Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi ta' Saħħa u Sigurtà fix-Xogħol 92/91/KEE (estrazzjoni ta' minerali permezz tat-tħaffir) u 92/104/KEE (estrazzjoni tal-minerali fuq wiċċ u taħt l-art) /* KUMM/2009/0449 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 3.9.2009 KUMM(2009) 449 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi ta' Saħħa u Sigurtà fix-Xogħol 92/91/KEE (estrazzjoni ta' minerali permezz tat-tħaffir) u 92/104/KEE (estrazzjoni tal-minerali fuq wiċċ u taħt l-art) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi ta' Saħħa u Sigurtà fix-Xogħol 92/91/KEE (estrazzjoni ta' minerali permezz tat-tħaffir) u 92/104/KEE (estrazzjoni tal-minerali fuq wiċċ u taħt l-art) INTRODUZZJONI Dan ir-rapport isegwi impenn tal-Kummissjoni[1] li tevalwa l-implimentazzjoni prattika tal-qafas regolatorju bil-għan li dan jiġi mtejjeb. Huwa ispirat prinċipalment mir-rapporti nazzjonali pprovduti mill-Istati Membri[2] u minn rapport ta' esperti indipendenti li janalizza l-implimentazzjoni prattika taż-żewġ Direttivi fis-setturi ekonomiċi privati u/jew pubbliċi kkonċernati. Huwa ispirat ukoll mill-istatistika Ewropea u minn stħarriġ dwar inċidenti fix-xogħol u mard kawżat mix-xogħol[3] u fuq informazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi. Din il-valutazzjoni tkopri t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni, fl-UE-15 biss, ta' żewġ Direttivi, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi biex tittejjeb is-sigurtà u ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tħaffir[4] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/104/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi biex tittejjeb is-sigurtà u ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali fuq wiċċ u taħt l-art[5]. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din il-valutazzjoni tista' wkoll tipprovdi informazzjoni utli dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi għat-12-il Stat Membru li sadattant ikunu daħlu fl-UE. L-industriji tal-estrazzjoni ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 89/654/KEE dwar il-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u saħħa fix-xogħol (l-ewwel direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE). Ħaddiema fis-settur x'aktarx li jkunu esposti għal livell partikolarment għoli ta' riskju, għalhekk hemm dispożizzjonijiet speċifiċi separati għalihom, f'żewġ direttivi individwali (id-Direttivi 92/91/KEE u 92/104/KEE) fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema fix-xogħol. Id-Direttiva 92/91/KEE tapplika speċifikament għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni kkonċernati mat-tiftix għal u l-esplojtazzjoni ta' minerali permezz ta' toqob fondi fl-art ("boreholes") (fuq l-art u fuq il-baħar), filwaqt li d-Direttiva 92/104/KEE tkopri l-bqija tas-setturi tal-industriji ta' estrazzjoni, jiġifieri għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ta' minerali fil-wiċċ jew f'minjieri u barrieri taħt l-art. Skont l-Artikoli 1(2) tad-Direttivi 92/91/KEE u 92/104/KEE, id-Direttiva 89/391/KEE tapplika b'mod sħiħ għall-oqsma koperti minn dawk iż-żewġ Direttivi. Ladarba ż-żewġ Direttivi huma f'ħafna modi simili f'termini ta' implimentazzjoni prattika, dan ir-rapport se jsemmihom individwalment biss fejn xi aspett speċifiku ta' xi bżonn jew ieħor tad-direttiva jeħtieġ li jiġi enfasizzat. EFFETTI LEGALI Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri juru li l-Direttivi kellhom formalment impatt (razzjonalizzazzjoni u kodifikazzjoni) fl-Istati Membri kollha, li wassalhom biex jikkonsolidaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni eżistenti. Fis-sustanza: bosta Stati Membri diġà kellhom leġiżlazzjoni f'dan il-qasam, iżda d-Direttivi introduċew kunċetti ġodda u importanti (bħad-dokument dwar is-sigurtà u s-saħħa) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fi Stat Membru wieħed, l-Irlanda, it-traspożizzjoni tad-Direttivi kellha l-effett li biddlet il-ksur tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam, li kienet ikkunsidrata sempliċement bħala ksur skont il-liġi privata, għal ksur skont il-liġi penali wkoll. SENSIBILIZZAZZJONI U MIŻURI SEKONDARJI Il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi ġew ippubblikati fl-Istati Membri kollha u ġew organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni, b'attivitajiet bħal tqassim ta' fuljetti, linji gwida u stqarrijiet għall-istampa u konferenzi u seminars biex iħarrġu lill-awtoritajiet, lil min iħaddem u lill ħaddiema fl-ideat li hemm fid-Direttivi. F'xi każijiet il-kumpaniji konċernati ġew mogħtija din l-informazzjoni direttament. Min-naħa tagħhom, l-imsieħba soċjali xerrdu informazzjoni dwar ir-regoli fil-forma ta' dokumentazzjoni (eż. gwidi li jagħtu eżempji ta' prattika tajba) u taħriġ fil-forma ta' konferenzi u seminars. B'mod ġenerali, il-kampanji ta' informazzjoni msemmija hawn kienu kkunsidrati sodisfaċenti: dawn rawmu sensibilizzazzjoni akbar tar-regoli u għenu lill-kumpaniji biex jiżviluppaw kultura ta' prevenzjoni ta' inċidenti u mard fix-xogħol. TRASPOżIZZJONI Minkejja l-konsultazzjoni fil-fond li saret qabel mill-imsieħba soċjali fuq kull waħda miż-żewġ Direttivi u l-adozzjoni unanima tagħhom mill-Kunsill, madwar nofs l-Istati Membri naqsu milli jilħqu l-iskadenzi tat-traspożizzjoni. Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri skont l-Artikolu 226 KE, li f'xi każi wasslu għal sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tlestiet it-traspożizzjoni. Analiżi tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttivi tal-KE tidher li tissuġġerixxi li, minbarra ċerti eċċezzjonijiet, ir-rekwiżiti tad-Direttivi ġew ġeneralment trasposti fedelment. Instabu xi nuqqasijiet rigward ir-responsabbiltà ta' min iħaddem fejn ħaddiema minn diversi impriżi huma preżenti (l-Artikoli 3(3) tad-Direttivi), sorveljanza tas-saħħa (l-Artikoli 8 tad-Direttivi), id-deroga għall-estrazzjoni tal-minerali bit-tħammil (l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/104/KEE), u ċerti punti fl-Annessi fejn il-protezzjoni mogħtija ma kinetx tissodisfa l-ħtiġijiet minimi stabbiliti mid-Direttivi. AZZJONI FIL-QASAM: IMPLIMENTAZZJONI TAŻ-ŻEWĠ DIRETTIVI FIL-PRATTIKA Aspett prinċipali Hemm firxa wiesgħa ta' kumpaniji attivi, kemm kbar u żgħar, u b'karatteristiċi differenti ħafna, fl-industriji tal-estrazzjoni. Fis-settur tat-tħaffir fuq il-baħar, pereżempju, il-kumpaniji huma prinċipalment ditti kbar internazzjonali, filwaqt li hemm ħafna negozji żgħar, immexxijin mill-familjari tal-proprjetarji stess fis-settur tat-tħaffir għal ġebel ornamentali fil-minjieri u fis-settur tal-barrieri. Kull tip ta' kumpanija għandha karatteristiċi differenti u l-politika tas-saħħa u s-sigurtà ta' kull waħda minnhom hija adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħha. Minkejja l-isforzi biex jittejjeb il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà, l-industriji tal-estrazzjoni xorta għadhom settur ta' riskju għoli, kemm f'termini ta' inċidenti fix-xogħol kif ukoll f'dak li huwa mard ikkaġunat mix-xogħol. Skont studju msemmi fir-rapport ta' espert indipendenti[6], madwar 10 % tal-inċidenti fil-minjieri (id-Direttiva 92/104/KEE) huma kkawżati minn nuqqasijiet tekniċi, bħal tagħmir li ma jilħaqx l-istandards, filwaqt li d-90 % li jibqa' huma frott nuqqasijiet fl-organizzazzjoni, bħal ordnijiet mhux ċari u kalkolu żbaljat tal-ħaddiema fl-istima tal-perikli. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-kumpaniji l-kbar u dawk ta' daqs medju fl-industriji tal-estrazzjoni b'mod ġenerali turi li ma hemm l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri jew is-setturi tal-industrija tal-estrazzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà stipulati fid-Direttivi. L-applikazzjoni inġenerali tidher sodisfaċenti rigward id-dokument dwar is-sigurtà u s-saħħa, ir-responsabbiltà tal-koordinazzjoni ta' min iħaddem, it-taħriġ tal-ħaddiema u s-superviżjoni, u l-prekawzjonijiet tal-emerġenza. Min-naħa l-oħra, kumpaniji iżgħar għandhom it-tendenza li jkollhom nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u għarfien meħtieġ għal politika effettiva ta' saħħa u sigurtà. Minkejja dan, ir-rapporti nazzjonali donnhom jagħtu x'jifhmu li l-Istati Membri ma adottawx regoli speċifiċi li jkopru l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju ("SMEs"), minbarra, pereżempju, l-isforzi tal-awtoritajiet biex itejbu u jissimplifikaw ċerti proċeduri amministrattivi għall-SMEs. L-Istati Membri organizzaw ukoll kampanji speċifiċi ta' informazzjoni għall-SMEs. F'wieħed mill-Istati Membri (il-Portugall), kumpaniji żgħar li għandhom rendiment tajjeb fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fix-xogħol iħallsu inqas kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u għall-assikurazzjoni. Ġie ppruvat li ċerti miżuri ta' prevenzjoni proattiva huma effettivi biex inaqqsu l-inċidenti. Dawn jinkludu taħriġ abbażi ta' "near misses", (jiġifieri okkażjonijiet ta' kundizzjonijiet perikolużi tax-xogħol li kważi jwasslu għal inċident), li fih il-ħaddiema kkonċernati rrakkuntaw l-istorja tagħhom, u stampi ta' tfal fil-post b'messaġġi ta' sigurtà għall-ġenituri li jaħdmu fl-industrija tal-estrazzjoni. F'xi każijiet il-familjari tal-ħaddiema jiġu kkuntattjati permezz tat-telefown biex jenfasizzaw l-importanza tas-saħħa u tal-miżuri ta' sigurtà fix-xogħol. Kumpaniji attivi fl-estrazzjoni permezz tat-tħaffir (id-Direttiva 92/91/KEE) huma ġeneralment kbar jew ta' daqs medju. Il-valutazzjoni fil-post uriet li s-sigurtà u l-amministrazzjoni tas-saħħa fid-diversi kumpaniji li joperaw fi Stati Membri differenti huma pjuttost simili. Bħala regola huma konxji tar-riskji speċifiċi fis-settur u anki l-kompetituri ġeneralment jaqsmu l-informazzjoni fuq is-saħħa u fuq kwistjonijiet ta' sigurtà. L-amministrazzjoni ta' kuljum tas-saħħa u tas-sigurtà tinvolvi laqgħat, superviżjoni u permessi tax-xogħol, li huma meħtieġa għal impjiegi li jinvolvu sitwazzjonijiet perikolużi speċjalment f'konformità mad-Direttiva[7]. Kumpaniji involuti fix-xogħol ta' minjieri fil-miftuħ, metalli mhux maħduma u minerali industrijali (id-Direttiva 92/104/KEE) huma prinċipalment kbar u normalment jużaw proċessi awtomatizzati. Dawn ġeneralment jemmnu li l-miżuri ta' saħħa u ta' sigurtà jistgħu jiġġeneraw profitti, u mhux biss spejjeż, u li dawn tal-aħħar huma ġeneralment aktar baxxi mill-ispejjeż li jirriżultaw wara inċidenti u mard. Kumpaniji bħal dawn ġieli jsibuha bħala sfida kbira biex jikkonvinċu lill-ħaddiema tagħhom dwar ir-relevanza tas-saħħa u l-miżuri ta' sigurtà. B'kuntrast ma' dan, il-kumpaniji involuti fil-barrieri ta' ġebel ornamentali huma prinċipalment SMEs: dawn ta' spiss ikunu ta' proprjeta familjari b'minn tlieta sa għaxar ħaddiema, spiss japplikaw proċessi manwali, u l-ħaddiema tagħhom huma esposti aktar direttament għal riskji bħal trab u blat li jista' jaqa'. L-SMEs huma iktar probabbli li jqisu bħala piż żejjed il-miżuri tas-saħħa u ta' sigurtà u għandhom it-tendenza li ma jimplimentawx il-ħtiġijiet tad-Direttiva b'mod komprensiv. KAXXA: L-SMEs għandhom bżonn ta' aktar appoġġ biex idaħħlu fis-seħħ politika effettiva ta' saħħa ta' sigurtà. Dan għandu jkun ipprovdut mill-Istati Membri, biex jindirizzaw b'mod effettiv il-fatturi speċifiċi tal-kumpaniji kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jinkludu din il-kwistjoni fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom li għandhom jiġu adottati skont l-istrateġija Komunitarja dwar is-saħħa u sigurtà fix-xogħol (2007-12). Kundizzjonijiet fix-xogħol L-Artikoli 3(1)(a) taż-żewġ Direttivi jobbligaw lil min iħaddem biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà billi jassigura li l-postijiet tax-xogħol huma ddisinjati, mibnija, mgħammra, ikkummissjonati, imħaddma u miżmuma b'tali mod li l-ħaddiema jistgħu jwettqu x-xogħol assenjat lilhom mingħajr ma jpoġġu fil-periklu s-sigurtà u/jew is-saħħa ta' dawk il-ħaddiema l-oħra. Kumpaniji fl-industriji estrattivi ġeneralment jidhru li huma konformi ma' dawk id-dispożizzjonijiet safejn hi kkonċernata l-protezzjoni mill-inċidenti, iżda jidher li hemm differenzi bejn kumpaniji fl-Istati Membri varji fir-rigward tal-impatti potenzjali negattivi fuq is-saħħa għat-tul taż-żmien. Il-problemi hawn jistgħu jkunu relatati ma' pożizzjonijiet żbaljati fix-xogħol, tagħmir qadim, tqandil manwali ta' tagħmir tqil jew nuqqas ta' protezzjoni xierqa kontra kundizzjonijiet ħżiena għas-saħħa ambjentali, bħalma huma temperaturi eċċessivament għoljin jew baxxi, umdità, ħoss, vibrazzjoni jew trab. Xi wħud minn dawn il-problemi jinqalgħu minħabba li l-aġġornar tat-tagħmir jista' jkun jinvolvi ħafna spejjeż u/jew f'ċerti każijiet jista' jikkawża problemi prattiċi, jew il-ħaddiema involuti ma jkunux imħarrġa biżżejjed. L-istampa tidher pjuttost pożittiva fir-rigward tal-estrazzjoni permezz tat-tħaffir (id-Direttiva 92/91/KEE), fejn tagħmir antikwat hu ta' spiss mibdul b'dan tagħmir ġdid, il-proċessi mekkaniċi qed itejjbu s-sitwazzjoni f'postijiet tax-xogħol potenzjalment perikolużi, u qed jittieħdu miżuri biex jitnaqqas l-istorbju u jitnaqqsu l-pollutanti. Kwalifiki tal-ħaddiema L-Artikoli 3(1)(c) taż-żewġ Direttivi jobbligaw lil min iħaddem biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li xogħol li jinvolvi riskju speċjali jkun fdat biss lil-persunal kompetenti u jitwettaq skont l-istruzzjonijiet mogħtija. Skont il-valutazzjoni fil-post, il-kumpaniji ġeneralment ikollhom regoli dwar il-kwalifiki meħtieġa għat-twettiq ta' xogħlijiet speċjali. Għall-estrazzjoni permezz tat-tħaffir (id-Direttiva 92/91/KEE), hemm regolamenti fis-settur offshore li jitolbu li l-ħaddiema jkollhom ċertifikati ta' taħriġ fejn iridu jwettqu jagħmel xogħol speċifiku jew kompiti ta' emerġenza. Diversi Stati Membri u kumpaniji madwar il-Baħar tat-Tramuntana qed jaħdmu biex jilħqu ftehim dwar rekwiżiti ta' taħriġ, li se jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-ħaddiema. KAXXA: L-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba soċjali fl-industriji tal-estrazzjoni huma mħeġġa biex iħaffu l-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehim dwar ir-rekwiżiti tat-taħriġ applikabbli għall-ħaddiema madwar l-UE, skont l-iskala u/jew tip tar-riskju. L-assistenza tista' tiġi mil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol u l-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji Oħra Estrattivi. Dokument dwar is-sigurtà u s-saħħa Skont l-Artikoli 3(2) tad-Direttivi, li huma fformulati bi kliem li jixxiebaħ, min iħaddem għandu jassigura li d-dokument dwar is-sigutà u s-saħħa ("DSS") huwa mfassal u qed jinżamm aġġornat, u li dan juri b'mod partikolari li: (i) ir-riskji li l-ħaddiema u l-post tax-xogħol tagħhom ġew esposti għalihom ġew stabbiliti u stmati; (ii) ġew meħuda miżuri adegwati biex jinkisbu l-miri ta' din id-Direttiva; u (iii) li d-disinn, l-użu u l-manutenzjoni tal-post tax-xogħol u tat-tagħmir ikunu salvagwardjati. Instab li ż-żewġ kumpaniji kbar u l-SMEs ġeneralment ifasslu d-DSS. Madankollu mhux il-kumpaniji kollha jiddedikaw l-istess attenzjoni għal dan, u hemm differenzi konsiderevoli fit-tul u l-kontenut tad-diversi DSS. Barra minn hekk, kumpaniji żgħar ħafna ma jidhrux li jaġġornaw regolarment id-DSS tagħhom. Ġeneralment, id-diversi DSS jidhru li jkopru lil kulħadd fil-kumpanija, inklużi s-sottokuntratturi u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-benefiċċji ta' dawn id-DSS huma ġeneralment rikonoxxuti u l-valutazzjonijiet tar-riskju twassal għall-prevenzjoni aħjar ta' inċidenti u mard. Il-ħaddiema kkonċernati ta' spiss jibdew jaġġornaw id-DSS, pereżempju permezz ta' dokumenti ta' ħidma li fihom jinnutaw ir-riskji li jiltaqgħu magħhom. Id-diversi DSS jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati wara investigazzjonijiet dwar xi inċident, wara rapporti u analiżi fil-fond ta' inċidenti li kienu kważi seħħew, u wara diskussjonijiet mal-ħaddiema, li matulhom dawn ikunu jistgħu jressqu ideat biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Xi korpi ta' infurzar huma impenjati fl-isforzi biex jarmonizzaw id-diversi DSS, pereżempju permezz ta' kampjun standard. Skont id-Direttiva 92/91/KEE (estrazzjoni permezz tat-tħaffir), pereżempju, il-kuntratturi tat-tħaffir fil-Baħar tat-Tramuntana fasslu mudell komuni għal DSS f'konsultazzjoni mal-korpi tal-infurzar fil-pajjiżi kkonċernati[8]. Dan se jneħħi l-ħtieġa li jitħejjew dokumenti ġodda, pereżempju meta l-pjattaforma tat-tħaffir tiċċaqlaq 'lil hinn mill-fruntiera biex twettaq kompiti simili (jekk ma jkunx hemm bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol), u dan se jagħmel l-affarijiet eħfef kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-korpi tal-infurzar involuti. Rappreżentanti tal-ħaddiema jista' jkollhom rwol importanti fil-politika ta' sigurtà u saħħa tal-kumpanija. Il-valutazzjoni fil-post sabet li l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema huma ġeneralment ikkonsultati dwar id-DSS, għalkemm dan ma jiġrix dejjem u ma jseħħx fuq l-istess livell. Il-valutazzjoni wriet ukoll li rappreżentanti tal-ħaddiema kienu kemxejn riluttanti f'xi każijiet biex jużaw l-influwenza tagħhom. Il-valutazzjoni tissuġġerixxi wkoll li dan jista' jkun minħabba nuqqas ta' taħriġ jew esperjenza fir-rigward tal-politika inġenerali ta' saħħa u sigurtà tal-kumpanija: xi rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jispeċjalizzaw filli jsolvu problemi prattiċi, bħal livelli ta' pagi, ħin tax-xogħol u sigurtà fix-xogħol, u jkollhom inqas esperjenza f'termini ta' introduzzjoni ta' kultura ta' prevenzjoni fil-kumpanija. KAXXA: Għat-tfassil ta' dokumenti effettivi dwar is-saħħa u s-sigurtà u biex tiġi stabbilita kultura ta' prevenzjoni fil-kumpaniji, huma meħtieġa aktar informazzjoni prattika, speċjalment fl-SMEs, u iktar tagħrif dwar l-importanza tal-SHDs fost rappreżentanti tal-ħaddiema. Is-sotto-kuntratturi u persuni li jaħdmu għal rashom L-Artikoli 3(3) taż-żewġ Direttivi, li huma identiċi, jipprovdu li fejn il-ħaddiema minn diversi impriżi huma preżenti fl-istess post tax-xogħol, kull min iħaddem hu responsabbli għall-materji kollha taħt il-kontroll tiegħu. Barra minn hekk, min iħaddem u hu responsabbli mill-post tax-xogħol għandu jikkoordina l-miżuri kollha li jirrigwardaw is-saħħa u sigurtà u dawn jitniżżlu fid-DSS. Il-valutazzjoni wriet li r-realtà tas-sotto-kuntratturi qegħda dejjem tiżdied u l-koordinazzjoni tax-xogħol mhux dejjem tkun sodisfaċenti. Madankollu, kumpaniji li jimpjegaw sottokuntratturi normalment jiċċekkjaw l-esperjenza u l-fehma tagħhom dwar il-ħtiġijiet ta' sigurtà u ta' saħħa. Il-kuntrattur ġenerali jista' wkoll jipprovdi taħriġ obbligatorju dwar is-siġurtà, aġġornat f'intervalli regolari. Kultant jidher li jinħolqu problemi minħabba li l-ħaddiema mikrija mis-sottokuntratturi, normalment għal xogħol staġjonali jew temporanju, ikollhom nuqqas ta' taħriġ, u dan jista' jispjega n-numru ogħla ta' inċidenti fil-post tax-xogħol li jinvolvu lilhom. Ma jidhirx, madankollu, li jkun hemm anqas problemi mas-sottokuntratturi f'dan il-qasam milli hemm f'setturi oħrajn b'riskju għoli, bħall-industrija tal-kostruzzjoni. KAXXA: Minħabba l-problemi li jinqalgħu bis-sottokuntratturi fl-industriji tal-estrazzjoni u setturi oħra u kif imħabbar fl-istrateġija Komunitarja għal-2007-12, il-Kummissjoni se tħares lejn il-problemi speċifiċi ta' din ir-realtà. Minn prattika tajba f'dan is-settur jistgħu jibbenefikaw setturi oħra wkoll, u jista' jiġi promoss permezz tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sigurtà u s-Saħħa fix-Xogħol, il-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji oħra Estrattivi u l-Kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali dwar l-Industriji Estrattivi f'livell tal-UE. Tifi tan-nar u salvataġġ L-Artikoli 4 u 5 taż-żewġ Direttivi, li huma identiċi, jistabbilixxu rekwiżiti minimi speċifiċi rigward il-protezzjoni min-nirien, l-isplużjonijiet u atmosferi ta' ħsara għas-saħħa, u faċilitajiet ta' evakwazzjoni u salvataġġ. Ġeneralment jidher li dawk ir-rekwiżiti qed jiġu sodisfatti fil-prattika, bis-saħħa tal-installazzjoni ta' apparat għat-tifi tan-nar u l-organizzazzjoni ta' taħriġ għat-tifi tan-nar u timijiet speċjali f'każ ta' ħruq u/jew salvataġġ. Kultant, indikaturi tal-frizzjoni huma installati fuq il-konvejer belts biex jipprevjenu it-tisħin żejjed Spiss ikun provdut trasport stand-by (ambulanzi u elikotteru) għas-salvataġġi, b'żieda mal-punti muster u l-kmamar ta' kenn f'każ ta' emerġenza. L-esperjenza wriet l-importanza tal-faċilitajiet ta' evakwazzjoni u salvataġġ, anki għall-gruppi tas-salvataġġ, li spiss ikollhom joperaw f'kundizzjonijiet estremament perikolużi, eż. eżatt wara l-isplużjoni Sorveljanza tas-saħħa L-Artikoli 8 tad-Direttivi jitolbu sorveljanza tas-saħħa li għandha tkun ipprovduta għall-ħaddiema qabel ma dawn jiġu assenjati ħidmiet fl-industriji estrattivi u sussegwentement din għandha titkompla f'intervalli regolari. Id-Direttivi jinnotaw ukoll li tali miżuri għandhom jiġu introdotti skont il-liġi nazzjonali u/jew il-prattiċi Is-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema hija ġeneralment imwettqa kif meħtieġa mid-Direttivi. Hija mwettqa iktar mit-tobba inkarigati mis-saħħa fix-xogħol milli minn dawk prattikanti b'mod ġenerali, u din tista' tkun estiża għal suġġetti oħra differenti minn kwistjonijiet ta' saħħa strettament marbuta mal-post tax-xogħol, bħal kampanji kontra t-tipjip u dawk marbuta mal-pariri dijetetiċi. F'xi Stati Membri hemm dispożizzjoni għal segwitu għal ħaddiema rtirati (pereżempju, għal dawk li qabel kienu jaħdmu fil-minjieri tal-faħam u dan jinżamm b'intervalli ta' ħames snin). Infurzar F'bosta Stati Membri, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi huwa r-responsabbiltà tal-ispettorati tax-xogħol. Madankollu, l-ispettorati tax-xogħol f'xi Stati Membri ma jittrattawx l-industriji ta' estrazzjoni: minflok, ġew stabbiliti korpi speċjali biex jissorveljaw is-settur, ħafna drabi minħabba l-importanza relattiva għall-ekonomija u r-riskji speċifiċi li jirriżultaw. L-awtoritajiet tal-infurzar responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema u s-sigurtà jistgħu forsi jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jaqsmu bejniethom l-informazzjoni, inkluż l-għarfien, minħabba li jista' jkun li d-diversi dipartimenti jkunu qed jittrattaw taqsimiet differenti tas-saħħa u sigurtà acquis u għandu mnejn ma jkollhomx l-istampa globali. Pereżempju, l-ispettorat tax-xogħol jista' jkun qiegħed jinforza l-Qafas tad-Direttiva 89/391/KEE, filwaqt li l-ispettorat tal-minjieri jinforza d-Direttivi 92/91/KEE u 92/104/KEE. Kumpaniji akbar spiss għandhom ir-riżorsi finanzjarji u l-organizzattivi meħtieġa biex iwettqu politika effettiv ta' saħħa u sigurtà u normalment huma f'kuntatt regolari mal-awtoritajiet tal-infurzar. KAXXA: Jista' jkun hemm diversi awtoritajiet tal-infurzar li jittrattaw l-infurzar tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-industriji tal-estrazzjoni fl-Istati Membri. Kooperazzjoni reċiproka u skambju ta' informazzjoni bejn dawn il-korpi f'kull Stat Membru għandhom jittejbu biex l-aspetti kollha tal-politika ta' saħħa u sigurtà jkunu koperti b'mod komprensiv. Il-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol[9] jista' jgħin f'dan ir-rigward. VALUTAZZJONI ĠENERALI L-effetti pożittivi ewlenin taż-żewġ Direttivi Fir-rapporti nazzjonali tagħhom l-Istati Membri enfasizzaw l-effett pożittiv taż-żewġ Direttivi li għamlu lill-kumpaniji aktar konxji tal-kwistjoni tas-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol, partikolarment permezz tal-valutazzjoni tar-riskju u d-DSS, li ħeġġew lill-kumpaniji biex jagħtu prijorità lil politiki ta' saħħa, ta' sigurtà u ta' prevenzjoni. Il-miżuri previsti fid-Direttivi kienu meqjusa suffiċjentement eżawrjenti u ġenerali biex jittrattaw b'mod flessibbli r-riskji li jseħħu fil-kumpaniji kkonċernati. Vantaġġ ieħor innutat kien li l-ħtiġijiet minimi madwar l-UE evitaw li tinħoloq kompetizzjoni bejn il-kumpaniji dwar l-istandards ta' saħħa u sigurtà, billi dawn kollha kellhom japplikawhom. Effett importanti tad-Direttivi kien il-bidla lejn politika globali ta' saħħa u sigurtà fix-xogħol fil-kumpaniji. Id-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà u saħħa f'siti fejn il-ħaddiema minn diversi impriżi huma preżenti kienu wkoll meqjusa bħala innovazzjoni importanti u pożittiva li ħarġet minn dawn id-Direttivi. Il-kundizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà, b'mod partikolari fl-SMEs li jaħdmu fil-barrieri żgħar jidhru li tjiebu sa ċertu punt bis-saħħa tad-Direttiva 92/104/KEE (dwar il-minjieri); kumpaniji ta' dan it-tip ma jidhrux li kienu kkonċernati dwar il-kwistjoni qabel l-adozzjoni tad-Direttiva. Il-problemi ewlenin tal-implimentazzjoni Kif issemma hawn fuq, il-flessibilità permessa miż-żewġ Direttivi kienet imfaħħra b'mod ġenerali, għalkemm dan jista' jfisser li l-kumpaniji jsibuha diffiċli biex jiddeterminaw l-istandard preċiż ta' sigurtà tal-ħaddiem u ħarsien tas-saħħa meħtieġa u biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-prattika. B'żieda, ir-rapport jirrimarka li l-latitudni mogħtija lill-Istati Membri bid-Direttiva 92/91/KEE tista' twassal għal differenzi fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri, li mbagħad dan jista' jwassal għal sitwazzjonijiet fejn xi kundizzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati fi Stat Membru wieħed iżda mhux f'ieħor. Min iħaddem semma li f'ċerti każijiet id-DSS jiddupplika d-dokumenti meħtieġa, pereżempju, għall-permessi tal-imminar. Din il-problema tista' tkun marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttivi fl-Istati Membri, u tista' tkun possibbilment solvuta billi jiġu kkombinati d-diversi dokumenti meħtieġa għal ħidmiet differenti fl-industriji tal-estrazzjoni, sakemm dawn ikunu konformi għal kollox mar-rekwiżiti tad-DSS. KAXXA: Biex titnaqqas il-burokrazija, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jikkombinaw id-DSS u dokumenti oħra meħtieġa għall-operazzjonijiet varji fl-industriji tal-estrazzjoni biex tiġi evitata l-ħtieġa għall-kumpaniji li jipproduċu diversi dokumenti separati ta' natura simili. Apparentement l-SMEs għandhom tendenza li jħarsu lejn l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttivi bħala biss piż. Huma x'aktarx li jiffukaw fuq l-ispejjeż tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti u l-miżuri preventivi, u għandhom it-tendenza li jinjoraw l-ispejjeż moħbija li mbagħad jinqalgħu fil-futur u li jistgħu jkunu ogħla sew, bħal dawk li jirriżultaw minn telf ta' produzzjoni u l-ispiża tal-materjal u tar-rijorganizzazzjoni meħtieġa bħala riżultat ta' inċidenti u mard. Ir-rapporti nazzjonali u l-valutazzjoni fil-post jiżvelaw it-tendenza fost min iħaddem f'xi Stati Membri li jevitaw li jirrappurtaw l-inċidenti kollha li suppost jiġu rrappurtati. Dan jistgħu jkunu qegħdin jagħmluh għal raġunijiet konnessi mal-immaġini tal-kumpanija jew biex jevitaw multi kuntrattwali. Dan ifisser li l-awtoritajiet ma jkollhomx stampa eżatta tas-sitwazzjoni fis-settur ikkonċernat u għalhekk ma jkunux kapaċi jiżguraw li l-protezzjoni tal-ħaddiem ġiet imtejba. Nuqqasijiet fl-irrappurtaġġ tal-inċidenti hija problema li jeħtieġ li tiġi indirizzat f'konnessjoni mat-titjib tal-mod ta' kif joperaw l-awtoritajiet tal-infurzar. Ir-rapporti nazzjonali juru wkoll li min iħaddem jista' jevita l-immodernizzar tat-tagħmir minħabba l-ispiża, u l-valutazzjoni fil-post sabet li f'min iħaddem hemm it-tendenza li jagħti iktar importanza għat-tħassib ambjentali milli s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem. Korpi tal-infurzar spiss jidhru li japplikaw għall-SMEs l-istess approċċ li japplikaw għal ditti ikbar u jinjoraw ir-riżorsi u l-ispeċifiċitajiet limitati ta' kumpaniji iżgħar. Fil-każ ta' inċident, il-ħsara potenzjali għall-immaġini pubblika ta' kumpanija għandha iktar effett dissważiv milli għandha multa. Skont xi wħud minn dawk li jħaddmu, il-korpi tal-infurzar jikkonċentraw wisq fuq is-sigurtà tat-tagħmir u ma jikkonċentrawx biżżejjed fuq it-taħriġ għal ħaddiema (l-aspetti organizzattivi, taħriġ, u l-promozzjoni ta' kultura ta' sigurtà). Il-ħaddiema huma ġeneralment ikkonsultati f'ċerti stadji fil-preparazzjoni u/jew fl-użu tad-DSS, iżda dan iseħħ fi gradi differenti u mhux b'mod sistematiku. Id-Direttivi jagħmlu l-konsultazzjoni tal-ħaddiema bħala rekwiżit, iżda jidher li dan rarament ikun kompletament sodisfatt. EVALWAR TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-EFFETTIVITÀ Huwa diffiċli biex tkun ippruvata l-eżistenza ta' rabta oġġettiva bejn l-implimentazzjoni tad-Direttivi fl-industriji tal-estrazzjoni u t-titjib f'termini ta' inċidenti fix-xogħol u mard marbut mal-impjieg. Kull tentattiv huwa kkumplikat mill-fatt li inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol iseħħu bħala riżultat ta' bosta fatturi oħra minbarra dawk koperti mir-regoli stipulati fid-Direttivi. Hemm ukoll il-fatt li l-mard ikkaġunat mix-xogħol ħafna drabi huwa dijanjostikat żmien twil wara l-espożizzjoni tal-ħaddiem għall-fattur ta' riskju, u d-Direttivi fihom xi dispożizzjonijiet ġodda, filwaqt li dispożizzjonijiet oħra huma mdaħħla f'regolamenti eżistenti f'livell nazzjonali. Li jiġi mkejjel l-impatt tad-Direttivi għalhekk mhix ħaġa faċli. Kif imsemmi hawn fuq, minkejja l-isforzi li saru l-industriji tal-estrazzjoni għadhom settur ta' riskju għoli. (a) L-effetti fuq l-inċidenti fix-xogħol u fuq il-mard ikkaġunat mix-xogħol L-industriji tal-estrazzjoni jinvolvu riskji kbar f'termini ta' inċidenti fix-xogħol. Ir-rata ta' inċidenza[10] ta' inċidenti fix-xogħol fis-settur huwa konsiderevolment ogħla mill-medja għas-setturi kollha ta' attività: f'termini ta' inċidenti li jinvolvu aktar min-nuqqas tlett ijiem hija aktar mid-doppju (5 500 imqabbla ma' 2 500), u hija kważi ħames darbiet ogħla (14 imqabbla ma' tlieta) f'termini ta' inċidenti fatali[11]. Interessanti li, skont l-istimi fl-1986[12], ir-rata ta' inċidenza għal inċidenti fatali kienet konsiderevolment ogħla fl-1986 (100 meta mqabbla ma' 14 fl-2005), u b'hekk l-inċidenti jidhru li naqsu drastikament bejn l-1986 u l-2005, il-perjodu li matulu d-Direttivi daħlu fis-seħħ. L-istatistiċi[13] juru li l-waqgħa jew il-kollass tal-aġent materjali (pereżempju, il-kollass ta' mina taħt l-art) hija l-akbar kawża ta' inċidenti, inklużi inċidenti fatali, f'25 % tat-total, filwaqt li tali avvenimenti bħal nirien u splużjonijiet – forsi wkoll għall-għarrieda – jiffurmaw perċentwali iżgħar (jiġifieri taħt il-5 %). Iżda dawk iċ-ċifri jirrigwardaw l-aħħar każ li mar 'il bogħod min-normalità u wassal direttament għall-inċident: dan l-aħħar każ seta' mbagħad ġie kkawżat minn avvenimenti oħra, bħal nar jew splużjoni f'minjiera li wassal għall-kollass tal-mina. F'dak il-każ, ikun irrekordjat biss il-kollass tal-mina bħala l-aħħar każ, iżda n-nar jew l-isplużjoni setgħu kienu l-kawża oriġinali. KAXXA: Il-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji oħra Estrattivi għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali dwar l-Industriji Estrattivi f'livell ta' UE dwar l-inċidenti u l-kawżi tagħhom Mis-setturi kollha ta' attività, is-settur tal-industriji ta' estrazzjoni kellu bil-bosta l-ogħla rata ta' inċidenza għall-mard kawżat mix-xogħol, anki meta mqabbel ma' setturi oħrajn b'riskju għoli: dan kien ta' 1 949 kontra 134 għas-settur tal-kostruzzjoni, 41 għas-settur tal-agrikoltura u 29 għas-settur tat-trasport. Barra minn hekk, ir-rata ta' inċidenza tas-settur għal mard respiratorju hija l-ogħla waħda tas-setturi kollha ta' attività[14]. Minn meta ġew adottati d-Direttivi, il-kumpaniji saru aktar konxji tal-aspetti tas-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol, organizzaw ruħhom aħjar f'dan il-qasam u l-grad ta' mekkanizzazzjoni hija ogħla, u dan kollu għandu jwassal għal inqas inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol. Il-livelli ta' inċidenti u mard ikkaġunat minħabba x-xogħol għadhom għoljin, ħafna drabi minħabba diversi fatturi: - meta mqabbla mal-kumpaniji l-kbar, l-SMEs, li jidhru li jagħmlu l-maġġoranza tal-kumpaniji f'dan is-settur, għandhom rati ogħla ta' inċidenti; - fil-kumpaniji ż-żgħar, min iħaddem spiss ikollu għarfien anqas ta' saħħa u sigurtà fix-xogħol; - ir-ritmu tax-xogħol sar dejjem iktar mgħaġġel; - min iħaddem kultant jiffoka iktar fuq il-produttività jew fuq l-ambjent milli fuq il-protezzjoni tal-ħaddiem; - f'xi Stati Membri, in-numri ta' ħaddiema żgħażagħ u/jew ħaddiema immigranti qiegħed jogħla, u dawn tal-aħħar spiss ikollhom il-problemi tal-lingwa. (b) L-impatt fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività Bosta mill-Istati Membri ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar l-impatt tad-Direttiva fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività. Xi Stati Membri[15] jikkunsidraw li l-miżuri fil-Direttivi rawmu l-produttività u l-kompetittività. Ir-rapporti nazzjonali juru li l-implimentazzjoni tad-Direttivi tinkoraġġixxi titjib fl-ambjent tax-xogħol, u dan jagħmel ix-xogħol aktar attraenti għall-ħaddiema waqt li jżid il-produttività. Rati baxxi ta' inċident jnaqqsu l-assenteiżmu, li jikkostitwixxi telf sinifikanti għall-ekonomija, b'żieda mat-tbatija umana kkawżata. SUĠĠERIMENTI GĦAL TITJIB Billi d-Direttivi huma mfassla b'termini ġenerali, ġie ssuġġerit li jiġu żviluppati u mxerrdin linji ta' gwida prattiċi, l-aħjar prattika jew informazzjoni oħra biex ikunu ċċarati l-obbligi tad-Direttivi Fir-rigward tad-DSS, il-valutazzjoni tindika l-ħtieġa ta' mudelli għal industriji speċifiċi, primarjament dawk żgħar, bħal barrieri tal-ġebel ornamentali. Dawn jgħinu biex titjieb is-sigurtà u l-kundizzjonijiet tas-saħħa, billi jagħmluha eħfef għall-kumpaniji biex jippreparaw id-DSS u jgħinuhom isibu modi kif jiġi vvalutat u introdott it-titjib li jinħtieġ. F'termini ta' infurzar, persunal speċjalizzat fil-korpi ta' spezzjoni jista' jagħmel il-komunikazzjoni mal-kumpaniji kkonċernati iktar faċli: is-suġġerimenti jistgħu jkunu aktar konvinċenti u l-kumpaniji jistgħu jkunu iktar inklinati li jimplimentawhom. Dan jista' jkun importanti wkoll għall-industriji li għandhom ma' wiċċhom sfidi kumplessi operattivi. Barra minn hekk, l-ispettorati spiss jidhru nieqsa mill-istaff, u għalhekk l-ispezzjoni ta' kull kumpanija darba fis-sena, pereżempju, mhix haġa fattibbli. Il-kumpaniji jsemmu li l-ispettorati spiss jiffukaw fuq il-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet u ma joffru l-ebda suġġeriment dwar kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni, għalkemm hemm bżonn ta' suġġerimenti prattiċi, minħabba t-termini ġenerali li bihom huma abbozzati d-Direttivi. Madankollu jidher li l-ispettorati qed jiżviluppaw metodi ġodda ta' infurzar għad-Direttiva 92/91/KEE, flimkien ma' verifiki dwar suġġetti speċifiċi bħal ħinijiet tax-xogħol u operazzjonijiet ta' salvataġġ. Hemm problemi relatati mal-postijiet tax-xogħol li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri, minħabba d-differenzi fil-mod ta' kif id-Direttivi jiġu implimentati fi Stati Membri differenti. Hawnhekk il-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi l-isforzi tagħha biex tissorvelja l-konformità tal-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni u bi ħsiebha tibda proċeduri ta' ksur, fejn meħtieġ, biex tikkoreġi n-nuqqas ta' konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Direttivi KE. Madankollu, id-Direttivi jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi u l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu miżuri aktar stretti[16]. Kien hemm ukoll suġġerimenti għal aktar armonizzazzjoni f'dan is-settur madwar l-UE, li tistimola l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ugwali u tiffaċilita movimenti transkonfinali ta' persuni u tagħmir. Suġġeriment ieħor huwa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji minħabba l-mod ta' kif id-Direttivi jiġu implimentati jew infurzati fl-Istati Membri. Bħala parti minn programm ta' azzjoni attwali ppreżentat mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozju[17], l-Istati Membri huma mitluba li jnaqqsu dawn il-piżijiet fuq il-kumpaniji u jistabbilixxu miri ambizzjużi għal dan. Fir-rigward ta' emendi possibbli għad-Direttiva 92/104/KEE (dwar il-minjieri), ġew suġġeriti dawn li ġejjin: - is-separazzjoni tat-tħaffir għal-faħam mit-tħaffir u l-estrazzjoni ta' minerali oħra, u dan minħabba l-problemi speċifiċi f'dawn iż-żewġ setturi. Suġġeriment ieħor kien li tkun provduta gwida prattika speċifikament biex tkopri kull tip ta' ħidma fil-minjieri minflok ma tiġi emendata d-Direttiva; - jkunu inklużi dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar il-protezzjoni ta' operaturi ta' tagħmir mir-riskju ta' splussivi "undetonated" u dawk moħbija fil-munzelli tal-blat li jkun tneħħa, l-installazzjoni temporanja ta' "safe havens" jew kmamar tas-sigurtà fil-mini fejn tkun qed isseħħ ħidma preparatorji jew xogħlijiet ta' żvilupp u dan sakemm ikunu installati "escape routes" b'mod permanenti, u t-tqegħid ta' apparat għat-tifi tan-nar u "self-rescuers" għall-vetturi. Billi dawn is-suġġerimenti prattiċi huma ta' natura teknika, se jiġu diskussi mal-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji oħra Estrattivi bil-ħsieb tiġi vvalutata l-ħtieġa għall-addattament tekniku tad-Direttiva (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/104/KEE). KONKLUŻJONIJIET Filwaqt li l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi fil-15-il Stat Membru kkonċernati tidher li hija relattivament sodisfaċenti u r-rati ta' inċidenti fis-settur tal-industriji estrattiva huma stabbiliti, in-numri ta' inċidenti u każi ta' mard li jiġru huma għolja u ma humiex aċċettabbli u l-ħaddiema għadhom jaħdmu f'riskji kbar f'dan is-settur. Biex tittejjeb is-sitwazzjoni, l-istrateġija Komunitarja għall 2007-12 tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali biex jistabbilixxi miri kwantitattivi għat-tnaqqis fl-inċidenza ta' inċidenti u mard, biex jiġu mmirati setturi u kumpaniji li għandhom l-agħar trek rekords, bħas-settur tal-industrija estrattiva, u biex jiffokaw fuq l-aktar riskji komuni u l-aktar ħaddiema vulnerabbli. Kif hemm f'setturi oħra, jidher li hemm diviżjoni ċara bejn it-tipi ta' kumpaniji: il-kumpaniji l-kbar, speċjalment dawk fis-settur tat-tħaffir, iwettqu ħidma relattivament tajba, filwaqt li l-SMEs, speċjalment dawk fis-settur tal-barrieri ta' ġebel ornamentali, jidhru inqas mgħammra biex ipoġġu fis-seħħ politika effettiva ta' saħħa u ta' sigurtà. Il-kumpaniji jeħtieġu li jqiegħdu s-saħħa u s-sigurtà f'post promimenti fuq l-aġendi tagħhom. Apparti mill-kunsiderazzjonijiet soċjali/etiċi, hemm raġunijiet finanzjarji importanti għaliex il-kumpaniji għandhom ipoġġu fis-seħħ politika għall-prevenzjoni ta' inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol. Politika xierqa ta' prevenzjoni ġġib benefiċċji finanzjarji ċari: il-kumpaniji għandhom ikunu konxji li jeħtieġu li jikkunsidraw mhux biss l-ispiża tal-premiums tal-assigurazzjoni u l-miżuri ta' prevenzjoni iżda wkoll l-ispejjeż indiretti marbuta ma' inċidenti u ma' mard ikkaġunat mix-xogħol (bħal spejjeż relatati mas-sostituzzjoni tal-ħaddiem, telf ta' produzzjoni u ħsara kkawżata minn immaġini negattiva fil-pubbliku), li x'aktarx dawn ikunu ħafna ogħla. Meta wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni minn tali perspettiva pragmatika, l-investimenti fil-miżuri preventivi jidhru pjuttost żgħar u l-kumpaniji jistgħu jkunu aktar inklinati li jwettquhom. L-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu iktar biex jinkludu t-tali kunsiderazzjonijiet fis-sensibilizzazzjoni tal-kumpaniji. L-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà jeħtieġ li jkun imxerred iktar indaqs fost il-kumpaniji ta' tip differenti u daqs. Dan jista' jkun il-kompitu tal-Istati Membri, li jistgħu jindirizzawh billi jfasslu linji gwida u għoti ta' assistenza u taħriġ lil kumpaniji żgħar, b'mod partikolari, biex dawn japplikaw politika effettiva ta' saħħa u ta' sigurtà. Biex isir il-progress f'dan il-qasam, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol u l-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji Oħra Estrattivi[18] jistgħu jindirizzaw il-kwistjoni partikolari ta' taħriġ. Kif tistqarr l-istrateġija Komunitarja 2007-12, il-Kummissjoni se tħares lejn il-problemi speċifiċi marbuta mar-realtà tas-sotto-kuntratturi aktar fil-fond. L-esperjenza ta' ħidma permezz tas-sottokuntratturi f'dan is-settur tista' tiġi esportata lejn setturi oħra. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f'moħħu r-rwol tan-nies u l-limiti tagħhom f'ambjent dejjem aktar dominat mit-teknoloġija avvanzata. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rapport, li huwa bbażat fuq l-informazzjoni mogħtija mill-UE-15, jista' wkoll jipprovdi suġġerimenti utli għat-12-il Stat Membru li jkunu sadattant daħlu fl-UE. Inċidenti reċenti fil-minjieri juru l-ħtieġa għal aktar titjib fis-sitwazzjoni. Waħda mill-konklużjonijiet li tista' toħroġ minn din il-valutazzjoni hija l-importanza tar-rwol tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-bżonn li tinqasam l-aħjar prassi. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol f'Bilbao tista' tgħin fit-tixrid ta' informazzjoni mmirata u speċifika, speċjalment lill-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE reċentement. Sadanittant, bosta Stati Membri jisħqu ma hemmx il-ħtieġa li jkunu emendati d-Direttivi għalissa, probabbilment minħabba t-termini ġenerali wżati fid-Direttivi, li jippermettulhom li jiġu applikati għal firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet. Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata f'dan ir-rapport, il-Kummissjoni taqbel li attwalment ma hemmx il-ħtieġa li jiġu emendati d-Direttivi. Il-Kummissjoni titlob lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol u l-Grupp ta' Ħidma Permanenti għall-Minjieri u Industriji Oħra Estrattivi biex jiġbdu konklużjonijiet minn din il-valutazzjoni. [1] Fil-Komunikazzjoni Ntejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fil-post tax-xogħol, COM(2007) 62 finali tal-21 ta' Frar 2007. [2] Mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 12 tad-Direttiva 92/91/KEE u 13 tad-Direttiva 92/104/KEE. Dawk l-Artikoli tħassru sussegwentement bid-Direttiva 2007/30/KE. Fl-Istati Membri kważi kollha, l-imsieħba soċjali pparteċipaw fil-preparazzjoni tar-rapporti. Il-Belġju u l-Lussemburgu ma ppreżentawx ir-rapporti nazzjonali. [3] L-Istatistika Ewropea tal-Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol (ESAW), dejta dwar mard rikonoxxut fuq ix-xogħol (EODS) u Stħarriġ fuq l-Għadd ta' Ħaddiema (LFS) mill-Eurostat. Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 dwar l-istatistika Komunitarja fuq is-saħħa pubblika u s-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31/12/2008, p. 70), li ġie adottat reċentement, jipprovdi għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-korpi nazzjonali rilevanti għall-finijiet tal-ġbir u pproċessar tad-dejta b'mod armonizzat madwar l-UE. [4] ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9. [5] ĠU L 404, 31.12.1992, p. 10. [6] Gerhard Czuck, ‘Prevention 2000 Plus: A successful prevention strategy for better S & H at work in small and middle-sized enterprises’, fil-Konferenza ta' ISSA/Kamra tal-Minjieri ‘Mines and Quarries: Prevention of Occupational Injury and Disease Conference’, Ċentru tal-Konferenzi ta' Sandton, Repubblika tal-Afrika t'Isfel, 19-21 ta' Mejju 2003. [7] Il-Parti A, il-punt 2.8, fl-Anness għad-Direttiva 92/91/KEE. Il-Parti A, il-punt 1.8, fl-Anness għad-Direttiva 92/104/KEE fih provvedimenti simili. [8] Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda, in-Norveġja u r-Renju Unit. [9] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 1995 li stabbilixxiet Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (ĠU L 188, 9.8.1995, p. 11). [10] Ir-rata tal-inċidenza definita mill-metodoloġija tal-Istatistika Ewropea tal-Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol (ESAW) hija n-numru ta' inċidenti fuq ix-xogħol għal kull 100 000 ħaddiem fl-impjieg. [11] Sors: DĠ EMPL u Eurostat "Kawżi u ċirkostanzi ta' inċidenti fil-post tax-xogħol fl-UE", il-Figura 1.11, p. 25; Eurostat ESAW u dejta mogħtija minn Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (SFX) 2005. [12] Sors: P.A. Walker, ‘Mining and quarrying in the European Economic Community, the safety and health aspects’, f' Safety and health in mining and quarrying industries: Proceedings of a symposium held in Luxembourg 10 to 12 September 1986 , 1988, pp. 7-8. [13] Sors: Eurostat ESAW dejta tat-III Fażi 2005. [14] Sors: Eurostat EODS 2005. [15] Il-Greċja u l-Portugall. [16] L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva ta' Qafas 89/391/KEE. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-84/94 UK vs Il-Kunsill [1996] ECR I-5755, il-paragrafu 17. [17] COM(2007) 23. [18] L-Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol, ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1.