Official Journal L 021 , 30/01/1992 P. 0004 - 0006
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0046
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0046
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 189/92 tas-27 ta' Jannar 1992 li jadotta dispożizzjonijiet sabiex jiġu applikati ċerti miżuri ta' kontroll adottati mill-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja għall-konservazzjoni u t-tmexxija tar-riżorsi tas-sajd [1], kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985 u partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi l-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni futura multilaterali fil-postjiet tas-sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral, minn issa 'l quddiem imsejħa l-Konvenzjoni NAFO, kienet approvata mill-Kunsill bir-Regolament (KEE) Nru 3179/78 [2] u mdaħħla fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979; Billi l-Organizzazzjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) imwaqqfa bil-Konvenzjoni NAFO adottat Skema ta' Spezzjoni Kongunta Internazzjonali li ġiet adottata mill-Kunsill bir-Regolament (KEE) Nru 1956/88 [3]; Billi l-Kummissjoni tas-Sajd tan-NAFO, fit-13-il Laqgħa Annwali tagħha, li saret f'Dartmouth fit-13 ta' Settembru 1991, adottat proposta sabiex tiġi stabbilita miżura ta' kontroll, li teħtieġ li ċerti bastimenti tas-sajd jibagħtu ċertu tagħrif rigward l-attivitajiet tagħhom fl-arja regolatorja tan-NAFO; billi din il-proposta hija aċċettabbli għall-Komunità, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità li għalih tapplika l-iskema ta' spezzjonijiet kongunti internazzjonali tan-NAFO għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u fl-istess waqt lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom, skond ir-regoli preskritti f'dan l-Anness, it-tagħrif dikjarat fih. L-Artikolu 2 Fi żmien 24 siegħa mill-wasla tar-rapporti, kull meta jkun possibbli, il-Kummissjoni għandha tittrasmetti t-tagħrif miġjub fihom lis-Segretarju Esekuttiv tan-NAFO. L-Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Jannar 1992. Għall-Kunsill Il-President A. Marques Da Cunha [1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1. [2] ĠU L 378, tat-30.12.1978, p. 1. [3] ĠU L 175, tas-6.7.1988, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS 1. Il-komunikazzjonijiet deskritti hawn taħt għandu jkollhom it-titolu ta' "rapport tan-NAFO". It-tagħrif li jrid jintbagħat, li għandu jkun preżentat fil-forma speċifikata, huwa dan li ġej: 1.1. kull dħul tal-bastiment fl-Arja Regolatorja. Dan ir-rapport għandu jsir mill-inqas sitt sigħat minn qabel id-dħul tal-bastiment u għandu jkun fih il-partikolaritajiet li ġejjin fl-ordni li ġejja: - l-isem tal-bastiment, - is-sinjal tas-sejħa, - l-ittri u n-numri ta' identifikazzjoni fuq barra, - id-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika, - turija tal-kodiċi tal-messaġġ: "DĦUL", - it-taqsima tan-NAFO li fiha l-bastiment ikun wasal biex jidħol, - l-isem tal-kaptan; 1.2. kull ċaqliq minn taqsima waħda tan-NAFO għal taqsima oħra tan-NAFO ħlief meta jkun hemm ċaqliq bejn it-taqsimiet 3L u 3N, u 3N u 3O skond il-kondizzjonijiet provduti f'1.3, u kull ċaqliq miż-żona delimitata ta' 10 mili minn kull naħa tal-linji li jisseġaraw id-diviżjonijiet 3L u 3N, u 3N u 30 meta ma jibqgħux japplikaw il-kondizzjonijiet dikjarati f'1.3. Dawn ir-rapporti għandhom isiru minn qabel il-bastiment jidħol fit-taqsima tan-NAFO u għandu jkollhom il-partikolaritajiet li ġejjin fl-ordni li ġejja: - l-isem tal-bastiment, - is-sinjal tas-sejħa, - l-ittri u n-numri ta' identifikazzjoni fuq barra, - id-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika, - turija tal-kodiċi tal-messaġġ: "ĊAQLIQA", - it-taqsima tan-NAFO li fiha l-bastiment ikun wasal biex jidħol, - l-isem tal-kaptan; 1.3. il-bastimenti li jkunu qegħdin imexxu sajd minn żona għall-oħra (trans-żonali) bejn it-taqsimiet tan-NAFO 3L u 3N jew bejn it-taqsimiet 3N u 3O li jaqsmu l-linja li tifred dawn it-taqsimiet għal iktar minn darba matul il-perjodu taż-żmien ta' 24 siegħa wara xulxin, u basta illi jibqgħu ġewwa ż-żona delimitata (ta' 10 mili fuq kull naħa tal-linja bejn it-taqsimiet) għandhom jirraportaw il-partikolaritajiet li ġejjin fl-ordni li ġejja meta jaqsmu għall-ewwel darba l-linja bejn it-taqsimiet u f'intervalli li ma jaqbżux l-24 siegħa minn dan il-ħin (fil-waqt li jibqgħu ġewwa ż-żona delimitata): - l-isem tal-bastiment, - is-sinjal tas-sejħa, - l-ittri u n-numri ta' identifikazzjoni fuq barra, - id-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika, - turija tal-kodiċi tal-messaġġ: "ŻONA", - l-isem tal-kaptan; 1.4. kull ħruġ miż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom isiru minn qabel il-ħruġ tal-bastiment miż-Żona Regolatorja u għandu jkun fihom il-partikolaritajiet li ġejjin fl-ordni li ġejja: - l-isem tal-bastiment, - is-sinjal tas-sejħa, - l-ittri u n-numri ta' identifikazzjoni fuq barra, - id-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika, - turija tal-kodiċi tal-messaġġ: "ĦRUG", - it-taqsima tan-NAFO li minnha l-bastiment ikun wasal biex jitlaq, - l-isem tal-kaptan. 2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet provduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi reġistrat it-tagħrif dwar il-qbid tal-ħut mill-Istati Membri [1], wara kull transmissjoni bir-radjo tat-tagħrif deskritt fil-punt 1 għandhom jiddaħħlu fil-pront fir-reġistru tal-bastiment id-dettalji li ġejjin: - id-data u l-ħin tat-trasmissjoni, - fil-każ ta' trasmissjonijiet bir-radju, l-isem ta' l-istazzjon tar-radju li minnu tkun saret it-trasmissjoni. 3.1. It-tagħrif speċifikat skond il-punt 1 għandu jiġi trasmess lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fi Brussel (telex 24189 FISEU-B) u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' l-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu. 3.2. Jekk għal raġunijiet ta' forza maġġuri ma jkunx possibbli li jintbagħat il-messaġġ mill-bastiment, għandu jiġi trasmess f'isem il-bastiment minn bastiment ieħor. [1] ĠU L 276, ta' l-10.10.1983, p. 1. --------------------------------------------------