Subject of the case
Parti operattiva
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale Ordinario di Prato — Moviment liberu tal-persuni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività ta’ ġbir ta’ mħatri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni u ta’ liċenzja ta’ sigurtà pubblika — Protezzjoni mogħtija lill-persuni suġġetti għal-liġi li jkunu kisbu awtorizzazzjonijiet u liċenzji permezz ta’ proċeduri ta’ għoti li eskludew illegalment lil operaturi oħra tal-istess settur — Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE.
Dispożittiv
1) L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li jkun, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja għal dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi b’mod partikolari distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda u dawk tal-operaturi eżistenti.
2) L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni mill-pulizija lil persuni assoċjati ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti konsegwenti ta’ liċenzji ġodda ma jkunux irrimedjaw effettivament għall-esklużjoni illegali tal-imsemmi operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.
3) Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza ta’ liċenzji mogħtija fi tmiem sejħa għal offerti, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzji dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.