European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2615

24.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2615

tat-23 ta’ Novembru 2026

dwar appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija”), li tidentifika l-multilateraliżmu effettiv u l-universalità u l-implimentazzjoni ta’ normi eżistenti ta’ diżarm u nonproliferazzjoni bħala elementi ewlenin tal-approċċ tal-Unjoni. L-Istrateġija tappella, fost l-oħrajn, għad-dħul fis-seħħ bikri u l-universalità tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBT) u għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi internazzjonali ta’ verifika. L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija b’mod attiv, inkluż billi tipprovdi riżorsi finanzjarji biex tappoġġa proġetti mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO).

(2)

Fil-21 ta’ Lulju 2003, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/567/PESK (1), li tipprevedi li, fil-qafas ta’ appoġġ għad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi lill-Istati kollha li għadhom m’għamlux dan sabiex jiffirmaw u jirratifikaw is-CTBT mingħajr dewmien.

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (2) dwar l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi tal-qerda massiva u l-mod tat-trasport tagħhom. Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT.

(4)

L-Istati Firmatarji għas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, mogħnija b’kapaċità ġuridika u li jkollha prestiġju bħala organizzazzjoni internazzjonali, biex twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sa meta tiġi stabbilita s-CTBTO.

(5)

Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalità tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. L-Unjoni appoġġat dawn l-objettivi b’mod konsistenti, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja.

(6)

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stqarr f’“Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament” (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm) li bir-restrizzjoni tal-iżvilupp ta’ tipi ġodda u avvanzati ta’ armi nukleari, is-CTBT irażżan it-tellieqa tal-armi u jservi ta’ ostaklu normattiv b’saħħtu kontra l-Istati potenzjali li jistgħu jfittxu li jiżviluppaw, jimmanifatturaw u sussegwentement jakkwistaw armi nukleari bi ksur tal-impenji tagħhom ta’ nonproliferazzjoni. Dawn l-objettivi huma riflessi aktar fil-“Patt għall-Futur” tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Azzjoni 25 intitolata “We will advance the goal of a world free of nuclear weapons” (Ser navvanzaw l-għan ta’ dinja ħielsa mill-armi nukleari), li tafferma mill-ġdid l-għan ta’ dinja ħielsa mill-armi nukleari u tappella għat-tisħiħ tal-arkitettura tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni, il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe erożjoni tan-normi internazzjonali eżistenti u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġu evitati tellieqa tal-armi u gwerra nukleari. Is-CTBT huwa strument essenzjali għall-avvanz ta’ dawk l-objettivi.

(7)

Il-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża tal-2022 tirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, il-ħażniet ta’ armi nukleari dejjem jikbru, l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda ta’ armi kif ukoll l-użu ta’ theddid nukleari minn xi pajjiżi, u tesprimi l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ azzjonijiet konkreti b’appoġġ għall-għanijiet tad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

(8)

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-Riżoluzzjoni 80/70 tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2025 dwar is-CTBT, affermat mill-ġdid l-importanza tas-CTBT u ħeġġet lill-Istati kollha li għadhom m’għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw is-CTBT malajr kemm jista’ jkun, b’mod partikolari d-disa’ Stati li r-ratifika tagħhom hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-riżoluzzjoni ssottolinjat ukoll l-importanza li jinżamm il-momentum għat-tlestija tal-elementi kollha tar-reġim ta’ verifika u li jiġu stabbiliti pjanijiet u riżorsi adegwati għas-sostenibbiltà fit-tul tiegħu.

(9)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti u sitt Deċiżjonijiet dwar l-appoġġ għal attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO, jiġifieri l-Azzjonijiet Konġunti 2006/243/PESK (3), 2007/468/PESK (4) u 2008/588/PESK (5), u d-Deċiżjonijiet 2010/461/PESK (6), 2012/699/PESK (7), (PESK) 2015/1837 (8), (PESK) 2018/298 (9), (PESK) 2020/901 (10) u (PESK) 2023/2064 (11). Għalhekk jenħtieġ li l-appoġġ li ilu jeżisti tal-Unjoni jitkompla.

(10)

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO li, abbażi tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet uniċi tagħha bis-saħħa tan-network tas-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali (IMS), li tinkludi aktar minn 337 faċilità madwar id-dinja, u taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC), hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità u l-leġittimità li timplimenta din id-Deċiżjoni. L-azzjoni kif appoġġata mill-Unjoni tista’ tiġi ffinanzjata biss permezz ta’ kontribuzzjoni ekstrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża, l-Unjoni għandha tagħti aktar appoġġ lill-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO permezz ta’ azzjoni operazzjonali.

2.   L-objettivi tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu li:

(a)

jissaħħu l-kapaċitajiet tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tas-CTBT;

(b)

jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji għas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ verifika taħt is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni tagħhom fir-reġim tas-CTBT.

Permezz ta’ dawk l-isforzi, l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll l-universalità u d-dħul fis-seħħ tas-CTBT.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO.

3.   Il-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO għandha twettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni li tissemma fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 5 199 996,70.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod xieraq għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mill-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ jekk ma jkun ġie konkluż ebda ftehim f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/567/PESK tal-21 ta’ Lulju 2003 li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 1999/533/PESK rigward il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni ta’ dħul fis-seħħ kmieni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tat-Test Nukleari Komprensiv (CTBT) (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/567/oj).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod ta’ trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2003/805/oj).

(3)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/243/PESK tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar sostenn għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għall-verifika u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/243/oj).

(4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/468/PESK tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa. (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/468/oj).

(5)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/588/PESK tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/588/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/461/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/461/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/699/PESK tat-13 ta’ Novembru 2012 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/699/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1837 tat-12 ta’ Ottubru 2015 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 83, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1837/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/298 tas-26 ta’ Frar 2018 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 56, 28.2.2018, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/298/oj).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/901 tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 207, 30.6.2020, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/901/oj).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2064 tal-25 ta’ Settembru 2023 dwar appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 122, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2064/oj).


DOKUMENT TAL-PROĠETT

APPOĠĠ GĦALL-ATTIVITAJIET TAL-KUMMISSJONI PREPARATORJA TAL-ORGANIZZAZZJONI TAT-TRATTAT DWAR IL-PROJBIZZJONI TOTALI TA' PROVI NUKLEARI (CTBTO)

Kuntest

It-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) jipprojbixxi l-isplużjonijiet kollha tat-testijiet nukleari. Tletin sena wara l-ftuħ tiegħu għall-iffirmar, jibqa' pedament tal-arkitettura internazzjonali tan-nonproliferazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Iservi bħala miżura ta' sigurtà u għat-tisħiħ tal-fiduċja billi jillimita l-iżvilupp ta' armi nukleari ġodda u t-titjib ta' ħażniet nukleari eżistenti.

It-Trattat huwa appoġġat minn reġim ta' verifika tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. Is-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS), flimkien maċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC), tipprovdi fluss kontinwu ta' data f'ħin reali biex tippermetti d-detezzjoni u l-valutazzjoni ta' avvenimenti li jistgħu jkunu indikattivi ta' splużjoni ta' test nukleari. L-IMS tinkludi 337 faċilità madwar id-dinja, filwaqt li l-IDC jiġbor, jipproċessa u janalizza d-data u jqassam l-informazzjoni li tirriżulta lill-Istati Firmatarji. Bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat, il-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (minn hawn 'il quddiem “il-Kummissjoni Preparatorja”) qed tiżviluppa wkoll il-kapaċità tagħha ta' Spezzjoni Fuq il-Post (OSI), filwaqt li tkompli bl-isforzi lejn l-universalizzazzjoni tiegħu.

Iż-żamma u t-tisħiħ ulterjuri tar-reġim ta' verifika tas-CTBT jibqgħu indispensabbli. Hekk kif jevolvu l-kundizzjonijiet teknoloġiċi, xjentifiċi u ġeopolitiċi, l-investiment sostnut u l-kooperazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex jiġu preservati l-effettività, il-kredibbiltà u t-tħejjija operazzjonali tar-reġim ta' verifika, u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu.

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa l-kontribut għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, it-tisħiħ tal-fiduċja, u t-tisħiħ tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni nukleari permezz ta' appoġġ għas-CTBT, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sabiex “[j]ippreserva l-paċi, [j]ipprevjeni l-kunflitti u [j]saħħaħ is-sigurtà internazzjonali”.

Objettivi speċifiċi

Il-proġett ser:

1.

isaħħaħ ir-reġim internazzjonali ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBTO;

2.

isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji għas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta' verifika taħt is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni tagħhom fir-reġim tas-CTBT;

Permezz ta' dawn l-isforzi, il-proġett ser jappoġġa wkoll l-universalizzazzjoni u d-dħul fis-seħħ tas-CTBT.

Approċċ

Il-proġett ser jiġi implimentat permezz ta' approċċ koordinat b'żewġ pilastri li jsaħħaħ kemm il-pedamenti tekniċi tar-reġim ta' verifika tas-CTBT kif ukoll il-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji biex jipparteċipaw b'mod effettiv fih.

L-ewwel pilastru jiffoka fuq il-konsolidazzjoni u l-avvanz tal-infrastruttura teknoloġika u xjentifika li tirfed is-sistema ta' monitoraġġ internazzjonali tas-CTBTO, l-analiżi tad-data, u l-prontezza għall-ispezzjonijiet fuq il-post. Dan jinkludi s-sostenn ta' stazzjonijiet sismiċi awżiljarji (AS), titjib fl-immudellar tat-trasport atmosferiku (ATM), u żvilupp ulterjuri ta' għodod ta' spezzjoni fuq il-post - li jiżguraw l-affidabbiltà, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul tar-reġim ta' verifika.

It-tieni pilastru jiffoka fuq it-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità, li jippermetti lill-Istati Firmatarji - b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw - jikkontribwixxu b'mod attiv għar-reġim ta' verifika tas-CTBT u l-ħidma tal-Organizzazzjoni filwaqt li jibbenefikaw minnhom. Jippromwovi wkoll involviment inklużiv permezz ta' inizjattivi mmirati għan-nisa u ż-żgħażagħ.

Outputs mistennija

—

Jinżammu jew jissewwew minimu ta' sitt stazzjonijiet sismiċi awżiljari. Id-disponibbiltà awtentikata tad-data (DA) tittejjeb kif rifless fit-tnaqqis tal-ħin ta' interruzzjoni u fil-prestazzjoni stabbli tal-istazzjonijiet miżmuma jew imsewwija.

—

Is-software taċ-Ċentru għall-Isfruttament tad-Data Virtwali (vDEC) jiġi modernizzat. Dan jinkludi interfaċċa tal-web tal-vDEC iddedikata, aċċess għad-data ta' forma ta' mewġa konformi mal-FDSN, sigurtà mtejba tal-utenti b'permessi mfassla apposta, integrazzjoni simplifikata tal-API, servizzi personalizzati ta' talbiet għad-data, u infrastruttura tas-servers aġġornata b'ġestjoni tad-data aġġornata u ottimizzata.

—

Tiġi stabbilita konfigurazzjoni effettiva u affidabbli tal-immudellar operazzjonali għall-ATM. L-outputs ewlenin jinkludu valutazzjoni komparattiva u rakkomandazzjonijiet operazzjonali aġġornati, gwida għall-infrastruttura komputazzjonali, qafas ta' referenza komunitarju, u involviment tal-partijiet ikkonċernati u attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien.

—

L-iżvilupp tal-prototip tas-Source-Term Assessment and Reasoning Software (STARS). L-outputs jinkludu librerija ta' każijiet ta' riferiment, pakkett ta' dokumentazzjoni teknika u programm ta' taħriġ.

—

Il-kapaċitajiet tal-ipproċessar tal-avvenimenti sismiċi jittejbu permezz ta' funzjonijiet ġodda tas-software NET-VISA, u b'hekk jittejjeb ir-rilaxx f'waqtu tal-bullettini ta' kuljum (REB) u tissaħħaħ l-effettività tal-monitoraġġ.

—

Il-kapaċitajiet tal-ipproċessar tal-avvenimenti idroakustiċi jittejbu permezz ta' funzjonijiet ġodda bbażati fuq il-PMCC fi ħdan l-NDC-in-a-Box, li jtejbu l-kapaċità taċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDC) li jirriproduċu prodotti idroakustiċi tal-IDC.

—

Fil-Ġappun jitħaddmu u jinżammu tliet sistemi trasportabbli ta' monitoraġġ tar-radjuksenon, li jtejbu l-fehim tal-varjabbiltà fl-isfond tar-radjuksenon u jappoġġaw il-verifika tas-CTBT.

—

Jiġu żviluppati żewġ moduli ġodda tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI li jospitaw il-komponent tar-radjonuklide tal-laboratorju. L-outputs jinkludu proċeduri u konfigurazzjonijiet operazzjonali standardizzati żviluppati kemm għall-komponenti tar-radjonuklide kif ukoll għall-komponenti tal-gass nobbli tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI.

—

Tliet sessjonijiet ta' taħriġ/workshops reġjonali, u żewġ sessjonijiet ta' taħriġ tas-SeisComP jiġu organizzati biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-persunal tal-NDC, b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa.

—

Jiġu installati u miżmuma sa tnax-il Sistema ta' Bini tal-Kapaċità (CBS) għall-akkwist, l-ipproċessar u l-analiżi ta' data sismika, idroakustika u infrasound (SHI) u radjonuklide.

—

Kors Introduttorju Reġjonali ta' Spezzjoni fuq il-Post (RIC-27) wieħed jingħata fir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew, li jipprovdi taħriġ lil esperti tekniċi mill-Istati Firmatarji.

—

Parteċipazzjoni ta' mill-inqas 13-il espert tekniku mill-Istati Firmatarji li qed jiżviluppaw f'kull sessjoni biannwali tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Verifika fl-2027 u l-2028.

—

Il-Grupp ta' Mexxejja Żgħażagħ tas-CTBT jissaħħaħ bħala pjattaforma għall-involviment u s-sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti żgħażagħ u l-istudenti. Aktar minn 50 żagħżugħ u żagħżugħa jitħarrġu permezz ta' inizjattivi mmirati ta' bini tal-kapaċità u opportunitajiet ta' networking, u jiġu stabbiliti sħubijiet strateġiċi ma' organizzazzjonijiet oħra.

—

Mill-inqas 40 mara fil-bidu tal-karriera tagħhom jiġu appoġġati permezz ta' żewġ ċikli tal-Programm ta' Mentoraġġ mill-2027 sal-2029, li jibbenefikaw minn mentoraġġ individwali, attivitajiet ta' żvilupp professjonali, opportunitajiet ta' networking, u involviment ma' esperti u sħab tas-CTBTO.

—

Is-CTBTO twettaq serje ta' attivitajiet dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa (GEWE) fuq bażi annwali.

Tul ta' żmien

L-azzjoni hija mistennija li ddum għal total ta' 36 xahar.

L-Ewwel Pilastru: It-tisħiħ tal-infrastruttura teknoloġika u xjentifika

L-ewwel pilastru għandu l-għan li jikkonsolida u jsaħħaħ il-pedamenti teknoloġiċi u xjentifiċi tas-Sistema ta' Monitoraġġ Internazzjonali, il-kapaċitajiet ta' analiżi tad-data, u l-prontezza ta' spezzjoni fuq il-post tas-CTBTO.

Sostenn tal-Istazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji Ċertifikati tal-IMS

Kuntest

Il-proġett jindirizza l-isfida kontinwa tas-sostenn tal-prestazzjoni operazzjonali tal-120 stazzjon Sismiku Awżiljarju tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ, li huma komponent importanti tar-reġim ta' verifika tas-CTBT. Filwaqt li r-responsabbiltà għall-operat u l-manutenzjoni tal-istazzjon hija tal-pajjiżi ospitanti, riżorsi nazzjonali limitati jistgħu jwasslu għad-degradazzjoni gradwali tal-prestazzjoni u l-affidabbiltà tal-istazzjon maż-żmien.

L-attivitajiet ser jiffukaw fuq il-manutenzjoni mmirata u l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet fi stazzjonijiet bi prestazzjoni baxxa, bi prijorità mogħtija lil stazzjonijiet li jinsabu f'pajjiżi li qed jiffaċċaw restrizzjonijiet finanzjarji (primarjament riċevituri tal-ODA tal-OECD). Meta jkun ġustifikat, ser jiġu implimentati wkoll miżuri preventivi ta' manutenzjoni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u jitnaqqas ir-riskju ta' interruzzjoni fil-futur. L-interventi jistgħu jinkludu s-sostituzzjoni ta' tagħmir obsolet jew li ma għadux jintuża u titjib fil-provvista tal-enerġija, fis-sistemi tal-ert, u fl-infrastruttura ta' appoġġ.

Permezz ta' żjarat fl-istazzjonijiet u missjonijiet ta' appoġġ tekniku fuq il-post, l-operaturi ser jirċievu gwida prattika u taħriġ prattiku biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li joperaw, jagħmlu manutenzjoni u jsibu soluzzjoni għall-istazzjonijiet b'mod indipendenti. Dawn l-isforzi jikkomplementaw attivitajiet usa' ta' bini tal-kapaċità, inkluż korsijiet ta' taħriġ tekniku għall-operaturi tal-istazzjonijiet imwettqa fiċ-Ċentru Internazzjonali ta' Vjenna.

Eżiti mistennija

—

Prestazzjoni u affidabbiltà mtejba tal-istazzjonijiet awżiljarji mmirati tal-IMS permezz ta' manutenzjoni u titjib tat-tagħmir.

—

Kapaċità mtejba tal-operaturi tal-istazzjonijiet biex joperaw, jagħmlu manutenzjoni u jsibu soluzzjoni għall-istazzjonijiet awżiljarji.

Outputs mistennija

—

Il-manutenzjoni, is-sostituzzjoni tat-tagħmir, u t-titjib fl-infrastruttura implimentati f'minimu ta' sitt stazzjonijiet awżiljarji tal-IMS.

—

Titjib fid-disponibbiltà tad-data awtentikata (DA).

L-ipproċessar tal-istazzjonijiet idroakustiċi bl-użu tad-DTK-PMCC

Kuntest

Il-ħidma proposta tindirizza limitazzjoni attwali fil-kapaċità taċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) li jirriproduċu karatteristiċi u avvenimenti idroakustiċi tal-IDC. Id-data idroakustika tiġi pproċessata fl-IDC bl-użu ta' algoritmi ta' Estrazzjoni ta' Detezzjoni u ta' Karatteristiċi (Detection and Features eXtraction - DFX), ta' Proċessar tal-Istazzjonijiet (StaPro), u ta' Hydro Azimuth u Slowness Estimator (HASE), li jiġġeneraw detezzjonijiet idroakustiċi, karatteristiċi, u parametri tas-sors. Filwaqt li l-NDC-in-a-Box tappoġġa l-ipproċessar tad-data idroakustika, bħalissa ma tinkludix il-funzjonalità tal-HASE, u b'hekk tillimita r-riproduzzjoni tal-prodotti tal-IDC.

Filwaqt li jibni fuq il-ħidma ta' żvilupp preċedenti, il-proġett ser ikompli jadatta u jivvalida l-algoritmu tal-Korrelazzjoni Progressiva b'Diversi Kanali (PMCC) għall-applikazzjonijiet idroakustiċi. Il-PMCC diġà hija disponibbli fl-NDC-in-a-Box u wriet il-kapaċità li tirriproduċi r-riżultati tad-DFX u tal-iStaPro tal-IDC, b'riżultati promettenti għall-estrazzjoni tal-karatteristiċi idroakustiċi u għall-outputs tal-HASE. Il-proġett ser ilesti din il-kapaċità, u b'hekk jippermetti lill-NDCs jiġġeneraw karatteristiċi u avvenimenti idroakustiċi konsistenti mal-ipproċessar tal-IDC u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' analiżi idroakustika fir-reġim kollu ta' verifika tas-CTBT.

Eżitu mistenni

—

Kapaċità mtejba tal-NDCs kollha li jirriproduċu karatteristiċi u avvenimenti idroakustiċi tal-IDC bl-użu tal-PMCC fl-NDC-in-a-Box, filwaqt li titjieb il-konsistenza mal-prodotti tal-IDC u jissaħħu l-kapaċitajiet ta' analiżi idroakustika fir-reġim ta' verifika tas-CTBT.

Outputs mistennija

—

Metodoloġija validata bbażata fuq il-PMCC għar-riproduzzjoni tar-riżultati tal-ipproċessar idroakustiku tal-IDC.

—

Evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-(G)PMCC għall-klassifikazzjoni tal-fażi idroakustika, l-estrazzjoni tal-karatteristiċi, u l-ġenerazzjoni tal-avvenimenti.

—

Ir-riproduzzjoni ta' StaPro u HASE.

—

L-implimentazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar idroakustiku tal-PMCC fis-sistemi tal-IDC u fl-NDC-in-a-Box.

—

Software (G)PMCC aġġornat li kapaċi jirriproduċi karatteristiċi u avvenimenti idroakustiċi tal-IDC.

—

Dokumentazzjoni tal-utent u gwida prattika għall-ipproċessar tad-data idroakustika bl-użu tal-(G)PMCC.

Modernizzazzjoni taċ-Ċentru Virtwali għall-Isfruttament tad-Data (vDEC) tas-CTBTO

Kuntest

Iċ-Ċentru Virtwali għall-Isfruttament tad-Data (vDEC) tas-CTBTO jipprovdi lir-riċerkaturi u lill-istituzzjonijiet xjentifiċi b'aċċess għad-data tal-IMS u tal-IDC għall-applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2011 bl-appoġġ tal-UE, il-vDEC iffaċilita aktar minn 230 proġett ta' riċerka madwar id-dinja, li kkontribwew għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi, preżentazzjonijiet ta' konferenzi, u avvanzi fil-metodoloġiji ta' monitoraġġ.

Il-pjattaforma attwali tiddependi fuq infrastruttura u proċessi ta' appoġġ skaduti. L-utenti għandhom kapaċitajiet limitati ta' self-service biex jaċċessaw id-data u jinnavigaw il-bażi tad-data tal-IDC, li jirriżultaw f'domanda sinifikanti għall-assistenza teknika. Barra minn hekk, xi talbiet għad-data, b'mod partikolari għad-data dwar ir-radjonuklidi, jeħtieġu pproċessar u twassil manwali mill-Kummissjoni Preparatorja, u b'hekk titnaqqas l-effiċjenza operazzjonali.

Il-proġett ser jimmodernizza l-vDEC permezz ta' infrastruttura aġġornata, l-implimentazzjoni tas-servizzi tan-Network Sismografiku Diġitali tal-Federazzjoni (FDSN) għall-aċċess għad-data fil-forma ta' mewġa, ġestjoni u sigurtà mtejba tal-utenti, u pjattaforma ġdida bbażata fuq il-web għas-sottomissjoni u l-ġestjoni tat-talbiet għad-data. Dan it-titjib ser jissimplifika t-twassil tad-data, inaqqas l-ammont ta' xogħol amministrattiv, u jipprovdi lill-utenti b'aċċess aktar effiċjenti u sigur għar-riżorsi tad-data tas-CTBTO.

Eżiti mistennija

—

Esperjenza mtejba tal-utent.

—

Sigurtà u ġestjoni tal-utenti mtejba.

—

Effiċjenza operazzjonali akbar permezz ta' proċessi simplifikati ta' talba u twassil tad-data.

—

Kontribut għar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni.

Outputs mistennija

—

Interfaċċa ġdida tal-utent.

—

FDSN għal data fil-forma ta' mewġa.

—

Profili tal-utenti ġodda u aktar siguri.

—

Servizz personalizzat li jipprovdi data mis-server vDEC lill-utent.

—

Server imġedded.

—

Manwal aġġornat.

BEST-ATM – Valutazzjoni Komparattiva u Evalwazzjoni għall-immudellar Strateġiku tal-ATM

Kuntest

L-Immudellar tat-Trasport Atmosferiku (ATM) jissimula t-trasport u t-tixrid ta' gassijiet u partikoli fl-atmosfera u huwa komponent kritiku tal-monitoraġġ tar-radjonuklidi. Jappoġġa l-verifika tat-trattati, il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni, u l-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja billi jippermetti l-attribuzzjoni ta' konċentrazzjonijiet ta' radjonuklidi osservati għal reġjuni sors potenzjali. Il-qafas ta' mmudellar operazzjonali attwali pprovda appoġġ affidabbli għal ħafna snin; madankollu, l-avvanzi fit-tekniki tal-immudellar, l-Assimilazzjoni tad-Data (DA), il-kapaċitajiet komputazzjonali, u r-rekwiżiti analitiċi jiġġustifikaw rivalutazzjoni sistematika tal-approċċi operazzjonali.

Il-ħidma proposta ser tagħmel valutazzjoni komparattiva u tevalwa l-konfigurazzjonijiet operazzjonali tal-ATM biex tidentifika l-aktar approċċi effettivi għall-monitoraġġ tar-radjonuklidi. Dan jinkludi l-valutazzjoni tal-adegwatezza kontinwa tal-metodoloġiji attwali, l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet għal titjib, u l-evalwazzjoni ta' strateġiji komplementari ta' mmudellar biex jissaħħu r-robustezza u l-fiduċja fir-riżultati operazzjonali. Il-ħidma ser tipprovdi wkoll pedament ibbażat fuq l-evidenza għall-ippjanar futur tal-infrastruttura komputazzjonali billi tivvaluta r-relazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-immudellar, ir-rekwiżiti operazzjonali, u l-ħtiġijiet tar-riżorsi.

Eżiti mistennija

—

Pedamenti xjentifiċi u operazzjonali msaħħa tal-monitoraġġ tar-radjonuklidi.

—

Fiduċja msaħħa fir-riżultati tal-immudellar operazzjonali.

—

Reżiljenza akbar u tħejjija futura tas-sistema ta' monitoraġġ.

—

Bażi mtejba għat-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi u l-ippjanar tal-infrastruttura.

Outputs mistennija

—

Rapport dwar il-parametraġġ referenzjarju u l-valutazzjoni operazzjonali.

—

Pakkett ta' rakkomandazzjonijiet għall-immudellar operazzjonali futur.

—

Rekwiżiti komputazzjonali u gwida tal-infrastruttura.

—

Qafas ta' referenza u dokumentazzjoni tal-komunità.

—

Involviment tal-partijiet ikkonċernati u attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien.

Qafas Integrat tal-Inċertezza għall-Prodotti tal-IDC ibbażati fuq l-ATM tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (IUF-ATM)

Kuntest

L-ATM jintuża flimkien ma' kejl tar-radjonuklidi biex jiġu identifikati reġjuni sors potenzjali ta' radjonuklidi identifikati, u jipprovdi għodda importanti għall-verifika tas-CTBT. Madankollu, kemm il-kejl kif ukoll ir-riżultati tal-immudellar huma soġġetti għal inċertezzi, u dan jagħmel il-kwantifikazzjoni tal-inċertezza essenzjali għall-analiżi infurmata u għat-teħid ta' deċiżjonijiet.

B'appoġġ mill-UE, is-CTBTO żviluppat qafas kollettiv biex tikkwantifika l-inċertezzi relatati mal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-ATM. Filwaqt li tibni fuq dan il-pedament, il-ħidma proposta ser tintegra l-informazzjoni dwar l-inċertezza direttament fil-prodotti u l-funzjonalitajiet tal-IDC ibbażati fuq l-ATM. Dan iwieġeb għat-talbiet mill-Istati Firmatarji għal prodotti tal-ATM li jikkomunikaw l-inċertezza b'mod aktar espliċitu u jtejbu l-valur analitiku u r-rilevanza operazzjonali tal-valutazzjonijiet tar-radjonuklidi u tal-prodotti ta' monitoraġġ.

Eżiti mistennija

—

Użu usa' ta' prodotti tal-ATM konxji mill-inċertezza għall-valutazzjoni tad-detezzjonijiet tar-radjonuklidi u l-prestazzjoni tan-network.

—

Kapaċitajiet ta' verifika mtejba tal-Istati Firmatarji, li ser ikunu jistgħu jinkorporaw l-inċertezza tal-ATM fil-valutazzjonijiet tagħhom tad-detezzjonijiet tar-radjonuklidi, filwaqt li tiżdied ir-robustezza u jitnaqqsu l-interpretazzjonijiet preġudikati.

—

Tħejjija operazzjonali mtejba tal-IDC, b'funzjonalitajiet tal-ATM konxji mill-inċertezza integrati fil-flussi tax-xogħol u fir-rapporti ta' rutina.

Outputs mistennija

—

Oqsma ta' Interess (FORs) konxji mill-inċertezza għall-appoġġ tal-identifikazzjoni tar-reġjun sors.

—

Prodotti ta' rikostruzzjoni tas-sors issupplimentati bi stimi ta' inċertezza għall-post, il-ħin u s-saħħa tal-emissjonijiet.

—

Prodotti tal-fużjoni tad-data konxji mill-inċertezza li jintegraw l-informazzjoni dwar ir-radjonuklidi u l-forma tal-mewġ.

Source-Term Assessment and Reasoning Software (STARS)

Kuntest

L-espansjoni tal-attivitajiet nukleari ċivili qed iżżid il-livelli ta' sfond tar-radjuksenon globali, u dan jagħmilha aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-emissjonijiet industrijali ta' rutina u t-traċċi rilevanti għall-verifika tas-CTBT. Fl-istess ħin, volumi dejjem akbar ta' data tal-IMS dwar il-gass nobbli qed iżidu l-pressjoni analitika fuq il-persunal espert.

Biex jindirizza dawn l-isfidi, STARS ser jiżviluppa prototip ta' għodda biex jappoġġa l-karatterizzazzjoni inizjali ta' postijiet sors probabbli u l-punti b'saħħithom tar-rilaxx tal-emissjonijiet tar-radjukseno marbuta mal-industrija. Billi tipprovdi qafas analitiku strutturat u trasparenti, l-għodda ser ittejjeb il-konsistenza fil-valutazzjonijiet fuq termini tas-sors u ser tinforma l-evalwazzjonijiet futuri tal-operabbiltà.

Eżiti mistennija

—

Kapaċità mtejba għall-valutazzjoni u l-interpretazzjoni tas-sorsi tar-radjuksenon marbuta mal-industrija bl-użu ta' flussi tax-xogħol strutturati ta' mmudellar invers.

—

Valutazzjonijiet aktar rapidi u aktar konsistenti.

—

Kapaċità analitika mtejba permezz tat-taħriġ tal-persunal u l-applikazzjoni ta' STARS.

—

Sostenibbiltà mtejba u trasferiment tal-għarfien permezz ta' metodoloġiji dokumentati, trasparenti u li jistgħu jinżammu.

—

Qafas ta' kollaborazzjoni msaħħaħ għall-evalwazzjoni u l-integrazzjoni futura tal-approċċi tal-fużjoni tad-data.

Outputs mistennija

—

Prototip v1.0 ta' STARS għall-karatterizzazzjoni inizjali tat-termini tas-sors tal-emissjonijiet tar-radjuksenon marbuta mal-industrija bl-użu ta' metodi ATM u ta' inferenza.

—

Librerija ta' każijiet ta' referenza ta' xenarji storiċi u sintetiċi biex tappoġġa l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-valutazzjoni tal-operabbiltà.

—

Dokumentazzjoni teknika u tal-utent li tappoġġa l-implimentazzjoni, it-trasparenza, u l-kapaċità ta' manutenzjoni fit-tul.

—

Programm ta' taħriġ li jippermetti lill-persunal espert japplika STARS fi flussi tax-xogħol analitiċi u xenarji operazzjonali.

Assistenza lill-analisti matul is-sekwenzi tax-xokkijiet ta' wara – NET-VISA

Kuntest

L-analisti tal-IDC tipikament jirrieżaminaw madwar 100 avveniment sismiku kuljum, bil-volumi jiżdiedu għal 300 jew aktar matul sekwenzi ewlenin tax-xokkijiet ta' wara. Dawn iż-żidiet joħolqu konġestjonijiet operazzjonali, jillimitaw ir-rieżami komprensiv tal-avvenimenti u jdewmu l-produzzjoni tal-bullettini tal-IDC.

Biex tiġi indirizzata din l-isfida, il-proġett ser jintroduċi software li jippermetti l-identifikazzjoni u l-ipproċessar rapidi ta' sekwenzi tax-xokkijiet ta' wara bl-użu tal-algoritmu stabbilit sew tal-Empirical Matched Field Processing (EMFP). Billi tidentifika raggruppamenti ta' avvenimenti sismiċi simili, l-għodda ser tippermetti lill-analisti jirrikonoxxu u jipproċessaw ix-xokkijiet ta' wara b'mod kollettiv aktar milli individwalment. Din il-kapaċità ser ittejjeb l-effiċjenza tal-fluss tax-xogħol matul perjodi ta' volum għoli, tappoġġa r-rilaxx f'waqtu tal-prodotti tal-IDC, u ttejjeb ir-rispons tal-operazzjonijiet ta' monitoraġġ.

Eżiti mistennija

—

Kwalità u affidabbiltà mtejba tal-bullettini sismiċi awtomatiċi, li jipprovdu bażi aktar b'saħħitha għar-rieżami tal-analisti.

—

Ipproċessar aktar effiċjenti u f'waqtu ta' avvenimenti sismiċi matul sekwenzi tax-xokkijiet ta' wara ta' volum għoli, li jappoġġa r-rilaxx f'waqtu tal-bullettini tal-IDC ta' kuljum (Bullettin tal-Avvenimenti Rivedut).

—

Assoċjazzjoni mtejba tal-avvenimenti sismiċi, li tirriżulta f'karatterizzazzjoni aktar preċiża u konsistenti tal-avvenimenti qabel ir-rieżami tal-analisti.

Outputs mistennija

—

Għodda ta' appoġġ għall-analisti integrata mas-Sistema ta' Analiżi tal-Analisti (ARS), li tippermetti l-identifikazzjoni u l-ipproċessar effiċjenti ta' sekwenzi tax-xokkijiet ta' wara.

—

It-tisħiħ tal-assoċjatur NET-VISA permezz tal-integrazzjoni tad-detezzjonijiet EMFP, filwaqt li titjieb l-assoċjazzjoni tas-sinjali u l-kwalità tal-bullettini sismiċi awtomatiċi.

It-Tħaddim ta' Sistemi Trasportabbli ta' Gass Nobbli fil-Ġappun

Kuntest

L-isotopi tal-ksenon radjuattivi huma prodotti kemm minn splużjonijiet nukleari kif ukoll minn faċilitajiet nukleari ċivili, u b'hekk l-għarfien tal-isfond tar-radjuksenon ċivili huwa essenzjali għall-verifika tas-CTBT. Il-fehim ta' kif il-konċentrazzjonijiet tar-radjuksenon ivarjaw maż-żmien u bejn il-postijiet jgħin biex jittejbu l-interpretazzjoni tad-detezzjonijiet tal-IMS u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tan-network.

Bl-appoġġ tal-UE, is-CTBTO stabbiliet u operat network ta' sistemi tar-radjuksenon trasportabbli fi tliet postijiet fil-Ġappun, jiġifieri f'Honorobe, Mutsu u Fukuoka, li joperaw maġenb l-istazzjon tal-IMS f'Takasaki. L-attivitajiet ippjanati għandhom l-għan li jkomplu l-akkwiżizzjoni tad-data, filwaqt li jibnu fuq l-appoġġ finanzjarju antiċipat mill-Gvern tal-Ġappun. Huwa meħtieġ finanzjament komplementari biex jiġu sostnuti l-attivitajiet ta' operat u manutenzjoni matul is-sentejn ta' wara biex jiġi żgurat ġbir ta' data mingħajr interruzzjoni.

Is-sett ta' data li jirriżulta ser jiġi kondiviż mal-Istati Firmatarji u r-riċerkaturi, u jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-livelli ta' sfond tar-radjuksenon u l-impatt tagħhom fuq l-attivitajiet ta' verifika tas-CTBT.

Eżiti mistennija

—

Għarfien imtejjeb tal-varjabbiltà spazjali u temporali tal-kejl tar-radjuksenon, li jippermetti fehim aħjar ta' kemm tista' tinkiseb informazzjoni mill-kejl fi stazzjon wieħed tal-IMS.

Outputs mistennija

—

Tħaddim sostnut tat-tliet sistemi ta' monitoraġġ tar-radjuksenon fil-Ġappun, li jipprovdu kejl kontinwu.

—

Sett tad-data li jappoġġa l-analiżi tal-varjabbiltà spazjali u temporali fil-konċentrazzjonijiet tal-isfond tar-radjuksenon.

Aġġornament tal-Infrastruttura tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI

Kuntest

Is-CTBT jipprevedi t-twettiq ta' Spezzjoni Fuq il-Post (OSI) biex jiġi ċċarat jekk splużjoni nukleari seħħitx bi ksur tat-Trattat. Biex tappoġġa din il-kapaċità, il-Kummissjoni Preparatorja tiżviluppa u żżomm it-tagħmir, il-proċeduri, u l-kunċetti ta' użu meħtieġa għal operazzjonijiet ta' spezzjoni effettivi.

Il-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI huwa komponent ewlieni ta' din il-kapaċità, li jipprovdi kejl u analiżi fuq il-post tal-kampjuni ambjentali miġbura matul spezzjoni. L-infrastruttura attwali tal-laboratorju tar-radjonuklidi (RN), żviluppata fl-2013, ġiet varata matul l-Eżerċizzju Integrat fuq il-Post tal-2014 u baqgħet fis-servizz permezz ta' attivitajiet ta' rinnovazzjoni u manutenzjoni.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni Preparatorja introduċiet kunċett modulari u standardizzat ta' skjerament ibbażat fuq pods ajrunawtiċi speċjalizzati mfassla biex itejbu l-effiċjenza tat-trasport u jippermettu skjerament rapidu. Filwaqt li l-komponent tal-Gass Nobli (NG) tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI diġà ġie migrat b'suċċess għal din is-sistema l-ġdida u ttestjat matul eżerċizzju ewlieni fuq il-post fl-2024, il-komponent RN jibqa' dipendenti fuq infrastruttura antika.

Din l-attività ser taġġorna l-komponent RN tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI billi tintegra t-tagħmir tal-laboratorju fis-sistema standardizzata ta' skjerament, ittejjeb it-trasportabbiltà, il-protezzjoni tat-tagħmir, u l-prontezza operazzjonali għall-iskjeramenti futuri tal-OSI.

Eżiti mistennija

—

Prontezza, kredibbiltà u skjerabbiltà mtejba tal-komponent tal-OSI tar-reġim ta' verifika tas-CTBT.

—

Protezzjoni, trasport, skjerament u kummissjonar imtejba tat-tagħmir tal-laboratorju matul l-operazzjonijiet tal-OSI.

—

Prontezza operazzjonali mtejba permezz ta' soluzzjonijiet tal-inġinerija li jappoġġaw l-użu sikur u effiċjenti tat-tagħmir tal-laboratorju eżistenti.

—

Kunċetti armonizzati ta' varar u tħaddim għar-radjonuklidi u għall-komponenti tal-laboratorju tal-gass nobbli, li jiffaċilitaw l-użu mit-Timijiet ta' Spezzjoni.

Outputs mistennija

—

Żewġ moduli aġġornati tal-Laboratorju fuq il-Post tal-OSI għall-komponent tar-radjonuklide (RN), integrati fis-sistema standardizzata ta' skjerament tal-pods ajrunawtiċi biex jappoġġaw it-trasport sikur u l-iskjerament rapidu.

—

Proċeduri operazzjonali standardizzati u konfigurazzjonijiet tal-iskjerament għall-komponenti tal-laboratorju tar-radjonuklidi (RN) u tal-gass nobbli (NG).

It-Tieni pilastru: Bini tal-kapaċità

It-tieni pilastru jsaħħaħ il-bini tal-kapaċità, li jippermetti lill-Istati Firmatarji - speċjalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw - jikkontribwixxu għar-reġim ta' verifika tas-CTBT u jibbenefikaw minnu.

Bini tal-kapaċità taċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data

Kuntest

Iċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) għandhom rwol ċentrali fir-riċeviment, l-ipproċessar, l-analiżi u l-interpretazzjoni tad-data tal-IMS u tal-prodotti tal-IDC. Filwaqt li ħafna Stati Firmatarji qed jużaw dejjem aktar dawn ir-riżorsi għal applikazzjonijiet ta' verifika, xjentifiċi u ċivili, il-prestazzjoni tal-NDC spiss tkun ristretta minn kapaċità teknika limitata, opportunitajiet ta' taħriġ insuffiċjenti, lakuni fl-infrastruttura, u sottorappreżentanza tan-nisa f'attivitajiet relatati mal-verifika.

Dan il-proġett ser isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-NDC permezz ta' taħriġ reġjonali u speċjalizzat, appoġġ tekniku espert, skjerament u manutenzjoni ta' Sistemi ta' Bini tal-Kapaċità (CBS), u attivitajiet immirati biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-għarfien espert tan-nisa fil-verifika tas-CTBT. Billi jindirizza l-lakuni fil-kapaċità u jappoġġa ż-żamma tal-għarfien, il-proġett ser itejjeb l-operazzjonijiet tal-NDC u jsaħħaħ il-kontributi nazzjonali għar-reġim ta' verifika.

Il-ħidma hija strutturata madwar tliet komponenti:

—

Taħriġ u Workshops għall-Bini tal-Kapaċità

—

L-implimentazzjoni u s-Sostenibbiltà tas-CBS

—

Bootcamp tal-Inizjattiva She Shapes Science

Eżiti mistennija

—

Infrastruttura u kapaċitajiet imsaħħa tal-NDC għall-akkwist, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data (SHI u RN), appoġġati minn soluzzjonijiet tas-CBS varati u miżmuma.

—

Kapaċità msaħħa tal-persunal tal-NDC biex janalizza l-avvenimenti b'mod indipendenti, jipprovdi pariri tekniċi lill-awtoritajiet nazzjonali, u jikkontribwixxi b'mod aktar effettiv għall-attivitajiet ta' verifika reġjonali u internazzjonali.

Outputs mistennija

—

45 persunal tal-NDC imħarrġa permezz ta' taħriġ/sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u speċjalizzati.

—

Tliet sessjonijiet ta' ħidma u korsijiet ta' taħriġ reġjonali, u żewġ sessjonijiet ta' taħriġ tas-SeisComp.

—

Sa 12-il CBS varati, aġġornati, jew miżmuma biex jappoġġaw l-akkwist, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data SHI u RN.

—

L-appoġġ tekniku u l-assistenza ta' segwitu pprovduti biex tissaħħaħ il-prestazzjoni operazzjonali tal-NDC, inkluż l-ikkowċjar, l-individwazzjoni ta' soluzzjonijiet, il-manutenzjoni, u l-attivitajiet ta' żamma tal-għarfien.

—

Tmien nisa li jaħdmu fl-NDCs imħarrġa u mogħtija mentoraġġ permezz tal-Bootcamp tal-Inizjattiva She Shapes Science, u dan isaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-għarfien espert tekniku tagħhom fl-attivitajiet ta' verifika tas-CTBT.

Kors Introduttorju Reġjonali (RIC) tal-OSI – 2027 (l-Amerka Latina u l-Karibew)

Kuntest

Is-CTBT jipprevedi t-twettiq ta' Spezzjoni Fuq il-Post (OSI) biex jiġi ċċarat jekk splużjoni nukleari seħħitx bi ksur tat-Trattat. Sakemm jidħol fis-seħħ, is-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) iżomm l-istat ta' tħejjija operazzjonali tal-OSI permezz ta' programm strutturat ta' taħriġ u bini tal-kapaċità.

L-RICs tal-OSI jipprovdu għarfien fundamentali tat-Trattat u tal-metodoloġiji tal-OSI u jservu bħala l-punt ta' dħul ewlieni għall-Programm ta' Taħriġ Lineari tal-OSI għall-ispetturi ta' sostituzzjoni. L-esperjenza wriet li l-ospitar ta' RIC f'reġjun iżid in-nomini u l-parteċipazzjoni, u jikkontribwixxi għal diversità ġeografika akbar, ugwaljanza bejn il-ġeneri u rappreżentanza ta' gruppi sottorappreżentati fi ħdan ir-riżerva ta' taħriġ tal-OSI.

Wara t-twettiq b'suċċess tal-RIC-26 fl-Afrika fl-2024, u f'konformità mal-mudell ta' rotazzjoni reġjonali, l-RIC-27 huwa ppjanat għar-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew. L-attività ser issaħħaħ is-sostenibbiltà, l-inklużività u l-effettività tas-sistema ta' taħriġ tal-OSI u tappoġġa t-tħejjija fit-tul tar-reġim ta' verifika tas-CTBT.

Eżiti mistennija

—

Tħejjija operazzjonali msaħħa tal-OSI permezz ta' parteċipazzjoni akbar ta' esperti mir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew fir-riżerva ta' taħriġ tal-OSI.

—

Għarfien akbar tar-rekwiżiti tas-CTBT u tal-OSI fost l-esperti tekniċi mir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew.

—

Kapaċità msaħħa tal-Istati Firmatarji biex jinnominaw kandidati kwalifikati għall-Programm ta' Taħriġ Lineari tal-OSI, b'appoġġ għas-sostenibbiltà tar-roster tal-ispetturi ta' sostituzzjoni.

—

Grupp estiż ta' kandidati ta' spetturi ta' sostituzzjoni kwalifikati, b'diversità ġeografika mtejba, ugwaljanza bejn il-ġeneri u rappreżentanza ta' gruppi sottorappreżentati fi ħdan ir-riżerva ta' taħriġ tal-OSI.

—

Involviment reġjonali msaħħaħ mal-attivitajiet ta' taħriġ tas-CTBTO u r-reġim ta' verifika tas-CTBT.

Outputs mistennija

—

RIC wieħed imwassal fir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew.

—

Moduli preparatorji ta' tagħlim elettroniku żviluppati u magħmula disponibbli għall-parteċipanti magħżula kollha.

—

Sessjonijiet ta' tagħlim fil-klassi u ta' teknika prattika tal-OSI.

—

L-implimentazzjoni tal-eżerċizzju fuq il-post Capstone.

—

Aktar minn 30 espert tekniku mill-Istati Firmatarji jitħarrġu bl-użu ta' approċċ ta' tagħlim imħallat.

—

Rakkomandazzjonijiet u tagħlimiet meħuda dokumentati permezz ta' rapport ta' evalwazzjoni ta' wara l-kors.

Programm ta' Appoġġ għall-Esperti Tekniċi

Kuntest

Ħafna Stati Firmatarji li qed jiżviluppaw jiffaċċaw restrizzjonijiet finanzjarji li jillimitaw il-parteċipazzjoni tal-esperti tagħhom fil-laqgħat xjentifiċi u tekniċi tas-CTBTO. Dan jista' jnaqqas il-kontribut tagħhom għad-diskussjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mar-reġim ta' verifika, minkejja r-rwol importanti tagħhom fl-ospitar tal-istazzjonijiet tal-IMS u fl-istabbiliment tal-NDCs.

Stabbilit fl-2006, il-Programm ta' Appoġġ mill-Esperti Tekniċi (TESP) jappoġġa l-parteċipazzjoni ta' esperti kwalifikati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw f'laqgħat tekniċi uffiċjali tas-CTBTO. Bil-faċilitazzjoni tal-involviment tagħhom f'attivitajiet relatati mal-verifika, il-programm isaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi nazzjonali, jippromwovi l-iskambju tal-għarfien, u jtejjeb l-inklużività u d-diversità tal-ħidma teknika tal-Kummissjoni Preparatorja. Il-bilanċ bejn il-ġeneri u r-rappreżentanza ġeografika jibqgħu kriterji ewlenin tal-għażla.

Eżiti mistennija

—

Parteċipazzjoni akbar ta' esperti mill-Istati Firmatarji li qed jiżviluppaw fil-korpi tat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni Preparatorja.

—

Kapaċità teknika msaħħa fl-Istati Firmatarji li qed jiżviluppaw.

—

Inklużività, diversità u rappreżentanza ġeografika mtejba fil-ħidma teknika tal-Kummissjoni.

Outputs mistennija

—

52 espert tekniku mill-Istati Firmatarji li qed jiżviluppaw ikunu appoġġati biex jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma B.

—

Il-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri u ġeografikament diversa tal-esperti.

Mexxejja Żgħażagħ tas-CTBT

Kuntest

L-inizjattiva tal-Mexxejja Żgħażagħ tas-CTBT (CYL) tibni fuq is-suċċess tal-Grupp taż-Żgħażagħ tas-CTBTO (CYG), li mill-2016 involva kważi 2 000 żagħżugħ u żagħżugħa minn 137 pajjiż permezz tabini tal-kapaċià, ir-riċerka, u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm.

Fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tas-CTBT u l-10 anniversarju tas-CYG, l-inizjattiva ser tittrasforma n-network eżistenti fi pjattaforma globali taż-żgħażagħ aktar strutturata u sostenibbli. Filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda u l-konsultazzjonijiet tal-membri, is-CYL ser issaħħaħ l-involviment, it-tmexxija u l-promozzjoni taż-żgħażagħ b'appoġġ għas-CTBT, filwaqt li tiżgura rappreżentanza reġjonali bbilanċjata u parteċipazzjoni wiesgħa mill-Istati Firmatarji.

Eżiti mistennija

—

Kapaċità msaħħa ta' mexxejja żgħażagħ biex jippromwovu l-objettivi tas-CTBT u jmexxu inizjattivi mmexxija miż-żgħażagħ fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

—

Involviment aktar b'saħħtu u aktar divers taż-żgħażagħ b'appoġġ għall-universalizzazzjoni u d-dħul fis-seħħ tas-CTBT.

—

Parteċipazzjoni akbar ta' mexxejja żgħażagħ f'fora xjentifiċi, diplomatiċi u ta' politika li jindirizzaw is-CTBT, in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm.

—

Sensibilizzazzjoni u viżibbiltà globali estiżi tal-messaġġi relatati mas-CTBT permezz ta' involviment u pjattaformi diġitali mmexxija miż-żgħażagħ.

Outputs mistennija

—

Kumitat ta' Tmexxija mmexxi miż-Żgħażagħ operazzjonali biex jiggwida n-network tas-CYL.

—

Programm tal-bini tal-kapaċità mwettaq biex jissaħħu l-għarfien, it-tmexxija, il-promozzjoni u l-ħiliet ta' komunikazzjoni tal-membri.

—

Appoġġ ipprovdut għall-parteċipazzjoni tas-CYL f'fora xjentifiċi u diplomatiċi ewlenin li jindirizzaw is-CTBT, in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm.

—

L-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni u involviment immexxija miż-żgħażagħ, inkluż kampanji ewlenin tas-CTBTO (eż. il-Kampanja Globali tal-Arti, “Be the Voice of SnT2025”) u attivitajiet ġodda ffukati fuq iż-żgħażagħ.

—

In-Network tal-Alumni tas-CYL stabbilit biex isostni l-involviment u jippreserva l-għarfien istituzzjonali.

—

Prodotti ta' komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni żviluppati biex itejbu l-viżibbiltà u l-firxa tal-attivitajiet tas-CYL.

—

Sħubijiet strateġiċi msaħħa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet akkademiċi, gruppi ta' riflessjoni, u networks taż-żgħażagħ.

It-Trawwim ta' Aċċess Ugwali għall-Opportunitajiet

Kuntest

Fl-2022, b'appoġġ mill-UE, is-CTBTO nediet programm ta' mentoraġġ għan-nisa fil-bidu tal-karriera tagħhom fl-iSTEM biex tfakkar il-25 anniversarju tas-CTBT. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-programm lesta b'suċċess erba' ċikli u bħalissa qed jimplimenta l-ħames ċiklu tiegħu, filwaqt li jappoġġa 141 persuna mis-sitt reġjuni ġeografiċi kollha tas-CTBTO, il-maġġoranza tagħhom mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-programm ilaqqa' lin-nisa fil-bidu tal-karriera tagħhom ma' esperti tekniċi b'esperjenza, jgħinhom jespandu n-networks professjonali, isaħħu l-ħiliet, u jiksbu sensibilizzazzjoni akbar dwar l-opportunitajiet għall-karrieri fl-oqsma tal-iSTEM, in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u dawk relatati mas-CTBT. Il-mentoraġġ huwa kkomplementat minn seminars tematiċi, sessjonijiet ta' ħidma, u attivitajiet ta' żvilupp tal-ħiliet, li jikkontribwixxu għal riżerva dejjem tikber ta' professjonisti nisa kwalifikati.

Filwaqt li dawn l-isforzi jappoġġaw l-objettivi ta' sensibilizzazzjoni u reklutaġġ, il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri teħtieġ ukoll azzjoni sostnuta biex jiġu attirati, żviluppati u miżmuma nisa kwalifikati fil-PTS. Għalhekk, il-proġett ser jikkombina attivitajiet kontinwi ta' mentoraġġ ma' miżuri mmirati biex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol.

Eżiti mistennija

—

Riżerva estiża ta' nisa kwalifikati fil-bidu tal-karriera għal karrieri fl-iSTEM, in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u riżerva estiża ta' talent ta' esperti tekniċi nisa.

—

Sensibilizzazzjoni akbar dwar ir-reġim ta' verifika tas-CTBT u l-opportunitajiet professjonali relatati.

—

Qafas istituzzjonali msaħħaħ li jippromwovi l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa (GEWE).

Outputs mistennija

—

Mill-inqas 40 mara fil-bidu tal-karriera tagħhom ikunu appoġġati permezz tal-Programm ta' Mentoraġġ mill-2027 sal-2029.

—

It-twettiq tal-attivitajiet tal-GEWE u r-rapport dwarhom fil-proċess interorganizzattiv tan-Nazzjonijiet Uniti kull sena.

Implimentazzjoni, Monitoraġġ u Rappurtar tal-Azzjonijiet

Kuntest

Abbażi tal-esperjenza miksuba mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2064 tal-25 ta' Settembru 2023 u minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u l-kumplessità tal-attivitajiet proposti, huwa meħtieġ appoġġ iddedikat għall-ġestjoni tal-programm biex jiġu żgurati koordinazzjoni effettiva, implimentazzjoni f'waqtha, u monitoraġġ u rappurtar kontinwi tal-proġetti. Membru mhux tal-persunal iddedikat iservi bħala l-punt fokali ċentrali għall-attivitajiet iffinanzjati mill-UE, filwaqt li jappoġġa l-koordinazzjoni fid-Diviżjoni kollha u jiżgura rappurtar f'waqtu u preċiż lill-UE.

Eżiti mistennija

—

Koordinazzjoni u sorveljanza mtejba tal-attivitajiet iffinanzjati mill-UE.

—

Monitoraġġ, rappurtar u komunikazzjoni msaħħa mal-UE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2615/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)