|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5140 |
28.10.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-impatt ekonomiku tal-implimentazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-UE
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/5140)
Relatur:
Krister ANDERSSON|
Konsulenti |
Samuel CORNELLA (għar-relatur) Alex MONTEBELLO (għall-Grupp I) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
27.2.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
4.7.2025 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
16.7.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
598 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
182/2/8 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa favur l-objettivi ġenerali tas-sistema ta’ limitu u skambju tal-emissjonijiet tal-UE (Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet — ETS) fir-rwol tagħha għall-kisba ta’ ekonomija ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-emissjonijiet tas-CO2 se jitnaqqsu fil-każijiet meta l-ispiża tkun l-aktar baxxa, u b’hekk tinħoloq sistema kosteffettiva. L-ETS toħloq inċentivi għall-investiment fit-teknoloġija ekoloġika u għalhekk hija importanti għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
|
1.2. |
Madankollu, il-KESE josserva li t-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistema għandhom iqisu l-konsegwenzi tagħha għall-impjiegi fl-Ewropa, kif ukoll l-impatt soċjali tagħha. Huma meħtieġa analiżi u valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt fuq is-setturi, il-ktajjen tal-valur, ir-reġjuni u l-pajjiżi, abbażi ta’ metodoloġija komprensiva maqbula b’mod komuni. |
|
1.3. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ adatt bejn il-kisba tal-objettivi ambjentali ġenerali u, fl-istess ħin, li ma jinħolqux distorsjonijiet ekonomiċi jew li tiddgħajjef il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati l-effetti sekondarji ta’ strumenti bħal dawn fuq id-ditti u l-impjiegi fis-setturi kollha. F’dan ir-rigward, jinħtieġ li l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni tittejjeb b’mod sinifikanti. |
|
1.4. |
Il-KESE jirrimarka li l-mekkaniżmu tal-ETS iġib miegħu għadd ta’ implikazzjonijiet kritiċi rigward l-ispejjeż tal-konformità u l-effetti potenzjalment distorsivi, kif ukoll jimponi piż amministrattiv eċċessiv. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ kooperazzjoni internazzjonali robusta, inkluż minn barra l-UE, li tista’ tkun kemm diffiċli kif ukoll kumplessa. |
|
1.5. |
Kif diġà rrimarka l-KESE, il-pass mgħaġġel u l-miri ambizzjużi għat-tnaqqis tas-CO2 u d-disponibbiltà mnaqqsa tal-kwoti tal-gassijiet serra jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv il-kompetittività Ewropea fis-suq dinji, dment li għadd sostanzjali ta’ stati ma jiddeċidux li jsegwu l-eżempju tal-UE. |
|
1.6. |
Il-KESE jemmen li kwalunkwe miżura mmirata biex tixpruna d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tat-tbaħħir idealment għandha tkun globali fin-natura tagħha, mhux reġjonali jew unilaterali, sabiex jiġu evitati emissjonijiet tal-karbonju. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-ħidma li qed issir fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) — b’mod partikolari l-qafas tagħha marbut mal-Emissjonijiet Żero Netti, li jista’ jipprevjeni wkoll ir-regolamentazzjoni doppja jew il-pagamenti doppji. |
|
1.7. |
Il-KESE jappoġġja s-semplifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) imressaq reċentement. Huwa jqisu pass ’il quddiem biex jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi protett l-ambjent, u l-ħtieġa simultanja li jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-ekonomija u n-negozji tagħha, speċjalment l-SMEs. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex post tal-ETS biex timmonitorja l-effetti konkreti fuq in-negozji u l-impjiegi, sabiex kwalunkwe bidla meħtieġa tkun tista’ ssir f’qasir żmien. |
|
1.8. |
L-inklużjoni reċenti tas-setturi tat-trasport marittimu fi ħdan il-qafas tal-ETS ġabet magħha aktar sfidi, li għandhom impatt sinifikanti fuq il-katina loġistika tas-settur, mit-terminals tal-portijiet sal-konsumaturi finali. Minkejja l-klawżola dwar il-portijiet ġirien stabbilita fl-ETS (1), il-linji tat-tbaħħir huma inċentivati jidħlu f’portijiet mhux tal-UE, peress li l-UE ma għandha l-ebda ġuriżdizzjoni fuq l-operazzjonijiet ta’ trażbord li jseħħu fuq rotot barra mill-UE; il-KESE jinsab imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ spostament tas-suq fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ trażbord minn portijiet Ewropej lejn portijiet mhux tal-UE, u ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi li ma jużawx portijiet tal-UE, imma jużaw portijiet mhux tal-UE. |
|
1.9. |
Il-KESE jwissi li l-ETS tista’ toħloq diżinċentiv sinifikanti għall-investiment fil-portijiet tal-UE, li jwassal għal żbilanċ kompetittiv bejn il-portijiet tal-Mediterran li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE u portijiet kompetituri fil-qrib f’pajjiżi terzi, speċjalment dawk li jinsabu fl-Afrika ta’ Fuq. |
|
1.10. |
Għal pajjiż individwali, kunsinna ddevjata lejn port ieħor tista’ wkoll tinvolvi spejjeż, peress li l-ispejjeż tal-input għall-produzzjoni jiżdiedu f’dan l-istess pajjiż. Dan jaffettwa l-produzzjoni u l-impjieg f’dak il-pajjiż, u dawn l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-karbonju. Effett simili jseħħ jekk jiżdiedu l-ispejjeż tat-tbaħħir (il-Kummissjoni vvalutat dan għal 3,7 % fl-2024 u dan il-perċentwal qed jiżdied, jekk ma jsir l-ebda gwadann fil-produttività) u l-ispiża tgħaddi għand il-kumpanija li tipproduċi. Dan se jnaqqas il-produzzjoni u l-impjieg. Fil-ġejjieni, dawn l-ispejjeż għandhom jitqiesu b’mod adegwat fil-fażijiet tat-tfassil u tal-evalwazzjoni tas-sistema. |
|
1.11. |
Il-KESE josserva li l-ekonomiji tal-gżejjer, bħal Malta, Ċipru u l-Irlanda, u tal-Istati Membri ffukati ħafna fuq it-tbaħħir u l-attivitajiet marittimi, jistgħu jesperjenzaw pressjonijiet fuq l-ekonomiji tagħhom minħabba l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ETS, peress li huma partikolarment vulnerabbli għal żidiet fl-ispejjeż tat-tbaħħir minħabba d-dipendenza qawwija tagħhom minn attivitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni, li ħafna drabi jkunu s-sors ewlieni ta’ impjieg u żvilupp lokali. |
2. Kuntest tal-Opinjoni
|
2.1. |
Il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030. L-ETS, is-sistema ta’ limitu u skambju tal-emissjonijiet tal-UE, għandha rwol importanti ħafna fil-kisba ta’ ekonomija ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Permezz tal-ETS, is-CO2 sar forma ta’ ben negozjabbli li għalih japplika l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Billi jiġu limitati l-kwoti, l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu l-ewwel kull darba li l-ispiża tkun l-aktar baxxa, u b’hekk tinħoloq sistema kosteffiċjenti. Pari passu mal-iżvilupp tas-suq tan-negozjar tal-karbonju, ma tfaċċax biss suq tal-flus fil-pront fil-qasam tal-karbonju, iżda tfaċċaw ukoll b’mod gradwali ċerti swieq tad-derivattivi bħas-suq tal-futuri tal-karbonju, suq tal-għażliet, u suq forward. |
|
2.2. |
L-EU ETS tkopri madwar 40 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 tal-UE. Peress li l-livell ta’ CO2 fl-atmosfera huwa kwistjoni globali, sistema ta’ kummerċ kosteffettiva trid tkun uniformi u internazzjonali. Is-sitwazzjoni attwali, madankollu, hija frammentata ferm u ġew introdotti sistemi kummerċjali differenti f’diversi pajjiżi u reġjuni. Il-perċentwal ta’ emissjonijiet fuq livell globali li jinsabu f’xi tip ta’ sistema ETS huwa 24 % biss (2). |
|
2.3. |
Din l-Opinjoni tindirizza wħud mill-kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-ispejjeż ekonomiċi u l-implikazzjonijiet tal-EU ETS bħala sistema reġjonali. Is-settur marittimu se jingħata bħala eżempju, waqt li jiġi rikonoxxut li kull settur għandu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Madankollu, valutazzjoni tal-impatt ekonomiku għandha fundamentalment tkun ibbażata fuq metodoloġija ekonomika komuni (3). |
|
2.4. |
Il-KESE diġà esprima l-ħtieġa li jiġu analizzati l-effetti negattivi potenzjali tal-ETS fuq il-kompetittività tal-industrija u l-fornituri tas-servizzi Ewropej, kemm fis-setturi b’użu intensiv tal-karbonju kif ukoll b’mod ġenerali, u talab li jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, effetti negattivi fuq l-ekonomija u effetti soċjali negattivi bħall-qgħad, il-faqar enerġetiku, tensjonijiet bejn il-unions u l-impjegaturi, u l-faqar tal-mobbiltà (4). |
|
2.5. |
Għas-settur marittimu, il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-estensjoni tal-ETS għal bastimenti ta’ aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross li jidħlu fil-portijiet tal-UE u għal vjaġġi minn u lejn portijiet ta’ pajjiżi terzi, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma li għaddejja fi ħdan l-IMO li taqdi rwol kruċjali biex tintlaħaq soluzzjoni globali fir-rigward tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE taħdem b’mod attiv lejn il-kisba ta’ soluzzjoni vijabbli tal-IMO, li tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet (5). |
|
2.6. |
Il-KESE jilqa’ l-konsultazzjoni pubblika dwar l-ETS imnedija f’April 2025 u jappella għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-ETS ibbażata fuq evidenza empirika soda u analiżi komprensiva tal-konsegwenzi ekonomiċi. Jekk ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjoni tal-impatt sussegwenti possibbli jindikaw konsegwenzi negattivi serji għall-kompetittività tal-industriji tal-UE, se tkun meħtieġa reviżjoni mmirata tal-ETS u/jew tal-miżuri li jakkumpanjaw dan il-proċess. |
3. Introduzzjoni
|
3.1. |
Il-kontenut tas-CO2 huwa intrinsikament diffiċli biex jitkejjel. It-tfassil u l-implimentazzjoni konkreti tal-ETS u tas-CBAM huma kumplessi, u huwa diffiċli li jitbassru u jiġu vvalutati l-konsegwenzi ekonomiċi. Skont il-Kummissjoni, l-ETS hija mistennija tiġġenera dħul mill-baġit tal-UE ta’ madwar EUR 7 biljun fis-sena (fi prezzijiet tal-2018) mill-2024 ’il quddiem. Dan mistenni jiżdied għal madwar EUR 19-il biljun fis-sena mill-2028 ’il quddiem, meta d-dħul mill-ETS il-ġdida jidħol ukoll fil-baġit tal-UE (6). Fl-istess ħin, id-dħul annwali mill-ETS allokat lill-Istati Membri jista’ jaqbeż l-EUR 46 biljun, u b’hekk jiskorri bil-kbir dak li kien mistenni meta tressqet il-proposta “lesti għall-mira ta’ 55 %”. |
|
3.2. |
Fil-bidu tal-2024, l-EU ETS ġiet estiża għall-emissjonijiet tat-trasport marittimu. F’dan ir-rigward, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-bastimenti huma fost l-għodod ewlenin tal-Kummissjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport marittimu (7). |
|
3.3. |
L-ETS hija mfassla biex tinċentiva lill-kumpaniji jinvestu f’teknoloġiji aktar nodfa, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt ambjentali tagħhom. Is-sinjal tal-prezz ikkawżat mill-ETS joħloq inċentivi finanzjarji ċari għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex jinvestu fl-effiċjenza enerġetika. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tad-differenza fil-prezz bejn il-fjuwils fossili u rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u joħloq opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament għas-settur. Ta’ min jinnota wkoll li porzjon żgħir mid-dħul iġġenerat taħt l-ETS — madwar EUR 1,6 biljun sal-2030 — se jiġi dirett lejn il-Fond tal-UE għall-Innovazzjoni biex jappoġġja l-inizjattivi ta’ dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir. Madankollu, ninnotaw li dan il-fond għadu fil-biċċa l-kbira inaċċessibbli għal ċerti Stati Membri iżgħar. Malta, flimkien mal-Lussemburgu u l-Estonja, huma l-uniċi pajjiżi li għad iridu jiksbu appoġġ minn dan il-fond, minkejja li kkontribwew finanzjarjament għalih. Malta, b’mod partikolari, x’aktarx li mhux se tibbenefika minn dan il-mekkaniżmu minħabba limitazzjonijiet fil-kapaċità, u għalhekk l-iskema mhix ekwa fl-impatt tagħha. |
|
3.4. |
Madankollu, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti, kemm bejn is-setturi kif ukoll bejn il-pajjiżi u fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, huwa sfida reali. L-evażjoni tar-rekwiżiti tal-EU ETS titlob monitoraġġ adegwat tal-implimentazzjoni tas-sistema, b’mod partikolari biex tiġi identifikata mġiba evażiva biex b’hekk tiġi evitata fi stadju bikri (8). |
|
3.5. |
Mod potenzjali biex il-bastimenti jiġu skoraġġuti milli jevitaw portijiet fi Stat Membru tal-UE (jew pajjiż taż-ŻEE) u jiddevjaw minnhom huwa li jiġi evitat li portijiet mhux tal-UE, bħal dawk fl-Afrika ta’ Fuq, jitqiesu bħala l-bidu jew it-tmiem ta’ vjaġġ għall-fini tal-qafas tal-ETS, u b’hekk jitnaqqas l-inċentiv li jieqfu f’dawn il-hubs mhux tal-UE qabel jew wara li jidħlu fil-portijiet tal-UE. Dan inaqqsilhom il-possibbiltà li jevitaw l-imposti, peress li xorta jkunu meħtieġa jħallsuhom taħt is-sistema tal-ETS. L-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport għall-merkanzija huwa metodu evażiv ieħor li jista’ jkollu bżonn jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mġiba evażiva bħal din. |
|
3.6. |
Ir-regoli li jaffettwaw l-attivitajiet f’pajjiżi terzi jwasslu biex l-ETS turi natura ekstraterritorjali. Minħabba f’hekk, wieħed jista’ jargumenta li miżura bħal din tikser is-sovranità ta’ din il-ġuriżdizzjoni. Valutazzjoni tal-impatt komprensiva tqis dawn il-konsegwenzi ekonomiċi. Madankollu, minkejja li regoli bħal dawn jikkontribwixxu tabilħaqq għal kundizzjonijiet ekwivalenti mtejba fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u jgħinu fil-prevenzjoni ta’ mġiba ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-UE, l-aċċettazzjoni tagħhom fuq livell internazzjonali jaf tkun limitata peress li jimponu spejjeż addizzjonali fuq attivitajiet imwettqa f’pajjiżi terzi. Sa ċertu punt, l-impatt ekonomiku huwa simili għall-impożizzjoni ta’ tariffa jew dazju doganali (9). |
|
3.7. |
Barra minn hekk, meta aktar reġjuni jintroduċu l-verżjoni tagħhom tal-ETS, jiżdied ir-riskju ta’ duplikazzjoni ekstraterritorjali ta’ regoli minn pajjiżi terzi. Hemm il-possibbiltà li port jiġi inkluż fl-iskemi ta’ żewġ sistemi reġjonali jew aktar. Għalhekk, hija meħtieġa koordinazzjoni bejn il-blokok kummerċjali — fatt li qed jiġi kkunsidrat mill-OECD. Approċċ aktar ottimali huwa dak propost fi ħdan il-qafas tal-IMO: dan huwa approċċ globali, għall-kuntrarju ta’ approċċi reġjonali li jirriżultaw f’piżijiet amministrattivi ogħla u periklu ogħla ta’ tassazzjoni/pagamenti doppji. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-ftehim milħuq mill-IMO f’April 2025, li huwa mistenni li jiġi adottat f’Ottubru 2025. |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1. |
Il-KESE huwa favur l-objettivi ġenerali tal-ETS u s-CBAM f’termini ta’ dekarbonizzazzjoni, protezzjoni ambjentali u sostenibbiltà akbar. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi li, matul dawn l-aħħar 20 sena, l-ETS ikkontribwiet għad-dekarbonizzazzjoni u, b’hekk, il-manifattura u t-trasport bbażati fl-UE saru aktar nodfa. Madankollu, l-ETS naqset milli tipproteġi l-kompetittività tal-produzzjoni industrijali. Dan ma wassalx biss għal tnaqqis f’numri relattivi iżda wkoll f’numri assoluti, u jitfa’ dubju serju dwar l-effettività tal-ETS bħala miżura klimatika fil-livell globali. Naturalment, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe sistema, b’mod partikolari dawk reġjonali, għandhom ikunu kosteffettivi u l-konsegwenzi għall-impjiegi fl-Ewropa u l-impatt soċjali għandhom jiġu analizzati bir-reqqa. |
|
4.2. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ adatt bejn il-kisba tal-objettivi ambjentali ġenerali u, fl-istess ħin, li ma jinħolqux distorsjonijiet ekonomiċi jew li tiddgħajjef il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati l-effetti sekondarji ta’ dawn l-istrumenti. |
|
4.3. |
Il-KESE josserva li l-mekkaniżmu tal-ETS iġib miegħu għadd ta’ implikazzjonijiet kritiċi fir-rigward tal-ispejjeż tal-konformità, l-effetti potenzjalment distorsivi, l-inċertezza regolatorja u l-frammentazzjoni, kif ukoll piż amministrattiv eċċessiv (10). Barra minn hekk, l-applikazzjoni tiegħu teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali robusta, inkluż minn barra l-UE, li tista’ tkun kemm diffiċli kif ukoll kumplessa fost it-tensjonijiet attwali li qed jiżdiedu fil-kummerċ dinji. Biex jiffavorixxi l-koordinazzjoni internazzjonali fit-tul, il-qafas komprensiv reċenti tal-IMO jista’ jipprovdi suġġerimenti vijabbli (11). |
|
4.4. |
Il-KESE jemmen li l-konsegwenzi ekonomiċi għandhom jiġu mmonitorjati b’mod adegwat biex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-kompetittività Ewropea u, b’hekk, fuq l-impjiegi Ewropej. Tabilħaqq, waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin tal-iskemi ta’ inċentivi hija l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq uniku bejn il-produtturi tal-UE u l-importaturi minn pajjiżi mhux tal-UE f’setturi li għandhom impronta tal-karbonju għolja. Dan japplika wkoll għas-CBAM u l-objettiv tiegħu li jevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, f’uħud mis-swieq ewlenin barra mill-Unjoni Ewropea, il-kumpaniji joperaw f’kuntesti regolatorji li fihom il-karbonju ma jiġix ipprezzat (eż. uħud mill-istati tal-Istati Uniti) jew iġarrbu spejjeż aktar baxxi (eż. iċ-Ċina) (12). |
|
4.5. |
Is-sitwazzjoni attwali tinvolvi piż amministrattiv u operazzjonali sinifikanti tul il-katina tal-produzzjoni, li potenzjalment jirriżulta fi prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. |
|
4.6. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota wkoll li d-data u l-valutazzjonijiet ekonomiċi disponibbli bħalissa għall-ETS huma limitati ferm, u spiss ħafna mill-informazzjoni meħtieġa trid tingħata mill-produtturi fil-pajjiżi ta’ oriġini. Jidher li huwa diffiċli ferm li jiġu indirizzati tali kumplessità u frammentazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tal-qafas legali Ewropew fil-livell nazzjonali. |
|
4.7. |
Skont stima tal-Kummissjoni, l-estensjoni tal-ETS għat-tbaħħir u l-obbligu għall-kumpaniji tat-tbaħħir li jċedu l-kwoti tal-UE żiedu l-kostijiet totali tat-tbaħħir b’medja ta’ 3,7 % fl-2024. Fl-2025 u l-2026 huma mbassra żidiet ogħla (13) u d-data minn rotot eżistenti fl-Adrijatiku diġà turi żieda sa 17 % din is-sena. Mhuwiex ċar sa liema punt is-settur marittimu jista’ jpaċi dawn iż-żidiet fl-ispejjeż b’miżuri oħra ta’ tnaqqis tal-ispejjeż (produttività akbar, inqas impjegati, eċċ.). Barra minn hekk, peress li l-kostijiet huma mifruxa fis-settur, l-inċentivi għal kumpanija individwali biex tinternalizza l-ispiża huma limitati. Għalhekk, hemm riskju ċar li l-konsumaturi tagħhom se jġarrbu prezzijiet ogħla, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess. Huwa diżappuntanti wkoll li wieħed jinnota n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni dovuta mill-Kummissjoni għall-effetti sproporzjonati tal-ETS fuq l-Istati Membri gżejjer u l-Istati Membri b’dipendenza sinifikanti mit-trasport marittimu minħabba interkonnessjonijiet intermodali limitati dovuta għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom. |
|
4.8. |
Wieħed jistenna li ż-żidiet fl-ispejjeż jiġu riflessi fil-kostijiet tal-produzzjoni għall-parti l-kbira tas-setturi l-oħra u eventwalment fil-prezzijiet tal-konsumatur, li jaffettwa l-għoli tal-ħajja. Ta’ min isemmi li l-istudji li saru dwar dan is-suġġett huma ftit. Studju wieħed dwar l-effetti taż-żidiet fl-ispejjeż tal-ETS mill-2018 ’l hawn jikkonkludi li d-ditti li jniġġsu jpaċu ż-żieda fl-ispejjeż tat-tniġġis billi jtejbu l-produttività b’mod sistematiku u spiss inaqqsu d-daqs tal-forza tax-xogħol tagħhom (14). Normalment, iż-żieda fl-ispejjeż tnaqqas il-produzzjoni u għalhekk tnaqqas l-impjieg kif ukoll l-użu tal-assi. |
|
4.9. |
Wieħed jista’ jargumenta li l-għeluq ta’ ċerti faċilitajiet ta’ produzzjoni huwa ġġustifikat, peress li jagħmel parti mit-tranżizzjoni lejn produzzjoni ħielsa mill-karbonju. Madankollu, huwa importanti ħafna li effetti bħal dawn jiġu inklużi fi kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, inkluż billi jiġu estiżi l-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiku eżistenti jew kontinwi għal data aktar granulari, abbażi ta’ metodoloġija miftiehma mar-rappreżentanti tal-industrija, ix-xjenzjati, u l-komunità akkademika. Ovvjament, l-evażjoni tar-regoli jeħtieġ li tiġi mmonitorjata, u daqstant ieħor l-effett fuq l-impjieg u l-kompetittività f’setturi, reġjuni u Stati Membri differenti. |
|
4.10. |
Kif diġà indika l-KESE, il-pass mgħaġġel u l-livell għoli ta’ ambizzjoni għat-tnaqqis tas-CO2 u d-disponibbiltà mnaqqsa tal-kwoti tal-gassijiet serra se jinfluwenzaw b’mod negattiv il-kompetittività Ewropea fis-suq dinji, dment li għadd sostanzjali ta’ stati ma jiddeċidux li jsegwu l-eżempju tal-UE (15). Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu. |
|
4.11. |
F’Mejju 2023, l-Unjoni Ewropea introduċiet is-CBAM biex tapplika prezz għall-emissjonijiet integrati f’ċerti prodotti importati minn pajjiżi mhux tal-UE. Ma ġietx inkluża dispożizzjoni simili għall-esportazzjonijiet, u dan irriżulta fi żvantaġġ komparattiv għall-esportaturi Ewropej. Ilu mistenni li tinstab soluzzjoni għall-esportazzjoni. Il-Kummissjoni rrevediet u espandiet ukoll l-ETS għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-UE (li ġiet stabbilita għall-ewwel darba fl-2003 u daħlet fis-seħħ fl-2005). |
|
4.12. |
Is-CBAM se jibda japplika definittivament fl-2026, waqt li l-fażi tranżizzjonali attwali bdiet fl-2023 u se tasal fi tmiemha fl-2025. L-introduzzjoni gradwali tas-CBAM hija allinjata mal-eliminazzjoni gradwali tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti skont l-EU ETS sabiex tiġi appoġġjata gradwalment id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-UE. Il-KESE josserva li r-restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà tal-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għandhom jiġu mmonitorjati b’mod adegwat, u possibbilment posposti, jekk is-CBAM ma jaħdimx b’mod effettiv u l-kundizzjonijiet ekonomiċi globali jirrikjedu adattamenti. |
|
4.13. |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa s-semplifikazzjoni tas-CBAM imressaq reċentement bħala parti mill-Pakkett Omnibus bħala pass ’il quddiem biex jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi protett l-ambjent, u l-ħtieġa simultanja li jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq in-negozji, speċjalment l-SMEs. F’dan ir-rigward, fil-futur il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex post biex jiġu mmonitorjati l-effetti konkreti fuq in-negozji u l-impjiegi, sabiex kwalunkwe bidla meħtieġa tkun tista’ ssir f’qasir żmien. |
|
4.14. |
Il-KESE jittama li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv fil-valutazzjoni tal-impatt u l-effetti konkreti tal-qafas tal-ETS u fid-definizzjoni ta’ miżuri possibbli għall-adattament u l-irfinar ta’ qafas bħal dan, bħala parti mill-involviment tagħhom fi tranżizzjoni ekoloġika ġusta. |
5. Kummenti speċifiċi: fokus fuq is-settur marittimu
|
5.1. |
L-inklużjoni reċenti tas-setturi tat-trasport marittimu fi ħdan il-qafas tal-ETS ġabet magħha aktar sfidi, li għandhom impatt fuq il-katina loġistika tas-settur, mit-terminals tal-portijiet sal-konsumaturi finali. Minkejja l-fatt li l-waqfiet f’portijiet mhux tal-UE, bħal dawk fl-Afrika ta’ Fuq, ma jistgħux jitqiesu bħala l-bidu jew it-tmiem ta’ vjaġġ għall-fini tal-qafas tal-ETS, biex b’hekk jitnaqqas l-inċentiv li jieqfu f’dawn il-hubs mhux tal-UE qabel jew wara li jidħlu fil-portijiet tal-UE (16), il-KESE jinsab imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ rispons tas-suq fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ trażbord minn portijiet Ewropej lejn portijiet mhux tal-UE (17) u ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jużaw portijiet mhux tal-UE minflok ma jużaw portijiet tal-UE. |
|
5.2. |
L-implimentazzjoni tal-ETS tista’ toħloq diżinċentiv sinifikanti għall-investiment fil-portijiet tal-UE, li jwassal għal żbilanċ kompetittiv bejn il-portijiet tal-Mediterran li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE u portijiet kompetituri fil-qrib f’pajjiżi terzi, speċjalment dawk li jinsabu fl-Afrika ta’ Fuq. Tendenza bħal din tiġi kkonfermata jekk l-investimenti minn linji ewlenin tat-tbaħħir jiżdiedu b’mod sproporzjonat fil-portijiet li jinsabu f’kontinenti oħra, bħala mod prattiku biex jitħejjew alternattivi biex jiġi evitat il-qafas regolatorju tal-UE. |
|
5.3. |
Bħala sfida addizzjonali, il-KESE josserva li d-diffikultajiet b’rabta mal-ETS jaggravaw l-iżvantaġġ kompetittiv li jiffaċċjaw il-portijiet tal-UE peress li diversi portijiet oħra tal-Afrika ta’ Fuq jibbenefikaw minn kostijiet lavorattivi aktar baxxi, appoġġ statali u vantaġġi oħra li jgawdu bħalissa t-trasportaturi li jużaw portijiet ġirien. Dawn il-fatturi jagħmluha aktar diffiċli għat-trasportaturi li jużaw il-portijiet tal-UE biex jassorbu l-ispejjeż tal-emissjonijiet b’mod aktar effiċjenti. Minn perspettiva oħra, it-tbaħħir fuq distanzi qosra jista’ jġarrab telf ta’ kompetittività minħabba applikazzjoni stretta tal-ETS, li jwassal għal riżultati inċerti f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali. |
|
5.4. |
Il-KESE josserva wkoll li l-ekonomiji tal-gżejjer, bħal Malta, Ċipru u l-Irlanda, u tal-Istati Membri ffukati ħafna fuq it-trasport marittimu u l-attivitajiet marittimi, jistgħu jesperjenzaw pressjonijiet fuq l-ekonomiji tagħhom minħabba l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ETS, peress li huma partikolarment vulnerabbli għal żidiet fl-ispejjeż tat-trasport marittimu minħabba d-dipendenza qawwija tagħhom minn attivitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni, li ħafna drabi huma s-sors ewlieni ta’ impjieg u żvilupp lokali. Kif deskritt b’mod ċar fir-Rapport ta’ Ricardo (2021), ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, il-paġna 136 tenfasizza speċifikament l-impatt sproporzjonat tal-EU ETS fuq ċerti Stati Membri. Fiż-żmien tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt, ir-riskju ma kienx ikopri bl-ebda mod it-tfixkil fil-Baħar l-Aħmar, u dan jafferma l-integrità xjentifika tas-sejbiet tar-rapport. Huwa diżappuntanti li wieħed jinnota n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni dovuta mill-Kummissjoni għall-effetti sproporzjonati tal-ETS fuq l-Istati Membri gżejjer u l-Istati Membri b’dipendenza sinifikanti mit-trasport marittimu minħabba interkonnessjonijiet intermodali limitati dovuta għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom. |
|
5.5. |
Is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ Ceuta u Melilla jenħtieġ li titqies ukoll fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-impatt tal-mekkaniżmu tal-ETS. |
|
5.6. |
F’termini ġenerali, il-KESE huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-ETS għall-prodotti industrijali sa minn nofs is-snin 2000 ċertament toffri xi tagħlimiet utli għall-kisba ta’ implimentazzjoni tajba tal-qafas tal-EU ETS fis-settur marittimu wkoll. |
|
5.7. |
Bħala eżempju konkret, jekk bastiment li jġorr merkanzija minn Singapore sa Rotterdam jgħaddi mill-Kanal ta’ Suez u jidħol f’port f’Malta, il-kwoti tal-EU ETS iridu jiġu ċeduti. Jekk il-bastiment minflok juża port mhux tal-UE, it-tariffa tal-emissjonijiet tal-karbonju tkun ħafna aktar baxxa peress li vjaġġ f’port mhux tal-UE jġorr biss 50 % tat-tariffa tal-emissjonijiet tal-karbonju. |
|
5.8. |
Jekk il-bastiment ikun qed iġorr għexieren ta’ eluf ta’ telefowns ċellulari, l-ispiża miżjuda għal kull telefown tammonta biss għal ftit ċenteżmi għal kull telefown, iżda l-kumpanija tat-tbaħħir xorta tista’ tevita eluf ta’ euro fi spejjeż addizzjonali billi tagħżel port fl-Eġittu jew xi mkien ieħor fl-Afrika ta’ Fuq. Għall-industrija tat-tbaħħir li hija sensittiva ħafna għat-tbaħħir, riskju bħal dan huwa partikolarment għoli. |
|
5.9. |
Għal pajjiż individwali, kunsinna ddevjata lejn port ieħor tista’ wkoll tinvolvi spejjeż, peress li l-ispejjeż tal-input għall-produzzjoni jiżdiedu f’dan l-istess pajjiż. Dan jaffettwa l-produzzjoni u l-impjieg f’dak il-pajjiż, u dawn l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-karbonju. Pereżempju, jekk kumpanija li fil-produzzjoni tagħha kienet tiddependi minn oġġetti tal-input ipprovduti minn bastiment li jidħol f’port fil-qrib u issa se jkollha timporta l-merkanzija tagħha billi tikri bastiment iżgħar biex tiġbor il-merkanzija minn pajjiż (jew kontinent) barrani, iż-żieda fl-ispejjeż tista’ tkun sinifikanti. Dan jista’ jiġri wkoll jekk il-bastiment ikompli jidħol fil-port fil-qrib jekk iż-żieda fl-ispejjeż tat-tbaħħir minħabba l-ispejjeż tal-emissjonijiet tingħadda lill-kumpanija li tipproduċi (bi 3,7 % jew kwalunkwe perċentwal ieħor). Tali effett fuq il-produzzjoni, l-impjieg u l-konsegwenzi soċjali għandu jitqies b’mod adegwat waqt it-tfassil u l-evalwazzjoni tas-sistema. |
|
5.10. |
Il-KESE jinnota li s-settur marittimu jista’ jkun partikolarment diffiċli li jiġi rregolat minħabba s-sensittività tal-prezzijiet tiegħu u t-tendenza li jadatta malajr għall-bidliet regolatorji. Jekk l-operazzjonijiet jibdew jiddevjaw lejn ġuriżdizzjonijiet oħra, din ix-xejra x’aktarx se tkun diffiċli li titreġġa’ lura u setturi oħra tal-ekonomiji marittimi jistgħu jbatu b’mod sinifikanti mill-proċess. Dan it-tip ta’ riskju għandu jitqies b’mod adegwat meta jiġi vvalutat l-impatt tar-regolamentazzjoni. |
|
5.11. |
Il-KESE jemmen li kwalunkwe miżura mmirata biex tixpruna d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tat-tbaħħir idealment għandha tkun globali u mhux reġjonali jew unilaterali fin-natura tagħha, sabiex jiġu evitati emissjonijiet tal-karbonju. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-ħidma li qed issir fl-OMI, b’mod partikolari l-qafas tagħha marbut mal-Emissjonijiet Żero Netti. |
|
5.12. |
Hija u ssir ħidma fuq sistema globali vijabbli fit-tul, huwa importanti ħafna li jiġu vvalutati l-konsegwenzi ekonomiċi għall-Istati Membri u għal setturi differenti tal-ekonomija. Huwa importanti wkoll li jiġi evitat li pajjiżi terzi jikkontestaw miżuri li huma ta’ natura ekstraterritorjali. Il-fatt li l-portijiet ta’ pajjiżi terzi mhumiex inklużi bis-sħiħ fis-sistema tal-ETS jipprevjeni kundizzjonijiet ekwi, dment li reġjuni oħra ma jkollhomx standards tas-CO2 ekwivalenti għal dawk Ewropej. |
|
5.13. |
Il-Kummissjoni bdiet semplifikazzjoni impressjonanti tas-CBAM. Din jistħoqqilha attenzjoni u appoġġ adegwat. Madankollu, minħabba l-kumplessità tas-sistemi bis-CBAM u l-ETS, hemm lok għal aktar titjib mingħajr ma tiġi pperikolata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija aktar ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. |
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Waqfiet f’portijiet mhux tal-UE bħal dawk fl-Afrika ta’ Fuq ma jistgħux jitqiesu bħala l-bidu jew it-tmiem ta’ vjaġġ għall-fini tal-qafas tal-ETS, u b’hekk jitnaqqas l-inċentiv li jieqfu f’dawn il-hubs mhux tal-UE qabel jew wara li jidħlu fil-portijiet tal-UE.
(2) Bank Dinji, Global Carbon Pricing Revenue Top a Record $100 Billion , stqarrija għall-istampa, Mejju 2024 (mhux disponibbli bil-Malti): https://www.worldbank.org/en/news/press-release/2024/05/21/global-carbon-pricing-revenues-top-a-record-100-billion.
(3) Il-proposti kollha, inklużi l-proposti ta’ semplifikazzjoni, jeħtieġ jiġu vvalutati u skrutinizzati fil-valutazzjonijiet tal-impatt.
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757” (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030” (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD)) ( ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757” (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030” (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD)) ( ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175). F’April 2025, intlaħaq ftehim dwar il-kisba ta’ emissjonijiet żero netti mit-trasport marittimu globali sal-2050:IMO approves net-zero regulations for global shipping (mhux disponibbli bil-Malti): https://www.imo.org/en/mediacentre/pressbriefings/pages/imo-approves-netzero-regulations.aspx.
(6) Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tressaq pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji , Ġunju 2023: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_23_3328.
(7) Is-sistema tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu bdiet fl-2018, bħala l-ewwel pass qabel l-inklużjoni ta’ dawn l-emissjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS. Is-sistema tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tkopri l-emissjonijiet mill-bastimenti l-kbar kollha (aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross) li jidħlu f’port tal-UE.
(8) Id-Direttiva dwar l-EU ETS tirrikjedi li l-Kummissjoni timmonitorja l-estensjoni tal-ETS għas-settur tat-trasport marittimu u tirrapporta s-sejbiet tagħha kull sentejn. Ara r-rapport mill-Kummissjoni dwar Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tat-trasport marittimu (COM(2025) 110 final), 18.3.2025.
(9) Aktar ma l-ambizzjoni ambjentali tiskorri l-ambizzjoni korrispondenti fil-pajjiżi jew ir-reġjuni ġirien, aktar ikun hemm bżonn li l-firxa tal-miżuri tiġi estiża għal barra mill-ġuriżdizzjonijiet, biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi kompetittivi u, għalhekk, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
(10) Fis-settur marittimu, aktar minn 12 000 bastiment mid-dinja kollha jirrapportaw l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom b’rabta mal-vjaġġi li jagħmlu fl-UE kull sena, u dan ilhom jagħmluh mill-2018 ’l hawn. Huwa ċar li tinħoloq spiża amministrattiva konsiderevoli kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku li jamministra s-sistema. L-iskemi ta’ inċentivi (il-Fond għall-Innovazzjoni, eċċ.) jinvolvu spejjeż addizzjonali f’termini ta’ applikazzjoni, trattament u kontroll sabiex jiġi evitat l-abbuż.
(11) Fl-Opinjoni tiegħu dwar Diplomazija tal-UE dwar il-klima (ĠU C, C/2024/1575, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1575/oj), il-KESE stieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jarrikkixxu s-sett ta’ għodod tad-diplomazija dwar il-klima b’inizjattivi li m’għandhomx l-għan biss li jżidu l-ambizzjonijiet klimatiċi iżda wkoll li jikkondividu l-esperjenza tal-UE u jindirizzaw ir-riskji b’rabta mal-klima.
(12) Waqt li s-CBAM għandu regoli biex jindirizza l-effetti tal-karbonju fl-importazzjonijiet, preżentement ma hemm l-ebda regola bħal din għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-esportazzjonijiet. Dan għandu implikazzjonijiet kbar għal setturi bħall-azzar fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq dinji. Neħtieġu valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, kemm għan-nuqqas ta’ azzjoni kif ukoll għal kwalunkwe proposta biex jiġu rimedjati l-effetti.
(13) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697, (UE) 2021/1153, (UE) 2023/1525 u 2024/795 fir-rigward tal-inċentivar ta’ investimenti relatati mad-difiża fil-baġit tal-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ReArm Europe (COM(2025) 110 final).
(14) L-istudju jirrapporta żieda diretta ta’ 5,2 % fil-probabbiltà ta’ tnaqqis fid-daqs fil-perjodu ta’ wara l-intervent. Boeckx, J., Struyfs, K. and Torsin, W., “Green pressure, lean measures: Unveiling corporate downsizing within the European Union Emissions Trading System”, Journal of Financial and Quantitative Analysis, 2025, pp. 1-61. doi:10.1017/S0022109025000237 (mhux disponibbli bil-Malti).
(15) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757” (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030” (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD)) ( ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175).
(16) Bħala miżura kontra l-evażjoni, id-Direttiva dwar l-ETS teskludi “portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien” (b’>65 % tal-ishma tat-trażbord u fi ħdan 300 nm ta’ port tal-UE) mid-definizzjoni ta’ “port ta’ waqfa”. Dan ifisser li l-waqfiet f’dawn il-portijiet mhux tal-UE ma jistgħux jitqiesu bħala l-bidu jew it-tmiem ta’ vjaġġ, u b’hekk jitnaqqas l-inċentiv li jieqfu f’dawn il-hubs mhux tal-UE qabel jew wara li jieqfu f’portijiet tal-UE.
(17) Il-Kummissjoni ma ssib l-ebda żvilupp bħal dan fir-rapport ta’ monitoraġġ tagħha: COM(2025) 110 final.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5140/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)