52008PC0863

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2008/0863 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.12.2008

KUMM(2008) 863 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA) fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra:

(i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA.

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew datata t-23 ta' Ottubru 2007, il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA ġie nnegozjat biex jiġi evitat li jitħarbat il-kummerċ mal-Komunità mal-iskadenza tar-reġim kummerċjali stabbilit fl-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou fil-31 ta' Diċembru 2007 u r-rinunzja tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li tkopri dan ir-reġim kummerċjali. Dawn in-negozjati ngħalqu bl-iffirmar permezz tal-inizjali tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA fit-28 ta’ Novembru 2007 mas-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe, fl-4 ta’ Diċembru 2007 mal-Mawrizju u fil-11 ta’ Diċembru 2007 mal-Komoros u l-Madagaskar.

B’riżultat ta’ dan, ħamsa mis-sitt Stati ESA (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe) ġew inklużi fil-lista ta’ pajjiżi fl-Anness 1 tar-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq tal-EPA adottat mill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2007[1] li bbenefikaw mill-offerta għall-aċċess għas-suq Komunitarju li saret fil-kuntest tal-EPAs mill-1 ta’ Jannar 2008. L-inklużjoni tagħhom f’din il-lista se ssir permanenti wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA. Dan se jiżgura reġim kummerċjali armonizzat bl-UE tipprovdi aċċess aħjar għas-suq għall-Istati ESA kollha li ffirmaw bl-inizjali, inklużi ż-żewġ pajjiżi rikonoxxuti bħala Pajjiżi l-Inqas Żviluppati min-Nazzjonijiet Uniti. Peress li ż-Żambja ma ppreżentatx offerta ta' aċċess għas-suq, ma ġietx inkluża fir-Regolament. Bħala LDC, iż-Żambja tkompli tibbenefika mir-reġim kummerċjali Kollox Ħlief Armi (EBA).

L-ambitu tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA bejn l-Istati ESA u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha se jiġi estiż b'dak li joħroġ min-negozjati għal EPA komprensiv milħuq sa Diċembru 2008. Dan jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għat-twaqqif ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994[2]. Dan il-ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet dwar regoli ta' oriġini, miżuri mhux tariffarji, miżuri ta' difiża kummerċjali, evitar u soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll sajd, żvilupp u dispożizzjonijiet amministrattivi u istituzzjonali.

In-negozjar ta' EPA sħiħ ikompli b'mod konsistenti mad-direttivi għal EPAs mal-Istati AKP adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Ġunju 2002.

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali jinkludu Kumitat tal-ESA magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-ftehim.

Sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA, il-ftehim interim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u f’konformità mad-direttivi tan-negozjati mill-Kunsill u titlob lill-Kunsill:

- biex jawtorizza l-firma, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA bejn l-Istati ESA u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha;

- biex japprova l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA bejn l-Istati ESA u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha sakemm tidħol fis-seħħ.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 133 u 181 flimkien mal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Billi:

(1) Fit-12 ta’ Ġunju 2002 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi tal-AKP.

(2) In-negozjati ta' ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (minn hawn 'il quddiem 'EPA interim') ġew konklużi fit-28 ta’ Novembru 2007 mas-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe. Fl-4 ta’ Diċembru 2007, l-EPA interim ġie ffirmat bl-inizjali mill-Mawrizju u fil-11 ta’ Diċembru 2007 mill-Komoros u l-Madagaskar.

(3) L-Artikolu 62(4) tal-EPA interim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tiegħu sakemm dan jidħol fis-seħħ.

(4) L-EPA interim għandu jkun iffirmat f’isem il-Komunità u applikat fuq bażi provviżorja bil-kundizzjoni li jiġi konkluż f’data aktar tard.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-nofsinhar u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-EPA msemmi.

It-test tal-EPA interim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna/i bil-poter li jiffirmaw l-EPA interim f'isem il-Komunità Ewropea bil-kundizzjoni li jiġi konkluż.

Artikolu 3

L-EPA interim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja kif stipulat fl-Artikolu 62(4) tal-Ftehim interim, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika notifika li tagħti tagħrif dwar id-data tal-applikazzjoni provviżorja.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT LIMITAT ESKLUSSIVAMENT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1. ISEM IL-PROPOSTA:

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra.

2. IL-LINJI TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: 12/120

Ammont stmat għas-sena kkonċernata: 16 431 900 000 (Baġit 2008)

3. IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

4. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 22, tal-Ftehim bejn l-Istati tal-ESA u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 mehmuż miegħu. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u dawn għandhom jiġu rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni se twettaq kontrolli regolari fuq il-post u li jkunu bbażati fuq dokumenti.

5. RIMARKI OĦRAJN

It-tariffi doganali kollha li jifdal fuq il-prodotti li joriġinaw minn dawk ir-reġjuni jew stati tal-AKP li kkonkludew in-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jew ftehimiet li jinkludu arranġamenti kummerċjali kompatibbli mad-WTO tneħħew permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1528/2007. Għalhekk, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju addizzjonali assoċjat ma’ din il-proposta.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill 1528/2007

[2] Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (1994).

[3] ĠU C , , p. .