Brussell, 4.6.2021

COM(2021) 288 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

Gwida dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali


I.INTRODUZZJONI

L-Artikolu 17(10) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali (id-Direttiva 2019/790/KE, id-“Direttiva DSM” 1 ) jirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17, b’mod partikolari rigward il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-gwida tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati organizzati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet.

Wara sejħa miftuħa għal interess, bejn Ottubru 2019 u Frar 2020, il-Kummissjoni organizzat sitt laqgħat ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Saret konsultazzjoni mmirata bil-miktub mis-27 ta’ Lulju sal-10 ta’ Settembru 2020 biex jiġi ffinalizzat id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati.

L-għan ta’ din il-gwida huwa li tappoġġa traspożizzjoni korretta u koerenti tal-Artikolu 17 fost l-Istati Membri, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġu bbilanċjati d-drittijiet fundamentali u l-użu ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 17(10). Il-gwida tista’ tkun ukoll ta’ assistenza għall-atturi tas-suq meta jiġu biex iżommu konformità mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 17. 

Filwaqt li dan id-dokument ma huwiex legalment vinkolanti, ġie adottat formalment bħala Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u jissodisfa l-mandat mogħti lill-Kummissjoni mil-leġiżlatura tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(10). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-401/19 2 se jkollha implikazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 mill-Istati Membri u għall-gwida. Il-gwida jista’ jkollha bżonn tiġi rieżaminata wara dik is-sentenza.

II.ARTIKOLU 17 - REĠIM SPEĊIFIKU TA’ AWTORIZZAZZJONI U TA’ RESPONSABBILTÀ GĦAD-DRITTIJIET TAL-AWTUR

L-Artikolu 17 jipprevedi reġim speċifiku ta’ awtorizzazzjoni u ta’ responsabbiltà għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur (“drittijiet tal-awtur”) li japplika għal ċerti fornituri ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ddefiniti bħala fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online skont l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva. Skont il-qafas legali applikabbli li kien japplika qabel 3 , ir-responsabbiltà għad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il-fornituri ta’ servizz għall-atti tal-utenti tagħhom ma kinitx ċara. L-Artikolu 17 jipprovdi ċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jinvolvux ruħhom f’atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-atti tal-utenti tagħhom, kif ukoll ċertezza legali għall-utenti.

L-Artikolu 17 għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Għal dak il-għan, l-Artikolu 17 joħloq bażi ġuridika għad-detenturi tad-drittijiet biex jawtorizzaw l-użu tax-xogħlijiet tagħhom meta jittellgħu mill-utenti ta’ fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, u b’hekk iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ liċenzjar u ta’ remunerazzjoni. Huwa jintroduċi wkoll salvagwardji għall-utenti li jtellgħu il-kontenut tagħhom li jista’ jinkludi kontenut ta’ parti terza, li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

L-Artikolu 17(1) u (2) jipprevedi li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jwettqu att rilevanti għad-drittijiet tal-awtur ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta jagħtu aċċess għall-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella’d mill-utenti tagħhom, u għalhekk iridu jiksbu awtorizzazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet rilevanti. F’dan il-każ, l-Artikolu 17(3) jipprevedi li, meta l-fornituri ta’ servizz jwettqu att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE 4 ma tapplikax.

L-Artikolu 17 huwa lex specialis għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE u għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE. Ma jintroduċix dritt ġdid fil-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. Pjuttost jirregola b’mod sħiħ u speċifiku l-att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fiċ-ċirkostanzi limitati koperti minn din id-dispożizzjoni “għall-finijiet ta’ din id-Direttiva”. Dan huwa kkonfermat mill-Premessi 64 u 65. Il-Premessa 64 tiddikjara li l-Artikolu 17 ma jaffettwax il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta’ tqegħid ta’ kontenut għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xi mkien ieħor skont il-liġi tal-Unjoni 5 , u lanqas ma jaffettwa l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE għal fornituri oħrajn ta’ servizzi li jużaw kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur. Il-Premessa 65 tiddikjara li filwaqt li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 ma japplikax għar-responsabbiltà skont l-Artikolu 17, jenħtieġ li dan ma jaffettwax l-applikazzjoni tiegħu għal tali fornituri ta’ servizz għal skopijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Minħabba n-natura lex specialis tal-Artikolu 17, l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw din id-dispożizzjoni b’mod speċifiku minflok ma jibbażaw sempliċiment fuq l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE.

Meta ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(1) u (2), l-Artikolu 17(4) jipprevedi reġim speċifiku li jippermetti lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jevitaw ir-responsabbiltà, b’kundizzjonijiet speċifiċi, għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1). Kif tirrimarka l-Premessa 66, dan ir-reġim speċifiku jqis il-fatt li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħtu aċċess għall-kontenut, li ma jittellax minnhom iżda mill-utenti tagħhom.

Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi jridu jiġu introdotti b’mod espliċitu fil-liġi nazzjonali. L-Artikolu 17(5) jipprevedi li l-valutazzjoni ta’ jekk il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(4) jeħtieġ li ssir fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Artikolu 17(6) jipprevedi wkoll reġim differenti ta’ responsabbiltà għall-fornituri ta’ servizz ġodda, b’ċerti kundizzjonijiet.

L-Artikolu 17(7), (8) u (9) jistabbilixxi regoli ġenerali, li wkoll jeħtieġ li jiġu trasposti b’mod espliċitu fil-liġijiet nazzjonali. L-Artikolu 17(7), (8) u (9) huwa fformulat bħala obbligi ta’ riżultat. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw fil-liġijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom li dawn l-obbligi jipprevalu f’każ ta’ kunflitt mad-dispożizzjonijiet stabbiliti xi mkien ieħor fl-Artikolu 17 u b’mod partikolari fl-Artikolu 17(4).

L-Artikolu 17(7) jistipula li, meta l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikkooperaw mad-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(4) biex jiġi evitat kontenut mhux awtorizzat, tali kooperazzjoni ma għandhiex tirriżulta fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ xogħlijiet u ta’ materjal ieħor imtella’ mill-utenti, li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

L-Artikolu 17(8) jipprevedi li l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 ma għandhiex twassal għal xi obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ. L-Artikolu 17(9) jipprevedi, fost affarijiet oħrajn, li d-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-użi leġittimi, bħall-użi b’eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni, u ma għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni ta’ utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar ta’ data personali, ħlief f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u mar-Regolament (UE) 2016/679. Il-Premessa 85 tispeċifika wkoll li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali u jrid ikun f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u mar-Regolament (UE) 2016/679. Meta jimplimentaw l-Artikolu 17, l-Istati Membri jridu jirrispettaw l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri teknoloġiċi possibbli meħudin mill-fornituri ta’ servizz f’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(4) u fil-kuntest tal-mekkaniżmi għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju għall-utenti skont l-Artikolu 17(9). L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli meta jittrasponu l-Artikolu 17.

III.IL-FORNITURI TA’ SERVIZZ KOPERTI MILL-ARTIKOLU 17: ARTIKOLU 2(6)

L-Artikolu 17 japplika għall-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online kif definit fl-Artikolu 2(6) (l-ewwel paragrafu) tad-Direttiva. Fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online huwa definit bħala fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali tiegħu jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u li jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont kbir ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew għal materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu, li huwa jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ.

L-Artikolu 2(6) (it-tieni paragrafu) jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ fornituri ta’ servizzi u/jew ta’ servizzi li ma humiex fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online skont it-tifsira tad-Direttiva u, għalhekk, huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 17. Dawn is-servizzi esklużi huma: “enċiklopediji online mingħajr skopijiet ta’ qligħ”, “repożitorji edukattivi u xjentifiċi mingħajr skopijiet ta’ qligħ”, “pjattaformi ta’ żvilupp ta’ software u ta’ kondiviżjoni b’sors miftuħ”, “fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972”, “swieq online”, “servizzi tal-cloud għan-negozju” u “servizzi cloud li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom stess”.

Biex tiġi pprovduta ċertezza legali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu b’mod espliċitu fil-liġijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom id-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” fl-Artikolu 2(6) (l-ewwel paragrafu) fl-intier tagħha u jeskludu b’mod espliċitu l-fornituri ta’ servizz elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(6), filwaqt li jispeċifikaw, fid-dawl tal-Premessa 62, li din il-lista ta’ fornituri ta’ servizz esklużi ma hijiex eżawrjenti. Ma hemm l-ebda kamp ta’ applikazzjoni biex l-Istati Membri jmorru lil hinn, jiġifieri jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni, jew inaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Barra minn hekk, bħala għajnuna għall-interpretazzjoni, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jittrasponu u japplikaw l-elementi differenti tad-definizzjoni fid-dawl tal-Premessi 61, 62 u 63, li jipprovdu kjarifiki importanti dwar it-tipi ta’ fornituri ta’ servizz inklużi jew esklużi. Kif spjegat fil-Premessa 62, l-Artikolu 17 huwa mmirat lejn il-fornituri ta’ servizz online li għandhom rwol importanti fis-suq tal-kontenut online billi jikkompetu ma’ fornituri oħrajn ta’ servizz tal-kontenut online, bħall-fornituri ta’ servizz ta’ streaming awdjo u vidjo online, għall-istess udjenzi. Il-Premessa 62 tiddikjara wkoll li l-fornituri ta’ servizz li l-iskop prinċipali tagħhom huwa li jinvolvu ruħhom fi jew li jiffaċilitaw il-piraterija jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-mekkaniżmu ta’ eċċezzjoni għar-responsabbiltà previst fl-Artikolu 17 6 .

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom ukoll li l-Premessa 63 tiddikjara li hija meħtieġa valutazzjoni każ b’każ biex jiġi ddeterminat liema fornituri ta’ servizz online jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17.

Biex jaqa’ fid-definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim fl-Artikolu 17, fornitur ta’ servizz irid jissodisfa b’mod kumulattiv kull rekwiżit tad-definizzjoni:

-ikun servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif definit fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 7 ;

- ikollu bħala l-iskop prinċipali tiegħu jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu:

oli jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal

oammont kbir ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew ta’ materjal protett ieħor

oimtella’ mill-utenti tiegħu,

oli jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ.

L-“iskop prinċipali” jew “wieħed mill-iskopijiet prinċipali” tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jenħtieġ li tinftiehem bħala l-funzjoni jew ir-rwol ewlieni jew predominanti (jew waħda/wieħed minnhom) tal-fornitur ta’ servizz 8 . Il-valutazzjoni tal-“għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali” jenħtieġ li tkun newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u tal-mudell ta’ negozju biex tkun valida fil-futur.

Il-fornitur ta’ servizz jeħtieġ li “jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku” għall-kontenut maħżun. Il-kunċett ta’ “jaħżen” jirreferi għall-ħżin ta’ kontenut li jkun aktar minn temporanju, u “jagħti aċċess lill-aċċess pubbliku” huwa relatat mal-aċċess għal kontenut maħżun, li jingħata lill-pubbliku.

Fir-rigward ta’ “ammont kbir”, id-Direttiva ma tipprevedi l-ebda kwantifikazzjoni ta’ dan il-kunċett. L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu lura milli jikkwantifikaw “ammont kbir” fil-liġi nazzjonali tagħhom biex tiġi evitata l-frammentazzjoni legali permezz ta’ kamp ta’ applikazzjoni potenzjalment differenti għall-fornituri ta’ servizz koperti fi Stati Membri differenti. Kif spjegat fil-premessa 63, jekk fornitur ta’ servizz jaħżinx u jagħtix aċċess lill-pubbliku għal ammont kbir ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew għal materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li titqies taħlita ta’ elementi, bħall-udjenza tal-fornitur ta’ servizz u n-numru ta’ fajls imtellgħin mill-utenti b’mod kumplessiv. Għalhekk, ma jkunx biżżejjed li wieħed iqis biss wieħed mill-elementi msemmijin biex iġib servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17.

Fl-aħħar nett, biex jaqa’ fid-definizzjoni, is-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jeħtieġ li “jorganizza u jippromwovi l-kontenut imtella’ mill-utenti għal skopijiet ta’ qligħ”. Il-Premessa 63 tindika li l-profitt mill-kontenut imtella’ jista’ jinkiseb direttament jew indirettament mill-organizzazzjoni u mill-promozzjoni tiegħu biex tiġi attirata udjenza akbar, inkluż billi jiġi kkategorizzat u billi tintuża promozzjoni mmirata fi ħdanu. L-iskop ta’ qligħ jenħtieġ li ma jiġix meqjus awtomatiku minħabba l-fatt li s-servizz ikun operatur ekonomiku bħala tali jew abbażi tal-forma ġuridika tiegħu. L-iskop ta’ qligħ irid ikun marbut mal-qligħ magħmul mill-organizzazzjoni u mal-promozzjoni tal-kontenut imtella’ mill-utenti b’mod li tiġi attirata udjenza usa’, pereżempju, iżda mhux esklussivament, billi jitqiegħed reklam maġenb il-kontenut imtella’ mill-utenti tiegħu. Is-sempliċi fatt li wieħed jirċievi tariffa mingħand l-utenti biex ikopri l-kostijiet operatorji tal-hosting tal-kontenut tagħhom 9 jew li jitlob donazzjonijiet mingħand il-pubbliku, jenħtieġ li ma jitqiesx bħala indikazzjoni ta’ skop ta’ qligħ 10 . Kif spjegat fil-Premessa 62, il-fornituri ta’ servizz, li l-iskop prinċipali tagħhom ma jkunx li jippermettu lill-utenti jtellgħu u jaqsmu ammont kbir ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bl-iskop li jiksbu profitt minn dik l-attività, ma humiex koperti mid-definizzjoni. Meta l-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jipprovdi aktar minn servizz wieħed, jenħtieġ li tingħata attenzjoni biex kull servizz jiġi kkunsidrat separatament biex jiġi ddeterminat liema fornituri ta’ servizz jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 jew le.

IV.ARTIKOLU 17(1) u (2): AWTORIZZAZZJONIJIET

(I)Mudelli ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(1)

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jeħtieġ li jiksbu awtorizzazzjoni għall-att partikolari ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku stabbilit fl-Artikolu 17(1). It-terminu “awtorizzazzjoni” ma huwiex definit fid-Direttiva u jenħtieġ li jiġi interpretat fid-dawl tal-għan u tal-objettiv tal-Artikolu 17. L-Artikolu 17(1) ma jippreskrivix kif jistgħu jinkisbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet. Tabilħaqq, kemm it-test tal-Artikolu 17(1) kif ukoll il-Premessa 64 korrispondenti huma abbozzati b’mod miftuħ u jirreferu għal “awtorizzazzjoni, inkluż permezz ta’ ftehim ta’ liċenzjar”. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal mudelli ta’ awtorizzazzjoni differenti biex “jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar”, li huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Artikolu 17.

L-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-Artikolu 17(1) jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jkopru wkoll ir-riproduzzjonijiet neċessarji biex jitwettqu dawn l-atti. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprevedux obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online biex jiksbu awtorizzazzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqin fil-kuntest tal-Artikolu 17.

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu wkoll il-possibbiltà li d-detenturi tad-drittijiet ma jagħtux awtorizzazzjoni lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, kif spjegat fil-Premessa 61 li skont din “billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata […], id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar” 11 .

F’ċerti każijiet, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu pereżempju jawtorizzaw l-użu tal-kontenut tagħhom fuq ċerti servizzi bi skambju għal data jew għal attivitajiet promozzjonali. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata wkoll mingħajr ħlas, b’liċenzja tal-Creative Commons, jew tista’ tingħata meta d-detenturi tad-drittijiet itellgħu jew jaqsmu l-kontenut tagħhom stess fuq servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.

L-Istati Membri huma mħeġġin ukoll iżommu jew jistabbilixxu mekkaniżmi volontarji biex jiffaċilitaw il-ftehimiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz. Pereżempju, il-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni volontarja jistgħu jiġu kkunsidrati f’każijiet jew f’setturi speċifiċi biex jappoġġaw lill-partijiet li jkunu lesti jilħqu ftehim iżda li jaffaċċjaw diffikultajiet fin-negozjati.

L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq soluzzjonijiet ta’ liċenzjar kollettiv individwali u volontarji. Pereżempju, id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati indikaw li llum, fis-settur tal-mużika, ċerti detenturi tad-drittijiet, bħal record companies għad-drittijiet tagħhom stess u fejn iżommu d-drittijiet ta’ artisti u pubblikaturi tal-mużika li jżommu d-drittijiet tal-awturi (kittieba tal-lirika) ġeneralment jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom direttament. Id-drittijiet tal-awturi li jifdal jiġu ġestiti prinċipalment minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (CMOs). Il-liċenzjar kollettiv jintuża wkoll b’mod wiesa’ fis-settur tal-arti viżiva (ħlief għar-ritratti) iżda ftit li xejn jintuża fis-settur tal-films fejn il-liċenzjar dirett mill-produtturi tal-films huwa aktar normali. Meta d-detenturi tad-drittijiet ikunu taw mandat lis-CMOs biex jimmaniġġaw id-drittijiet tagħhom, dawk is-CMOs jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar ma’ fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għar-repertorju li jirrappreżentaw, skont ir-regoli definiti fid-Direttiva 2014/26/UE. B’hekk, il-liċenzjar kollettiv jista’ jiffaċilita l-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet minn firxa wiesgħa ta’ detenturi tad-drittijiet.

Il-liċenzji kollettivi b’effett estiż jistgħu jiġu kkunsidrati f’każijiet speċifiċi u għal setturi speċifiċi, dment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-dritt tal-UE, b’mod partikolari fl-Artikolu 12 tad-Direttiva. Dawn l-iskemi jistgħu jiġu applikati b’mod partikolari fejn ikun partikolarment diffiċli li jiġu identifikati d-detenturi tad-drittijiet kollha, u fejn il-kostijiet tat-tranżazzjoni tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet individwali jkunu għaljin b’mod projbittiv (il-Premessa 45). Jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jippermettu l-użu ta’ liċenzji kollettivi b’effett estiż fil-kuntest tal-Artikolu 17, dawn ikollhom jittrasponu l-Artikolu 12 tad-Direttiva, li jipprevedi numru ta’ salvagwardji għall-użu tal-liċenzjar kollettiv b’effett estiż. L-iskemi ta’ liċenzjar kollettiv b’effett estiż, li jistgħu jiġu introdotti fil-livell nazzjonali għall-użi skont l-Artikolu 17, ikopru biss l-użi nazzjonali 12 .

(II)Awtorizzazzjonijiet li jkopru l-utenti

L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħhom l-Artikolu 17(2) li skont dan, awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandha tkopri wkoll l-atti mwettqin minn (i) utenti li jaġixxu għal skopijiet mhux kummerċjali jew (ii) utenti li l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-akbar numru ta’ utenti possibbli meta dawn itellgħu kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur.

Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jkopru l-atti, fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-awtorizzazzjoni, li jitwettqu mill-utenti li jaqgħu f’waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji (għan mhux kummerċjali jew dħul mhux sinifikanti). L-ewwel sitwazzjoni tista’ tkopri l-kondiviżjoni tal-kontenut mingħajr skop ta’ qligħ, bħal meta l-utenti jtellgħu filmat tagħhom li jkun fih mużika ta’ sfond. It-tieni sitwazzjoni tista’, pereżempju, tkopri lill-utenti li jtellgħu tutorials li jinkludu mużika jew stampi u li jiġġeneraw dħul limitat mir-reklamar. Huwa biżżejjed li utent jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet biex ikun kopert mill-awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-utenti li jaġixxu fuq bażi kummerċjali u/jew li jiksbu dħul sinifikanti mill-kontenut li jtellgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni jew ma jkunux koperti minnha (sakemm il-partijiet ma jkunux qablu b’mod espliċitu li jkopru lil dawn l-utenti kuntrattwalment).

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jistabbilixxux limiti kwantitattivi meta jimplimentaw il-kunċett ta’ “dħul sinifikanti”. Dan il-kunċett jenħtieġ li jiġi eżaminat fuq bażi ta’ każ b’każ, b’referenza għaċ-ċirkostanzi kollha tal-attività tal-utent inkwistjoni.

L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw il-kunċett ta’ awtorizzazzjoni fl-Artikolu 17(2) fid-dawl tal-Premessa 69, li skont din il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ma jkollhomx għalfejn jiksbu awtorizzazzjoni separata meta d-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà espliċitament awtorizzati jtellgħu kontenut speċifiku. F’dawn il-każijiet, l-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li jinkludi l-att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, diġà ġie awtorizzat fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-utenti. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jiġu mħeġġin jipprovdu informazzjoni lill-fornituri ta’ servizz dwar l-awtorizzazzjonijiet separati li jkunu taw. Il-Premessa 69 tindika wkoll li ma tapplika l-ebda preżunzjoni favur il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li l-utenti fil-każijiet kollha kisbu l-awtorizzazzjonijiet neċessarji kollha għall-kontenut li jtellgħu.

Biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu kemm lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online kif ukoll lid-detenturi tad-drittijiet biex jipprovdu informazzjoni lill-utenti dwar il-kontenut kopert mill-awtorizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li jħalluha f’idejn dawk kollha kkonċernati biex jiddeċiedu kif l-aħjar li jgħarrfu li hemm awtorizzazzjoni fis-seħħ. Trasparenza bħal din tista’ tikkontribwixxi biex jiġi evitat ir-riskju ta’ mblukkar ta’ użi leġittimi (ara t-taqsima VI).

V.ARTIKOLU 17(4) - MEKKANIŻMU SPEĊIFIKU TA’ RESPONSABBILTÀ FIN-NUQQAS TA’ AWTORIZZAZZJONI

Il-mekkaniżmu speċifiku ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 17(4) japplika biss fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni għal atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mwettqin minn fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online fir-rigward ta’ atti tal-utenti tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1). B’konsegwenza ta’ dan, aktar ma jingħataw awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 17(1) u (2), anqas ikun frekwenti r-rikors għall-mekkaniżmu fl-Artikolu 17(4).

L-Artikolu 17(4) jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi, li l-fornituri ta’ servizz jistgħu jinvokaw bħala difiża kontra r-responsabbiltà. Iridu juru li a) għamlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiksbu awtorizzazzjoni; b) għamlu kull sforz, f’konformità ma’ standards għoljin tal-industrija tad-diliġenza professjonali, biex jiżguraw in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ xogħlijiet u ta’ materjal speċifiċi, li għalihom, id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni neċessarja u rilevanti u c) aġixxew malajr, malli rċivew avviż sostanzjat biżżejjed mingħand id-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut jew ineħħu l-kontenut mis-siti web tagħhom, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu li jerġgħu jittellgħu ix-xogħlijiet notifikati fil-futur.

L-Artikolu 17(4) huwa soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità previst fl-Artikolu 17(5), li jipprevedi li l-elementi li ġejjin jistgħu, fost l-oħrajn, jitqiesu:

(a)it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor imtellgħa mill-utenti tas-servizz; u

(b)id-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa u effettivi u l-kost tagħhom għall-fornituri ta’ servizz.

Il-kunċett ta’ “l-aħjar sforzi” ma huwiex definit u ma ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali, u għalhekk huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-UE u jenħtieġ li jiġi traspost mill-Istati Membri f’konformità ma’ din il-gwida u interpretat fid-dawl tal-għan u tal-objettivi tal-Artikolu 17 u tat-test tal-Artikolu kollu.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 17(5), jingħata kunsiderazzjoni meta jiġi vvalutat jekk fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunx għamel l-aħjar sforzi tiegħu skont l-Artikolu 17(4)(a) u (b) u jkunx ikkonforma mal-Artikolu 17(4)(c). Dan huwa rilevanti b’mod partikolari biex tiġi protetta l-libertà ta’ intrapriża tal-fornituri ta’ servizz.

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom ukoll li l-Artikolu 17(4) huwa soġġett għall-obbligi fl-Artikolu 17(7) biex jiġi żgurat li l-użi leġittimi jibqgħu mhux affettwati mill-kooperazzjoni tal-fornituri ta’ servizz mad-detenturi tad-drittijiet u fl-Artikolu 17(8), fejn l-Artikolu 17 ma jenħtiġx li jiġi traspost jew applikat b’mod li jwassal għal kwalunkwe obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali. L-Artikolu 17(4) huwa wkoll soġġett għall-obbligu ġenerali fl-Artikolu 17(9), li skont dan id-Direttiva bl-ebda mod ma għandha taffettwa użi leġittimi. L-indikazzjonijiet dwar kif jistgħu jinkisbu l-aħjar sforzi fil-prattika huma spjegati fit-taqsima IV.

1.L-AĦJAR SFORZI BIEX TINKISEB AWTORIZZAZZJONI (ARTIKOLU 17(4)(a))

L-ewwel kundizzjoni fl-Artikolu 17(4)(a) hija li l-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jkunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inklużi atti li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati, sakemm ma jkunux urew li jkunu għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni.

L-azzjonijiet imwettqin mill-fornituri ta’ servizz biex ifittxu u/jew biex jinvolvu lid-detenturi tad-drittijiet iridu jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ biex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxux l-aħjar sforzi biex tinkiseb awtorizzazzjoni. Pereżempju, jenħtieġ li jitqiesu elementi bħall-prattiki speċifiċi tas-suq f’setturi differenti (eż. jekk l-immaniġġar kollettiv huwiex prattika mifruxa jew le) jew miżuri li l-Istati Membri setgħu ħadu biex jiffaċilitaw l-awtorizzazzjonijiet, pereżempju mekkaniżmi ta’ medjazzjoni volontarja.

Biex juru l-aħjar sforzi tagħhom, bħala minimu, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jinvolvu ruħhom b’mod proattiv mad-detenturi tad-drittijiet li jistgħu jiġu identifikati u lokalizzati faċilment, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw katalogu wiesa’ ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor. B’mod partikolari, il-kuntatt proattiv mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (CMOs) li jaġixxu f’konformità mad-Direttiva 2014/26/UE biex jiksbu awtorizzazzjoni jenħtieġ li jitqies bħala rekwiżit minimu għall-fornituri kollha ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.

Fl-istess ħin, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u meta jitqiesu l-volum u l-varjetà tal-kontenut imtella’ mill-utenti, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizz ma jkunux mistennijin ifittxu b’mod proattiv lid-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux faċilment identifikabbli b’xi standard raġonevoli. Biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu l-iżvilupp ta’ reġistri tad-detenturi tad-drittijiet li jistgħu jiġu kkonsultati mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli.

L-isforzi biex jiġu kkuntattjati d-detenturi tad-drittijiet biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa jenħtieġ li jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari d-daqs u l-udjenza tas-servizz u t-tipi differenti ta’ kontenut li jagħmlu disponibbli, inklużi s-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom xi tipi ta’ kontenut jistgħu jidhru biss rarament fuq is-servizz. Filwaqt li fornituri ta’ servizz kbar b’udjenza kbira f’diversi Stati Membri jew fl-Istati Membri kollha jistgħu jkunu mistennijin jilħqu numru kbir ta’ detenturi tad-drittijiet biex jiksbu awtorizzazzjonijiet, fornituri ta’ servizz iżgħar b’udjenza limitata jew nazzjonali jistgħu jkunu mistennijin jikkuntattjaw b’mod proattiv lis-CMOs rilevanti biss u possibbilment ftit detenturi tad-drittijiet oħrajn li jistgħu jiġu identifikati faċilment. Dawn il-fornituri iżgħar tas-servizzi jkollhom bżonn jiżguraw li detenturi oħrajn tad-drittijiet ikunu jistgħu jikkuntattjawhom faċilment, pereżempju billi jipprovdu dettalji ċari ta’ kuntatt jew għodod ad hoc fuq is-sit web tagħhom. Dawn ikunu meħtieġa jinvolvu ruħhom mad-detenturi tad-drittijiet kollha li jikkuntattjawhom biex joffru liċenzja.

L-Artikolu 17(6) jipprevedi reġim speċjali ta’ responsabbiltà għal fornituri ġodda ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b’fatturat annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun (ara t-Taqsima IV). Madankollu, dawn il-fornituri partikolari ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online huma meħtieġa jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiksbu awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(4)(a). Għalhekk, valutazzjoni każ b’każ hija essenzjali biex jiġi żgurat li dan l-obbligu impost fuq in-negozji ġodda ma joħloqx piż sproporzjonat fuqhom.

Meta fornitur ta’ servizz jikkuntattja lil detentur tad-drittijiet iżda dan tal-aħħar jirrifjuta li jidħol f’negozjati biex jagħti awtorizzazzjoni għall-kontenut tiegħu, jew jirrifjuta offerti raġonevoli magħmulin bona fide, il-fornitur ta’ servizz jenħtieġ li jitqies li jkun ikkonforma mal-obbligazzjoni tal-aħjar sforzi skont l-Artikolu 17(4)(a). Madankollu, biex ma jkunx responsabbli jekk il-kontenut mhux awtorizzat ikun disponibbli fis-servizz tiegħu, il-fornitur ta’ servizz xorta jkollu bżonn juri l-aħjar sforzi għall-finijiet tal-Artikolu 17(4)(b) u (c).

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jikkuntattjaw lil dawk id-detenturi tad-drittijiet li jixtiequ joffru awtorizzazzjoni għall-kontenut tagħhom, irrispettivament minn jekk it-tip ta’ kontenut tagħhom (eż. mużika, kontenut awdjoviżiv, immaġini, test) ikunx prevalenti jew ikunx anqas komuni fuq is-sit web tal-fornitur ta’ servizz (eż. immaġini jew test għal pjattaforma ta’ video-sharing).

Madankollu, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-ammont u t-tip ta’ kontenut, inkluż jekk huwiex prevalenti jew le fuq is-sit web tal-fornitur ta’ servizz, jenħtieġ li jitqiesu meta jiġu vvalutati l-aħjar sforzi biex tinkiseb awtorizzazzjoni.

Fid-dawl tal-Premessa 61, meta jiġu nnegozjati ftehimiet ta’ liċenzjar, dawn jenħtieġ li jkunu ġusti u li jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet. Id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkollhom l-għan li jikkonkludu ftehim malajr kemm jista’ jkun. Il-Premessa 61 tiddikjara wkoll li d-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet protetti tagħhom jew ta’ materjal ieħor.

Għalhekk, il-kunċett tal-aħjar sforzi jenħtieġ li jkopri wkoll l-isforzi użati mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, f’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, biex iwettqu negozjati bona fide u jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar ġusti. Għal dan il-għan, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jkunu trasparenti mad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-kriterji li jkun biħsiebhom jużaw biex jidentifikaw u jirremuneraw il-kontenut kopert bil-ftehim, b’mod partikolari meta l-fornituri ta’ servizz jużaw teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-kontenut biex jirrapportaw dwar l-użi tal-kontenut skont il-liċenzji, u jilħqu ftehim mad-detenturi tad-drittijiet sa fejn ikun possibbli.

Il-fornituri ta’ servizz li jirrifjutaw li jikkonkludu liċenzja offruta fuq termini ġusti u li żżomm bilanċ raġonevoli bejn il-partijiet jistgħu jitqiesu li ma jkunux għamlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiksbu awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizz ma jkunux meħtieġa jaċċettaw offerti biex jikkonkludu kuntratti li ma jkunux b’termini ġusti u li ma jżommux bilanċ bejn il-partijiet. Il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi termini ġusti u bilanċ raġonevoli bejn il-partijiet tiġi determinata abbażi ta’ każ b’każ.

In-negozjati għal-liċenzjar tad-drittijiet mas-CMOs huma soġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26/UE, inkluża l-ħtieġa li jsiru negozjati bona fide u li jiġu applikati tariffi ddeterminati abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji 13 .

2.“L-AĦJAR SFORZI” BIEX JIĠI ŻGURAT IN-NUQQAS TA’ DISPONIBBILTÀ TA’ KONTENUT PROTETT SPEĊIFIKU (ARTIKOLU 17(4)(b))

It-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 17(4) hija li fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tal-utenti tagħhom, sakemm ma jkunux urew li jkunu għamlu l-aħjar sforzi tagħhom, f’konformità mal-istandards għoljin tal-industrija tad-diliġenza professjonali, biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ xogħlijiet speċifiċi u ta’ materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdewlhom l-informazzjoni rilevanti u neċessarja (“informazzjoni rilevanti u neċessarja”).

Meta jimplimentaw l-Artikolu 17(4)(b) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom li dan huwa soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità previst fl-Artikolu 17(5).

F’konformità mal-Artikolu 17(4)(b), għandhom isiru biss l-aħjar sforzi biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ xogħlijiet speċifiċi u ta’ materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew lill-fornituri ta’ servizz bl-“informazzjoni rilevanti u neċessarja”. Il-Premessa 66 tispeċifika li jekk ma tiġi pprovduta l-ebda informazzjoni bħal din li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(4) mid-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ma jkunux responsabbli għal uploads mhux awtorizzati. Fin-nuqqas tal-għoti ta’ din l-informazzjoni, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ma jistgħux jaġixxu. Għalhekk, il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet hija essenzjali biex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 17(4)(b).

Il-kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti u neċessarja” jenħtieġ li jiġi traspost mill-Istati Membri f’konformità ma’ din il-gwida u mal-objettivi tal-Artikolu 17. Jekk kwalunkwe informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet tkunx kemm “rilevanti” kif ukoll “neċessarja” jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li d-detenturi tad-drittijiet jissottomettu din l-informazzjoni permezz ta’ partijiet terzi awtorizzati minnhom.

Fil-kuntest tal-Artikolu 17(4)(b), l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa jenħtieġ li tiġi pprovduta bil-quddiem.

L-Artikolu 17(4)(b) jenħtieġ li jiġi implimentat b’mod teknoloġikament newtrali u validu fil-futur. Għalhekk, fil-liġijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri la jagħtu mandat għall-użu ta’ soluzzjoni teknoloġika u lanqas ma jimponu xi soluzzjoni teknoloġika speċifika fuq il-fornituri ta’ servizz biex juru l-aħjar sforzi.

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jridu jaġixxu f’konformità ma’ standards għoljin tal-industrija tad-diliġenza professjonali meta jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jimplimentaw kwalunkwe soluzzjoni rilevanti li għandha l-għan li tiżgura n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kontenut speċifiku mhux awtorizzat li għalih tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni rilevanti u neċessarja. Kif enfasizzat fil-Premessa 66, biex jiġi vvalutat jekk fornitur ta’ servizz partikolari jkunx għamel l-aħjar sforzi tiegħu, “jenħtieġ li jitqies jekk il-fornitur ta' servizz ikunx ħa l-passi kollha li jittieħdu minn operatur diliġenti biex jikseb ir-riżultat tal-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mhux awtorizzati fuq is-sit web tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki tal-industrija u l-effettività tal-passi meħuda fid-dawl tal-fatturi u l-iżviluppi rilevanti kollha.” 

Għalhekk, biex jiġi ddeterminat jekk fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunx għamel l-aħjar sforzi tiegħu f’konformità mal-istandards għoljin tad-diliġenza professjonali tal-industrija, huwa partikolarment rilevanti li wieħed iħares lejn il-prattiki tal-industrija disponibbli fis-suq fi kwalunkwe mument partikolari. Dan jinkludi l-użu ta’ teknoloġija jew ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi partikolari. Kif iċċarat fil-Premessa 66, “[k]walunkwe pass li jieħdu l-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jkun effettiv fir-rigward tal-objettivi mixtieqa”. Madankollu, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jibqgħu liberi li jagħżlu t-teknoloġija jew is-soluzzjoni biex jikkonformaw mal-obbligu ta’ mezzi fis-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

Din il-gwida ma għandhiex l-għan li tirrakkomanda l-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija jew soluzzjoni speċifika. Jenħtieġ li tingħata flessibbiltà lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri ta’ servizz biex jaqblu fuq arranġamenti ta’ kooperazzjoni konvenjenti għal xulxin bl-għan li jiġi żgurat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat. Dawn l-arranġamenti, b’mod partikolari jekk ikunu bbażati fuq it-teknoloġija, x’aktarx li jevolvu maż-żmien. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-użu tat-teknoloġija, bħar-rikonoxximent tal-kontenut, minnu nnifsu, ma jirrikjedix l-identifikazzjoni tal-utenti li jtellgħu il-kontenut tagħhom iżda, jekk applikabbli, iridu jiġu rispettati r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi l-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u tal-limitazzjoni tal-iskop.

Fir-rigward tal-prattiki attwali tas-suq, id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati mwettaq mill-Kummissjoni wera li t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-kontenut tintuża b’mod komuni llum biex jiġi mmaniġġat l-użu ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur, tal-anqas mill-fornituri ewlenin ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ kontenut. It-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-kontenut ibbażata fuq it-teħid tal-marki tas-swaba’ tidher li tintuża b’mod wiesa’ mill-fornituri ewlenin tas-servizzi fir-rigward tal-kontenut vidjo u awdjo 14 . Madankollu, jenħtieġ li din it-teknoloġija partikolari ma titqiesx neċessarjament bħala l-istandard tas-suq, b’mod partikolari għal fornituri ta’ servizz iżgħar.

Teknoloġiji oħrajn li jippermettu l-individwazzjoni ta’ kontenut mhux awtorizzat issemmew ukoll fid-djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Dawn jinkludu l-hashing, 15 l-immarkar tal-ilma, 16 l-użu tal-metadata 17 , it-tiftix tal-keywords 18 jew taħlita ta’ teknoloġiji differenti. Xi fornituri ta’ servizz żviluppaw soluzzjonijiet interni filwaqt li oħrajn jużaw proċedura ta’ xiri bil-forza għas-servizzi ta’ partijiet terzi. Għalhekk, f’ħafna każijiet, huwa mistenni li l-fornituri ta’ servizz se jiddependu (jew ikomplu jiddependu) fuq għodod teknoloġiċi differenti biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17(4)(b).

Il-valutazzjoni ta’ jekk fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunx għamel “l-aħjar sforzi” tiegħu skont il-paragrafu (b) fir-rigward ta’ kontenut protett speċifiku li għalih tkun ġiet ipprovduta informazzjoni rilevanti u neċessarja minn qabel jenħtieġ li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 17(5) u fir-rigward tal-Artikolu 17(7) sa (9). Dan ifisser fil-prattika li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li ma jkunux mistennijin japplikaw l-aktar soluzzjonijiet għaljin jew sofistikati jekk dan ikun sproporzjonat fil-każ speċifiku tagħhom. Dan japplika wkoll fil-każ ta’ kontenut allokat mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti bħala kontenut li d-disponibbiltà tiegħu tista’ tikkawżalhom ħsara sinifikanti, kif spjegat fit-taqsima VI hawn taħt. Barra minn hekk, kif spjegat fil-Premessa 66, ma jistax jiġi eskluż li f’xi każijiet, kontenut mhux awtorizzat jista’ jiġi evitat biss wara notifika mid-detenturi tad-drittijiet 19 . Dan jista’ jkun proporzjonat, pereżempju, għall-kontenut li għalih it-teknoloġija ma tkunx disponibbli faċilment fis-suq jew ma tkunx għadha żviluppata f’mument partikolari.

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-elementi li ġejjin:

-It-tip, id-daqs u l-udjenza tas-servizz: fornituri ta’ servizz akbar b’udjenza sinifikanti jistgħu jkunu mistennijin jużaw soluzzjonijiet/teknoloġiji aktar avvanzati minn fornituri ta’ servizz oħrajn, b’udjenzi u b’riżorsi limitati. Jista’ jkun aktar proporzjonat li wieħed jistenna li l-fornituri iżgħar ta’ servizz jirrikorru għal soluzzjonijiet aktar sempliċi (bħall-metadata jew it-tiftix tal-keywords) sakemm dawn is-soluzzjonijiet ma jirriżultawx f’imblukkar eċċessiv tal-kontenut li jmur kontra l-paragrafi (7) u (9).

-Id-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa u effettivi u l-kostijiet relatati jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll, pereżempju meta l-fornituri ta’ servizz jixtru soluzzjonijiet minn partijiet terzi/fornituri tat-teknoloġija u meta dawn jiġu żviluppati internament kif ukoll il-kostijiet relatati mar-rieżami mill-bniedem fil-kuntest ta’ tilwim (ara t-Taqsima IV). Il-kost kumulattiv ta’ soluzzjonijiet differenti li jista’ jkollhom bżonn jiġu implimentati minn fornitur ta’ servizzi jenħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll, u hekk ukoll il-limitazzjonijiet tat-teknoloġiji skont it-tip ta’ kontenut. Pereżempju, jistgħu jkunu meħtieġa soluzzjonijiet differenti għal tipi differenti ta’ kontenut (eż. it-teknoloġiji ta’ rikonoxximent tal-kontenut għall-mużika jistgħu ma jkunux l-istess bħal dawk għall-immaġini statiċi u jistgħu jiġu żviluppati minn diversi fornituri tat-teknoloġija). Il-kost kumulattiv jenħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll meta d-detenturi tad-drittijiet ikunu żviluppaw huma stess soluzzjonijiet ta’ protezzjoni differenti, li jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizz jużaw software differenti (eż. għal soluzzjonijiet differenti ta’ mmarkar tal-ilma).

-It-tip ta’ kontenut imtella’ mill-utenti: meta servizz jagħmel disponibbli tipi differenti ta’ kontenut, l-azzjonijiet li jridu jitwettqu jistgħu jvarjaw skont jekk il-kontenut ikunx prevalenti fuq is-sit web tagħhom jew ikunx anqas komuni, dment li jiġi ssodisfat l-obbligazzjoni tal-aħjar sforzi. Jista’ jkun mistenni li l-fornituri ta’ servizz jużaw soluzzjonijiet aktar kumplessi rigward il-każijiet tal-ewwel meta mqabblin ma’ tal-aħħar.

Fl-aħħar nett, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jistgħu, abbażi tal-iskala tal-kontenut disponibbli fuq is-servizzi tagħhom, jagħżlu li jipprovdu għodod differenti lid-detenturi tad-drittijiet differenti, dment li s-soluzzjonijiet jissodisfaw l-obbligu tagħhom tal-aħjar sforzi għall-fini tal-Artikolu 17(4)(b).

L-informazzjoni inkwistjoni trid tkun preċiża biex tippermetti lil fornitur ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jaġixxi. Dak li jista’ jikkostitwixxi informazzjoni “rilevanti” jvarja skont ix-xogħlijiet ikkonċernati u ċ-ċirkostanzi li jappartjenu għax-xogħlijiet speċifiċi jew għal materjal ieħor. L-informazzjoni jenħtieġ li, tal-anqas, tkun akkurata dwar is-sjieda tad-drittijiet tax-xogħol jew tal-materjal inkwistjoni. Dak li jista’ jikkostitwixxi “neċessarju” jvarja skont is-soluzzjonijiet użati mill-fornituri ta’ servizz. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-fornituri ta’ servizz japplikaw b’mod effettiv is-soluzzjonijiet teknoloġiċi tagħhom, fejn jintużaw. Pereżempju, meta jintuża t-teħid tal-marki tas-swaba’, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jintalbu jipprovdu marka tas-swaba’ tax-xogħol/tal-materjal speċifiku jew fajl li tittiħidlu l-marka tas-swaba’ mill-fornitur ta’ servizz innifsu, flimkien ma’ informazzjoni dwar is-sjieda tad-drittijiet. Meta jintużaw soluzzjonijiet ibbażati fuq il-metadata, l-informazzjoni pprovduta tista’, pereżempju, tikkonsisti fit-titlu, fl-awtur/fil-produttur, fid-durata, fid-data, jew f’informazzjoni oħra li tkun rilevanti u neċessarja biex il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jieħdu azzjoni. F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-metadata pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet ma titneħħiex sussegwentement.

Fl-istess ħin, minħabba li l-kooperazzjoni hija kruċjali, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja u rilevanti” jippresupponi li l-fornituri ta’ servizz jqisu n-natura u l-kwalità tal-informazzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jipprovdu b’mod realistiku. F’dak ir-rigward, id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jitħeġġu jikkooperaw bl-aħjar mod biex tiġi indirizzata l-identifikazzjoni tax-xogħlijiet.

Meta jipprovdu l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jagħżlu li jidentifikaw kontenut speċifiku li jkun protett bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati, li d-disponibbiltà online mhux awtorizzata tiegħu tista’ tikkawżalhom ħsara ekonomika sinifikanti. L-allokazzjoni minn qabel mid-detenturi tad-drittijiet ta’ tali kontenut tista’ tkun fattur li għandu jitqies meta jiġi vvalutat jekk il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunux għamlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dan il-kontenut speċifiku u jekk ikunux għamlu dan f’konformità mas-salvagwardji għall-użi leġittimi skont l-Artikolu 17(7), kif spjegat fil-parti VI hawn taħt.

3.    “NOTIFIKA U TNEĦĦIJA” U “NOTIFIKA U TNEĦĦIJA PERMANENTI” (ARTIKOLU 17(4)(c))

It-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 17(4)(c) hija li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu responsabbli għal atti mhux awtorizzati ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, sakemm ma jurux li aġixxew malajr, malli jirċievu notifika ssostanzjata biżżejjed mingħand id-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet notifikati jew għal materjal ieħor, jew biex ineħħuhom mis-siti web tagħhom, u li jkunu għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu li jittellgħu fil-futur f’konformità mal-Artikolu 17(4)(b).

Din is-sistema ta’ notifika u ta’ tneħħija u ta’ notifika u ta’ tneħħija permanenti tapplika meta kontenut li ma jkunx awtorizzat ikun sar disponibbli fuq is-siti web tal-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Fil-prattika, ix-xenarji ewlenin fejn kontenut mhux awtorizzat jista’ jsir disponibbli u jeħtieġ azzjoni skont l-Artikolu 17(4)(c) huma dawn li ġejjin:

(I)Id-detenturi tad-drittijiet ma pprovdewx minn qabel lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online bl-informazzjoni “rilevanti u neċessarja” skont l-Artikolu 17(4)(b) biex tiġi evitata d-disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat. Huma jaġixxu ex post, ladarba kontenut partikolari jkun sar disponibbli, biex jitolbu t-tneħħija u t-tneħħija permanenti tiegħu abbażi tal-informazzjoni neċessarja u rilevanti mid-detenturi tad-drittijiet; jew

(II)Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għamlu “l-aħjar sforzi” tagħhom biex jevitaw kontenut mhux awtorizzat skont l-Artikolu 17(4)(b) iżda minkejja dawn l-isforzi, kontenut mhux awtorizzat isir disponibbli għal raġunijiet oġġettivi, pereżempju meta xi kontenut ma jkunx jista’ jintgħaraf minħabba l-limitazzjonijiet inerenti tat-teknoloġiji; jew

(III)f’xi każijiet speċifiċi, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jistgħu jkunu mistennijin jaġixxu biss wara li jkun ġie ppreżentat avviż mid-detenturi tad-drittijiet, kif spjegat fil-Premessa 66.

L-“aħjar sforzi” li l-fornituri ta’ servizz jenħtieġ jagħmlu biex jipprevjenu li fil-futur jittellgħu xogħlijiet notifikati għandhom jiġu indirizzati bl-istess mod bħal fir-rigward tal-Artikolu 17(4)(b), kif spjegat fis-subtaqsima 2. Il-valutazzjoni ta’ jekk sarux l-aħjar sforzi mill-fornituri ta’ servizz jeħtieġ li titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ u filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità previst fl-Artikolu 17(5).

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom li l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 ma għandhiex twassal għal xi obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ kif stabbilit fil-paragrafu (8) u li l-użi leġittimi jridu jiġu ssalvagwardjati kif previst fil-paragrafi (7) u (9), kif spjegat aktar fit-taqsima VI. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-applikazzjoni tat-tieni parti ta’ (c), li skont din, il-fornituri ta’ servizz iridu jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jipprevjenu li fil-futur jittellgħu ix-xogħlijiet notifikati.

Bħal fil-każ tal-Artikolu 17(4)(b), id-detenturi tad-drittijiet iridu jipprovdu ċerta informazzjoni qabel ma l-fornitur ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkun jista’ jaġixxi.

Meta jimplimentaw l-Artikolu 17(4)(c), l-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu distinzjoni ċara bejn it-tip ta’ informazzjoni li jipprovdu d-detenturi tad-drittijiet f’“notifika sostanzjata biżżejjed” għat-tneħħija ta’ kontenut (il-parti ta’ “tneħħija” ta’ (c)) u l-“informazzjoni rilevanti u neċessarja” li jipprovdu għall-finijiet ta’ prevenzjoni li fil-futur jittellgħu x-xogħlijiet notifikati (il-parti “tneħħija permanenti” ta’ (c), li tirreferi lura għal (b)).

Fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-issodisfar tal-obbligu ta’ tneħħija skont il-paragrafu 4(c), u speċifikament dwar l-elementi li għandhom jiġu inklużi f’“notifika sostanzjata biżżejjed”, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu fl-implimentazzjoni tagħhom ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Miżuri biex jiġi Indirizzat b’Mod Effettiv il-Kontenut Illegali Online 20 . Il-punti 6 sa 8 tar-Rakkomandazzjoni jelenkaw elementi li jistgħu jiġu inklużi fin-notifiki. In-notifiki jenħtieġ li jkunu biżżejjed preċiżi u sostanzjati b’mod adegwat biex jippermettu lill-fornitur ta’ servizz jieħu deċiżjoni informata u diliġenti fir-rigward tal-kontenut li għalih tirrelata n-notifika, b’mod partikolari jekk dak il-kontenut għandux jiġi kkunsidrat kontenut illegali jew le. B’mod partikolari, in-notifiki jenħtieġ li jkun fihom spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-fornitur tan-notifika jqis li l-kontenut huwa illegali u indikazzjoni ċara tal-lok fejn jinsab dak il-kontenut. Din l-informazzjoni partikolari mhux neċessarjament tkun meħtieġa skont l-Artikolu 17(4)(b) iżda jenħtieġ li tkun meħtieġa bħala regola skont l-ewwel parti tal-Artikolu 17(4)(c). Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll għall-possibbiltà li l-fornituri ta’ notifika, jekk ikunu jixtiequ hekk, jinkludu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom f’notifika.

Fir-rigward tal-hekk imsejjaħ obbligu ta’ “tneħħija permanenti”, it-tieni parti tal-Artikolu 17(4)(c) tirrikjedi li l-fornituri ta’ servizz jagħmlu l-aħjar sforzi biex jevitaw li fil-futur jerġgħu jittellgħu ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati mid-detenturi tad-drittijiet. Din id-dispożizzjoni tirreferi lura għal (b) tal-istess paragrafu, li jfisser li biex il-fornituri ta’ servizz ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom bl-għan li jevitaw uploads fil-futur skont din id-dispożizzjoni, id-detenturi tad-drittijiet iridu jipprovdulhom l-istess tip ta’ informazzjoni “rilevanti u neċessarja”, bħal fil-każ tal-applikazzjoni ta’ (b). Dan ifisser li, pereżempju, jekk fornitur ta’ servizz juża teknoloġiji tal-immarkar tas-swaba’ biex jevita li fil-futur jittellgħu ix-xogħlijiet notifikati, ir-riċevuta bħala informazzjoni ta’ dik l-informazzjoni pprovduta f’notifika biss ma tkunx biżżejjed. F’dan il-każ, biex il-fornituri ta’ servizz ikunu jistgħu jevitaw li fil-futur jittellgħu ix-xogħlijiet notifikati, id-detenturi tad-drittijiet ikollhom jipprovdu lill-fornituri ta’ servizz b’marki tas-swaba’ jew b’fajls tal-kontenut.

4.IR-REĠIM SPEĊIFIKU TA’ RESPONSABBILTÀ GĦALL-FORNITURI TA’ SERVIZZ ĠODDA (ARTIKOLU 17(6))

L-Artikolu 17(6) jipprevedi reġim speċifiku ta’ responsabbiltà b’kundizzjonijiet differenti għal kumpaniji “ġodda”, li jkunu ilhom attivi fl-UE għal anqas minn 3 snin u li jkollhom fatturat annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun.

Meta jimplimentaw l-Artikolu 17(6), jenħtieġ li l-Istati Membri ma jmorrux lil hinn mill-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva u jżommu f’moħħhom li dan ir-reġim anqas strett ta’ responsabbiltà huwa maħsub biex iqis il-każ speċifiku ta’ kumpaniji ġodda li jaħdmu b’uploads mill-utenti biex jiżviluppaw mudelli ġodda ta’ negozju, kif spjegat fil-Premessa 67.

Fir-rigward tal-fatturat annwali, l-Artikolu 4 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE huwa partikolarment rilevanti. Gwida aktar dettaljata dwar kif għandu jiġi kkalkolat il-fatturat, inkluż f’każijiet li fihom intrapriża jista’ jkollha relazzjonijiet ma’ intrapriżi oħrajn, hija pprovduta fil-User Guide to the SME Definition 21 , imħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni. 

L-Artikolu 17(6) jipprevedi sistema b’żewġ saffi b’regoli differenti li japplikaw għall-fornituri “ġodda” ta’ servizz skont l-udjenza li jattiraw. B’mod partikolari:

a)jekk dawk il-fornituri “ġodda” ta’ servizz ikollhom anqas minn 5 miljun viżitatur uniku, huma meħtieġa jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiksbu awtorizzazzjoni (l-Artikolu 17(4)(a)) u jridu jikkonformaw mal-obbligu ta’ “notifika u tneħħija” skont l-ewwel parti tal-Artikolu 17(4)(c);

b)jekk dawk il-fornituri “ġodda” ta’ servizz ikollhom aktar minn 5 miljun viżitatur uniku, dawn ikunu soġġetti għall-istess obbligazzjonijiet tal-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni u “notifika u tneħħija” bħala fornituri ta’ servizz b’udjenza iżgħar iżda, barra minn hekk, iridu wkoll li jikkonformaw mal-obbligu li jevitaw li fil-futur jittellgħu x-xogħlijiet notifikati skont it-tieni parti tal-Artikolu 17(4)(c) (obbligu ta’ “tneħħija permanenti”).

Għaż-żewġ kategoriji ta’ fornituri ta’ servizz, il-kundizzjoni tal-aħjar sforzi biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat, prevista fl-Artikolu 17(4)(b), ma hijiex applikabbli.

Il-fattur importanti ta’ distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri ta’ servizz huwa l-għadd ta’ viżitaturi uniċi ta’ kull xahar. L-Artikolu 17(6) jispeċifika li l-għadd medju ta’ viżitaturi uniċi ta’ kull xahar ta’ tali fornituri ta’ servizz għandu jiġi kkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti. Kif spjegat aktar fil-premessa 66, f’dan il-kalkolu jridu jitqiesu l-viżitaturi mill-Istati Membri kollha. Ir-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data jridu jiġu rrispettati meta jiġi kkalkolat l-għadd ta’ viżitaturi uniċi.

Meta jiġi vvalutat jekk il-fornituri “ġodda” ta’ servizz ikunux ikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom biex jevitaw ir-responsabbiltà għal atti mhux awtorizzati ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif deskritt aktar ’il fuq, irid jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 17(5) 22 . Dan ifisser li l-aħjar sforzi li jistgħu jkunu mistennijin mill-fornituri “ġodda” ta’ servizz biex jiksbu awtorizzazzjoni jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni speċifika tagħhom (kif spjegat fit-taqsima III).

Fir-rigward tal-aħjar sforzi li l-fornituri “ġodda” ta’ servizz b’aktar minn ħames miljun viżitatur uniku ta’ kull xahar jeħtieġ li jagħmlu biex jipprevjenu li fil-futur jittellgħu x-xogħlijiet notifikati, wieħed jista’ jistenna anqas minnhom milli mill-fornituri ta’ servizz li jaqgħu taħt l-Artikolu 17(4). Ikun proporzjonat għalihom li jiddependu fuq soluzzjonijiet anqas kumplessi u anqas għaljin.

Meta jiġu applikati soluzzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ uploads fil-futur, jeħtieġ li jiġu rispettati s-salvagwardji għall-utenti leġittimi li jinsabu fl-Artikolu 17(7) u 17(9) kif deskritti fit-taqsima IV hawn taħt, b’mod partikolari jekk il-fornituri “ġodda” ta’ servizz japplikaw għodod awtomatizzati għar-rikonoxximent tal-kontenut.

VI.SALVAGWARDJI GĦAL UŻI LEĠITTIMI TAL-KONTENUT (Artikolu 17(7)) u MEKKANIŻMU GĦAT-TRESSIQ TAL-ILMENTI U TA’ RIMEDJU GĦALL-UTENTI (Artikolu 17(9))

L-Artikolu 17(7) u 17(9) jipprovdi li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-fornituri ta’ servizz u mid-detenturi tad-drittijiet flimkien ma twassalx għan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kontenut, xi ħaġa li ma tiksirx id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, anki minħabba l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe eċċezzjoni jew limitazzjoni. Tali użu mhux bi ksur spiss jissejjaħ “użu leġittimu”. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(7) jipprevedi wkoll li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-utenti f’kull Stat Membru jkunu jistgħu jiddependu fuq l-eċċezzjonijiet jew fuq il-limitazzjonijiet eżistenti għall-kwotazzjoni, għall-kritika, għar-rieżami u għall-użu għall-fini ta’ karikatura, ta’ parodija jew ta’ pastiċċ meta jsir upload u kontenut iġġenerat mill-utenti fuq servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jsir disponibbli. L-obbligi fl-Artikolu 17(7) u 17(9) huma ta’ importanza partikolari għall-applikazzjoni tal-“aħjar sforzi” skont l-Artikolu 17(4).

L-Istati Membri jenħtieġ li jittrasponu b’mod espliċitu fil-liġi tagħhom it-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(7) relatat ma’ użi li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur.

L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-eċċezzjonijiet obbligatorji fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(7) li jkopru l-użu ta’ kontenut iġġenerat mill-utenti fuq fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għal:

(a)kwotazzjoni, kritika, rieżami;

(b)użu għall-fini ta’ karikatura, ta’ parodija jew ta’ pastiċċ.

L-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet fid-Direttiva 2001/29/KE huma fakultattivi fin-natura tagħhom u indirizzati lil kwalunkwe utent u, fil-każ ta’ kwotazzjoni, ta’ kritika u ta’ rieżami, huma soġġetti għall-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet partikolari fl-Artikolu 17(7) iridu jiġu implimentati bilfors mill-Istati Membri, u japplikaw speċifikament u biss għall-ambjent online u għall-utenti kollha meta jtellgħu u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-kontenut iġġenerat mill-utenti fuq servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, u ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni oħra għall-applikazzjoni tagħhom.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li fir-rigward tad-diversi drittijiet fundamentali inkwistjoni, il-leġiżlatura tal-Unjoni għażlet li tagħmel dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet partikolari obbligatorji. Il-premessa 70 tispjega li l-fatt li l-utenti jitħallew jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat minnhom għall-finijiet tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet fl-Artikolu 17(7) huwa partikolarment importanti “għall-finijiet li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, u d-dritt għall-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali”.

(I)Użi leġittimi skont l-Artikolu 17(7) u (9)

Użi leġittimi li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati jistgħu jinkludu (a) użi b’eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, (b) użi minn dawk li għandhom jew li kklerjaw id-drittijiet fil-kontenut li jtellgħu jew l-użi koperti mill-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(2) u (c), l-użi ta’ kontenut mhux kopert bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati, b’mod partikolari xogħlijiet fl-isfera pubblika jew, pereżempju, kontenut li fih ma jiġix issodisfat il-limitu tal-oriġinalità jew kwalunkwe rekwiżit ieħor li jappartjeni għal-limitu għall-protezzjoni.

Fir-rigward tal-użi b’eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, l-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq stabbiliti fl-Artikolu 17(7) jenħtieġ li jinqraw bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-UE u għandhom jitqiesu fil-kuntest speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni 23 . L-Istati Membri li jistgħu jkunu diġà implimentaw dawn l-eċċezzjonijiet skont id-Direttiva 2001/29/KE jenħtieġ li jirrieżaminaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, u, jekk ikun hemm bżonn, jemendawha biex jiżguraw li tikkonforma mal-Artikolu 17(7) speċjalment għall-ambjent online. L-Istati Membri li l-liġijiet tagħhom ma jipprevedux għal dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet se jkollhom jittrasponuhom bħala minimu għall-użi koperti mill-Artikolu 17.

Fir-rigward tal-kunċetti ta’ kwotazzjoni u ta’ parodija, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) indikat li peress li dawn il-kunċetti ma humiex definiti fid-Direttiva 2001/29/KE, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn it-termini jridu jiġu ddeterminati billi titqies it-tifsira tas-soltu tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jqisu wkoll il-kuntest li fih iseħħu u l-għanijiet tar-regoli li huma parti minnhom 24 . L-istess approċċ jista’ jiġi applikat għall-kunċetti ta’ pastiċċ, ta’ kritika u ta’ rieżami, li ma humiex definiti fl-Artikolu 17(7).

L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw jew jadattaw l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet obbligatorji fl-Artikolu 17(7) b’mod li jippermettilhom jiġu applikati b’mod konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 25 u jiżgura l-effettività tagħhom f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE 26 .

Ir-referenza għal użi leġittimi fl-Artikolu 17(7) u (9) jenħtieġ li tkopri wkoll użi li jista’ jkollhom eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet oħra previsti fid-Direttiva 2001/29/KE, li huma fakultattivi għall-Istati Membri. Dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet se jkunu applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 17 jekk l-Istati Membri jimplimentawhom fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. L-aktar rilevanti fost dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet fakultattivi jistgħu pereżempju jkunu l-użu inċidentali 27 u l-użu ta’ xogħlijiet, bħal xogħlijiet ta’ arkitettura jew ta’ skultura, magħmula biex ikunu jinsabu b’mod permanenti f’postijiet pubbliċi 28 .

Użi leġittimi oħra għall-finijiet tal-Artikolu 17(7) jinkludu użi awtorizzati. Dawn huma l-użi li fihom dak li jtella’ jkollu d-drittijiet rilevanti kollha fil-kontenut imtella’, jew għax dak li jtella’ jkun ħoloq il-kontenut imtella’ u ma jkun fih l-ebda kontenut ta’ parti terza, jew għax ikun kiseb l-awtorizzazzjonijiet neċessarji kollha mid-detenturi tad-drittijiet. Dan tal-aħħar pereżempju jkopri l-uploads tal-utenti professjonali, bħal xandara, meta jkunu kklerjaw id-drittijiet neċessarji kollha.

Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “użi leġittimi” jinkludi wkoll użi ta’ kontenut mhux kopert mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati, b’mod partikolari xogħlijiet fl-isfera pubblika, jiġifieri xogħlijiet li l-perjodu ta’ protezzjoni tagħhom skada u, għalhekk, ma għadhomx protetti bid-drittijiet tal-awtur; u materjal li ma jissodisfax il-kriterji għall-protezzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QĠUE 29 .

(II)Applikazzjoni tal-Artikolu 17(4) f’konformità mal-Artikolu 17(7) u (9)

L-Artikolu 17(7), li skont dan il-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz ma tridx tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ kontenut leġittimu, irid jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar “l-aħjar sforz” stabbiliti fl-Artikolu 17(4), peress li huwa f’dak il-kuntest li sseħħ il-kooperazzjoni, fir-rigward tal-kontenut li għalih ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni. Il-ħtieġa li l-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet jirrispettaw l-użi leġittimi jenħtieġ li titqies meta jiġi vvalutat jekk fornitur ta’ servizzi jkunx għamel “l-aħjar sforzi” tiegħu skont l-Artikolu 17(4)(b) u t-tieni parti ta’ (c), irrispettivament mis-soluzzjoni jew mit-teknoloġija speċifika applikata mis-servizz.

Il-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju previst fl-Artikolu 17(9) (ara t-taqsima aktar ’il quddiem) japplika b’mod supplimentari għall-obbligi fl-Artikolu 17(7). Għalhekk, ma jkunx biżżejjed għat-traspożizzjoni u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(7) li jerġa’ jiġi stabbilit il-kontenut leġittimu ex post skont l-Artikolu 17(9), ladarba jitneħħa jew jiġi ddiżattivat.

L-applikazzjoni tal-obbligu ta’ riżultat fl-Artikolu 17(7) hija partikolarment rilevanti meta l-fornituri ta’ servizz japplikaw teknoloġija awtomatizzata ta’ rikonoxximent tal-kontenut skont l-Artikolu 17(4). Fl-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku attwali, l-ebda teknoloġija ma tista’ tivvaluta skont l-istandard meħtieġ fil-liġi jekk kontenut, li utent jixtieq itella’, ikunx qed jikser ir-regoli jew ikunx użu leġittimu. Madankollu, it-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-kontenut tista’ tidentifika kontenut speċifiku protett bid-drittijiet tal-awtur li għalih id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz.

Għalhekk, biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 17(7) fil-prattika, u l-użi leġittimi jibqgħu mhux affettwati, li jinkludu użi b’eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, meta upload jaqbel ma’ fajl speċifiku pprovdut mid-detenturi tad-drittijiet, imblukkar awtomatizzat, jiġifieri l-prevenzjoni tal-upload bl-użu tat-teknoloġija, fil-prinċipju jenħtieġ li jkun limitat għal fajls imtella’ li jiksru r-regoli b’mod ċar.

Kif indikat ulterjorment fid-dettalji ta’ hawn taħt, uploads oħra, li ma jkunux qed jiksru r-regoli b’mod ċar, fil-prinċipju jenħtieġ li jsiru online u jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami ex post minn bniedem meta d-detenturi tad-drittijiet jopponu billi jibagħtu avviż.

Dan l-approċċ, li skontu l-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jiddeterminaw fl-istadju tal-upload jekk il-kontenut ikunx qed jikser ir-regoli b’mod ċar jew le, huwa standard prattiku raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk upload għandux jiġi mblukkat jew jittellax online, u biex jiġi żgurat ir-rispett għall-Artikolu 17(7), filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet eżistenti tat-teknoloġija. L-identifikazzjoni ta’ kontenut u ta’ kontenut ieħor li jkun qed jikser ir-regoli b’mod ċar b’mezzi awtomatizzati ma tirrappreżentax valutazzjoni legali tal-leġittimità ta’ upload, inkluż jekk ikunx kopert minn eċċezzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji applikati biex titħaddem din id-distinzjoni ma jkollhomx impatt fuq l-aħjar sforzi li għandhom isiru mill-fornituri ta’ servizz biex jiksbu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17.4(a).

***

Fil-prattika, meta l-fornituri ta’ servizz japplikaw għodod għar-rikonoxximent tal-kontenut, jenħtieġ li jqisu l-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut speċifiku tagħhom biex jiddeterminaw jekk l-upload speċifiku jkunx qed jikser ir-regoli b’mod ċar jew le 30 . Fl-istess ħin, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jqisu l-użi leġittimi meta jipprovdu l-istruzzjonijiet tagħhom lill-fornituri ta’ servizz. Jenħtieġ li l-kontenut li għalih id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux taw struzzjoni ta’ mblukkar lill-fornitur ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ma jitqisx li jkun qed jikser ir-regoli b’mod ċar.

Il-kriterji rilevanti biex jiġu identifikati uploads li jiksru r-regoli b’mod ċar fil-prattika jistgħu jinkludu t-tul/id-daqs tal-kontenut identifikat użat fl-upload, il-proporzjon tal-kontenut konkordanti/identifikat fir-rigward tal-upload kollu (eż. jekk il-kontenut konkordanti jintużax f’iżolament jew flimkien ma’ kontenut ieħor) u l-livell ta’ modifika tax-xogħol (eż. jekk l-upload hux konkordanti parzjalment biss mal-kontenut identifikat minħabba li ġie mmodifikat mill-utent). Dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati filwaqt li jitqiesu t-tip ta’ kontenut, il-mudell ta’ negozju 31 , kif ukoll ir-riskju ta’ ħsara ekonomika sinifikanti lid-detenturi tad-drittijiet.

Il-konkordanza eżatta ta’ xogħlijiet sħaħ jew ta’ proporzjonijiet sinifikanti ta’ xogħol normalment jenħtieġ li titqies bħala ksur ċar (eż. meta r-reġistrazzjoni ta’ kanzunetta sħiħa tintuża bħala sfond f’vidjo maħluq minn utent). Dan ikun ukoll il-każ għall-uploads ta’ xogħol oriġinali, li sempliċiment ġie mibdul/distort teknikament biex tiġi evitata l-identifikazzjoni tiegħu (bħal fil-każ taż-żieda ta’ frame estern mal-istampa jew il-qlib tagħha b’180°).

Min-naħa l-oħra, upload konkordanti parzjalment biss mal-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet minħabba li l-utent ikun biddel b’mod sinifikanti x-xogħol b’mod kreattiv, pereżempju billi jżid elementi ma’ stampa biex joħloq “meme”, ġeneralment ma jkunx qed jikser ir-regoli b’mod ċar (dan l-eżempju jista’ jkun kopert mill-eċċezzjoni tal-parodija).

Eżempju ieħor ta’ uploads li ġeneralment ma jenħtiġux li jitqiesu bħala ksur ċar huma dawk li jinkludu estratti qosra li jirrappreżentaw proporzjon żgħir tax-xogħol kollu identifikat mid-detenturi tad-drittijiet (dan l-użu jista’ jkun kopert bl-eċċezzjoni tal-kwotazzjoni). Dan jista’ jkun il-każ ta’ vidjo ġġenerat minn utent inkluż estratt ta’ feature film jew estratt ta’ kanzunetta 32 . It-tul ta’ estratt ma huwiex bħala tali kriterju legali biex jiġi ddeterminat jekk użu jkunx leġittimu. Madankollu, dan huwa indikazzjoni rilevanti, flimkien mal-kuntest tal-użu, li upload partikolari jista’ jkun kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-UE. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE 33 , huwa f’idejn l-Istati Membri li jissalvagwardjaw l-effettività tal-eċċezzjonijiet u li jippermettu l-osservanza tal-iskop tagħhom, biex jiġi ssalvagwardjat bilanċ ġust tad-drittijiet u tal-interessi bejn il-kategoriji differenti tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti ta’ suġġett protett. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 trid tippermetti li l-effettività tal-eċċezzjonijiet tiġi ssalvagwardjata u li l-iskop tagħhom jiġi osservat, peress li rekwiżit bħal dan huwa ta’ importanza partikolari fejn dawk l-eċċezzjonijiet ikollhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tal-libertajiet fundamentali. 

Jista’ jkun hemm ukoll każijiet aktar kumplessi fejn jista’ jkun hemm bżonn li jitqiesu kriterji addizzjonali jew taħlita ta’ kriterji (minbarra t-tul ta’ estratt użat u jekk jintużax b’mod trasformattiv), skont il-kontenut u s-sitwazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet u l-feedback mill-utenti se jkunu kruċjali biex l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tiġi rfinata progressivament.

B’mod partikolari, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jeżerċitaw attenzjoni u diliġenza partikolari b’applikazzjoni tal-obbligazzjoni tal-aħjar sforzi tagħhom qabel ma jagħmlu upload ta’ kontenut li jista’ jikkawża ħsara ekonomika sinifikanti lid-detenturi tad-drittijiet (ara t-taqsima V.2 aktar ’il fuq). Dan jista’ jinkludi, meta jkun proporzjonat u fejn possibbli u prattikabbli, rieżami ex ante rapidu minn bniedem, minn fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online tal-uploads li jkun fihom tali kontenut immarkat identifikat minn għodda awtomatizzata għar-rikonoxximent tal-kontenut. Dan ikun japplika għall-kontenut, li huwa partikolarment sensittiv għaż-żmien (eż. mużika jew films rilaxxati minn qabel jew filmati tal-punti ewlenin ta’ xandiriet riċenti ta’ avvenimenti sportivi) 34 .

Biex jiġi żgurat li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn id-drittijiet fundamentali differenti involuti, jiġifieri l-libertà tal-espressjoni tal-utenti, id-dritt ta’ proprjetà intellettwali tad-detenturi tad-drittijiet u d-dritt ta’ intrapriża tal-fornituri, din l-attenzjoni akbar għal kontenut immarkat jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet ta’ riskji għoljin ta’ ħsara ekonomika sinifikanti, li jridu jkunu ġġustifikati kif xieraq mid-detenturi tad-drittijiet. Jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu ma jwassalx għal piż sproporzjonat fuq il-fornituri ta’ servizz u lanqas għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ. Filwaqt li l-kunċett ta’ monitoraġġ ġenerali ma huwiex definit fl-Artikolu 17(8), huwa espress fih bl-istess termini bħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31. Madankollu, meta jiġi applikat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(8), jenħtieġ li jitqiesu l-kuntest, l-iskema u l-objettiv tal-Artikolu 17 u r-rwol speċjali tal-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online skont din id-dispożizzjoni.

Jenħtieġ li ma jkunx hemm bżonn ta’ rieżami ex ante minn bniedem għall-kontenut, li ma jibqax sensittiv għaż-żmien 35 . Il-fornituri ta’ servizz li jiddeċiedu li jinkludu rieżami ex ante rapidu minn bniedem bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ konformità tagħhom jenħtieġ li jinkludu mekkaniżmi biex itaffu r-riskji ta’ użu ħażin.

Bħala riżultat tar-rieżami ex ante minn bniedem, il-fornitur ta’ servizz jista’ jimblokka l-upload jew jagħmlu disponibbli. Id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti jenħtieġ li jiġu infurmati bl-eżitu tar-rieżami. Jekk il-kontenut ikun imblukkat, l-utenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontestaw l-imblukkar skont il-mekkaniżmu ta’ rimedju.

***

Meta jiġu identifikati u mblukkati uploads li jiksru r-regoli b’mod ċar, jiġifieri ma jittellgħux jenħtieġ li jiġu nnotifikati b’dan mingħajr dewmien żejjed u xorta għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw l-imblukkar, billi jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom, skont il-mekkaniżmu ta’ rimedju previst fl-Artikolu 17(9) (ara aktar ’il quddiem).

Kontenut li ma jkunx qed jikser ir-regoli b’mod ċar jenħtieġ li jittella’ online mal-upload, bl-eċċezzjoni ta’ kontenut immarkat mid-detenturi tad-drittijiet (meta jkun soġġett għal rieżami ex ante rapidu minn bniedem). Il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jinformaw lid-detenturi tad-drittijiet mingħajr dewmien żejjed li l-kontenut ikun ittella’ online. Jekk id-detenturi tad-drittijiet joġġezzjonaw, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jwettqu rieżami ex post rapidu minn bniedem għal deċiżjoni rapida dwar jekk il-kontenut għandux jibqa’ online jew għandux jitneħħa. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li joġġezzjonaw billi jippreżentaw avviż. L-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet ex ante jenħtieġ li titqies meta jiġi vvalutat jekk l-avviż ikunx sostanzjat biżżejjed.

Ir-rieżami ex post minn bniedem jenħtieġ li jippermetti lill-fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jieħu deċiżjoni bbażata fuq l-argumenti pprovduti kemm mid-detenturi tad-drittijiet kif ukoll mill-utenti. Il-kontenut jenħtieġ li jibqa’ online matul ir-rieżami minn bniedem.

Jekk, b’riżultat tar-rieżami ex post minn bniedem, abbażi tal-argumenti pprovduti mid-detenturi tad-drittijiet u mill-utenti, il-fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online eventwalment jiddeċiedi li jiddiżattiva jew li jneħħi l-kontenut imtella’, huwa jenħtieġ li jinforma lill-utent u lid-detenturi tad-drittijiet rilevanti mill-aktar fis possibbli dwar l-eżitu tar-rieżami. L-utent xorta jenħtieġ li jkun jista’ jirrikorri għall-mekkaniżmu straġudizzjarju biex jittratta l-ilmenti li huwa previst fl-Artikolu 17(9).

Jekk il-kontenut jibqa’ online, id-detenturi tad-drittijiet xorta jistgħu jibagħtu avviż ieħor aktar tard jekk jinqalgħu elementi jew ċirkostanzi ġodda li jiġġustifikaw valutazzjoni ġdida.

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jitqiesu li kkonformaw, sakemm ma tingħatax prova li sar mod ieħor, mal-obbligazzjonijiet tal-aħjar sforzi tagħhom skont l-Artikolu 17(4)(b) u (c) fid-dawl tal-Artikolu 17(7) jekk ikunu aġixxew b’diliġenza fir-rigward ta’ kontenut li ma jkunx qed jikser b’mod ċar ir-regoli skont l-approċċ deskritt f’din il-gwida, filwaqt li titqies l-informazzjoni rilevanti mingħand id-detenturi tad-drittijiet. B’kuntrast għal dan, jenħtieġ li jitqiesu li ma kkonformawx, sakemm ma tingħatax prova li sar mod ieħor, mal-obbligazzjonijiet tal-aħjar sforzi tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 17(7) u jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur jekk ikunu qiegħdu għad-dispożizzjoni l-kontenut imtella’ filwaqt li injoraw l-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet, inkluż – fir-rigward ta’ kontenut li ma jkunx kontenut li jikser ir-regoli b’mod ċar - l-informazzjoni dwar kontenut immarkat kif imsemmi fit-taqsima V.2 aktar ’il fuq. 

Rapporti regolari dwar il-kontenut imblukkat bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ għodod awtomatizzati biex jiġu ssodisfati t-talbiet mid-detenturi tad-drittijiet 36 ikunu jippermettu lill-Istati Membri jimmonitorjaw jekk l-Artikolu 17 ġiex applikat kif suppost, b’mod partikolari l-Artikolu 17(8) u (9). Dawn ikunu jippermettu wkoll b’mod partikolari lir-rappreżentanti tal-utenti jimmonitorjaw u jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ parametri definiti mill-fornituri ta’ servizz f’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet biex jiġu identifikati abbużi sistematiċi. Dan jista’ jkun ibbażat, pereżempju, fuq in-numru u fuq it-tip ta’ kontenut imblukkat u ta’ lmenti sottomessi mill-utenti.

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu deskritt f’din il-gwida ma jipprevjenix l-użu possibbli tat-teknoloġija għar-rapportar u għar-remunerazzjoni tal-użu ta’ kontenut awtorizzat skont termini kuntrattwali miftiehma mid-detenturi tad-drittijiet u mill-fornituri ta’ servizz.

(III)Mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju skont l-Artikolu 17(9)

L-Artikolu 17(9) jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju li l-fornituri ta’ servizz iridu jagħmlu disponibbli għall-utenti fil-każ ta’ tilwim dwar l-imblukkar jew it-tneħħija tal-kontenut tagħhom. Skont dan il-mekkaniżmu, id-deċiżjonijiet biex jiġi ddiżattivat l-aċċess jew biex jitneħħa l-kontenut imtella’ għandhom ikunu soġġetti għal rieżami mill-bniedem biex jiġi ddeterminat jekk l-użu jkunx leġittimu jew le u jekk jenħtiġx li jiġi restawrat jew le. Jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu disponibbli mekkaniżmi straġudizzjarji ta’ rimedju biex jittrattaw dawn l-ilmenti.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju. L-utenti jridu jingħataw il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-fornituri ta’ servizz biex jimblukkaw jew ineħħu l-uploads tagħhom. Dan jista’ japplika għal kontenut li jikser ir-regoli b’mod ċar u mblukkat bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(4)(b) f’konformità mal-Artikolu 17(7) kif ukoll għal kontenut imneħħi ex post wara avviż sostanzjat biżżejjed ippreżentat mid-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(4)(c). Il-kontenut jenħtieġ li jibqa’ indisponibbli matul ir-rieżami minn bniedem imwettaq skont il-mekkaniżmu ta’ rimedju, ħlief fil-każ speċifiku msemmi aktar ’il fuq għal kontenut li ma jkunx qed jikser b’mod ċar l-Artikolu 17(7).

F’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 17(9) li l-ilmenti mill-utenti jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu li, bħala regola, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet iridu jirreaġixxu għall-ilmenti mill-utenti fi żmien raġonevolment qasir biex jiżguraw li l-mekkaniżmu jkun rapidu. Filwaqt li fl-Artikolu 17(9) ma tingħata l-ebda skadenza speċifika għall-ipproċessar tal-ilmenti mill-utenti, l-ilmenti xorta waħda jenħtieġ li jiġu indirizzati malajr biex ma jiġix affettwat id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni. Fil-prattika, jistgħu jkunu meħtieġa skadenzi differenti, skont l-ispeċifiċitajiet u l-kumplessitajiet ta’ kull każ. Jekk id-detenturi tad-drittijiet ma jirreaġixxux f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jieħdu deċiżjoni mingħajr il-kontribut tad-detenturi tad-drittijiet dwar jekk il-kontenut li jkun ġie mblukkat jew li jkun tneħħa għandux ikun disponibbli jew irrestawrat online.

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu li fil-kuntest tal-proċedura għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju (għall-kuntrarju ta’ 17(4)(b) jew (c)), id-detenturi tad-drittijiet iridu jiġġustifikaw kif xieraq it-talbiet tagħhom biex jiġu diżattivati jew jitneħħew xogħlijiet. Dan ifisser li ma jkunx biżżejjed għad-detenturi tad-drittijiet li jerġgħu jissottomettu l-istess informazzjoni kif sottomessa skont l-Artikolu 17(4)(b) jew (c). Dawn ikollhom bżonn jiġġustifikaw in-natura tal-ksur tal-upload speċifiku, inkella, jekk ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar sostanzjar, il-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju jitneħħielu kwalunkwe effett utli.

Biex il-mekkaniżmu ta’ rimedju jinżamm effettiv u rapidu, jenħtieġ li jkun sempliċi li jintuża u mingħajr ħlas għall-utenti. L-Istati Membri jistgħu jirrakkomandaw lill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online biex jipprovdu formoli online faċli li l-utenti jimlew u jissottomettu fi ħdan is-sistema ta’ rimedju. Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, tal-anqas dawk ewlenin, jistgħu jippermettu wkoll li jsiru skambji bejn l-utenti u d-detenturi tad-drittijiet fi ħdan is-sistema ta’ rimedju tagħhom u ma jitolbux l-użu ta’ riżorsi esterni (bħall-posta elettronika). Dan ikompli jħaffef il-mekkaniżmu. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jista’ jseħħ fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rimedju jrid isir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Jekk id-deċiżjoni finali mill-fornituri ta’ servizz fir-rigward ta’ kontenut li jkun imblukkat tkun li l-kontenut jinżamm indisponibbli, l-utenti jridu jkunu jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni permezz tal-mekkaniżmu straġudizzjarju imparzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim, li l-Istati Membri jridu jagħmlu disponibbli. Il-mekkaniżmu straġudizzjarju għas-soluzzjoni tat-tilwim jista’ jkun wieħed eżistenti iżda b’għarfien espert rilevanti biex jittratta tilwim dwar id-drittijiet tal-awtur. Jenħtieġ li jkun ukoll faċli li jintuża u mingħajr kost għall-utenti.

L-Istati Membri jridu jimplimentaw fil-liġi tagħhom l-obbligu tal-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li jinfurmaw lill-utenti tagħhom fit-termini u fil-kundizzjonijiet tagħhom li l-utenti jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor b’eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u għal drittijiet relatati previsti fid-dritt tal-Unjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar kif il-fornituri ta’ servizz jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni fost l-utenti dwar x’jista’ jikkostitwixxi użu leġittimu, kif meħtieġ mill-Artikolu 17(9). Pereżempju, il-fornituri ta’ servizz jistgħu jipprovdu informazzjoni aċċessibbli u konċiża dwar l-eċċezzjonijiet għall-utenti, li jkun fiha bħala minimu informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 17. Minbarra li tipprovdi din l-informazzjoni fit-termini u fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-fornituri ta’ servizz, din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rimedju, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet possibbli li jistgħu jkunu applikabbli.

VII.TRASPARENZA TAL-FORNITURI TA’ SERVIZZ TAL-KONDIVIŻJONI TAL-KONTENUT ONLINE - INFORMAZZJONI GĦAD-DETENTURI TAD-DRITTIJIET (ARTIKOLU 17(8))

L-Artikolu 17(8) jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b’informazzjoni adegwata dwar il-passi meħudin fil-kuntest tal-kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet. Din tinkludi:

(a) informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-għodod li huma japplikaw biex jiżguraw l-indisponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat skont l-Artikolu 17(4) u;

(b) informazzjoni, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn il-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet, dwar l-użu tal-kontenut tagħhom kopert mill-ftehimiet.

Meta jimplimentaw din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġin jagħtu indikazzjonijiet lill-fornituri ta’ servizz dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minnhom, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-ħtieġa li jiġu rispettati l-Artikolu 17(7), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(8) u l-Artikolu 17(9).

L-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tkun speċifika biżżejjed biex tipprovdi trasparenza lid-detenturi tad-drittijiet dwar il-funzjonament tal-għodod immirati biex jevitaw kontenut mhux awtorizzat skont il-paragrafu 4 filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali. Tali informazzjoni tista’ pereżempju tinkludi deskrizzjoni tat-tip ta’ teknoloġiji (jekk ikun hemm) jew ta’ mezzi oħrajn użati mill-fornituri ta’ servizz, informazzjoni dwar fornituri tat-teknoloġija ta’ partijiet terzi li s-servizzi tagħhom jistgħu jużaw, il-livell medju ta’ effiċjenza ta’ dawn l-għodod, kwalunkwe tibdil fl-għodod/fis-servizzi użati (bħal aġġornamenti jew tibdiliet possibbli fl-użu ta’ servizzi ta’ partijiet terzi). Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizz ma jkunux obbligati jagħtu informazzjoni speċifika li tmur kontra s-sigrieti kummerċjali tagħhom, bħall-karatteristiċi dettaljati tas-software użat, li jista’ jkun proprjetarju.

Meta jingħataw awtorizzazzjonijiet, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online huma meħtieġa jipprovdu, fuq talba tad-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni adegwata dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet konklużi. Meta jimplimentaw dan l-obbligu, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizz jipprovdu informazzjoni speċifika biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv tat-trasparenza fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet kif indikat fil-premessa 68. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi data dwar l-użu tax-xogħlijiet tad-detenturi tad-drittijiet u d-dħul iġġenerat mill-fornituri ta’ servizz. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom li, f’konformità mal-istess premessa, il-fornituri ta’ servizz ma humiex meħtieġa jipprovdu informazzjoni dettaljata u individwalizzata dwar kull xogħol. Madankollu, il-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet huma liberi li jaqblu fuq termini ta’ rapportar aktar speċifiċi u dettaljati fin-negozjati kuntrattwali tagħhom. Rapportar regolari u akkurat dwar l-użu ta’ xogħlijiet u ta’ materjal koperti minn ftehim ta’ liċenzjar huwa importanti biex tiġi żgurata r-remunerazzjoni ġusta tad-detenturi tad-drittijiet.

Biex iżidu l-effiċjenza tar-rapportar u jiffaċilitaw l-ipproċessar tal-informazzjoni rrapportata, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu lill-fornituri ta’ servizz biex isegwu xi prattiki tajbin u standards tal-industrija dwar il-formats tar-rapportar, anki jekk ma jkunux imposti mid-Direttiva.

Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li jeżistu xi rekwiżiti aktar speċifiċi dwar ir-rapportar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/26/UE. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għall-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv.

(1)

     Id-Direttiva DSM hija indirizzata lill-Istati Membri li huma meħtieġa jittrasponuha sas-7 ta’ Ġunju 2021.

(2)

     Il-Polonja vs Il-Kunsill u l-Parlament.

(3)

     L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE.

(4)

     Skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, COM (2020) 825 final, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE għandu jiġi ssostitwit bl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 1(5)(c) u l-Premessa 11 tal-proposta dwar id-DSA, ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li jistabbilixxu regoli u proċeduri speċifiċi li jenħtieġ li ma jiġux affettwati.

(5)

     Ara, b’analoġija, C-114/15, il-punt 29.

(6)

     Diversi partijiet ikkonċernati enfasizzaw li huwa importanti li dawn l-elementi fil-premessa 62 jiġu trasposti mill-Istati Membri fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

(7)

     Servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa definit bħala kwalunkwe servizz li normalment jiġi pprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi

(8)

     Pereżempju, kif spjegat fil-Premessa 63, is-swieq online jistgħu jagħtu aċċess għal ammont kbir ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur iżda din ma tkunx l-attività prinċipali tagħhom, li tkun il-bejgħ bl-imnut online.

(9)

     Dan jista’ jkun il-każ għall-arkivji tar-riċerka.

(10)

     Diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar kjarifiki dwar dan il-punt.

(11)

     Ir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà applikabbli skont l-Artikolu 17(4) meta ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni huwa deskritt fid-dettall fit-taqsima III.1 aktar ’il quddiem.

(12)

     Kif previst fl-Artikolu 12(6), il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-użu tal-liċenzji kollettivi b’effett estiż għall-2021.

(13)

     Madankollu, dan l-obbligu ma jżommx lis-CMOs milli jipprovdu liċenzji individwalizzati għal fornituri innovattivi ta’ servizz online, li huwa element importanti għan-negozjati ma’ fornituri ġodda ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.

(14)

     Din it-teknoloġija taħdem abbażi tal-marki tas-swaba’ tax-xogħol ta’ detentur tad-drittijiet li jiġi vverifikat mal-kontenut imtella’ mill-utenti fuq is-servizz.

(15)

     Il-hashing hija teknika li biha fajl jiġi ttrasformat f’katina ta’ ċifri msejħa l-“hashcode”. Dak il-hashcode jippermetti l-identifikazzjoni ta’ upload minn utent u, għalhekk, jidentifika kontenut potenzjalment mhux awtorizzat. Id-differenza mit-teħid tal-marki tas-swaba’ hija, skont ċerti fehmiet, li s-sejba ta’ kontenut mhux awtorizzat taħdem b’mod partikolari meta l-fajl imtella’ jkun identiku għax-xogħol li jkun ġie “hashed” (għall-kuntrarju tat-teħid tal-marki tas-swaba’ li jista’ jagħraf anki d-differenzi).

(16)

     L-immarkar tal-ilma huwa soluzzjoni li biha l-fajl oriġinali jiġi soġġett għal “markar tal-ilma”, u għalhekk jista’ jintgħaraf ladarba jittella’, abbażi ta’ dik il-marka tal-ilma li taġixxi bħala firma.

(17)

     L-użu tal-metadata jippermetti li jiġi trekkjat jekk ittellax xogħol partikolari abbażi tal-metadata marbuta mal-kontenut, bħall-isem tal-awtur jew it-titlu tax-xogħol.

(18)

     It-tiftix tal-keywords issemma’ b’mod partikolari bħala soluzzjoni għal fornituri ta’ servizz iżgħar, li jista’ ma jkollhomx il-mezzi biex jużaw teknoloġiji aktar kumplessi u għaljin. Din hija l-aktar teknika sempliċi li biha servizz ifittex manwalment is-sit web tiegħu għal titli ta’, eż., kanzunetta/artist partikolari biex jidentifika kontenut b’potenzjal ta’ ksur.

(19)

     Dan japplika irrispettivament minn jekk is-servizz inkwistjoni jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 17(6).

(20)

     Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2018: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/commission-recommendation-measures-effectively-tackle-illegal-content-online

(21)

      https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/conferences/state-aid/sme/smedefinitionguide_en.pdf

(22)

     L-Artikolu 17(6) jirreferi lura għall-Artikolu 17(4), li għalih issir referenza fl-Artikolu 17(5)

(23)

     Ara C-201/13, Deckmyn, il-punt 14... [il‑]kliem ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li ma tinkludi l‑ebda riferiment speċifiku għad‑dritt tal‑Istati Membri biex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha għandhom normalment, fl‑Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l‑interpretazzjoni tkun waħda studjata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjoni u tal‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(24)

     C-476/17 Pelham, il-punt 70, u C-201/13 Deckmyn, il-punt 19.

(25)

     Pereżempju , C-516/17 Spiegel online, il-punt 52; C-314/12 UPC Telekabel Wien, il-punt 46

(26)

     Pereżempju f’C-145/10, EVA Painer, il-punt 133; C-117/13 u Darmstadt, il-punt 43

(27)

     L-Artikolu 5.3(i) tad-Direttiva 2001/29/KE

(28)

     L-Artikolu 5.3 (h) tad-Direttiva 2001/29/KE. Il-Kummissjoni rrakkomandat speċifikament li l-Istati Membri jittrasponu din l-eċċezzjoni fil-Komunikazzjoni tagħha Li tippromwovi ekonomija Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali COM(2016) 592.

(29)

     C-469/17 Funke Medien, il-punti 18-20

(30)

     Dan l-approċċ iqis il-prattiki attwali tas-suq tal-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz. Pereżempju, meta d-detenturi tad-drittijiet jipprovdu lill-fornituri ta’ servizz b’marka tas-swaba’ jew b’fajl b’informazzjoni dwar id-drittijiet rilevanti għall-kontenut speċifiku tagħhom, huma jipprovdu wkoll lill-fornituri ta’ servizz bi struzzjonijiet dwar jekk dan il-kontenut jenħtiġx li jiġi mblukkat u meta, jekk ikun rikonoxxut fl-uploads tal-utenti, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi differenti tal-upload. Id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati wera li llum diġà xi detenturi tad-drittijiet jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-fornituri ta’ servizz biex japplikaw xi marġini ta’ tolleranza biex jippermettu d-disponibbiltà ta’ xi kontenut mhux awtorizzat, pereżempju estratti ta’ films ta’ durata qasira.

(31)

     Pereżempju, numru kbir ħafna ta’ estratti qosra ħafna mtellgħa fuq servizz jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti lid-detenturi tad-drittijiet meta jittieħdu flimkien f’forma aggregata. Hemm servizzi li strutturaw il-mudell ta’ negozju tagħhom fuq l-użu fuq skala kbira ta’ kontenut qasir, pereżempju siltiet ta’ mużika ta’ durata qasira ħafna.

(32)

     Bħal vidjo ġġenerat minn utent dwar “L-aqwa 10 mumenti tas-sena fil-films”.

(33)

     C-516/17 - Spiegel Online

(34)

     Anki tipi oħra ta’ kontenut jistgħu jkunu sensittivi għaż-żmien

(35)

     Pereżempju, f’każ ta’ logħba futbol, is-sensittività tista’ tkun kwistjoni ta’ ġranet.

(36)

     Skont l-approċċ propost mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għar-Regolament dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.