|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6018 |
23.10.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Indokraturi
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6018)
Relatur:
Pietro Vittorio BARBIERI|
Konsulent |
Carlo GIACOBINI, għar-relatur |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
24.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
25.6.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
10.7.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
589 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
186/1/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE): |
|
1.2. |
jinnota li (1) l-Istrateġija Ewropea għall-Kura ma tinkludix biżżejjed miżuri biex jappoġġjaw is-sitwazzjoni tal-persuni li jindukraw b’mod informali, u jinnota li d-Direttiva (UE) 2019/1158 (2), b’konformità mal-bażi legali tagħha, tapplika biss għall-persuni li jinsabu f’relazzjoni ta’ impjieg; jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi s-suġġett tal-persuni li jindukraw b’mod informali fuq quddiem tal-aġenda politika u biex tistabbilixxi Pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki bil-għan li l-Istati Membri jiġu appoġġjati jimplimentaw soluzzjonijiet fattibbli sabiex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet eżistenti għall-indokraturi informali; jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għal kura affordabbli fit-tul u ta’ kwalità għolja billi jieħdu l-passi adatti biex jiġu adottati politiki u miżuri intiżi biex jappoġġjaw is-sitwazzjoni tal-persuni li jindukraw b’mod informali; |
|
1.3. |
jinnota li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni li jindukraw b’mod informali spiss jiġu affettwati b’mod negattiv minn piż mentali u fiżiku eċċessiv, kif ukoll minn emarġinazzjoni u iżolament, u jitlob li l-politiki tal-Istati Membri jinkoraġġixxu offerta wiesgħa ta’ servizzi tal-kura fit-tul ta’ kwalità għolja u li tkun ibbażata fil-komunità; |
|
1.4. |
jagħraf li l-kura informali tal-familja spiss hija r-riżultat ta’ għażla furzata, imposta min-nuqqas ta’ servizzi u appoġġ adegwati, u jitlob li tiġi garantita l-possibbiltà ta’ awtodeterminazzjoni u li dawn il-persuni jkollhom il-libertà tal-għażla, billi jiġu introdotti politiki, salvagwardji, miżuri u servizzi adatti; |
|
1.5. |
iqis li l-persuni li jindukraw b’mod informali, b’mod partikolari dawk li jagħmlu dan għal perjodu twil, jinsabu f’riskju partikolarment kbir ta’ burnout u ta’ piż mentali u fiżiku eċċessiv, u jenfasizza l-ħtieġa u l-urġenza li l-Istati Membri jintroduċu politiki li jiggarantixxu d-disponibbiltà mifruxa ta’ servizzi ta’ solliev u soluzzjonijiet biex il-persuni li jindukraw b’mod informali jkunu akkumpanjati u protetti (mediċina preventiva u kura ta’ solliev); |
|
1.6. |
jinnota li anke fil-qasam tal-kura informali tal-familja teżisti inugwaljanza sinifikanti bejn il-ġeneri, u jitlob (3) li tittieħed azzjoni biex tiġi mitigata din l-inugwaljanza, inkluż billi tissaħħaħ u tiġi estiża l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 u tal-Istrateġija Ewropea għall-Kura; |
|
1.7. |
huwa u jenfasizza li l-kura informali tal-familja tikkawża tfaqqir materjali u immaterjali tal-persuni involuti u l-familji tagħhom, jitlob li l-politiki tal-Istati Membri jinkludu miżuri biex irażżnu u jevitaw dawn l-effetti, inkluż billi jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ trasferimenti monetarji adatti; |
|
1.8. |
jappella lill-Istati Membri biex jikkunsidraw b’aktar reqqa li jadottaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-użu ta’ servizzi ta’ kura fit-tul u ta’ appoġġ minn persuni li jeħtieġu kura fit-tul, il-familji tagħhom, il-persuni li jindukraw fit-tul u dawk li jindukraw b’mod informali, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, kif previst fir-Rakkomandazzjoni 2022/C 476/01 (4); |
|
1.9. |
iqis li huwa kruċjali li l-persuni li jindukraw b’mod informali jkunu jistgħu jżommu l-impjieg u l-paga normali tagħhom, u jappella għat-tisħiħ u l-estensjoni ulterjuri tal-arranġamenti ta’ flessibbiltà tax-xogħol previsti fid-Direttiva (UE) 2019/1158; |
|
1.10. |
jinnota li ħafna drabi, ladarba jintemmu r-responsabbiltajiet ta’ kura tal-persuni li jindukraw b’mod informali lill-membri tal-familja, dawn ma jkunux jistgħu jsibu xogħol ġdid jew imorru lura lejn l-impjieg preċedenti tagħhom, u jitlob li l-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri jintroduċu inċentivi, garanziji u soluzzjonijiet biex jiggarantixxu li dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirritornaw lejn xogħol imħallas u jagħmlu l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba; |
|
1.11. |
iqis li, sabiex jiġi mmonitorjat l-impatt tar-regoli u r-regolamentazzjoni, huwa importanti ħafna li jkun hemm data kwalitattiva u kwantitattiva li tiddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-għajxien reali tal-persuni li jindukraw b’mod informali; f’dan ir-rigward, jitlob li jiġu adottati aktar strateġiji ta’ riċerka, b’mod partikolari bil-kooperazzjoni tal-Eurofound, u anke bl-involviment tal-partijiet interessati; |
|
1.12. |
jitlob li l-indokraturi tal-familja jiġu inklużi meta jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Kura u l-Appoġġ, sabiex jiġu rikonoxxuti fis-Sistema Ewropea tal-Kura. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
F’Opinjoni preċedenti tiegħu (5), il-KESE ddeskriva l-kuntest tal-kwistjoni u inkluda wkoll sejbiet u analiżijiet dwar il-kura informali. |
|
2.2. |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) u l-Kummissjoni Ewropea (DĠ EMPL) ippubblikaw ir-rapport “2021 Long-Term Care Report: Trends, challenges and opportunities in an ageing society (Rapport tal-2021 dwar il-Kura fit-Tul – Xejriet, sfidi u opportunitajiet f’soċjetà li qed tixjieħ)”, li jipprovdi stampa ġenerali addizzjonali tal-kwistjoni u ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni utli li tiddeskrivi l-impatt tal-kura informali. |
|
2.3. |
B’mod partikolari, ir-Rapport dwar il-Kura fit-Tul jippreżenta l-impatti negattivi fuq l-introjtu personali u l-pensjoni ta’ persuni li jipprovdu kura informali għal membri anzjani tal-familja jew membri tal-familja b’diżabilità li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ, u jiddeskrivi kif dan jista’ jfaqqarhom. |
|
2.4. |
Id-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw estendiet id-drittijiet tal-indokraturi billi pprovditilhom liv flessibbli u arranġamenti tax-xogħol li jippermettu l-indukrar tal-membri tal-familja li jeħtieġu l-kura; ipprovdiet miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol; ippromoviet l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol; u ħeġġet distribuzzjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet tal-familja bejn l-irġiel u n-nisa. Introduċiet ukoll salvagwardji addizzjonali kontra d-diskriminazzjoni kontra l-ġenituri u l-indokraturi fuq il-post tax-xogħol, li jipprojbixxu trattament negattiv abbażi taċ-ċirkostanzi tal-familja jew il-ħtiġijiet ta’ kura. |
|
2.5. |
Id-Direttiva 2019/1158, li ġiet trasposta formalment fi kważi l-pajjiżi kollha tal-UE, ma tindirizzax is-sitwazzjoni ta’ persuni li jindukraw b’mod informali li m’għandhomx impjieg ieħor jew li waqfu jaħdmu sabiex iwettqu d-dmirijiet u r-rwoli ta’ kura informali tagħhom. |
|
2.6. |
L-Istrateġija Ewropea għall-Kura (6) tistabbilixxi objettivi ewlenin biex ittejjeb il-kura, anke fir-rigward tal-aċċessibbiltà, il-kwalità, is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Huma previsti miżuri u azzjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija, li jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, l-appoġġ finanzjarju għall-programmi ta’ assistenza, l-innovazzjoni teknoloġika fil-kura u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri. |
|
2.7. |
L-Istrateġija Ewropea għall-Kura tistieden lill-Istati Membri biex “ifasslu miżuri ta’ appoġġ għall-indokraturi informali, eż. konsulenza, appoġġ psikoloġiku, kura ta’ solliev u/jew appoġġ finanzjarju adegwat, li ma jiskoraġġixxux il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, flimkien ma’ politiki biex il-kura informali tiġi formalizzata”. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 (7) tkopri l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja. Ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna “n-nies kollha li jeħtieġu kura fit-tul, u l-indokraturi formali u informali kollha. Hija tapplika għall-kura fit-tul ipprovduta fil-kuntesti kollha tal-kura.” |
|
2.8. |
Skont ir-Rakkomandazzjoni, “kura informali” tfisser kura fit-tul ipprovduta minn indokratur informali, jiġifieri xi ħadd fl-ambjent soċjali tal-persuna li tkun teħtieġ il-kura, inkluż sieħeb, wild, ġenitur jew persuna oħra, li ma jkunx impjegat bħala ħaddiem professjonali fil-qasam tal-kura fit-tul. |
|
2.9. |
Ir-Rakkomandazzjoni 2022/C 476/01: |
|
2.9.1. |
tirrakkomanda, fil-punt 9, li “l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri ċari sabiex jidentifikaw l-indokraturi informali u jappoġġawhom fl-attivitajiet tal-għoti tal-kura billi:
|
|
2.9.2. |
tirrakkomanda, fil-punt 10(g), li l-Istati Membri “jieħdu miżuri sabiex iqajmu s-sensibilizzazzjoni, jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-adozzjoni tas-servizzi u l-appoġġ disponibbli tal-kura fit-tul minn persuni li jeħtieġu kura fit-tul, il-familji tagħhom, il-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul u l-indokraturi informali, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali”; |
|
2.10. |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 lejn azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura (8): |
|
2.10.1. |
tħeġġeġ, fil-punt 72, “lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill Programm Ewropew għall-Persuni li Jindukraw u bħala parti minnu programm Ewropew ta’ Persuni li Jindukraw b’Mod Informali b’pakkett ta’ azzjonijiet fil-livell tal-UE dwar il-kura informali, u, fejn il-kompetenzi jkunu fil-livell nazzjonali, jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw din l-istrateġija Ewropea permezz ta’ azzjonijiet ambizzjużi u kkoordinati u programmi nazzjonali biex jidentifikaw u jirrikonoxxu t-tipi differenti ta’ kura informali pprovduta fl-Ewropa, u jidentifikaw ħtiġijiet differenti ta’ gruppi differenti ta’ persuni li jindukraw, inklużi żgħażagħ li jindukraw u persuni mobbli li jindukraw biex jiġi ffaċilitat il-fatt li l-impjiegi jiġu ddikjarati u tiġi żgurata kopertura tal-assigurazzjoni u tal-protezzjoni soċjali, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet u l-istatus differenti ta’ residenza jew amministrattivi tagħhom”; |
|
2.10.2. |
tistieden, fil-punt 73, “lill-Istati Membri jikkunsidraw il-formalizzazzjoni tal-kura informali u l-għażliet differenti ta’ appoġġ finanzjarju abbażi tal-ħtiġijiet u r-realtajiet differenti tagħhom, bil-ħsieb li jiggarantixxu standards tajbin ta’ drittijiet, appoġġ finanzjarju u protezzjoni soċjali lill-persuni li jindukraw”. |
3. Kuntest tal-Opinjoni, inkluża l-proposta leġiżlattiva kkonċernata
|
3.1. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Kura (9) tenfasizza kif investiment fis-settur tal-kura formali jgħin biex jiġi żgurat li l-kura informali tkun għażla pjuttost milli ħtieġa. Tiddikjara wkoll li l-kura tal-għeżież għandha valur soċjali u ekonomiku għoli. Barra minn hekk, tenfasizza li l-persuni b’responsabbiltajiet ta’ kura għandhom ikunu jistgħu jagħżlu sa liema punt iridu jikkombinaw il-kura ma’ xogħol imħallas. Għalhekk, għandu jkollhom aċċess għal servizzi li jippermettulhom jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet tal-kura mal-ħajja professjonali u jibbenefikaw minn appoġġ u assistenza (prevenzjoni, skrinjar) skont l-għażliet ta’ ħajjithom. |
|
3.2. |
Skont il-Premessa D tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022“80 % tal-kura fit-tul kollha fl-Ewropa hija pprovduta minn persuni li jindukraw b’mod informali, fil-biċċa l-kbira nisa, imċaħħda minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u ġeneralment mhux imħallsa u/jew mingħajr appoġġ soċjali, li jagħmel il-kura kwistjoni estremament ibbażata fuq il-ġeneru” u “l-għoti ta’ kura informali huwa assoċjat ma’ nuqqas ta’ drittijiet bħal liv minħabba mard u liv annwali, kif ukoll il-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri u tnaqqis fir-rati ta’ impjieg, żieda fir-rati tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, saħħa mentali mnaqqsa u aktar sentimenti ta’ iżolament soċjali u solitudni, li għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali tagħhom” u “l-kontribut tan-nisa fix-xogħol ta’ kura mhux imħallas iżid madwar USD 11-il triljun fl-ekonomija globali kull sena, li huwa ekwivalenti għal 9 % tal-PDG globali”. |
|
3.3. |
Skont il-Premessa 11 tar-Rakkomandazzjoni 2022/C 476/01, il-“valur stmat ta’ sigħat ta’ kura fit-tul ipprovduti minn indokraturi informali [...] huwa stmat għal madwar 2,5 % tal-PDG tal-Unjoni”. Il-Premessa 12 tikkonkludi li “[d]-dipendenza fuq kura informali mhux ser tkun sostenibbli u l-ħtiġijiet ta’ kura formali kif ukoll il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi huma mistennija li jiżdiedu”. |
|
3.4. |
Skont il-Premessa 20 tar-Rakkomandazzjoni 2022/C 476/01 “[i]l-kura informali kienet essenzjali fl-għoti tal-kura fit-tul, peress li l-indokraturi informali, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa, tradizzjonalment iwettqu l-maġġoranza tal-indukrar, spiss minħabba nuqqas ta’ kura formali fit-tul aċċessibbli u affordabbli”. |
|
3.5. |
Min-naħa l-oħra, ħafna nies jagħżlu li jipprovdu jew jirċievu kura informali minħabba preferenzi personali. Madankollu, l-għoti tal-kura informali jista’ jaffettwa b’mod negattiv is-saħħa fiżika u mentali u l-benesseri tal-indokraturi u huwa ostaklu sinifikanti għall-impjieg, b’mod partikolari għan-nisa. Dan għandu effett immedjat fuq l-introjtu attwali tagħhom u jaffettwa l-introjtu li jirċievu f’età avvanzata minħabba dovuti mnaqqsa tad-drittijiet tal-pensjoni, li jista’ jkun saħansitra aktar sinifikanti għall-persuni li jindukraw b’responsabbiltajiet addizzjonali ta’ kura tat-tfal u tal-ġenituri. |
|
3.6. |
L-Istrateġija Ewropea għall-Kura tenfasizza li l-għoti tal-kura għandu konsegwenzi serji għall-persuni li jindukraw b’mod informali, inklużi effetti negattivi fuq l-introjtu attwali u futur tagħhom kif ukoll fuq is-saħħa mentali tagħhom. L-Istrateġija tgħid li “[n]-nisa jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-kura u dan spiss iwassal biex jadattaw ix-xejriet tax-xogħol tagħhom għar-responsabbiltajiet ta’ kura, inkluż billi jieħdu pawżi fil-karriera, jaħdmu part-time, jew jitilqu mis-suq tax-xogħol kompletament u qabel iż-żmien. Dan huwa partikolarment ta’ sfida għall-ġenituri waħedhom, bil-maġġoranza l-kbira jkunu nisa. Xi wħud jiffaċċjaw piż doppju ta’ kura tat-tfal u ta’ membri tal-familja dipendenti oħra fl-istess ħin. Qabel il-pandemija tal-2019, madwar terz (32.6 %) tan-nisa ta’ bejn il-25 u d-49 sena barra mill-forza tax-xogħol indikaw li r-responsabbiltajiet ta’ kura kienu r-raġuni ewlenija għaliex ma fittxewx impjieg, meta mqabbla ma’ 7.6 % tal-irġiel inattivi.” |
4. Kummenti ġenerali
L-Istrateġija Ewropea għall-Kura:
|
4.1. |
tipprevedi l-estensjoni tal-opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkondividu l-esperjenza tagħhom u jitgħallmu minn xulxin, permezz ta’ programmi ta’ tagħlim reċiproku dwar id-dimensjonijiet kollha tal-kura; |
|
4.2. |
tistieden lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li l-indokraturi, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi tal-ekonomija soċjali, ikollhom rwol attiv fit-tfassil u fl-għoti ta’ servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja u fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur u jappoġġjaw l-isforzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinvestu fis-servizzi tal-kura; |
|
4.3. |
l-istess bħad-Direttiva (UE) 2019/1158, ma tindirizzax b’mod espliċitu s-sitwazzjoni ta’ persuni li jindukraw b’mod informali li m’għandhomx impjieg ieħor jew li waqfu jaħdmu biex iwettqu attivitajiet ta’ kura informali, fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għas-sitwazzjoni tagħhom. |
Il-KESE:
|
4.4. |
jinnota li hemm distakk reali bejn l-Istrateġija Ewropea għall-Kura, l-implimentazzjoni tagħha u r-realtà fil-prattika, u li dan jinħass sew mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u dawk li jirċievu l-kura. Jinnota wkoll li d-Direttiva (UE) 2019/1158 mhux qed tiġi applikata b’mod uniformin fl-Istati Membri; |
|
4.5. |
jiddispjaċih li l-aċċess għad-drittijiet jinkiser, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet finanzjarji u d-dritt għall-informazzjoni dwar il-programmi disponibbli, u li l-aċċess għall-appoġġ huwa kkumplikat, u huwa spiss assoċjat ma’ piżijiet burokratiċi eċċessivi u kumplessi u nuqqas ta’ informazzjoni; |
|
4.6. |
jinnota li l-kwistjoni tar-rappreżentanza soċjali jeħtieġ li tiġi indirizzata jekk l-objettiv huwa li tiġi avvanzata l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet adegwati u sostenibbli; |
|
4.7. |
itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-għarfien permezz ta’ studji u statistika ad hoc li għaddejjin bħalissa. F’dan ir-rigward, jista’ jkun utli li l-KESE jikkollabora mal-Eurofound jew saħansitra li jwettaq b’mod konġunt l-istudju futur tagħhom; |
|
4.8. |
iħeġġeġ id-djalogu soċjali fil-livell settorjali u tal-kumpaniji sabiex ikun jista’ jsir progress f’termini ta’ organizzazzjoni tax-xogħol sabiex il-persuni li jindukraw b’mod informali jkunu jistgħu jirrikonċiljaw aħjar ir-rwol tal-kura tagħhom u l-ħajja professjonali tagħhom. Dan bl-ebda mod ma jfisser li min iħaddem għandu jiffinanzja r-rwol tal-għajnuna, iżda li jiffaċilitah permezz tal-organizzazzjoni tax-xogħol; |
|
4.9. |
jixtieq jagħmel enfasi akbar fuq l-awtodeterminazzjoni tal-persuni fl-għażla li jkunu persuni li jindukraw b’mod informali u, bl-istess mod, ta’ dawk li jirċievu l-kura fl-għażla u l-aċċettazzjoni tal-persuni li jindukrawhom b’mod informali. Għandu jiġi enfasizzat li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-membri tal-familja jkunu liberi li jagħżlu jekk iridux jibqgħu d-dar bħala persuni li jindukraw; |
|
4.10. |
iqis li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Kura għandha tkun akkumpanjata mill-bini ta’ sistemi ta’ kura soċjali/istituzzjonali robusti, affordabbli u aċċessibbli. Għalhekk, jinħtieġ investiment strutturali f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba biex jiġu appoġġjati dawk li jeħtieġu l-kura u l-membri tal-familja tagħhom li jindukrawhom b’mod informali. Il-KESE jinnota li, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Impjegaturi Soċjali, CEMR u EPSU dwar ir-Rieżami tal-Governanza Ekonomika tal-UE (10) esprimiet it-tħassib tagħhom dwar il-mandat tal-Kunsill tal-UE għan-negozjati dwar ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar il-governanza ekonomika u tgħid li l-isforzi potenzjali tal-Istati Membri biex jinvestu fis-servizzi soċjali għall-benefiċċju tal-benesseri taċ-ċittadini tagħhom m’għandhomx jiġu mfixkla minn regoli tal-UE dwar il-governanza ekonomika (11). Il-KESE appella għal aktar skrutinju fil-fond mill-koleġiżlaturi, qabel l-adozzjoni ta’ Regolament ġdid dwar il-metodoloġija tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn sabiex tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza awtomatika mhux mixtieqa minħabba politiki ta’ awsterità ġodda, b’mod partikolari meta jitqies l-impatt soċjali tal-miżuri li se jiġu eventwalment previsti (12). |
|
4.11. |
jenfasizza li huwa forma ta’ inugwaljanza l-fatt li l-ħaddiema li fl-istess ħin jindukraw b’mod informali spiss ma jkunux jistgħu jkomplu b’impjieg regolari u fit-tul u ma jkunux jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom , liema sitwazzjoni taffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-akkwist tal-familji li jiddependu minn għajnuna informali u tikkawża tfaqqir materjali u immaterjali. Għalhekk, dan jirrappreżenta telf globali minn perspettiva ekonomika, peress li jinvolvi:
|
|
4.12. |
isostni li hemm bżonn li jiġu attivati forom ta’ promozzjoni tad-dritt ta’ solliev għal kulħadd. Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-persuni li jindukraw b’mod formali saru atturi dejjem aktar viżibbli fl-organizzazzjoni tas-sistemi soċjali, u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati issa trid tkun prijorità fuq l-aġenda politika. Uħud mill-bidliet li jaffettwaw miljuni ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea li jieħdu ħsieb in-nies fuq bażi ta’ kuljum jinkludu stennija tal-għomor itwal, it-tranżizzjoni għal kura fid-dar, u forom aktar inklużivi ta’ appoġġ. Dan jirrappreżenta kwistjoni politika u ta’ saħħa pubblika li għandha tiggwida l-istrateġiji tal-kura tal-iżjed persuni vulnerabbli biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn is-solidarjetà pubblika u l-appoġġ reċiproku tal-familja; |
|
4.13. |
iqis li huwa meħtieġ appoġġ komprensiv għan-nies fil-qafas tal-politiki soċjali Ewropej u jeħtieġ li jiġu appoġġjati u mħeġġa r-riformi tal-politiki soċjali nazzjonali. |
5. Lejn politiki ta’ appoġġ għall-kura informali tal-familja
|
5.1. |
Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja billi jieħdu passi adatti biex jadottaw politiki u miżuri maħsuba biex jappoġġjaw is-sitwazzjoni tal-persuni li jindukraw b’mod informali; il-KESE jieħu nota tat-talba tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-indokraturi tal-familja, b’mod partikolari b’segwitu għas-seduta tiegħu ta’ Marzu 2024, biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Kura, bil-għan li: |
|
5.1.1. |
jiżdied l-appoġġ formali billi tiġi żgurata u estiża l-firxa ta’ servizzi għall-persuni li jindukraw b’mod informali skont il-ħtiġijiet tagħhom permezz ta’ Proposta għal “Garanzija Ewropea għall-Kura” (13) u billi tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet diġà fis-seħħ; |
|
5.1.2. |
din il-garanzija tippermetti aċċess permanenti għas-servizzi tal-kura u tgħin biex jitnaqqsu d-disparitajiet fl-Ewropa jew fi ħdan l-Istati Membri f’termini ta’ disponibbiltà u affordabbiltà ta’ dawn is-servizzi; |
|
5.1.3. |
jissaħħu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-kura billi jiġu ffaċilitati d-dħul u l-moviment ta’ operaturi u ħaddiema mhux tal-UE; il-KESE jissuġġerixxi li ssir enfasi fuq il-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa, irrispettivament mill-istatus tal-migrazzjoni jew residenzjali tagħhom; |
|
5.1.4. |
tiġi kkonsolidata offerta wiesgħa ta’ servizzi ta’ kura fit-tul ta’ kwalità għolja permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ u ta’ titjib tal-ħiliet tal-persuni li jindukraw b’mod formali u informali; |
|
5.1.5. |
jiġu żgurati – anke bil-ħsieb li jiġu miġġielda l-burnout, il-piż mentali u fiżiku eċċessiv u l-abbuż – servizzi ta’ solliev u akkoljenza, servizzi ta’ prevenzjoni u ta’ monitoraġġ tas-saħħa, inklużi servizzi informali, b’mod partikolari għal sitwazzjonijiet ta’ kura fit-tul; |
|
5.1.6. |
jiġu żgurati servizzi fuq skala wiesgħa ta’ rispons f’emerġenza li għandhom jiġu attivati f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ kura jew ta’ saħħa; |
|
5.1.7. |
jiġi żgurat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuni fl-għażla li jkunu persuni li jindukraw b’mod informali billi jitneħħew il-kawżi sostantivi li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward; |
|
5.1.8. |
jiġu evitati r-riskji ta’ tfaqqir u deprivazzjoni materjali u immaterjali inkluż bi trasferimenti monetarji speċifiċi u appoġġ finanzjarju, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kura fit-tul u każijiet ta’ rinunzja jew telf ta’ xogħol regolari mħallas; |
|
5.1.9. |
tittieħed azzjoni biex jinżamm u jiġi kkumpensat il-livell tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi u personali meta mqabbel ma’ sistemi oħra tas-sigurtà soċjali; |
|
5.1.10. |
jiġu previsti miżuri u appoġġ biex l-indokraturi informali, li jkunu abbandunaw xogħolhom biex jiffukaw fuq il-kura, ikunu jistgħu jirritornaw lejn xogħol imħallas; issir enfasi fuq it-tkomplija tal-iżvilupp tal-karriera, ir-riintegrazzjoni professjonali u ż-żamma tar-rabtiet mad-dinja tax-xogħol; |
|
5.1.11. |
jiġu miġġielda, inkluż billi tissaħħaħ u tiġi estiża l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1158, sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza bejn il-ġeneri bejn il-persuni li jindukraw b’mod informali u li għandhom impjieg; |
|
5.1.12. |
jiġu inċentivati s-servizzi ta’ kura u tas-saħħa fid-djar biex jiġi evitat ir-riskju ta’ segregazzjoni u iżolament, iżda wkoll biex jippermettu l-monitoraġġ ta’ sitwazzjonijiet fejn hemm riskju ta’ burnout jew abbuż; |
|
5.1.13. |
tiġi ssorveljata l-kwistjoni tal-kura informali fil-livell Ewropew u jiġu vvalutati r-riżultati tal-miżuri introdotti fi ħdan il-mekkaniżmi ta’ riċerka u monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropea għall-Kura; |
|
5.1.14. |
jiġi ffaċilitat l-użu kosteffettiv tat-teknoloġiji tat-telekura, tal-komunikazzjoni u tal-appoġġ fid-djar mingħajr ma jitwarrab l-appoġġ uman; |
|
5.1.15. |
l-indokraturi tal-familja jiġu inklużi meta jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Kura u l-Appoġġ sabiex jiġu rikonoxxuti fis-Sistema Ewropea tal-Kura. |
Brussell, l-10 ta’ Lulju 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani: l-isplużjoni tal-fenomenu matul il-pandemija” ( ĠU C 75, 28.2.2023, p. 75).
(2) Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri” ( ĠU C 364, 28.10.2020, p. 77).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità għolja ( ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani: l-isplużjoni tal-fenomenu matul il-pandemija” ( ĠU C 75, 28.2.2023, p. 75).
(7) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità għolja ( ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1), minn hawn ’il quddiem imsejħa “ir-Rakkomandazzjoni”.
(8) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 lejn azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura (ĠU C 47, 7.2.2023, p. 30).
(9) Punt 3.2.
(10) https://www.ccre.org/img/uploads/piecesjointe/filename/EU_Economic_Governance_review_EPSU_CEMR_Social_Employers_Joint_Statement.pdf.
(11) Dikjarazzjoni Konġunta tal-Impjegaturi Soċjali, CEMR u EPSU dwar ir-Rieżami tal-Governanza Ekonomika tal-UE.
(12) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97”; “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv”; “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri” ( ĠU C, C/2023/880, 8.12.2023).
(13) ĠU C 140, 21.4.2023, p. 39 u ĠU C 486, 21.12.2022, p. 37.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6018/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)