|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4418 |
8.7.2024 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-15 ta’ Mejju 2024
dwar Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino (CON/2024/16)
(C/2024/4418)
Introduzzjoni u bażi legali
Fis-16 ta’ April 2024 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino (1) (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni proposta”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li, fejn ikun meħtieġ li l-Unjoni tinnegozja ftehim dwar kwistjonijiet monetarji jew tas-sistema tal-kambju barrani ma’ Stat terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-BĊE, għandu jiddeċiedi l-arranġamenti għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ tali ftehim. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
|
1.1. |
Fl-2011 ġie konkluż Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra (2), segwit fl-2012 minn Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ San Marino (3) (minn hawn “il quddiem il-‘Ftehimiet Monetarji’). F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni kkonkludiet in-negozjati ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma’ Andorra u San Marino (4) (minn hawn” il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). |
|
1.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-objettivi tad-deċiżjoni proposta, jiġifieri li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ sforzi simili fil-qafas tal-Ftehimiet Monetarji u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kemm min-naħa tal-Unjoni kif ukoll ta’ Andorra u San Marino. Hemm sovrapożizzjoni parzjali bejn l-atti legali tal-Unjoni li għandhom jiġu implimentati minn Andorra u San Marino skont il-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Jekk din is-sovrapożizzjoni ma tiġix indirizzata, ikun hemm duplikazzjoni tal-isforzi peress li l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni li huma sovraposti tiġi mmonitorjata b’mod parallel fil-qafas tal-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
1.3. |
Fl-istess ħin, il-BĊE josserva li l-introduzzjoni tal-emendi għall-Ftehimiet Monetarji previsti fid-deċiżjoni proposta se jkollha effetti sinifikanti għall-qafas tal-Ftehimiet Monetarji. Il-Ftehimiet Monetarji jistabbilixxu Kumitat Konġunt (5) , li għandu rwol kruċjali fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Annessi għall-Ftehimiet Monetarji. Fil-każ tal-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni u Andorra, il-Kumitat Konġunt huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ Andorra, il-Kummissjoni, Spanja, Franza u l-BĊE. Il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni u San Marino huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ San Marino, il-Kummissjoni, l-Italja u l-BĊE. Il-BĊE jifhem li l-kompożizzjoni tas-Sottokumitat li se jivvaluta l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni iżda mmarkati bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji se tkun differenti ħafna minn dik tal-Kumitati Konġunti tal-Ftehimiet Monetarji. Mhuwiex previst li l-BĊE għandu jkun membru uffiċjali tas-Sottokumitat. Minħabba s-sinifikat tal-emendi proposti, il-BĊE huwa tal-fehma li huwa għandu jkun assoċjat bis-sħiħ man-negozjati fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, f’konformità mal-prattika tal-passat. |
2. Osservazzjonijiet speċifiċi
|
2.1. |
Il-memorandum ta’ spjegazzjoni għad-deċiżjoni proposta jiddikjara li l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu elenkati fl-Anness rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u “rilevanti għall-euro” se jkunu mmarkati b’mod ċar bħala tali sabiex meta l-implimentazzjoni tagħhom tiġi vvalutata fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan isir ukoll għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji. Huwa spjegat li hija l-intenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li jistiednu lill-kontropartijiet tal-BĊE tagħhom biex jingħaqdu mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni għas-Sottokumitat dwar is-servizzi finanzjarji stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni meta tkun qed tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni li huma rilevanti wkoll għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Il-BĊE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistieden lill-BĊE għal-laqgħat tas-Sottokumitat meta s-suġġett tad-diskussjonijiet ikun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Id-deċiżjoni proposta ma tispeċifikax kif tali parteċipazzjoni se tiġi formalizzata u x’ser ikun l-istatus tal-BĊE f’dawk il-laqgħat. Il-BĊE jifhem li huwa jkun mistieden għal-laqgħat rilevanti tas-Sottokumitat bħala osservatur. |
|
2.2. |
Id-deċiżjoni proposta tipprovdi għall-inklużjoni ta’ dispożizzjoni fil-Ftehimiet Monetarji li permezz tagħha l-atti l-ġodda kollha li jappartjenu għas-subsett ta’ atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jsiru parti mill-Anness rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni esklussivament ladarba dawn l-atti legali tal-Unjoni jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (6) . Il-memorandum ta’ spjegazzjoni għad-deċiżjoni proposta jiddikjara li segmenti differenti tal-protokoll dwar is-servizzi finanzjarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jidħlu fis-seħħ b’mod progressiv għall-Istati assoċjati. Għaldaqstant, sakemm l-atti legali tal-Unjoni li jaqgħu f’segment partikolari jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-acquis rilevanti tal-Unjoni jibqa’ jiġi inkorporat u kkunsidrat fl-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji. |
|
2.3. |
Il-BĊE josserva li jista’ jkun hemm tul ta’ żmien sinifikanti bejn l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-dħul fis-seħħ għall-Istati assoċjati tas-segmenti tal-protokoll dwar is-servizzi finanzjarji li jinkorporaw l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, id-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehimiet Monetarji (7) għandha tiddikjara b’mod espliċitu li, jekk att legali tal-Unjoni tal-acquis rilevanti tal-Unjoni jiġi adottat jew emendat qabel ma jsir applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan jiżdied mal-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji u jiġi ttrasferit fl-Anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ladarba jsir applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni proposta ma tiċċarax il-mument eżatt li fih se jitqies li l-atti legali tal-Unjoni li jappartjenu għal segment partikolari tal-protokoll dwar is-servizzi finanzjarji jsiru applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm ċarezza dwar dan l-aspett biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar l-iskeda ta’ żmien għat-trasferiment tar-responsabbiltajiet mill-qafas tal-Ftehimiet Monetarji għall-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
2.4. |
Id-deċiżjoni proposta tistabbilixxi li għandha tiġi inkluża dispożizzjoni fil-Ftehimiet Monetarji li permezz tagħha l-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja meħtieġa għall-euro u l-atti legali kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li huma elenkati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni iżda li huma rilevanti għall-użu bla xkiel u l-protezzjoni tal-euro għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar (8). Dan jippermetti l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti miż-żewġ Stati assoċjati li għandha ssir skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji. Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni ta’ tali dispożizzjoni, peress li hija d-dispożizzjoni ewlenija tad-deċiżjoni proposta għall-finijiet li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn il-Ftehimiet Monetarji u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fl-istess ħin, il-BĊE jindika nuqqas ta’ ċarezza dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura. Għadu mhux ċar jekk dispożizzjoni bl-istess kontenut għandhiex tiġi inkluża wkoll fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u min jiddeċiedi dwar l-immarkar ta’ atti legali tal-Unjoni bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Il-BĊE jinsab lest li jipparteċipa f’dan il-kompitu. L-eżerċizzju tal-immarkar jista’, pereżempju, jiġi deċiż fil-laqgħat tas-Sottokumitat dwar is-servizzi finanzjarji stabbilit skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, biex jipprovdi ċertezza legali akbar, il-BĊE jipproponi li l-atti legali rilevanti tal-Unjoni jiġu mmarkati bħala “rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehim Monetarju”, minflok bħala “rilevanti għall-euro”, “meħtieġa għall-euro” jew “rilevanti għall-użu u l-protezzjoni bla xkiel tal-euro”. |
|
2.5. |
Barra minn hekk, il-BĊE jissuġġerixxi li fl-istess dispożizzjoni jiġi stabbilit li, wara laqgħat dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mmarkati bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji, “spreadsheet ta’ implimentazzjoni” tiġi kondiviża mal-Kumitat Konġunt rilevanti tal-Ftehimiet Monetarji. Mingħajr dan, hemm riskju li l-immarkar ta’ ċerti atti legali tal-Unjoni bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji u d-dikjarazzjoni li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti legali fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se ssir fl-istess ħin għall-finijiet tal-Ftehimiet Monetarji ma jkollhom l-ebda skop. Il-Kumitati Konġunti tal-Ftehimiet Monetarji ser ikollhom bżonn jiġu infurmati kif xieraq dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni biex jiddeterminaw jekk għandux impatt fuq l-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Il-BĊE jifhem li dispożizzjoni tal-istess natura għandha tiġi inkluża fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
2.6. |
Id-deċiżjoni proposta tipproponi l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi li s-subsett tal-atti legali tal-Unjoni dwar il-liġi bankarja u finanzjarja rilevanti għall-euro u l-atti legali l-ġodda kollha tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li jkunu saru parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġu inkorporati awtomatikament fl-Annessi tal-Ftehimiet Monetarji jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi sospiż parzjalment jew kompletament jew jekk jiġi tterminat (9). Għall-iskop ta’ kompletezza, il-BĊE jissuġġerixxi li jiġi ċċarat li dan il-proċess ikun akkumpanjat ukoll mill-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, li titwettaq fil-qafas tal-Ftehimiet Monetarji. |
|
2.7. |
Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni tad-deċiżjoni proposta ta’ dispożizzjoni fil-Ftehimiet Monetarji li tiżgura li l-atti legali tal-Unjoni ta’ natura ta’ liġi monetarja jibqgħu rregolati esklussivament mill-Ftehimiet Monetarji (10). Kif spjegat fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għad-deċiżjoni proposta, atti legali ta’ natura ta’ liġi monetarja jinkludu miżuri legali fl-oqsma tal-karti tal-flus u l-muniti, frodi u ffalsifikar, rappurtar statistiku lill-BĊE, u atti skont l-Artikolu 133 tat-Trattat. Għalhekk, dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-atti legali kollha adottati mill-BĊE li huma elenkati fl-Annessi għall-Ftehimiet Monetarji. |
|
2.8. |
Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni proposta tistabbilixxi li l-Kummissjoni waħedha għandha s-setgħa li tinnegozja, tikkonkludi u tiffirma l-emendar tal-Ftehimiet Monetarji ma’ Andorra u San Marino (11). Il-BĊE josserva li dan jitbiegħed mill-prattika segwita sal-lum, fejn il-BĊE kien assoċjat bis-sħiħ man-negozjati dwar il-Ftehimiet Monetarji fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu (12). Barra minn hekk, l-emendar tal-Ftehimiet Monetarji li għandu jiġi nnegozjat ma’ Andorra u San Marino skont id-deċiżjoni proposta mhux ta’ natura minuri u teknika. Kif imsemmi fil-paragrafu 1.3 ta’ din l-opinjoni, l-emendar propost għandu konsegwenzi importanti għall-qafas tal-Ftehimiet Monetarji, speċjalment għar-rwol tal-Kumitati Konġunti stabbiliti fil-Ftehimiet Monetarji. Għalhekk, id-deċiżjoni proposta għandha tistabbilixxi li l-BĊE ser ikun assoċjat bis-sħiħ man-negozjati fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, f’konformità mal-prattika tal-passat.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Mejju 2024.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2024) 134 finali.
(2) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 1.
(3) ĠU C 121, 26.4.2012, p. 5. Dan il-Ftehim Monetarju ssostitwixxa l-Ftehim Monetarju preċedenti bejn ir-Repubblika Taljana, f’isem il-Komunità Ewropea, u r-Repubblika ta’ San Marino (ĠU C 209, 27.7.2001, p. 1).
(4) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023, ‘Il-Kummissjoni tilqa’ t-tmiem tan-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma’ Andorra u San Marino’, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu. Il-BĊE ma rax it-test tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif miftiehem fil-livell tan-negozjaturi, għalkemm il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa s-sors tal-bidliet proposti għall-Ftehimiet Monetarji.
(5) Ara l-Artikolu 11 tal-Ftehimiet Monetarji.
(6) Ara l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tad-deċiżjoni proposta.
(7) Kif imsemmi fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), tad-deċiżjoni proposta.
(8) Ara l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tad-deċiżjoni proposta.
(9) Ara l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (d), tad-deċiżjoni proposta.
(10) Ara l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (e), tad-deċiżjoni proposta.
(11) Ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni proposta.
(12) 12 Ara l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/97/KE (ĠU L 30, 4.2.1999, p. 33); l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/548/KE tal-11 ta’ Mejju 2004 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità dwar ftehim li jikkonċerna r-relazzjonijiet monetarji mal-Prinċipalità ta’ Andorra (ĠU L 244, 16.7.2004, p. 47); u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/904/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità Ewropea dwar l-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 12).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4418/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)