KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑12 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑424/23
DYKA Plastics NV
vs
Fluvius System Operator CV
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill‑Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, Distrett ta’ Gent, il‑Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2014/24/UE — Artikolu 42 — Speċifikazzjonijiet tekniċi — Modi kif jiġu fformulati — Natura eżawrjenti tal-lista tal‑Artikolu 42(3) — Sejħa għal offerti li fiha huwa meħtieġ li jitwettqu xogħlijiet permezz ta’ katusi tal-ġebel jew tal-konkrit — Esklużjoni ta’ katusi tal-plastik — Riferiment għal tipi jew għal produzzjoni partikolari — Preferenza jew eliminazzjoni ta’ ċerti impriżi jew ċerti prodotti — Prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza”
|
1. |
Fluvius System Operator CV ( 2 ) tamministra n-network tad-drenaġġ tal-muniċipalitajiet tar-reġjun Fjamming (il-Belġju). Fil-kuntratti tagħha tax-xogħlijiet sabiex jinbnew jew jinbidlu l-kanalizzazzjonijiet, Fluvius teżiġi awtomatikament li l-katusi tal-evakwazzjoni tal-ilma tax-xita jkunu magħmula mill-konkrit u dawk tad-drenaġġ ikunu magħmula mill-ġebel. |
|
2. |
Kumpannija ddedikata għall-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ katusi tal-plastik talbet lill-qorti tar-rinviju ġġiegħel lil Fluvius tinkludi, b’mod ġenerali, dawn it-tipi ta’ katusi fil-kuntratti tagħha. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24/UE ( 3 ). Din id-dispożizzjoni tirregola l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti pubbliċi (f’dan il-każ, xogħlijiet). |
|
4. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà interpretat il-kunċett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi f’diversi sentenzi ( 4 ), ser ikollha tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2014/24
|
5. |
L-Artikolu 18 (“Prinċipji tal-akkwist [kuntratti]”) jistabbilixxi: “1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist [kuntratt] ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi. […]”. |
|
6. |
L-Artikolu 42 (“Speċifikazzjonijiet tekniċi”) jipprovdi: “1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista. […] 2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta’ akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] għall-kompetizzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
4. Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’. […]”. |
|
7. |
Fl-Anness VII (“Definizzjoni ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi”) jingħad: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]”. |
2. Id-Direttiva 2014/25
|
8. |
Il-premessa 24 tgħid: “L-entitajiet kontraenti li joperaw fis-settur tal-ilma tajjeb għax-xorb jistgħu jittrattaw ukoll attivitajiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ilma, bħall-proġetti fil-qasam tal-inġinerija idrawlika, l-irrigazzjoni, id-dranaġġ tal-art jew ir-rimi u t-trattament tad-dranaġġ. F’dan il-każ, l-entitajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu japplikaw il-proċeduri tal-akkwist [kuntratti pubbliċi] previsti f’din id-Direttiva fir-rigward tal-attivitajiet kollha tagħhom li għandhom x’jaqsmu mal-ilma, tkun xi tkun il-parti miċ-ċiklu tal-ilma kkonċernata. […]”. |
|
9. |
L-Artikolu 10 (“Ilma”) isemmi: “1. Għal dak li jirrigwarda l-ilma, din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin:
2. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kuntratti jew kompetizzjonijiet ta’ disinn mogħtija jew organizzati minn entitajiet kontraenti li jwettqu attività msemmija fil-paragrafu 1 u li huma marbutin ma’ wieħed minn dawn li ġejjin:
[…]”. |
B. Id-dritt Belġjan. Loi relative aux marchés publics du 17 juin 2016 (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) ( 5 )
|
10. |
L-Artikolu 5(1) jindika li awtorità kontraenti ma tistax tfassal kuntratt pubbliku bl-intenzjoni li teskludih mill-portata ta’ din il-liġi jew li tillimita l-kompetizzjoni artifiċjalment. Il-kompetizzjoni titqies li tkun ristretta artifiċjalment meta l-kuntratt ikun tfassal bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi. |
|
11. |
L-Artikolu 53(2), (3) u (4) jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 42(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/24. |
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
|
12. |
Fluvius hija responsabbli għall-kostruzzjoni, għall-ġestjoni u għall‑manutenzjoni tan-netwerks tad-drenaġġ fil-muniċipalitajiet tar-reġjun Fjamming. |
|
13. |
Fid-dokumenti tas-sejħiet għall-offerti tal-kuntratti pubbliċi tagħha għal xogħlijiet, Fluvius teżiġi “awtomatikament” li l-offerti jkunu limitati għal katusi tal-konkrit (għall-evakwazzjoni tal-ilma tax‑xita) jew tal-ġebel (għall-evakwazzjoni tad-drenaġġ). |
|
14. |
DYKA Plastics NV (iktar ’il quddiem “DYKA”), manifattriċi u fornitriċi ta’ katusi tal-plastik, issostni li din l-impożizzjoni hija diskriminatorja, peress li teskludiha mill-possibbiltà li tingħata l-kuntratti msejħa minn Fluvius. |
|
15. |
F’diversi okkażjonijiet, DYKA indirizzat lil Fluvius, fejn akkużatha bl-illegalità tal-politika tagħha dwar il-kuntratti pubbliċi:
|
|
16. |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, Fluvius irrispondiet li katusi tal-konkrit (porużi) sabiex jgħaddi l-ilma tax-xita u katusi tal-ġebel għar-rimi tad-drenaġġ biss setgħu jiġu inklużi fl-offerta. |
|
17. |
DYKA ppreżentat appell quddiem l-Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, Distrett ta’ Gent, il‑Belġju) billi allegat li l-użu ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi minn Fluvius jikser ir-regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi. Permezz tal-esklużjoni tal-katusi tal-plastik mis-sejħiet għall-offerti ta’ xogħlijiet tagħha mingħajr ebda raġuni, DYKA hija mċaħħda mill-possibbiltà li tingħata kuntratt, li b’mod ċar ixekkel il-kompetizzjoni ( 6 ). |
|
18. |
Fluvius tqis, għall-kuntrarju, li l-azzjoni tagħha hija legali, peress li:
|
|
19. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
20. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2023. |
|
21. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn DYKA, Fluvius, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. |
|
22. |
DYKA, Fluvius u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑30 ta’ Mejju 2024. |
IV. Evalwazzjoni
A. Id-Direttiva applikabbli
|
23. |
Għalkemm il-Kummissjoni biss irreferiet għal din il-kwistjoni fil-fażi bil-miktub tal-proċedura ( 8 ), għandu jiġi kkunsidrat jekk il-kuntratti ta’ xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ netwerks pubbliċi tar-rimi tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xita jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/25. |
|
24. |
Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-kuntratti li fihom Fluvius taġixxi bħala ġestjonarju ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass (li huma rregolati mid-Direttiva 2014/25) u dawk li l-għan tagħhom huwa l-installazzjoni ta’ netwerks tad-drenaġġ (li huma rregolati mid-Direttiva 2014/24). |
|
25. |
Madankollu, nemmen li din id-dikjarazzjoni teħtieġ verifika mill-qorti tar-rinviju ( 9 ) sabiex jiġi eskluż li Fluvius, bħala entità kontraenti, twettaq kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/25 (it-tħaddim ta’ netwerks fissi maħsuba sabiex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb lil dawk in-netwerks) ( 10 ). |
|
26. |
Jekk Fluvius tintervjeni wkoll f’din il-parti taċ-“ċiklu tal-ilma” ( 11 ), il-kuntratti kkontestati, li jinkludu xogħlijiet relatati mal-evakwazzjoni tad-drenaġġ, ikollhom ikunu konformi mad-Direttiva 2014/25, li l-Artikolu 10(2)(b) tagħha jirreferi espressament għal dawn it-tipi ta’ kuntratti. |
|
27. |
Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, għalkemm ir-regolamentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fid-Direttiva 2014/24 (Artikolu 42) u fid-Direttiva 2014/25 (Artikolu 60) hija sostanzjalment l-istess, ser niffoka fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel Direttiva. |
B. Marġni ta’ diskrezzjoni għall-inklużjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi
|
28. |
L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddefinixxu, fid-dokumenti kuntrattwali li jippubblikaw, il-karatteristiċi tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti li jipproponu li jakkwistaw fil-qafas tal-kuntratti pubbliċi. Fost dawn il-karatteristiċi hemm dawk li jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti jew servizzi rispettivi ( 12 ). |
|
29. |
Id-deskrizzjoni ppreġudikata ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tista’ timplika, mill-inqas, “ostaklu għad-dħul” sinjifikattiv għal ċerti offerenti u, f’każijiet estremi, tiddetermina minn qabel (anki b’mod frawdolenti) l-għażla finali tal-offerent rebbieħ, jekk jiġu ddikjarati karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi li huwa biss ikun f’pożizzjoni li joffrihom. |
|
30. |
Ix-xewqa li jiġu evitati l-prattiki irregolari u l-intenzjoni li “jitħalla l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni” wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi regoli f’dan ir-rigward. |
|
31. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt”. “Din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huma l-awtoritajiet kontraenti li għandhom l-aħjar għarfien tal-provvisti li huma jeħtieġu u li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa” ( 13 ). |
|
32. |
Għalhekk, bħala prinċipju, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti meta tinkorpora l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt jippermettilha tagħżel il-prodotti u l-materjali li bihom jitwettaq ix-xogħol ippjanat. |
|
33. |
Madankollu, il-libertà tal-għażla tal-awtorità kontraenti tkun ikkundizzjonata, fuq skala ikbar jew iżgħar, mis-suġġett tal-kuntratt u l-għan tiegħu:
|
|
34. |
Fil-kawża prinċipali, il-kunsiderazzjonijiet estetiċi huma assenti u d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti dwar il-materjali ammissibbli jistgħu jiġu ispirati, primarjament, minn kriterji ta’ rendiment jew fatturi oġġettivi ta’ natura funzjonali. Madankollu, ma jidhirx li dawn il-kriterji u fatturi ġew speċifikati fid-dettall dovut fid-dokumenti kuntrattwali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju ( 14 ). |
|
35. |
Minħabba r-rilevanza tagħhom, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu, bħall-għan u l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt, definiti b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura tal-għoti, jiġifieri, fl-avviż ta’ sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Huwa hekk biss li l-offerenti jkunu jistgħu jifhmu l-portata preċiża tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod ( 15 ). |
|
36. |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24 huma dawk “iddefiniti” fil-punt 1 tal-Anness VII. Dan tal-aħħar jgħid fil-punt (a) tiegħu xi tfisser “speċifikazzjoni teknika” fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet. |
|
37. |
Skont din id-dikjarazzjoni, speċifikazzjoni teknika hija meqjusa bħala t-totalità ta’ indikazzjonijiet tekniċi “li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal, prodott jew provvista, sabiex dawk jipprovdu l-użu li huma maħsuba għalih mill-awtorità kontraenti; dawk il-karatteristiċi jinkludu livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, disinn għar-rekwiżiti kollha (inkluża aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà) u valutazzjoni tal-konformità, prestazzjoni, sikurezza jew dimensjonijiet”. |
C. L-ewwel domanda preliminari
|
38. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “il-lista tal-modi ta’ kif għandhom jiġu fformulati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi” inkluża fl-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 hijiex eżawrjenti. |
|
39. |
Il-premessa li hija bbażata fuqha d-domanda hija li r-rekwiżit li l-katusi tal-kanalizzazzjoni jkunu magħmulin mill-konkrit jew mill-ġebel jikkostitwixxi, fih innifsu, speċifikazzjoni teknika. Il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża, il-Gvernijiet intervenjenti u l-Kummissjoni jaċċettaw din il-premessa, li dwarha dik il-qorti ma tesprimi ebda dubju. |
|
40. |
Waqt is-seduta, madankollu, qam dibattitu dwar din l-istess premessa, dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Anness VII tad-Direttiva 2014/24. Mill-qari tiegħu, seta’ jiġi dedott li l-indikazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal, prodott jew provvista biss kienu ser jinftiehmu bħala speċifikazzjonijiet tekniċi, iżda mhux ir-rekwiżit li x-xogħol isir b’materjal partikolari. |
|
41. |
Fil-fehma tiegħi, huwa rakkomandabbli li ma tiġix adottata pożizzjoni nominalista fuq dan il-punt. Fil-kawża prinċipali, anki bl-inċertezzi kollha li jirriżultaw mill-ommissjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rekwiżit li l-kanalizzazzjonijiet ikunu magħmula mill-konkrit jew mill-ġebel jirreferi kemm għal prodott (il-katusi) kif ukoll għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu (li l-materjal ta’ dawn il-katusi jkun tal-konkrit jew tal-ġebel). |
|
42. |
Mifhum b’dan il-mod, nemmen li l-premessa li hija bbażata fuqha d-deċiżjoni preliminari tista’ tiġi aċċettata. Li kieku ma tiġix aċċettata, id-domandi preliminari, kif abbozzati, ikunu ipotetiċi jew superfluwi. |
|
43. |
Il-“modi” ta’ espressjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fis-sens tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, huma speċifikati fl-ittri (a), (b), (c) u (d) ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li “l-formulazzjoni tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 ma tistabbilixxix ġerarkija bejn il-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u ma tagħti ebda preferenza lil wieħed minn dawn il-metodi” ( 17 ). |
|
44. |
L-awtorità kontraenti għandha għalhekk tuża wieħed jew iktar minn dawn il-metodi. L-espressjoni “għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin” ( 18 ) tindika li huwa katalgu magħluq. Il-leġiżlatur seta’ juża espressjonijiet miftuħa (bl-użu ta’ avverbji bħal “prinċipalment” jew “b’mod partikolari”) sabiex jippermetti metodi addizzjonali, iżda għażel lista preskrittiva u eżawrjenti ( 19 ). |
|
45. |
Dak li ntqal sa issa jkun biżżejjed sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif ġiet ifformulata. Il-bqija tal-kriterji ermenewtiċi tas-soltu (il-kuntest u l-għan tad-dispożizzjoni) ma jwasslux għal soluzzjoni differenti. |
|
46. |
L-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża jiffokaw, madankollu, fuq problema differenti minn dik li, strettament, hija proposta fl-ewwel domanda preliminari. Pjuttost, jinvolvu l-kwistjoni li jiġi ċċarat jekk l-użu obbligatorju ta’ katusi tal-konkrit jew tal-ġebel jistax jiġi inkluż f’xi waħda mill-modalitajiet tal-katalgu magħluq imsemmija fl-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, li DYKA tiċħad ( 20 ). |
|
47. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel li tidħol f’dan id-dibattitu, l-ewwel diffikultà sabiex issolvih hija, kif diġà semmejt, li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx fid-dettall il-kontenut tal-kundizzjonijiet fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni teknika kkontestata. |
|
48. |
Il-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettix li jinftiehem jekk fil-kundizzjonijiet, flimkien mal-aċċenn għall-katusi tal-konkrit jew tal-ġebel, hemmx dettalji oħra (li jkun loġiku), bħal, pereżempju, li jaderixxu ma’ xi regola jew standard partikolari. |
|
49. |
Fluvius irrimedjat din l-ommissjoni waqt is-seduta, wara mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija indikat li l-kundizzjonijiet tagħha mhux biss jinkorporaw l-aċċenn għall-konkrit jew il-ġebel, iżda wkoll karatteristiċi oħra tal-katusi, kif ukoll riferimenti għar-regoli tekniċi Belġjani dwar is-sistemi ta’ kanalizzazzjoni. |
|
50. |
Minn din id-dikjarazzjoni (li għandha tiġi vverifikata, għal darba oħra, mill-qorti tar-rinviju), tista’ tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-ispeċifikazzjoni teknika inkwistjoni f’waħda jew iktar mill-punti tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24. |
1. Konformità mal-Artikolu 42(3)(a) tad‑Direttiva 2014/24
|
51. |
Id-dokumenti kuntrattwali kkontestati jkunu konformi ma’ dan il-punt jekk jimponu ċerti rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali fuq il-kanalizzazzjonijiet. Dan ikun il-każ jekk ikun fihom rekwiżiti relatati, pereżempju, mar-riġidità tagħhom, mar-reżistenza tagħhom għal bidliet fit-temperatura, mal-istabbiltà tagħhom, mal-impermeabbiltà tagħhom, mal-karatteristiċi ambjentali tagħhom jew ma’ proprjetajiet fiżiċi jew mekkaniċi oħra. |
|
52. |
Fluvius issostni ( 21 ) li l-ispeċifikazzjoni teknika meħtieġa hija bbażata fuq rekwiżiti relatati mal-ħajja utli tal-materjal użat u l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tiegħu, jew in-natura ambjentali (in-natura riċiklabbli, il-produzzjoni tal-iskart u l-inkorporazzjoni tiegħu taħt l-art). Dawn għalhekk ikunu rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali. |
|
53. |
Kif diġà tennejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni dwar il-kontenut tad-dokumenti kuntrattwali. Il-qorti tar-rinviju sempliċement indikat li, f’dawn id-dokumenti, Fluvius ma stabbilixxietx rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali tal-kanalizzazzjonijiet li jippermettu li jiġu offruti soluzzjonijiet tekniċi oħrajn ( 22 ). |
|
54. |
Jekk tiġi segwita l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar dan id-dettall, id-dokumenti kuntrattwali ma jinkludux rekwiżiti funzjonali b’livell ta’ preċiżjoni suffiċjenti, u għalhekk ma jkunx applikabbli l‑Artikolu 42(3)(a) tad-Direttiva 2014/24. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-parametri (tal-ispeċifikazzjoni teknika fformulata f’termini tar-rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali) ikunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt. |
2. Konformità mal-Artikolu 42(3)(b) tad‑Direttiva 2014/24
|
55. |
Skont Fluvius ( 23 ) u l-Kummissjoni ( 24 ), l-ispeċifikazzjoni kkontestata hija konformi mal-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24. DYKA ssostni l-kontra. |
|
56. |
Għal Fluvius u l-Kummissjoni, il-punt (b) jagħmel distinzjoni bejn riferimenti għal “speċifikazzjonijiet tekniċi”, minn naħa, u “regoli” (jew standards), min-naħa l-oħra. Fir-rigward tal-ewwel, il-punt 1 tal‑Anness VII jippermetti li s-sempliċi identifikazzjoni tal-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal jew prodott tiġi aċċettata bħala speċifikazzjoni teknika. |
|
57. |
Fis-seduta ġiet diskussa ħafna l-interpretazzjoni tal-ewwel frażi tal-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24. Il-kliem tiegħu jista’ jissejjaħ tawtoloġiku meta jistabbilixxi li “l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati […] permezz ta’ referenza [riferiment] għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi […]”. Hemm żewġ pożizzjonijiet f’dan ir-rigward:
|
|
58. |
Fil-verità, dan id-dibattitu jitlef parti mill-interess tiegħu (jew iżommu f’termini purament astratti jew akkademiċi) jekk jiġi ammess, kif sostniet Fluvius waqt is-seduta, li d-dokumenti kuntrattwali mfassla minnha kienu jinkludu riferimenti espliċiti għal standards tekniċi Belġjani. Jekk huwa hekk, nifhem illi dawn id-dokumenti jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt tax-xogħlijiet permezz tal-formula fl-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24. |
|
59. |
Fi kwalunkwe każ, sabiex ma jiġix evitat id-dibattitu fl-astratt, nemmen li l-ewwel waħda mit-teżijiet diskussi taqbel l-aħjar mad-dispożizzjoni (għalkemm it-tnejn li huma għandhom argumenti sodi favur tagħhom). Hemm żewġ raġunijiet li jwassluni nipproponi din is-soluzzjoni. |
|
60. |
L-ewwel, li tillimita l-punt (b) għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi standardizzati jkun ifisser it-tneħħija ta’ dawk li ma humiex standardizzati, jiġifieri, il-bqija tar-rekwiżiti tekniċi li awtorità kontraenti tista’ tinkludi fid-dokumenti kuntrattwali tagħha mingħajr ma tirreferi għal regoli tekniċi predeterminati (standards) ( 26 ). |
|
61. |
Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, xejn ma jżomm — u dan jiġri spiss — li l-kuntratti għal xogħlijiet jinkludu rekwiżiti tekniċi li, skont id-definizzjoni fil-punt 1(a) tal-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, ma jiġux espressi b’riferiment għal regoli tekniċi (standards), u lanqas f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali. L-adozzjoni tat-tieni teżi msemmija hawn fuq tkun tfisser li dawn it-tipi ta’ rekwiżiti ma jkunu jistgħu jiġu kklassifikati fl-ebda waħda mill-punti tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24. |
|
62. |
Fit-tieni lok, huwa preċiżament l-Anness VII tad-Direttiva 2014/24 li jiddefinixxi x’inhu mfisser bi “speċifikazzjoni teknika”, u jagħmel riferiment għall-Artikolu 42(1) tagħha. Il-formoli (jew “modi”) fil-bihom għandhom jiġu espressi dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma mfissra fl-Artikolu 42(3), iżda l-kunċett innifsu, għall-kuntratti ta’ xogħlijiet, jinsab fil-punt 1(a) tal-Anness VII. |
|
63. |
Minn din il-perspettiva, rekwiżit “[…] li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal [jew] prodott”, kif indikat fil‑punt 1(a) tal-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, jista’ jiġi kklassifikat bħala speċifikazzjoni teknika u, għalhekk, jiġi inkluż fl-ewwel frażi tal‑Artikolu 42(3)(b) tagħha, għalkemm, nerġa’ nirrepeti, ma jkunu qiegħed jirreferi għal ebda regola (standard). |
3. Konklużjoni intermedja
|
64. |
Fil-qosor:
|
D. It-tieni u t-tielet domandi preliminari
|
65. |
It-tieni u t-tielet domandi preliminari, li jistgħu jiġu indirizzati flimkien, jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24. |
|
66. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, permezz ta’ dawn id-domandi, jekk ir-riferimenti għall-katusi tal-ġebel jew tal-konkrit:
|
|
67. |
L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprojbixxi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt jinkludu ċerti riferimenti ( 27 ) meqjusa, bħala prinċipju, direttament jew indirettament ta’ preġudizzju għall-ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni. Il-projbizzjoni tapplika “sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt”. |
|
68. |
F’każijiet eċċezzjonali, dawn ir-riferimenti huma wkoll awtorizzati “fejn deskrizzjoni preċiża u intelliġenti [intelliġibbli] biżżejjed tal-kontentut tas-suġġett tal-kuntratt skond il-[paragrafu] 3” ( 28 ). |
|
69. |
Il-pożizzjonijiet tal-partijiet u l-intervenjenti fir-rinviju, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari, huma maqsuma:
|
|
70. |
Jiena ser nindirizza dawn id-domandi billi nanalizza l-portata tal-projbizzjoni u l-eċċezzjonijiet ammissibbli u, imbagħad, napplika dik l-analiżi għat-tilwima oriġinali. |
1. Portata tal-projbizzjoni
|
71. |
L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprojbixxi, kif diġà stqarrejt, illi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt jinkludu ċerti riferimenti. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ din il-kawża, ikunu dawk relatati ma’ “tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti” ( 29 ). |
|
72. |
Fil-fehma tiegħi, ir-riferiment għall-ġebel u l-konkrit bħala materjali obbligatorji, skont id-dokumenti kuntrattwali, tirreferi għal “tip” ta’ katusi jew għal “produzzjoni partikolari”. Skont l-argument ta’ DYKA, il-ġebel u l-konkrit ma humiex materjali naturali (bħall-injam), iżda pjuttost materjali “prodotti” bħala riżultat ta’ proċess partikolari ta’ manifattura artifiċjali. L-għażla tagħhom loġikament tibbenefika lil dawk li jipproduċu jew jipprovdu katusi tal-ġebel u tal-konkrit u għandha l-effett (inevitabbli) li telimina lil dawk li joffru dawk magħmulin mill-plastik jew kwalunkwe materjal ieħor. |
|
73. |
Kuntrarjament għat-teżi ta’ Fluvius, jiena naħseb illi l-projbizzjoni ma toperax biss meta l-ispeċifikazzjonijiet iwasslu għall-għażla ta’ manifattur wieħed, iżda wkoll meta tillimita ċ-ċirku ta’ kandidati għal diversi (jiġifieri għal dawk kollha li jimmanifatturaw tip ta’ katusi tal-konkrit jew tal-ġebel) u telimina lil dawk li jipproduċu katusi tal-plastik. |
|
74. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tista’ tqis li, oġġettivament, ir-riferiment għall-katusi tad-drenaġġ tal-konkrit jew tal-ġebel li tinsab fid-dokumenti tal-kuntratt taqa’ fil-portata tal-projbizzjoni. Wieħed irid jara jekk, minkejja kollox, dan huwiex iġġustifikat. |
2. Eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni
a) Ġustifikazzjoni skont is-suġġett tal-kuntratt
|
75. |
L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti li l-projbizzjoni analizzata tingħeleb meta dan ikun “ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt”. |
|
76. |
Ċertament, f’każijiet partikolari s-suġġett tal-kuntratt inevitabbilment jiddetermina minn qabel l-għażla ta’ wieħed mill-komponenti tax-xogħlijiet, bl-esklużjoni simultanja tal-oħrajn ( 30 ). |
|
77. |
Jekk l-awtorità kontraenti tixtieq tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni, hija ser ikollha tispjega għaliex is-suġġett tal-kuntratt jiġġustifika l-preżenza ta’ speċifikazzjoni teknika li, bħala prinċipju, ma tikkonformax mal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24. |
|
78. |
Nifhem illi din l-ispjegazzjoni għandha tidher fid-dokumenti kuntrattwali. Huwa fihom, preċiżament, fejn l-awtorità kontraenti għandha tinforma (lil offerenti futuri) bir-raġunijiet għalfejn is-suġġett tal-kuntratt ikun jeħtieġ dik l-ispeċifikazzjoni u mhux oħra. Huwa hekk biss li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet jew jikkontestawhomx ( 31 ). |
b) Awtorizzazzjoni eċċezzjonali minħabba l-impossibbiltà li tingħata deskrizzjoni dettaljata tas-suġġett tal-kuntratt
|
79. |
L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti, bħala eċċezzjoni, l-awtorizzazzjoni ta’ xi wħud mir-riferimenti pprojbiti, jekk ma tkunx possibbli “deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3”. |
|
80. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti imponietx livell ammissibbli ta’ rekwiżiti għall-prodotti jew il-materjali li minnhom jiġu manifatturati l-prodotti. L-awtorità kontraenti hija libera li tistabbilixxi dan il-livell ta’ rekwiżit, iżda għandha tiġġustifika, b’mod preċiż u leġġibbli, għaliex id-deċiżjoni tagħha tikkorrispondi għas-suġġett tal-kuntratt. |
|
81. |
Għal darba oħra, in-nuqqas (fid-deċiżjoni tar-rinviju) ta’ informazzjoni dwar il-kontenut iddettaljat tal-ispeċifikazzjonijiet jagħmilha impossibbli li jkun magħruf jekk dawn kinux jinkludu jew le din id-deskrizzjoni preċiża u leġġibbli. Il-qorti tar-rinviju biss hija f’pożizzjoni li tiċċara dan u tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà jew l-impossibbiltà tal-awtorità kontraenti sabiex tinkludiha fid-dokumenti kuntrattwali. |
c) Il-kliem “jew ekwivalenti”
|
82. |
L-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 jeżiġi f’żewġ paragrafi tiegħu li r-riferimenti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkunu akkumpanjati mill-“kliem ‘jew ekwivalenti’”: dawn huma l-paragrafu (3)(b) in fine, u l-paragrafu (4), ukoll in fine. |
|
83. |
Is-sens finali ta’ din id-dispożizzjoni doppja hija li tagħti lill-operaturi ekonomiċi aċċess ugwali għall-proċedura ta’ kuntrattazzjoni. Il-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistax jimplika “[il-ħolqien ta’] xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] għall-kompetizzjoni” ( 32 ). |
|
84. |
L-eċċezzjoni mdaħħla fl-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, preċiżament minħabba li tista’ tiffavorixxi lil ċerti produtturi u teskludi oħrajn, hija mmitigata bir-rekwiżit li r-riferiment għandu jkun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”. Din teżiġi kundizzjoni doppja: a) li r-riferiment ikun meħtieġ sabiex jipprovdi deskrizzjoni preċiża u leġġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt; u b) li jkun akkumpanjat bil-kliem “jew ekwivalenti” ( 33 ). |
|
85. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa mħasseb li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi joħolqu “tnaqqis b’mod artifiċjali fil-kompetizzjoni permezz ta’ rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku speċifiku billi jirriflettu l-karatteristiċi ewlenin tal-provvisti, servizzi jew xogħlijiet li huma normalment offruti minn dak l-operatur ekonomiku” ( 34 ). |
|
86. |
Din il-prevenzjoni hija konformi mal-prinċipju stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24: “[…] Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist [kuntratt] isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi”. |
|
87. |
Ir-rekwiżit li, fl-ipoteżijiet imsemmija iktar ’il fuq, id-dokumenti kuntrattwali jinkludu l-kliem “jew ekwivalenti” għalhekk għandu l-għan inkonfutabbli li jiffavorixxi ftuħ ikbar tal-kuntratt għall-kompetizzjoni. Il-manifatturi u l-fornituri ta’ materjali jew prodotti ekwivalenti għal dawk imsemmija mill-awtorità kontraenti jistgħu jinvokaw dawn il-kliem sabiex jipparteċipaw, bħala offerenti, fil-proċess tal-għażla tal-kuntrattur. |
|
88. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza ta’ dawn il-kliem: “il-fatt li ma tiżdiedx l-espressjoni ‘jew ekwivalenti’ wara l-indikazzjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ta’ prodott speċifiku jista’ mhux biss jiddisswadi lill-operaturi ekonomiċi li jużaw sistemi analogi għal dan il-prodott milli jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti, iżda jista’ wkoll jostakola l-flussi ta’ importazzjoni fil-kummerċ transkonfinali fl-Unjoni, filwaqt li l-kuntratt jiġi rriżervat biss għall-fornituri li jipproponu li jużaw il-prodott speċifikament indikat” ( 35 ). L-ommissjoni tal-klawżola ta’ ekwivalenza tista’ saħansitra tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, fil-każ ta’ kuntratti li ma jaqbżux il-limitu tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi ( 36 ). |
|
89. |
Il-kliem jiffavorixxi wkoll lill-awtorità kontraenti, sa fejn offerent joffri alternattivi tekniċi ugwalment validi li din l-awtorità kontraenti ma tkunx ipprevediet. |
3. Applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-kawża prinċipali
|
90. |
Fuq il-bażi tal-premessi li għadni kif spjegajt, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju tista’ tkun li, skont l-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, ir-rekwiżit li l-kanalizzazzjonijiet għall-evakwazzjoni ta’ ilma tax-xita u tad-drenaġġ għandhom ikunu, rispettivament, magħmulin mill-konkrit u l-ġebel jikkostitwixxi riferiment għal ċerti tipi jew għal forom partikolari ta’ produzzjoni. |
|
91. |
Din ir-risposta għandha tiġi kkompletata billi jiżdied li r-riferiment imsemmi qabel:
|
|
92. |
B’mod partikolari, peress li parti mid-dibattitu ffoka fuq il-klawżola “jew ekwivalenti”, naqbel ma’ DYKA ( 37 ) li r-restrizzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi għall-katalgu limitat minn Fluvius tagħmel ħsara kemm lill-kompetizzjoni kif ukoll lill-innovazzjoni, li l-promozzjoni tagħhom hija riflessa fil-premessa 74 tad-Direttiva 2014/24. Proposti teknoloġiċi ġodda għal materjali li huma ugwali jew jaqbżu l-proprjetajiet tal-kanalizzazzjonijiet tal-ġebel jew tal-konkrit ikunu adatta, fihom infushom, sabiex itejbu r-riżultat tal-kuntratti pubbliċi. |
|
93. |
Fil-fehma tiegħi, l-awtorità kontraenti ma tistax teskludi a priori l-possibbiltà ta’ kanalizzazzjonijiet immanifatturati bi prodotti komparabbli mal-ġebel u l-konkrit. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif tenfasizza l-Kummissjoni ( 38 ), il-qorti tar-rinviju ma tiħux pożizzjoni dwar il-komparabbiltà ta’ xi katusi (tal-plastik) u oħrajn (tal-konkrit u l-ġebel). |
|
94. |
Nifhem li l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw l-opportunità li juru li l-katusi tagħhom ikollhom rendiment ugwali jew superjuri għal dawk magħmulin mill-konkrit jew ġebel, speċjalment jekk dawk tal-ewwel jikkonformaw ma’ regoli (standards) Ewropej dwar ir-rekwiżiti tekniċi tagħhom ( 39 ). |
|
95. |
Fejn applikabbli, l-awtorità kontraenti għandha tiġġudika a posteriori, b’mod raġunat, għaliex il-prodott offrut alternattivament jikkonforma, jew ma jikkonformax, mal-livell ta’ rendiment meħtieġ għal kuntratt speċifiku. |
E. Ir-raba’ domanda preliminari
|
96. |
L-aħħar domanda preliminari hija intiża li tiċċara jekk il-ksur tal-paragrafi 3 u 4 (jew xi wieħed minnhom) tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 jimplikax ukoll ksur tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 18(1), tal-istess Direttiva. |
|
97. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 “jikkonkretizza, għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat” ( 40 ). |
|
98. |
Għalhekk, nifhem, flimkien ma’ DYKA u l-Kummissjoni ( 41 ), li l-ksur tal-paragrafi (3) jew (4) tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 ikun jimplika wkoll dak tal-paragrafu (2) tiegħu. U peress li l-paragrafu (2), min-naħa tiegħu, jispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tal-istess Direttiva, iseħħ il-ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni wkoll. |
V. Konklużjoni
|
99. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi tal-Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il‑Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, Distrett ta’ Gent) fit-termini li ġejjin: “L-Artikolu 42(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Iktar ’il quddiem, “Fluvius”. Skont id-digriet tar-rinviju, din hija kumpannija li taġixxi taħt id-dritt privat u għandha diversi entitajiet ta’ dritt pubbliku bħala azzjonisti.
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil‑ĠU 2023, L, p. 1 u fil-ĠU 2015, L 275, p. 68). L-Artikolu 42 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU 2023, L, p. 1).
( 4 ) Fost l-oħrajn, fis-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑45/87, EU:C:1988:435); tal‑24 ta’ Jannar 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi (C‑359/93, EU:C:1995:14); tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284); tat‑12 ta’ Lulju 2018, VAR u ATM (C‑14/17, EU:C:2018:568); tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva (C‑413/17, EU:C:2018:865; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Roche Lietuva”); tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Klaipėdos”). Xi wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jirreferu għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi qabel dawk tal‑2014.
( 5 ) Moniteur belge tal‑14 ta’ Lulju 2016, p. 44167.
( 6 ) Fit-talba tagħha, DYKA titlob: a) li jiġi ddikjarat li l-politika tal-kuntratti pubbliċi ta’ Fluvius fir-rigward tax-xogħlijiet tad-drenaġġ tikser ir-regolamenti tal-kuntratti pubbliċi; b) li tiġi mġiegħla timmodifika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tagħha, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; u c) li tiġi ordnata tħallas kumpens għad-danni.
( 7 ) Fluvius tindika (fil-punt 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) li l-katusi riġidi huma riċiklabbli dejjem filwaqt li l-katusi tal-plastik ma humiex. Dawn tal-aħħar ikollhom jiġu inċinerati, li jagħmel ħsara lill-ambjent, u jistgħu jirrilaxxaw mikroplastiks taħt l-art, peress li huma suġġetti għal brix (forma ta’ xedd jew erożjoni li fiha l-mikroplastiks jinqalgħu bil-frizzjoni tal-ilma). Meta jkollhom jiġu sostitwiti kull ħamsin sena, hemm riskju li l-mikroplastiks jibqgħu fl-art (il-katusi jsiru fraġli u jiddepożitaw frazzjoni residwa). Din il-problema ma teżistix fil-każ ta’ katusi riġidi magħmulin minn materjali naturali, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
( 8 ) Punt 12 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-bqija tal-intervenjenti, bħall-qorti tar-rinviju, iffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24.
( 9 ) Fost fatturi oħra, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk, minħabba l-ammont tagħhom, il-kuntratti jaqbżux il-limitu minimu msemmi fl-artikoli korrispondenti taż-żewġ Direttivi. Waqt is-seduta, Fluvius sostniet li ma taġixxix fir-rigward tal-provvista ta’ ilma tax-xorb.
( 10 ) Fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (45/87, EU:C:1988:435), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat tilwima dwar l-inklużjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ kuntratt ta’ provvista tal-ilma, ta’ speċifikazzjoni teknika relatata mal-katusi. Fiha ġie diskuss jekk id-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas‑26 ta’ Lulju 1971 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet (ĠU 1971, L 185, p. 5; EE 17/01, p. 9), kinitx applikabbli. Ġie eskluż li kienet applikabbli, minħabba li “il-kliem stess tal-Artikolu 3(5) huwa ċarissimu rigward it-tqegħid tal-kuntratti pubbliċi [għal xogħlijiet imwettqa minn servizzi ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u trasport tal-ilma] barra mill-portata tad-Direttiva” (punt 10).
( 11 ) Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2014/25, traskritta iktar ’il fuq.
( 12 ) Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża VAR (C‑14/17, EU:C:2018:135, punti 1 sa 3).
( 13 ) Sentenza Roche Lietuva, punti 29 u 30.
( 14 ) Id-digriet tar-rinviju ma jipprovdix biżżejjed elementi sabiex ikun magħruf il-kontenut tad-dokumenti kuntrattwali. Din l-ommissjoni tagħmel ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja diffiċli.
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 69), li tiċċita dawk tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punti 56, 88 u 109); tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 44); u tal‑14 ta’ Lulju 2016, TNS Dimarso (C‑6/15, EU:C:2016:555, punt 23).
( 16 ) Ara t-traskrizzjoni tagħhom fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Sentenza Roche Lietuva, punt 28.
( 18 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi li kkonsultajt jikkoinċidu fl-użu ta’ termini imperattivi.
( 19 ) Minkejja dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi l-metodi għall-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi “mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni”.
( 20 ) Punt 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 21 ) Punt 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 22 ) Punt 16 tad-digriet tar-rinviju. Mid-digriet jidher illi Fluvius ippreżentat l-argumenti tagħha fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rendiment jew funzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju, iżda mhux fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.
( 23 ) Punti 10 sa 12 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 24 ) Punti 19 sa 22 u 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 25 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’dan il-punt tas-sentenza Klaipėdos illi, skont l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu fformulati f’termini ta’ rendiment jew rekwiżiti funzjonali, b’mod partikolari ambjentali, jew b’riferiment għal regoli tekniċi (standards). Il-verżjoni Spanjola tad-deċiżjoni tuża, madankollu, il-frażi “especificaciones técnicas” (“speċifikazzjonijiet tekniċi”) fejn il-verżjonijiet l-oħra jużaw “normas técnicas” (“standards tekniċi”).
( 26 ) Il-punt 87 tas-sentenza Klaipėdos jista’ jinftiehem bħala obiter dictum, li jiġbor fil-qosor id-dispożizzjoni, iżda ma jeżawrixxix it-tifsira tagħha. Dan intqal mill-Kummissjoni waqt is-seduta.
( 27 ) Riferimenti “għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika”.
( 28 ) Minħabba n-natura eċċezzjonali ta’ din l-aħħar possibbiltà, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Dan huwa enfasizzat mis-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2018, VAR u ATM (C‑14/17, EU:C:2018:568, punt 26); u Roche Lietuva, punt 38.
( 29 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi li kkonsultajt huma differenti f’termini tal-għan (proposta) jew l-effett (inerenti). Filwaqt li l-verżjoni Spanjola tirreferi għal “finalidad” (“għan”), il-bqija ta’ dawn il-verżjonijiet ipoġġu l-enfasi tagħhom fuq l-“efecto” (“effett”). Għalhekk, bil-Ġermaniż, “Marken, Patente, Typen, einen bestimmten Ursprung oder eine bestimmte Produktion verwiesen werden, wenn dadurch bestimmte Unternehmen oder bestimmte Waren begünstigt oder ausgeschlossen werden”; bl-Ingliż, “trade marks, patents, types or a specific origin or production with the effect of favouring or eliminating certain undertakings or certain products”; bil-Franċiż, “une marque, à un brevet, à un type, à une origine ou à une production déterminée qui auraient pour effet de favoriser ou d’éliminer certaines entreprises ou certains produits”; bit-Taljan, “un marchio, a un brevetto o a un tipo, a un’origine o a una produzione specifica che avrebbero come effetto di favorire o eliminare talune imprese o taluni prodotti”; bil-Portugiż, “marcas comerciais, patentes, tipos, origens ou modos de produção determinados que tenham por efeito favorecer ou eliminar determinadas empresas ou produtos»; o, en la rumana, «o marcă, la un brevet, la un tip, la o origine sau la o producție specifică, care ar avea ca efect favorizarea sau eliminarea anumitor întreprinderi sau produse”. Minħabba din id-diversità, jien inklinat sabiex neskludi r-rekwiżit ta’ element intenzjonali, sabiex ikun biżżejjed li jseħħ l-effett li jiġu ffavoriti jew eliminati ċerti kumpanniji jew ċerti prodotti. Din hija l-interpretazzjoni li tiffaċilita l-aħjar il-kisba tal-għan tal-ftuħ tal-kuntratti għall-kompetizzjoni.
( 30 ) Waqt is-seduta, ingħata l-eżempju ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet għar-riabilitazzjoni ta’ bini storiku, li l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu jirrikjedu l-użu tal-istess tip ta’ ġebel (minn oriġini speċifika) li nbena bihom dak iż-żmien. F’din is-sitwazzjoni, is-suġġett tal-kuntratt jiġġustifika, per se, ir-riferiment għal prodott partikolari (ġebla minn barriera, speċifikament), bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe prodott ieħor.
( 31 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-entità kontraenti hija suġġetta għad-dmir ta’ motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu “jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk ikunx hemm lok li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontrihom”, u sabiex “[tippermetti] lill-qrati jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet”. Ara s-sentenzi Klaipėdos, punt 120, li tiċċita ġurisprudenza preċedenti; u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 87).
( 32 ) L-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 u s-sentenza Roche Lietuva, punt 32.
( 33 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 60(4) tad-Direttiva 2014/25, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Iveco Orecchia (C‑68/21 u C‑84/21, EU:C:2022:835, punt 87): “[dan l-Artikolu] jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirreferu ‘għal marki kummerċjali [trade marks], privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika’, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi pprovduta deskrizzjoni preċiża u li tinftiehem biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt, u sakemm tali riferiment ikun akkumpanjat mill-kliem ‘jew ekwivalenti’”.
( 34 ) Premessa 74 tad-Direttiva 2014/24. Id-dispożizzjoni tmur lil hinn mix-xewqa espressa fil-premessa, peress li tipprojbixxi wkoll, bħala regola, li jiġu eliminati “ċerti impriżi jew ċerti prodotti”.
( 35 ) Sentenza Roche Lietuva, punt 39. Fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dak li diġà kienet iddikjarat fis-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑359/93, EU:C:1995:14, punti 27 u 28). F’din tal-aħħar, ġie kkritikat in-nuqqas tal-kliem “jew ekwivalenti” wara t-terminu UNIX, li kienet l-unika sistema tal-kompjuter ammessa fl-ispeċifikazzjonijiet.
( 36 ) Ara, għal dan il-għan, id-dispożittiv tad-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard (C‑59/00, EU:C:2001:654): “L-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KE […] jipprevjeni entità kontraenti milli tintroduċi klawżola, fl-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi li ma jaqbiżx il-limitu previst fid-Direttiva tal-Kunsill [93/37/KEE, tal‑14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163)], li teħtieġ, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt imsemmi qabel, li jintuża prodott ta’ trade mark partikolari meta din il-klawżola ma tkunx akkumpanjata bil-kliem ‘jew ekwivalenti’”. Bl-istess mod, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑45/87, EU:C:1988:435), dwar ir-rekwiżit li l-katusi tal-kanalizzazzjonijiet jikkonformaw ma’ regola Irlandiża partikolari, mingħajr ma żdiedu l-kliem ‘jew ekwivalenti’”.
( 37 ) Punti 48 sa 51 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 38 ) Punt 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-punt 7 tad-digriet tar-rinviju huwa llimitat sabiex jirrifletti t-teżi ta’ Fluvius dwar dan id-dettall.
( 39 ) DYKA tinvoka (fil-punt 19 u l-Anness 1 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) l-Istandard Ewropew EN 476:2022, dwar rekwiżiti ġenerali għal komponenti użati fis-sanitazzjoni u d-drenaġġ. Dan l-istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali li għandhom jiġu ssodisfatti fl-istandards ta’ prodott għal komponenti bħall-katusi jew il-konnessjonijiet maħsuba għall-użu fis-sanitazzjoni u d-drenaġġ. Huwa japplika għat-trasport tad-drenaġġ domestiku, l-ilma tax-xita u l-ilma tal-wiċċ, u ilma ieħor tad-drenaġġ li l-evakwazzjoni tiegħu fin-network hija ammissibbli.
( 40 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, punt 33.
( 41 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (punt 28), Fluvius issostni li, peress li ma kisritx l-Artikolu 42(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24, id-domanda ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima, u għalhekk tippreferi li ma tiġix eżaminata.