eċċezzjoni inkwistjoni.

54.

Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ tali vantaġġ indirett tippreġudika l-effett utli ta’ din l-eċċezzjoni, billi fir-realtà tagħmel impossibbli l-applikazzjoni tagħha għal kull korp tal-istampa li l-funzjonament tiegħu jikkostitwixxi attività ekonomika ( 23 ). Ma hemmx għalfejn jingħad li tali projbizzjoni ma ssibx bażi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, il-kliem “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv” jirrigwarda mhux il-vantaġġ ekonomiku li jista’ jinkiseb b’mod indirett, iżda biss il-portata tal-użu ta’ xogħlijiet protetti.

55.

Din il-projbizzjoni lanqas ma hija ġġustifikata mit-test fi tliet stadji tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ vantaġġ dirett miksub mill-użu ta’ xogħol, li jista’ jiġi assimilat mal-isfruttament kummerċjali tiegħu, vantaġġ indirett li jikkonsisti fil-finanzjament tal-attività tal-istampa permezz tad-dħul li jirriżulta minn din l-attività, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ rappurtaġġi ta’ ġrajjiet kurrenti, la jista’ jippreġudika l-isfruttament normali ta’ xogħlijiet użati fil-kuntest ta’ dawn ir-rappurtaġġi, u lanqas jikkawża preġudizzju inġustifikat għall-awturi tagħhom. Konsegwentement, l-imsemmija projbizzjoni tippreġudika wkoll il-bilanċ bejn id-diversi drittijiet fundamentali li l-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti hija intiża li tirrikonċilja.

56.

Għalhekk, billi jipprevedi projbizzjoni li jinkiseb vantaġġ ekonomiku indirett mill-użu ta’ xogħlijiet protetti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, il-leġiżlatur Rumen mar lil hinn mil-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa għandu fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali projbizzjoni.

Konklużjoni

57.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija):

L-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

huwa suffiċjenti, sabiex ikun applikabbli, li x-xogħol inkwistjoni jintuża sabiex tingħata informazzjoni dwar ġrajja li, fil-mument li fih tingħata din l-informazzjoni, tkun ta’ interess għall-pubbliku;

–

ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-użu awtorizzat għall-finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti għas-siltiet qosra minn xogħlijiet, bil-kundizzjoni li t-tul tas-silta li l-użu tagħha huwa awtorizzat ikun suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-iskop informattiv imfittex;

–

jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi li jinkiseb kwalunkwe vantaġġ kummerċjali jew ekonomiku indirett mill-użu ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spiegel Online, EU:C:2019:625, punti 42 u 43).

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 4 ) Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 60 tas‑26 ta’ Marzu 1996.

( 5 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Kwantum Nederland u Kwantum België (C‑227/23, EU:C:2024:914, punt 48).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, reċentement, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2025, ASG 2 (C‑253/23, EU:C:2025:40, punti 90, 91 u 93).

( 7 ) Punti 60 sa 74, u b’mod partikolari l-punt 69 ta’ dik is-sentenza. Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 75).

( 8 ) Sentenza Spiegel Online, punti 27 sa 29.

( 9 ) Sentenza Spiegel Online, punt 30.

( 10 ) Sentenza Spiegel Online, punti 31 sa 34.

( 11 ) Sentenza Spiegel Online, punti 35 u 36.

( 12 ) Sentenza Spiegel Online, punti 37 u 38.

( 13 ) Sentenza Spiegel Online, punt 42.

( 14 ) Sentenza Spiegel Online, punt 67.

( 15 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019 (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 75).

( 16 ) Sentenza Spiegel Online, punt 66.

( 17 ) Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 5(3)(ċ) in fine tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 35(2)(c) tal-Liġi Nru 8/1996 tal‑14 ta’ Marzu 1996 ma jipprevedix l-obbligu li jiġi indikat is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, tax-xogħol użat. Madankollu, tali rekwiżit jirriżulta mill-Artikolu 35(4) ta’ din il-liġi u jirrigwarda, b’mod partikolari, il-każijiet previsti fil-paragrafu 2(c) ta’ dan l-artikolu.

( 18 ) Ara l-punti 22 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 19 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Bħala eżempju, fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-test inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien dejjem disponibbli fis-sit internet ta’ Gândul, kif ukoll fuq tal-inqas żewġ siti oħra li rriproduċewh, filwaqt li l-hyperlink li jwassal għall-oriġinali kien skada, probabbilment għaliex dan kien tneħħa mill-post tal-pubblikazzjoni inizjali tiegħu.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spiegel Online (punt 70).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 1 tad-dispożittiv).

( 23 ) Jiġifieri, fil-prattika, kull korp tal-istampa, peress li anki l-midja msejħa “pubblika” rarament hija ffinanzjata biss minn riżorsi tal-Istat.