SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 13 u 14 – Kamp ta’ applikazzjoni – Data personali miksuba permezz ta’ kamera korporali minn spetturi tal-biljetti fuq it-trasport pubbliku – Bażi legali tal-obbligu ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data li jaqa’ fuq il-kontrollur”

Fil-Kawża C‑422/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

Integritetsskyddsmyndigheten

vs

AB Storstockholms Lokaltrafik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Ziemele, M. A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Integritetsskyddsmyndigheten, minn C. Agnehall, A. Persson u D. Törngren, bħala aġenti,

–

għal AB Storstockholms Lokaltrafik, minn J. Forzelius, advokat u G. Tranvik, biträdande jurist,

–

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, C. A.-S. Maertens, J. Sandvik Loft u M. Jespersen, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Gabauer, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Faroghi u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Awwissu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Integritetsskyddsmyndigheten (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) u AB Storstockholms Lokaltrafik (iktar ’il quddiem “SL”), kumpannija b’responsabbiltà limitata Svediża tat-trasport pubbliku, dwar sanzjoni amministrattiva pekunjarja imposta fuq din tal-aħħar għal ksur tal-Artikolu 13 tal-GDPR fil-kuntest tal-ġbir ta’ data personali permezz ta’ kamera korporali minn spetturi tal-biljetti li jaħdmu għal din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 60 u 61 tal-GDPR jipprovdu:

“60.

Il-prinċipji ta’ pproċessar ġust u trasparenti jeħtieġu li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-għanijiet tagħha. Il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali. Barra minn hekk, is-suġġett tad-data għandu jkun informat bl-eżistenza tat-tfassil tal-profil, u l-konsegwenzi ta’ dan it-tfassil tal-profil. Fejn id-data personali tinġabar mis-suġġett tad-data, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat ukoll dwar jekk hux obbligat jipprovdi d-data personali u dwar il-konsegwenzi, fejn huwa ma jipprovdix tali data. Dik l-informazzjoni tista’ tingħata flimkien ma’ ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b’mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b’mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.

(61)

L-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-suġġett tad-data għandha tingħatalu meta tinġabar mis-suġġett tad-data, jew, fejn id-data personali tinkiseb minn sors ieħor, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn id-data personali tista’ tkun żvelata b’mod leġittimu lil riċevitur ieħor, is-suġġett tad-data għandu jkun informat meta d-data personali tkun żvelata għall-ewwel darba lir-riċevitur. Fejn il-kontrollur jkollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u informazzjoni meħtieġa oħra. Fejn il-oriġini tad-data personali ma setgħetx tingħata lis-suġġett tad-data peress li jkunu intużaw diversi sorsi, għandha tingħata informazzjoni ġenerali.”

4

L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[…]

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”);

[…]”

5

L-Artikolu 12 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, […]. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. […]

[…]

5.   […] Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista’ jew:

[…]

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

[…]”

6

L-Artikolu 13 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data” jipprevedi:

“1.   Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

(a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

(e)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;

(f)

fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza mill-Kummissjoni [Ewropea], jew fil-każ ta’ trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:

(a)

il-perjodu li matulu d-data personali tkun se tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perjodu;

(b)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(c)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta’ kunsens qabel l-irtirar tiegħu;

(d)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(e)

jekk il-forniment ta’ data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f’kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data;

(f)

l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta’ profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

3.   Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.”

7

L-Artikolu 14 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data”, jipprevedi:

“1.   Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)

il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;

(e)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;

(f)

fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta’ trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli;

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:

(a)

il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(b)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

(c)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta’ kunsens qabel l-irtirar tiegħu;

(e)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(f)

minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku

(g)

l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta’ profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali;

(b)

jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data;

(c)

jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba.

4.   Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:

(a)

is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni;

(b)

il-provvista ta’ tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b’mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar. F’tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku;

(c)

il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(d)

fejn id-data personali jkollha tibqa’ kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta’ segretezza.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

SL topera servizzi ta’ trasport pubbliku fi Stokkolma (l-Iżvezja). Din il-kumpannija pprovdiet lill-ispetturi tal-biljetti tagħha b’kameras korporali sabiex jiffilmjaw lill-passiġġiera li ma jkollhomx biljett validu meta jsiru spezzjonijiet tal-biljetti u meta jiġu konsegwentement immultati. L-użu ta’ dawn il-kameras għandu l-għan li jipprevjeni u jipprova t-theddid kif ukoll il-vjolenza eżerċitata fir-rigward tal-ispetturi tal-biljetti u li jiżgura l-identità tal-passiġġieri suġġetti għal tali multa.

9

Fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tagħha, l-Awtorità evalwat jekk l-ipproċessar tad-data personali mwettaq minn SL permezz ta’ kameras korporali kienx konformi mar-regoli tal-GDPR. Matul Ġunju 2021, hija adottat deċiżjoni li minnha jirriżulta li l-ispetturi tal-biljetti jilbsu l-kameras matul ix-xift tax-xogħol tagħhom kollu u li dawn jirrekordjaw kontinwament bl-istampi u l-ħsejjes.

10

Dawn il-kameras għandhom memorja msejħa “ċirkolari”, li jfisser li, wara ċertu perijodu ta’ żmien, il-kontenut irrekordjat kollu jitħassar awtomatikament. Wara dan it-tħassir, il-materjal irrekordjat jiġi eliminat. Fil-bidu, il-materjal irrekordjat kien jinħażen għal żewġ minuti iżda, waqt il-perijodu tal-awditu superviżorju mwettaq mill-Awtorità, dan il-perijodu tqassar għal minuta. Billi jagħfsu buttuna, l-ispetturi tal-biljetti jistgħu madankollu jinterrompu t-tħassir awtomatiku u b’hekk jiżguraw li d-data rrekordjata ma titħassarx. Fil-każ ineżami, l-informazzjoni maħżuna fil-kamera tinżamm ukoll bl-użu tat-teknika ta’ rrekordjar minn qabel li tirrekordja l-informazzjoni fil-minuta ta’ qabel il-mument li fih l-ispettur ikun għafas il-buttuna. L-ispetturi tal-biljetti għandhom struzzjonijiet sabiex jissospendu t-tħassir awtomatiku fis-sitwazzjonijiet kollha fejn tinħareġ multa u ukoll fil-każ ta’ theddida fil-konfront tagħhom.

11

Lil hinn minn dawn il-konstatazzjonijiet dwar l-użu u l-funzjonament tal-kameras korporali, fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità qieset li SL kienet ittrattat data personali, minn Diċembru 2018 u sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni matul Ġunju 2021, billi użat kameras korporali waqt il-verifiki tal-biljetti, bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR. Fil-fehma tagħha, SL ma kinitx ipprovdiet informazzjoni suffiċjenti lis-suġġetti tad-data, bi ksur konsegwenti tal-Artikolu 13 tal-GDPR. Konsegwentement, din l-awtorità imponiet fuq SL sanzjoni amministrattiva pekunjarja fl-ammont totali ta’ 16-il miljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR 1420670), li minnhom SEK 4 miljun (madwar EUR 355188) kienu għan-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija lis-suġġetti tad-data.

12

Il-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), adita minn SL b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità, ċaħdet dan ir-rikors sa fejn kien jikkonċerna s-sanzjoni imposta fuq din il-kumpannija minħabba nuqqas ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data.

13

SL imbagħad appellat quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja), li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza kif ukoll id-deċiżjoni tal-Awtorità sa fejn kienet tikkonċerna l-impożizzjoni ta’ din il-multa. Din il-qorti ddeċidiet, billi rreferiet għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428), li l-Artikolu 13 tal-GDPR ma kienx applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha u, għaldaqstant, li l-Awtorità ma kellhiex raġun timponi fuq SL sanzjoni amministrattiva pekunjarja għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

14

L-Awtorità appellat mis-sentenza tal-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbet l-annullament ta’ din is-sentenza sa fejn tikkonċerna l-multa imposta minn din il-kumpannija għan-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija lis-suġġetti tad-data.

15

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, qabel kollox, li l-kwistjoni li tqum hija dik dwar liema mill-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR japplika meta d-data personali tinġabar permezz ta’ kamera korporali. Fil-fehma tagħha, ir-risposta għal din id-domanda hija neċessarja minn żewġ aspetti. Minn naħa, għandu jiġi ddeterminat liema hija l-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġett tad-data, f’liema mument jitnissel l-obbligu ta’ informazzjoni lejn din il-persuna u liema huma l-eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi stabbilit jekk l-Awtorità kellhiex dritt timponi fuq SL sanzjoni amministrattiva pekunjarja minħabba li din il-kumpannija ma kinitx osservat l-obbligu ta’ informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 13 tal-GDPR.

16

Sussegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, lanqas ma jidher b’mod ċar sa fejn id-differenzi bejn l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, għal dak li jikkonċerna l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat liema wieħed minnhom japplika għal tip partikolari ta’ ġbir ta’ data personali. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-partijiet ma jaqblux dwar il-konklużjoni li għandha tinsilet minn dawn id-differenzi.

17

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-importanza li għandha tingħata lil-Linji Gwida dwar it-Trasparenza fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/679, adottati fid‑29 ta’ Novembru 2017 u, fil-verżjoni riveduta tagħhom, fil‑11 ta’ April 2018 mill-grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), li jipprevedu, fil-punt 26, li l-Artikolu 13 tal-GDPR huwa applikabbli għas-sorveljanza bil-vidjo.

18

Huwa f’dan il-kuntest li l-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 [tal-GDPR] li japplika meta d-data personali tinkiseb permezz ta’ kamera korporali (bodycam)?”

Fuq it-talba tal-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

19

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, fl‑1 ta’ Awwissu 2025, SL talbet, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2025, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Insostenn ta’ din it-talba, SL issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni dwar il-fatti tal-kawża prinċipali u dwar l-importanza li allegatament ikollha din id-deċiżjoni mogħtija fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kontrolluri li jużaw apparati ta’ vidjosorveljanza. Hija tqis b’mod partikolari li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukata Ġenerali ma ddelimitatx b’mod korrett il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li twassal lill-Avukat Ġenerali għall-imsemmija konklużjonijiet (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Nissan IberiaC‑21/24, EU:C:2025:659, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan il-kuntest, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet jew għall-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’ risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil ta’ parti jew ta’ tali persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentement mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Nissan Iberia, C‑21/24, EU:C:2025:659, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn dan isegwi li, sa fejn it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ppreżentata minn SL hija intiża li tippermetti lil din tal-aħħar tagħti risposta għall-pożizzjoni espressa mill-Avukata Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, din it-talba ma tistax tintlaqa’.

24

Madankollu, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

25

Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża preżenti ma għandhiex għalfejn tinqata’ fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex indirizzat bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma turi ebda fatt ġdid tali li jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tati f’din il-kawża.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali milbusa mill-ispetturi tal-biljetti fuq it-trasport pubbliku, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data hija rregolata mill-Artikolu 13 tal-GDPR jew mill-Artikolu 14 tiegħu.

28

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi, C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 39).

29

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 14 tal-GDPR huwa ddefinit b’mod negattiv meta mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Hekk kif jidher mit-titoli nnifishom ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 13 jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data, filwaqt li l-Artikolu 14 jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi, C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 48).

30

Għall-finijiet tad-distinzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-fatt li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 14 tal-GDPR, b’mod partikolari dik Svediża, il-kelma “miġbura” (“samlas”) li tinsab fl-Artikolu 13 tal-istess Regolament ma hijiex riprodotta, ma huwiex determinanti.

31

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, Verbraucherzentrale Berlin (Kunċett ta’ perijodu inizjali ta’ impenn), C‑612/23, EU:C:2025:82, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, f’dak li jirrigwarda l-użu tat-terminu “kisba” (“erhållande”) fl-Artikolu 14(5)(c) tal-GDPR, li, fil-verżjoni Svediża, huwa użat ukoll fit-titolu ta’ dan l-Artikolu 14 kif ukoll fil-paragrafu 1 tiegħu (“erhållits”), li dan it-terminu jkopri effettivament id-data “miġbura” mingħand persuna li ma hijiex is-suġġett tad-data kif ukoll dik li l-kontrollur stess iġġenera, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompitu tiegħu, minn tali data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 47).

33

Barra minn hekk, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ data “miġbura” mis-suġġett tad-data fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-GDPR ma jeżiġix azzjoni speċifika min-naħa ta’ dan tal-aħħar, iżda biss min-naħa tal-kontrollur, b’tali mod li l-grad ta’ attività tas-suġġett tad-data huwa irrilevanti sabiex jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

34

Din il-kunsiderazzjoni hija enfasizzata wkoll fil-Linji Gwida dwar it-Trasparenza, imsemmija fil-punt 17 tas-sentenza preżenti, li minnhom jirriżulta li l-Artikolu 13 tal-GDPR japplika jew meta s-suġġett tad-data jipprovdi konxjament data personali lill-kontrollur jew meta dan jiġbor id-data mingħand dan is-suġġett permezz ta’ osservazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ kameras.

35

Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2)(f) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 61 ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies li huwa biss is-sors tad-data personali miġbura li jikkostitwixxi l-kriterju rilevanti għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR. Fil-fatt, skont l-Artikolu 14(2)(f), meta d-data ma tinkisibx mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data minn liema sors toriġina d-data personali.

36

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-premessa 61 ta’ dan ir-regolament, timmilita favur l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13 għall-ġbir ta’ data personali permezz ta’ kameras korporali, peress li, f’dan il-każ, din id-data ma tinkisibx minn sors ieħor li ma huwiex is-suġġett tad-data, iżda tinkiseb direttament mingħandu.

37

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-kuntest li jifformaw parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet.

38

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5 tal-GDPR jirriżulta li pproċessar ta’ data personali għandu jissodisfa b’mod partikolari rekwiżiti konkreti fil-qasam tat-trasparenza fir-rigward tas-suġġett tad-data minn tali pproċessar (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva), C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 53).

39

Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, billi jistipula l-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data tal-informazzjoni li huwa jsemmi fil-mument meta din tinkiseb, l-Artikolu 13 tal-GDPR jagħti espressjoni speċifika lid-dritt ta’ dan is-suġġett tad-data li jiġi informat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, min-naħa tiegħu, ġie adottat sabiex jirrispondi għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kontrollur ma jkunx f’kuntatt dirett mas-suġġett tad-data iżda jiġbor id-data personali minn sors ieħor, b’tali mod li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni fil-mument meta din tinkiseb issir, fil-prattika, diffiċli jew saħansitra impossibbli. In-natura indiretta ta’ tali ġbir tiġġustifika għalhekk li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà ta’ posponiment tat-twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kontrollur.

40

Fit-tielet nett, l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 16 TFUE u ggarantit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkompleta d-dritt għall-ħajja privata ggarantit fl-Artikolu 7 tagħha (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Dun & Bradstreet Austria et, C‑203/22, EU:C:2025:117, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 14 tal-GDPR japplika fil-każ tal-ġbir ta’ data personali permezz ta’ kameras korporali, is-suġġett tad-data ma jirċievi ebda informazzjoni fl-istadju ta’ dan il-ġbir, minkejja li dan ikun is-sors ta’ din id-data, li jippermetti lill-kontrollur ma jipprovdix immedjatament informazzjoni lill-imsemmi suġġett tad-data. Għaldaqstant, tali interpretazzjoni tinvolvi r-riskju li s-suġġetti tad-data ma jindunawx bil-ġbir tad-data personali u li jingħata lok għal prattiki tas-sorveljanza moħbija. Tali konsegwenza tkun inkompatibbli mal-għan, imsemmi fil-punt preċedenti, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi.

42

Fid-dawl ta’ dan kollu, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan ma jipprekludix li, hekk kif jipprevedu l-Linji Gwida 3/2019 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDBP) dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ apparati vidjo, adottati fid‑29 ta’ Jannar 2020, l-obbligi ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tal-GDPR jiġu implimentati fil-kuntest ta’ approċċ fuq diversi livelli. Skont dawn il-linji gwida, l-iktar informazzjoni importanti għas-suġġett tad-data tista’ tiġi indikata, fil-kuntest tal-ewwel livell, fuq tabella ta’ twissija, u l-informazzjoni obbligatorja l-oħra tista’ tiġi pprovduta lilha, abbażi tat-tieni livell, b’mod xieraq u komplet, f’post faċilment aċċessibbli.

43

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat ukoll, bi tweġiba għad-dubju espress mill-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) dwar il-portata tal-punt 34 tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428), imsemmi fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, fl-imsemmi punt 34, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46, li jikkorrispondi għall-Artikolu 14 tal-GDPR, meta mqabbel mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, iżda sempliċement turi li, minħabba d-diversi limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet li l-imsemmija direttiva tipprevedi, l-applikazzjoni tagħha tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-kontrollur.

44

Għaldaqstant, mill-punt 34 tal-imsemmija sentenza ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar id-distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-GDPR, minn naħa, u dak tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra.

45

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali milbusa mill-ispetturi tal-biljetti fuq it-trasport pubbliku, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data hija rregolata mill-Artikolu 13 tal-GDPR u mhux mill-Artikolu 14 tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

f’sitwazzjoni fejn id-data personali tinġabar permezz ta’ kameras korporali milbusa mill-ispetturi tal-biljetti fuq it-trasport pubbliku, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data hija rregolata mill-Artikolu 13 tal-GDPR u mhux mill-Artikolu 14 tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.