SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

5 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Kamp ta’ applikazzjoni – Il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) – Entità marbuta b’obbligu – Kunċett ta’ ‘kontabilisti esterni’ – Servizzi ta’ kontabbiltà pprovduti, b’mod anċillari, lil kumpanniji marbuta mal-fornitur”

Fil-Kawża C‑3/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura

“MISTRAL TRANS” SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin (Relatur), I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, G. von Rintelen u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 58(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “MISTRAL TRANS” SIA (iktar ’il quddiem “Mistral Trans”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa Nazzjonali, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”) rigward multa imposta fuq Mistral Trans minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2015/849:

“Il-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni [Ewropea], kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil ta’ flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Minbarra liżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali fil-livell tal-Unjoni, il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli u tista’ tipproduċi riżultati komplementari.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin:

1)

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

2)

l-istituzzjonijiet finanzjarji;

3)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

a)

awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa;

[…]”

6

L-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 59 sa 61. Kwalunkwe sanzjoni jew miżura li tirriżulta għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.”

Id‑dritt Latvjan

7

In-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u tal-Proliferazzjoni), tas‑17 ta’ Lulju 2008 (Latvijas Vēstnesis, 2008, Nru 116), ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, tittrasponi d-Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Latvjan.

8

Din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni”), tipprevedi, fil-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tagħha, li huma inklużi fiha fost l-entitajiet marbutin il-kontabilisti esterni.

9

L-Artikolu 77(3) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Meta tiddetermina n-natura u l-importanza tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri ta’ sorvejlanza konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità ta’ sorveljanza u ta’ kontroll għandha tqis iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi:

1)

il-gravità, it-tul ta’ żmien u n-natura sistematika tal-ksur;

2)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika;

3)

is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika (ammont tad-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli jew dħul mill-bejgħ annwali totali tal-persuna ġuridika responsabbli u fatturi oħra li jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja);

4)

il-vantaġġ meħud bil-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika, sa fejn ikun possibbli li jiġi kkalkolat;

5)

it-telf subit minn terzi minħabba l-ksur, sa fejn ikun possibbli li jiġi ddeterminat;

6)

il-livell ta’ kooperazzjoni mal-awtorità ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli;

7)

reati preċedenti mwettqa mill-persuna fiżika jew ġuridika fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u kontra l-proliferazzjoni kif ukoll sanzjonijiet internazzjonali jew nazzjonali.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fit‑8 ta’ Ottubru 2013, Mistral Trans, impriża li l-attività prinċipali tagħha hija t-trasport ta’ merkanzija, ikkomunikat lill-VID li hija kienet bdiet tipprovdi servizzi esterni ta’ kontabbiltà.

11

Fl‑10 ta’ April 2018, il-VID wettqet spezzjoni sabiex tevalwa l-osservanza, minn Mistral Trans, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fejn fi tmiemha hija fformulat rakkomandazzjonijiet intiżi sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet ikkonstatati.

12

Fis‑16 ta’ Mejju 2019, il-VID wettqet spezzjoni ġdida u kkonstatat nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll intern ta’ Mistral Trans, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-evalwazzjoni tar-riskji, tal-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti, tal-assenza ta’ eżami mill-ġdid perjodiku tal-politika u tal-proċeduri kif ukoll tal-assenza ta’ proċedura ta’ qerda ta’ dokumenti.

13

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, ikkonfermata b’deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2019, il-VID imponiet fuq Mistral Trans multa ta’ EUR 5000, billi ħadet inkunsiderazzjoni n-natura, is-suġġett u t-tul tal-ksur ikkonstatat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija kif ukoll il-fatt li Mistral Trans ma kinitx ippruvat tikkonforma ruħha mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-VID wara l-ispezzjoni tagħha tal‑10 ta’ April 2018.

14

Mistral Trans adixxiet lill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-VID tal‑15 ta’ Awwissu 2019. Fir-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li s-servizzi esternalizzati tal-kontabbiltà kienu ġew ipprovduti biss lil tliet kumpanniji marbuta, filwaqt li ġie ppreċiżat li Mistral Trans u dawn il-kumpanniji marbuta għandhom diretturi, azzjonisti u benefiċjarji effettivi identiċi. Il-modalitajiet ta’ żamma tal-kontabbiltà kienu ntgħażlu bl-uniku għan li jiġu ffrankati riżorsi u sabiex jiġi evitat ix-xiri ta’ liċenzji għal software ta’ kontabbiltà differenti għal kull kumpannija. Barra minn hekk, wara d-deċiżjoni tal-VID tat‑12 ta’ Ġunju 2019, il-kontabbiltà kienet ġiet organizzata mill-ġdid, b’tali mod li, mit‑2 ta’ Lulju 2019, il-kumpanniji marbuta kollha huma suġġetti għal kontabbiltà indipendenti.

15

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Mistral Trans. F’dan ir-rigward, hija qieset li, skont il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, din tapplika għall-kontabilisti esterni, mingħajr ma hija rilevanti l-kwistjoni dwar min ikunu d-destinatarji tas-servizz esternalizzat ta’ kontabbiltà. Id-dritt Latvjan fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus lanqas ma jipprevedi flessibbiltà għall-partijiet marbuta. Għalhekk, skont din il-qorti, il-VID ġustament ikkonstatat li Mistral Trans kisret id-dispożizzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus.

16

Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sanzjoni, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) kkonstatat li l-VID kienet ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 77(3) tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, b’mod partikolari l-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu, il-grad ta’ responsabbiltà u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Mistral Trans, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-awtorità ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Il-multa ta’ EUR 5000 imposta fuq Mistral Trans għalhekk tiddependi min-natura tal-ksur imwettaq u hija proporzjonata għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija u għad-dannu miġjub lill-interessi ekonomiċi nazzjonali.

17

Mistral Trans appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet li l-multa imposta kienet sproporzjonata.

18

Il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li għandu jiġi ddeterminat jekk il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 japplikax ukoll għall-każijiet fejn is-servizzi ta’ kontabbiltà jiġu pprovduti esklużivament lil kumpanniji marbuta mal-fornitur.

19

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, b’mod ġenerali, li l-kontabilisti esterni għandhom jitqiesu bħala persuni li l-attivitajiet tagħhom huma esposti għal riskju relattivament għoli ta’ ħasil tal-flus. Barra minn hekk, minn interpretazzjoni letterali tat-terminu “kontabilist estern”, li jinsab fil-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 hija tiddeduċi li din tal-aħħar ma hijiex applikabbli għal kwalunkwe kontabilist, iżda biss għal dawk li l-attivitajiet professjonali tagħhom huma organizzati barra mill-impriża li lilha jiġu pprovduti s-servizzi ta’ kontabbiltà.

20

F’dan il-każ, il-VID qieset bħala irrilevanti l-fatt li l-attività prinċipali ta’ Mistral Trans qatt ma kienet marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ kontabbiltà u li l-modalitajiet inkwistjoni ta’ żamma tal-kontabbiltà bejn partijiet marbuta kienu ġew maħsuba sabiex jiġu ffrankati riżorsi. Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fondatezza ta’ din il-pożizzjoni tal-VID.

21

Fil-fatt, kemm fid-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat, impriżi marbuta jistgħu jitqiesu bħala impriża unika. Jidher dubjuż li l-provvista ta’ servizzi ta’ kontabbiltà fi ħdan tali impriżi marbuta tiġi esposta għal riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus minn dik organizzata internament fi ħdan impriża li tirrikorri għal kontabilisti impjegati.

22

Bl-istess mod, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2015/849 għas-sitwazzjoni preżenti hija diskutibbli wkoll minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-effett utli ta’ din id-direttiva, peress li kemm Mistral Trans kif ukoll il-kumpanniji li lilhom hija kienet tipprovdi servizzi ta’ kontabbiltà huma kollha kkontrollati mill-istess persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà għal fornitur ta’ servizzi ta’ kontabbiltà li jikkonforma ruħu b’mod indipendenti u komplet mal-obbligi imposti fuqu u, konsegwentement, il-possibbiltà stess li jilħaq l-għanijiet tal-imsemmija direttiva jidhru dubjużi.

23

Fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 japplika inkluż fil-każijiet fejn is-servizzi ta’ kontabbiltà jiġu pprovduti lil partijiet marbuta mal-fornitur, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, konformement mal-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-imsemmija direttiva, billi kull sanzjoni jew miżura li tirriżulta minnhom għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat jekk il-fatt li s-servizz ta’ kontabbiltà huwa pprovdut biss lil partijiet marbuta għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-terminu ‘kontabilista estern’ li jinsab fil-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2015/849] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-każijiet fejn is-servizzi ta’ kontabbiltà huma pprovduti biss lill-persuni marbuta mal-kontabilista estern?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta, huwa xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li:

a)

is-servizz ta’ kontabbiltà huwa pprovdut biss lill-persuni marbuta mal-fornitur;

b)

l-għażla li l-kontabbiltà tiġi fdata lil kontabilista estern tiddependi fuq kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza, imwettqa fi ħdan grupp ta’ impriżi konnessi, u ma hijiex iddeterminata minn kriterji bbażati fuq il-leġiżlazzjoni jew minn kriterji bbażati fuq ir-realtà ekonomika?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali, hekk kif jirriżulta mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Citadeles nekustamie īpašumi,C‑22/23, EU:C:2024:327, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, ġabra ta’ miżuri preventivi u dissważivi li jippermettu l-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Citadeles nekustamie īpašumi,C‑22/23, EU:C:2024:327, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 jelenka l-entitajiet li għalihom din id-direttiva tapplika minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni jew ta’ attività ta’ natura finanzjarja. Fost dawn l-entitajiet hemm inklużi, hekk kif jipprovdi l-punt 3(a) ta’ din id-dispożizzjoni, il-kontabilisti esterni li jaġixxu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom.

28

Barra minn hekk, l-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.

29

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-verifika tal-eżistenza ta’ ksur minn Mistral Trans tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, li jista’ jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala intiża sabiex isir magħruf jekk kumpannija bħal Mistral Trans għandhiex, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha, titqies bħala “entità marbuta b’obbligu”, u, b’mod iktar partikolari, bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kontabilisti esterni”, fis-sens tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849.

31

Peress li l-kunċett ta’ “kontabilisti esterni” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2015/849, id-determinazzjoni tat-tifsira tiegħu u tal-portata tiegħu għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma,C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward, minn naħa, tal-espressjoni “kontabilisti”, jidher li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, bħall-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża (“Buchprüfer”), Franċiża (“experts-comptables”), Rumena (“experți contabili”) jew Svediża (“revisorer”), it-termini użati jirreferu għal persuni li jappartjenu għal professjoni rregolata li l-attività tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-organizzazzjoni, fil-verifika, fl-evalwazzjoni jew fil-korrezzjoni tal-kontabbiltà. Min-naħa l-oħra, il-portata tat-termini użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Latvjana (“grāmatveži”), Spanjola (“contables”), Ingliża (“accountants”) jew Olandiża (“accountants”), hija usa’, peress li jirreferu b’mod iktar ġenerali għall-persuni li l-attività tagħhom hija l-istabbiliment, iż-żamma u l-awditjar tal-kontijiet, b’mod partikolari kontijiet tal-impriżi.

33

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-użu tal-kelma “esterni” fil-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, għandu jitqies li dan it-terminu huwa intiż sabiex jeskludi b’mod espliċitu mill-obbligi previsti minn din id-direttiva l-kontabilisti “interni”, fi kliem ieħor il-persuni, bħall-kontabilisti impjegati, li ma jipprovdux servizzi ta’ kompatibbiltà lil terzi b’mod indipendenti. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-tifsira tat-terminu użat fil-verżjoni Latvjana ta’ dan il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) (“ārštata”) essenzjalment tirrifletti din l-interpretazzjoni.

34

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “kontabilisti esterni”, fis-sens tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fil-provvista lil terzi, b’mod indipendenti, ta’ servizzi ta’ kompatibbiltà, bħalma huma l-istabbiliment, iż-żamma jew il-awditjar tal-kontijiet.

35

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li din id-dispożizzjoni tinsab fih. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 jelenka, fil-punti 1 sa 3 tiegħu, l-entitajiet li għalihom din tapplika, imsejħa “entitajiet marbutin b’obbligu”. Dawn l-entitajiet huma, skont il-punt 1, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont il-punt 2, l-istituzzjonijiet finanzjarji u, skont il-punt 3, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija f’dan il-punt, meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom.

36

B’mod iktar speċifiku, konformement mal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, din tapplika għall-awdituri, għall-kontabilisti esterni u għall-konsulenti fiskali.

37

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għal dawn il-persuni tal-aħħar tmur lura għad-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU 2001, L 344, p. 76), li l-premessa 15 tagħha tistabbilixxi li “[l]-obbligi […] fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-klijenti, tal-konservazzjoni tar-reġistrazzjonijiet u tad-dikjarazzjoni tat-tranżazzjonijiet suspetti għandhom jiġu estiżi għal numru limitat ta’ attivitajiet u ta’ professjonijiet li nstabu li b’mod partikolari jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ ħasil tal-flus”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38

Issa, il-fatt li l-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 jirrigwarda, minbarra l-kontabilisti esterni, l-awdituri u l-konsulenti fiskali jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-membri ta’ professjonijiet speċifiċi, jiġifieri persuni li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fil-provvista lil terzi, b’mod indipendenti tas-servizzi, rispettivament, ta’ kontabbiltà, ta’ awditu u ta’ pariri legali fil-qasam fiskali.

39

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kunċett ta’ “kontabilisti esterni”, fis-sens tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, jirreferi għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fil-provvista lil terzi, b’mod indipendenti, ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, bħalma huma l-istabbiliment, iż-żamma u l-awditjar tal-kontijiet. Min-naħa l-oħra, ma taqax taħt dan il-kunċett persuna ġuridika li tiżgura ż-żamma tal-kontabbiltà tal-kumpanniji li huma marbuta magħha, f’perspettiva ta’ ġabra komuni tar-riżorsi.

40

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Mistral Trans, li teżerċita attività ta’ trasport ta’ merkanzija, ipprovdiet servizzi ta’ kontabbiltà lil kumpanniji marbuta li għandhom diretturi, azzjonisti u benefiċjarji effettivi identiċi għal tagħha, u dan bl-uniku għan li jiġu ffrankati riżorsi u sabiex jiġi evitat ix-xiri ta’ liċenzji ta’ software ta’ kontabbiltà għal kull kumpannija. Fid-dawl tal-interpretazzjoni esposta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, tali impriża ma tidhirx li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “kontabilist estern”, fis-sens tal-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontabilisti esterni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fil-provvista lil terzi, b’mod indipendenti, ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, bħall-istabbiliment, iż-żamma jew l-awditjar tal-kontijiet. Min-naħa l-oħra, ma taqax taħt dan il-kunċett persuna ġuridika li tiżgura, f’perspettiva ta’ ġabra komuni tar-riżorsi, iż-żamma tal-kontabbiltà ta’ kumpanniji li jkunu marbuta magħha.

Fuq it‑tieni domanda

42

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li t-tieni domanda tiġi eżaminata.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “kontabilisti esterni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fil-provvista lil terzi, b’mod indipendenti, ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, bħall-istabbiliment, iż-żamma jew l-awditjar tal-kontijiet. Min-naħa l-oħra, ma taqax taħt dan il-kunċett persuna ġuridika li tiżgura, f’perspettiva ta’ ġabra komuni tar-riżorsi, iż-żamma tal-kontabbiltà ta’ kumpanniji li jkunu marbuta magħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.