8.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/23


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2007/391/PESK

tas-7 ta’ Ġunju 2007

li temenda l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/960/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2002 il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK (1), konsegwentement għar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 733 (1992), 1356 (2001) u 1425 (2002), relatati ma’ embargo fuq l-armi kontra s-Somalja.

(2)

Fl-20 ta’ Frar 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 1744 (2007) li introduċiet eżenzjonijiet addizzjonali mill-miżuri restrittivi imposti mill-paragrafu 5 ta’ l-UNSCR 733 (1992) u elaborat ulterjorment fil-paragrafi 1 u 2 ta’ l-UNSCR 1425 (2007) għall-forniment ta’ armi u tagħmir militari u taħriġ u assistenza teknika maħsuba biss għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-missjoni kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ l-UNSCR 1744 (2007).

(3)

Il-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK għandhom għalhekk jiġu modifikati sabiex jingħata effett lill-UNSCR 1744 (2007).

(4)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK għandu jiġi sostitwit bil-paragrafu li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:

(a)

għall-forniment jew bejgħ ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-għoti dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba biss għall-appoġġ tal-missjoni jew għall-użu mill-missjoni kif stipulat fil-paragrafu 4 ta’ l-UNSCR 1744 (2007);

(b)

għall-forniment jew bejgħ ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika maħsuba biss għall-iskop li jgħin l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku mniżżel fil-paragrafu 1, 2, u 3 ta’ l-UNSCR 1744 (2007) u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 ta’ l-UNSCR 751 (1992) fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma mir-riċeviment tan-notifika rilevanti;

(c)

għall-fornimenti ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew ta’ materjal maħsub għal programmi, ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet, mwettqa mill-Unjoni, mill-Komunità jew mill-Istati Membri, anke fil-qasam tas-sigurtà, fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, kif ġie approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 ta’ l-UNSCR 751 (1992), u lanqas għandhom japplikaw għal ħwejjeġ protettivi, inkluż ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati b’mod temporanju lejn is-Somalja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, minn rappreżentanti tal-media u minn ħaddiema umanitarji u fuq l-iżvilupp u minn persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss.”

Artikolu 2

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GLOS


(1)   ĠU L 334, 11.12.2002, p. 1. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata bill-Pożizzjoni Komuni 2007/94/PESK (ĠU L 41, 13.2.2007, p. 19).