16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1360

tat-30 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 4640)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(8) u l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (“CPC”), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. L-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewqan li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2021, in-Netherlands ippreżentaw talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplikaw estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2021/267. In-Netherlands ipprovdew informazzjoni addizzjonali biex isostnu t-talba tagħhom fis-7 ta’ Ġunju 2021.

(4)

Permezz tat-talba motivata tagħhom, in-Netherlands jitolbu awtorizzazzjoni biex japplikaw estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), u awtorizzazzjoni biex japplikaw estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-informazzjoni li pprovdew in-Netherlands, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu u l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” aktarx li jibqgħu imprattikabbli wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadu biex jipprevjenu jew irażżnu t-tixrid tal-COVID-19.

(6)

Skont in-Netherlands, minħabba tali miżuri, it-taħriġ perjodiku kellu jiġi sospiż bejn il-15 ta’ Diċembru 2020 u s-16 ta’ Marzu 2021. Filwaqt li sadanittant it-taħriġ perjodiku reġa’ beda, l-obbligu li kull persuna li żżomm distanza ta’ 1,5 metru minn xulxin f’kull sitwazzjoni għadu fis-seħħ. Il-kumpaniji privati implimentaw dawn il-miżuri permezz ta’ protokoll komuni.

(7)

L-effett ewlieni ta’ dawn il-miżuri għal taħriġ perjodiku huwa li l-klassijiet issa jeħtieġ li jkunu ħafna iżgħar meta mqabbel ma’ sitwazzjonijiet normali. Fil-fatt, parti konsiderevoli mit-taħriġ perjodiku tinkludi kors prattiku obbligatorju, li issa jista’ jingħata biss lil gruppi żgħar. Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, din iċ-ċirkostanza tnaqqas b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ taħriġ f’dak l-Istat Membru, u għalhekk ma tippermettix li t-taħriġ perjodiku ta’ għadd kbir ta’ sewwieqa tat-trakkijiet jitlesta fil-ħin.

(8)

Skont in-Netherlands, dan il-protokoll komuni se jkollu jiġi applikat mill-kumpaniji privati għax-xhur li ġejjin, li jfisser li l-limitazzjonijiet sinifikanti fil-kapaċità ta’ taħriġ disponibbli tas-suq se jibqgħu jinħassu fil-futur qrib.

(9)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-biċċa l-kbira tas-sewwieqa tat-trakkijiet f’dak l-Istat Membru jridu jġeddu ċ-ċertifikati tagħhom ta’ kompetenza professjonali (“CPCs”) qabel tmiem l-2021. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità Netherlandiża responsabbli għar-reġistrazzjoni tat-taħriġ (is-CBR (2)), 150 000 sewwieq għad iridu jsegwu, bħala medja, żewġ korsijiet ta’ seba’ sigħat fl-2021, li jfisser total ta’ 300 000 kors li għad iridu jitwettqu minn sewwieqa tat-trakkijiet f’dak l-Istat Membru sa tmiem is-sena.

(10)

Barra minn hekk, abbażi tad-data pprovduta min-Netherlands, għadd sinifikanti ta’ sewwieqa tal-karozzi tal-linja esperjenzaw diffikultajiet sinifikanti biex lestew it-taħriġ tagħhom qabel l-10 ta’ Settembru 2020, minħabba s-sitwazzjoni tal-lockdown li kien fiha dak l-Istat Membru matul ir-rebbiegħa tal-2020. Peress li dawn is-sewwieqa tal-karozzi tal-linja ngħataw estensjoni tas-CPCs tagħhom abbażi tar-Regolament (UE) Nru 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), issa għad hemm madwar 350 000 kors li jridu jiġu segwiti mis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja, f’perjodu ta’ żmien limitat ħafna.

(11)

Barra minn hekk, f’konformità mal-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, jidher li se jkun diffiċli ħafna li t-taħriġ perjodiku kollu jerġa’ jibda b’mod ordnat. L-għadd ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19 għadu għoli fin-Netherlands, u l-biċċa l-kbira tas-sewwieqa professjonali għadhom ma ġewx vaċċinati. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dak l-Istat Membru, dan ifisser li għad hemm infezzjonijiet fost dan il-grupp ta’ persuni jew fost il-kuntatti mill-qrib tagħhom, u dan iġegħilhom jużaw is-sick leave jew jiżolaw irwieħhom fi kwarantina. Dan ma jfissirx biss li jridu jiġu sostitwiti mill-kollegi, iżda wkoll li hemm inqas ħin disponibbli għalihom biex jattendu t-taħriġ perjodiku. L-esperjenza tal-passat turi wkoll li l-ħarrieġa disponibbli jridu jikkanċellaw ħafna jiem ta’ taħriġ, li jseħħ mhux biss minħabba l-għadd kbir ta’ kanċellazzjonijiet mhux mistennija min-naħa tas-sewwieqa, iżda wkoll minħabba li għadhom iseħħu każijiet ta’ infezzjonijiet u ta’ kwarantina fost il-ħarrieġa nfushom.

(12)

Skont in-Netherlands, dan l-Istat Membru qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ skema li tippermetti taħriġ perjodiku tas-CPC fil-kumpanija, li jippermetti lis-sewwieqa jirċievu t-taħriġ tagħhom waqt il-“bżieżaq tax-xogħol” regolari tagħhom. Madankollu, iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa ta’ dawn il-ħarrieġa mistennija tibda biss mill-1 ta’ Lulju. Fil-perjodu ta’ wara, ħafna ħarrieġa u sewwieqa mistennija jkunu bil-vaganzi tas-sajf, peress li normalment ikunu marbuta mal-vaganzi tal-iskola ta’ dak l-Istat Membru.

(13)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan ukoll x’aktarx se jibqa’ imprattikabbli lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħa l-Istat Membru biex jiġi evitat u jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(14)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, f’dak l-Istat Membru s-CPCs jinħarġu fuq il-liċenzja tas-sewqan. Il-biċċa l-kbira tas-sewwieqa tat-trakkijiet b’CPCs li jkunu skaduti fl-10 ta’ Settembru 2021 għalhekk tiskadilhom ukoll il-liċenzji tas-sewqan tagħhom fl-istess data.

(15)

Skont in-Netherlands, estensjoni tal-perjodu li fih il-liċenzji tas-sewqan kienu jiskadu hija meħtieġa b’mod partikolari għal dawk il-persuni li jeħtieġu rapport ta’ speċjalista mediku biex iġeddu l-liċenzji tagħhom. Abbażi tad-data pprovduta minn dak l-Istat Membru, bħalissa hemm 61 687 fajl fejn l-Awtorità Nazzjonali tal-Eżamijiet Netherlandiża għadha qed tistenna rapporti mediċi mingħand tobba jew speċjalisti. Dan minħabba l-fatt li għadd sinifikanti ta’ sewwieqa għadhom ma jistgħux jagħmlu appuntamenti mediċi fil-ħin, minħabba l-pressjoni li qed tikkawża l-COVID-19 fuq is-sistema tas-saħħa.

(16)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, l-għadd ta’ testijiet pożittivi u ta’ każijiet ġodda ta’ ammissjoni l-isptar naqas f’dak l-Istat Membru, u l-pass tal-vaċċinazzjonijiet għadu fil-livell tal-medja Ewropea. Madankollu, is-sitwazzjoni ġenerali tal-COVID-19 fin-Netherlands għadha qed titqies bħala waħda ta’ tħassib, peress li bħalissa, 23 mill-25 reġjun Netherlandiżi huma kklassifikati bħala ta’ livell ta’ riskju “sever”, li huwa l-ogħla livell. Iż-żewġ reġjuni l-oħra huma kklassifikati fil-livell ta’ riskju aktar baxx li jmiss, jiġifieri “serju”. Għalhekk, il-pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa għadha għolja ħafna. Bħala riżultat ta’ dan, il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni jew għat-trażżin tat-tixrid tal-COVID-19 x’aktarx li se jibqgħu fis-seħħ għal diversi xhur.

(17)

Skont l-istimi tan-Netherlands, hemm bżonn ta’ perjodu ta’ erba’ xhur għall-estensjonijiet mitluba biex is-sewwieqa professjonali jagħmlu l-korsijiet ta’ aġġornament tagħhom qabel l-iskadenzi applikabbli, u biex tkun tista’ tiġi trattata l-akkumulazzjoni ta’ xogħol b’lura sabiex ma jiġux ikkawżati interruzzjonijiet kbar fis-settur tat-trasport.

(18)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-biċċa l-kbira tas-sewwieqa kkonċernati jridu jlestu biss il-korsijiet ta’ taħriġ li kienu diġà bdew. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li n-Netherlands jiġu awtorizzati japplikaw estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267.

(20)

In-Netherlands qablu li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-Netherlands huma awtorizzati japplikaw l-estensjonijiet li ġejjin għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1) u (3) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267:

(a)

estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament; kif ukoll

(b)

estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 60, 22.2.2021, p. 1.

(2)  Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10).