Brussell, 2.6.2022

COM(2022) 259 final

2022/0175(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Suġġett tal-proposta

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni preżenti fiha proposta dwar deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, dwar emenda tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) 1 , iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-“Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou” jew is-“CPA”) (“deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali”) 2 . Dan tal-aħħar ġie emendat għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-4 ta’ Diċembru 2020 3 , biex l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou tiġi estiża sat-30 ta’ Novembru 2021. It-tieni estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2022 ġiet miftiehma f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 3/2021 4 tas-26 ta’ Novembru 2021. Il-Kummissjoni tipproponi li tittawwal l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou sal-31 ta’ Diċembru 2022, jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni u l-Istati tal-AKP, skont liema jseħħ l-ewwel.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou

Sa mill-2000, il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou kien il-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE ma’ 79 pajjiż tal-AKP. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta’ 20 sena, mill-1 ta’ Marzu 2000 sad-29 ta’ Frar 2020. Sussegwentement kien ġie rivedut fl-2005 u fl-2010.

Fis-17 ta’ Diċembru 2019, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni u l-Istati AKP, skont liema jiġi l-ewwel. Dan tal-aħħar ġie emendat għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-4 ta’ Diċembru 2020 5 , biex l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou tiġi estiża sat-30 ta’ Novembru 2021. It-tieni estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2022 ġiet miftiehma f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 3/2021 6 tas-26 ta’ Novembru 2021.

In-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid tnedew f’Settembru 2018. Fil-15 ta’ April 2021, il-kapijiet negozjaturi inizjalaw it-test ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-Unjoni u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP). Il-Kummissjoni mbagħad bagħtet il-proposta lill-Kunsill biex jiffirmaha. In-negozjati reġgħu nfetħu għal dak li jikkonċerna n-natura legali tal-ftehim. It-test li jinkludi l-bidliet relatati man-natura legali madankollu twaqqaf fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill AKP. Deher ċar li d-diskussjonijiet li qed isiru fil-livell tal-Kunsill tal-UE mhux se jirriżultaw fi Ftehim ġdid lest biex jiġi applikat sad-data ta’ skadenza attwali tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fit-30 ta’ Ġunju 2022. Din is-sitwazzjoni ġġib magħha lakuna fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-UE u l-AKP li trid timtela.

2.2.Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa korp fil-livell ministerjali, stabbilit permezz tal-Ftehim (l-Artikolu 15 tas-CPA). Jinkludi, minn naħa, membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea u min-naħa l-oħra, membru tal-gvern ta’ kull Stat tal-AKP. Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri jinkludu, fost affarijiet oħra, li dan jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u għall-eżekuzzjoni tas-CPA. Il-Kunsill tal-Ministri jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Sabiex id-deċiżjonijiet ikunu validi, (i) nofs il-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri 14-il ministru mill-Istati Membri tal-UE), (ii) membru wieħed tal-Kummissjoni, u (iii) żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw il-gvernijiet tal-Istati tal-AKP (jiġifieri membri tal-gvernijiet minn 55 Stat differenti tal-AKP) għandhom ikunu preżenti.

2.3.Miżuri tranżizzjonali

L-Artikolu 95(4), it-tieni subparagrafu tas-CPA jgħid hekk: “Il-Kunsill tal-Ministri għandu jadotta kull miżura tranżitorja li tista’ tkun meħtieġa sakemm il-Ftehim il-ġdid jidħol fis-seħħ”. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tas-CPA, jistgħu jiġu applikati miżuri tranżizzjonali biex tiġi estiża l-applikabilità tas-CPA kollu jew ta’ partijiet minnu, sad-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim il-ġdid (l-applikazzjoni provviżorja jew id-dħul fis-seħħ). Sabiex tinżamm kontinwità ġuridika, politika u istituzzjonali mal-AKP, ġaladarba l-Ftehim il-ġdid mhux se jkun applikabbli qabel l-iskadenza tal-qafas ġuridiku eżistenti, huwa meħtieġ li jiġu estiżi l-miżuri tranżizzjonali adottati biex il-Ftehim attwali jibqa’ jkun applikabbli.

2.4.L-emenda ta’ miżuri tranżizzjonali mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

F’konformità mal-Artikolu 95(4) tas-CPA, id-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali għandha tittieħed mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE. Madankollu, skont l-Artikolu 15(4) tas-CPA, il-Kunsill tal-Ministri jista’ jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi. Għal dan l-għan, fit-23 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tal-Ministri ddelega s-setgħa li jadotta d-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi 7 . Skont l-Artikolu 16(2) tas-CPA, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ jadotta jew jemenda deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-partijiet permezz tal-mandat mogħti lilu mill-Kunsill tal-Ministri.

Skont l-Artikolu (1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi 8 , dan għandu jiltaqa’ regolarment, b’mod partikolari biex iħejji l-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri, u meta dan ikun meħtieġ, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Permezz ta’ din il-flessibilità, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ jiżgura li l-emenda tad-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali ssir f’waqtha, u sa mhux aktar tard minn nofs Ġunju 2022.

Għaldaqstant, f’waħda mil-laqgħat tiegħu, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jadotta l-emenda tad-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali (“l-att previst”). L-għan tal-att previst huwa li jkompli jestendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fl-intier tiegħu, sal-31 ta’ Diċembru 2022, jew sad-dħul fis-seħħ jew sal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni u l-Istati AKP, skont liema jiġi l-ewwel.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tipproponi li d-deċiżjoni attwali dwar il-miżura tranżizzjonali tas-CPA tiġi emendata fid-dawl tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou sal-31 ta’ Diċembru 2022, dejjem jekk il-Ftehim il-ġdid ma jidħolx fis-seħħ jew ma jiġix applikat b’mod proviżorju qabel din id-data.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni għandha tiġi adottata f’sessjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

4.Bażi ġuridika

4.4.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”. 9

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Skont l-Artikolu 95(4), it-tieni subparagrafu, tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, jistgħu jiġu applikati miżuri tranżizzjonali biex tiġi estiża l-applikabilità tas-CPA kollu jew ta’ partijiet minnu, sad-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim il-ġdid (l-applikazzjoni proviżorja jew id-dħul fis-seħħ wara r-ratifika mill-Partijiet kollha). B’mod partikolari, “Il-Kunsill tal-Ministri għandu jadotta kull miżura tranżitorja li tista’ tkun meħtieġa sakemm il-Ftehim il-ġdid jidħol fis-seħħ”.

Għalhekk huwa ċar li l-att li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE huwa msejjaħ li jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. Id-deċiżjoni prevista tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 15 u 16 tal-Ftehim.

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi huwa korp imwaqqaf skont l-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou.

L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti flimkien mal-Istati Membri għall-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou u għalhekk tkun marbuta bid-deċiżjoni prevista tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-funzjonament tas-CPA kollu kemm hu, b’mod partikolari l-estensjoni tal-applikazzjoni tiegħu lil hinn mid-data tal-iskadenza prevista. Għaldaqstant il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni tal-Kunsill trid tiġi determinata fid-dawl tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fl-intier tiegħu 10 .

Is-CPA ġie konkluż bħala ftehim ta’ assoċjazzjoni u għalhekk kien ibbażat fuq l-Artikolu 310 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-ekwivalenti tal-Artikolu 217 TFUE. Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217 TFUE.

4.3. Konklużjoni

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-funzjonament tas-CPA kollu kemm hu, b’mod partikolari l-estensjoni tal-applikazzjoni tiegħu lil hinn mid-data tal-iskadenza prevista. Għaldaqstant il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni tal-Kunsill trid tiġi determinata fid-dawl tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fl-intier tiegħu 11 .

Is-CPA ġie konkluż bħala ftehim ta’ assoċjazzjoni u għalhekk kien ibbażat fuq l-Artikolu 310 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-ekwivalenti tal-Artikolu 217 TFUE. Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217 TFUE.

2022/0175 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”) minn naħa u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) 12 ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 u għandu jiġi applikat sat-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (“deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali”) 13 kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 3/2021 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-26 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(2)F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, in-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid tnedew f’Settembru 2018. Il-Ftehim il-ġdid mhux se jkun lest biex jiġi applikat sad-data tal-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE attwali. Għaldaqstant huwa meqjus neċessarju li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 dwar il-miżuri tranżizzjonali biex tkompli tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE attwali.

(3)It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jipprevedi li l-Kunsill tal-Ministri jadotta miżuri tranżizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa sakemm il-Ftehim l-ġdid jidħol fis-seħħ.

(4)Skont l-Artikolu 15(4) FSC, fit-23 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddelega s-setgħat ta’ adozzjoni ta’ miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jkollu laqgħa regolari fejn jieħu d-deċiżjoni li jemenda l-miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li l-att previst jorbot lill-Unjoni.

(6)Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE se jibqgħu jiġu applikati bil-għan li tinżamm il-kontinwità fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati AKP, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-miżuri tranżizzjonali emendati mhumiex maħsuba bħala emendi fil-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif previst fl-Artikolu 95(3) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, hija li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 dwar miżuri tranżizzjonali, biex l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE fl-intier tagħhom tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022, jew sad-dħul fis-seħħ jew sal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni u l-Istati tal-AKP, skont liema jiġi l-ewwel.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 65, 08.03.2003, p.27).
(2)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2020/2].
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-4 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
(4)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2021 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-26 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP UE.
(5)    Id-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-4 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
(6)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2021 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-26 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
(7)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tat-23 ta’ Mejju 2019 dwar id-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2019/920] (ĠU L 146, 05.06.2019, p. 114).
(8)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tat-8 ta’ Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE (ĠU L 95, 14.04.2005, p. 51).
(9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI-EU-C-2014-2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(10)    Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża C-244/17, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“il-Każakistan”) [ECLI:EU:C:2018:662], p. 40 u l-ġurisprudenza msemmija.
(11)    Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża C-244/17, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“il-Każakistan”) [ECLI:EU:C:2018:662], p. 40 u l-ġurisprudenza msemmija.
(12)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L287, 4.11.2010, p 3).
(13)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2020/2].