European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3733

13.7.2026

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(C/2026/3733)

Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator”

Numru tal-UE: PDO-SK-03401 — 13.1.2025

1.   Isem

“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP ☒ IĠP ☐

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Is-Slovakkja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

22 – XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2201 – Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali naturali jew artifiċjali u l-ilmijiet aerati, mingħajr zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u mhux aromatizzati; is-silġ u l-borra

2201 10 – Ilmijiet minerali u ilmijiet aerati

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” huwa ilma minerali naturali bil-gass jew semi bil-gass b’livelli għoljin ta’ mineralizzazzjoni, ta’ kalċju, ta’ manjeżju, ta’ sodju u ta’ karbonati tal-idroġenu. Huwa ilma tan-nixxiegħa karbonat b’mod naturali, li fih il-kubrit u mielaħ, u b’togħma minerali ppronunċjata attribwibbli għall-kontenut għoli tiegħu ta’ sodju u karbonat tal-idroġenu, u għandu l-kompożizzjoni li ġejja:

Katjoni

mg/l

Ca2+

469,00

Na+

242,00

Mg2+

173,00

K+

36,50

NH4 +

0,96

Anjoni

mg/l

SO4 2–

155,00

NO3 –

< 1,00

NO2 –

< 0,01

Cl–

106,00

HCO3 –

2 635,00

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)

Fiż-żona ġeografika kkonċernata joħorġu nixxigħat tal-ilma minerali.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” huwa ppumpjat kontinwament ġos-sit tal-produzzjoni permezz ta’ pajpijiet tad-distribuzzjoni. Huwa ttrattat sabiex jitneħħewlu l-komposti tal-ħadid u tal-kubrit bl-użu ta’ teknoloġija tal-ossidazzjoni awtorizzata b’arja arrikita bl-ożonu. Imbagħad l-ilma jiġi ffiltrat, jerġa’ jingħata l-gass bid-diossidu tal-karbonju u jiġi bbottiljat.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” jiġi bbottiljat f’imballaġġ għall-bejgħ f’kundizzjoni iġjenika perfetta permezz ta’ proċess teknoloġiku li jeskludi kwalunkwe kontaminazzjoni minn elementi jew sustanzi barranin, filwaqt li jifforma ċirkwit magħluq bejn il-punt tal-provvista tal-ilma u l-punt li fih jiġi bbottiljat għall-bejgħ.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ sorsi minerali naturali tinsab fid-distrett ta’ Prešov fit-territorji katastali ta’ Lipovce, Šindliar u Lačnov, u fid-distrett ta’ Levoča fit-territorju katastali ta’ Vyšný Slavkov. F’termini amministrattivi, din hija parti mir-reġjun ta’ Prešov fil-Grigal tas-Slovakkja.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona ġeografika definita.

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Is-sottoswol fiż-żona ġeografika definita hija rikka fil-ġebel bħall-ġebla tar-ramel, il-marl u l-blat tafli, li fihom abbundanza ta’ minerali (il-kalċju, is-sodju, il-manjeżju u l-karbonati tal-idroġenu). Dan il-ġebel jaħdem bħala sistema ta’ filtrazzjoni li taqbad l-impuritajiet filwaqt li tarrikkixxi l-ilma b’minerali siewja. Il-preċipitazzjoni u l-kurrenti ta’ taħt l-art jgħinu sabiex l-ilma jinfed f’saffi aktar profondi filwaqt li jgħaddi minn dawn l-istutturi tal-blat u jassorbi l-minerali fis-saffi tal-blat ta’ taħt l-art bis-saħħa tar-rata tal-fluss kajmana tiegħu.

Iż-żona hija kkaratterizzata minn klima ttemprata sa kemxejn kiesħa. L-arja hija relattivament umda matul ix-xitwa minħabba l-borra u l-umdità mill-preċipitazzjoni. Matul is-sajf, din tvarja bejn 60 % u 70 %. It-temperaturi medji tax-xitwa jkunu ta’ madwar -10 °C, filwaqt li t-temperaturi fis-sajf jistgħu jitilgħu sa 25 °C – għalkemm jibqgħu iktar baxxi f’altitudnijiet ogħla. Il-kundizzjonijiet tat-temperatura jaffettwaw il-veloċità tal-proċessi ġeokimiċi.

Fil-passat iż-żona kienet sit ta’ attività volkanika, li ħalliet warajha depożiti ta’ diossidu tal-karbonju taħt l-art. Għalhekk, l-ilma minerali jingħata l-gass b’mod naturali bid-diossidu tal-karbonju, li jagħtih tfexfixa delikata u togħma speċifika. Fl-istess ħin, il-preżenza tad-diossidu tal-karbonju żżid is-solubilità tal-minerali fl-ilma, u tarrikkih fil-minerali.

L-ilma minerali huwa ilma b’mineralizzazzjoni tal-karbonju, ta’ oriġini mill-meteoriti. Il-proċess ewlieni ta’ mineralizzazzjoni involut fil-formazzjoni tal-kompożizzjoni kimika tal-ilma minerali huwa d-dissoluzzjoni tal-karbonat, li matulha jiġu rrilaxxati l-kalċju, il-manjeżju u l-karbonati tal-idroġenu. Il-proċessi ta’ mineralizzazzjoni huma iktar intensi fil-fond taħt l-art, fejn jiġi rrilaxxat id-diossidu tal-karbonju.

Iż-żona hija kkaratterizzata b’umdità tal-arja akbar, li tiffavorixxi l-ambjent naturali u tappoġġa l-flora u l-fawna rikki tar-reġjun. Din għandha impatt fuq il-kwalità u fuq l-istabbiltà tan-nixxigħat ta’ taħt l-art.

Speċifiċità tal-prodott

Il- “Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” huwa ilma minerali b’livelli minerali totali li jaqbżu l-1 500 mg/l. Huwa rikk fil-melħ minerali u fih ammonti kbar ta’ kalċju, ta’ manjeżju, ta’ sodju u ta’ minerali oħrajn. Jirċievi l-gass b’mod naturali mid-diossidu tal-karbonju, li jagħtih tfexfixa delikata – għall-kuntrarju ta’ meta d-diossidu tal-karbonju jiżdied b’mod artifiċjali.

Bis-saħħa tal-kompożizzjoni minerali u tal-karbonazzjoni naturali tiegħu, il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” għandu togħma delikata u speċifika b’ebda salinità sinifikanti iżda b’aroma ta’ kubrit.

Rabta kawżali

Iż-żona ġeografika definita hija rikka fil-ġebel sedimentarju (b’mod partikolari l-ġebla tal-ġir u d-dolomit), li fih ammonti kbar ta’ kalċju, ta’ sodju u ta’ manjeżju. Il-kundizzjonijiet klimatiċi jiddeterminaw il-fluss u r-rikostituzzjoni tal-ilma tal-pjan, u l-preċipitazzjoni tikkontribwixxi għall-provvista tal-ilma u tgħin biex l-ilma jinfed aktar fil-fond taħt l-art, fejn jassorbi l-minerali. Id-diossidu tal-karbonju f’din iż-żona għandu rwol ewlieni fil-proċess tal-arrikkiment tal-ilma bil-minerali, li jagħtih kontenut għoli ta’ minerali.

Lipovce tinsab f’ambjent li huwa relattivament mhux mimsus mill-attività umana. Dan ifisser li n-nixxigħat f’din iż-żona jibqgħu nodfa b’mod naturali. Iż-żona għandha mikroklima speċifika li tappoġġa l-istabbiltà tan-nixxigħat ta’ taħt l-art. Attività industrijali limitata u foresti abbundanti jgħinu sabiex l-ilma jinżamm mhux mittiefes u rikk fil-minerali naturali, mingħajr ebda ħtieġa ta’ addittivi artifiċjali.

L-ilma minerali f’Lipovce ilu magħruf sew. Skont tradizzjoni mhux iddokumentata, l-ilma kien jintuża minn patrijiet li jingħad li kienu s-sidien jew ir-residenti tal-kastell li jħares fuq waħda mill-qċaċet tal-muntanji ta’ Branisko. Lejn tmiem l-ewwel nofs tas-seklu tmintax, Matthias Bel semma dawn in-nixxigħat għall-ewwel darba fil-manuskritt tiegħu li jiddeskrivi r-reġjun ta’ Šariš.

Fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, Lipovce saret spa resort maġġuri, u kienet tiġbed lejha familji nobbli minn madwar ir-reġju ta’ Prešov. It-terapiji tal-ispa ta’ hemm kienu jinkludu trattamenti ta’ xorb tal-ilma. Il-Konti Szakmáry semma lil dawn l-ilmijiet “Salvator” [“Salvatur”] u beda l-ibbottiljar tal-ilma minerali u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu saħansitra sa mill-bidu tas-seklu dsatax. Il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” huwa wieħed minn fost l-eqdem ilmijiet minerali bbottiljati fis-Slovakkja. L-importanza ta’ din in-nixxiegħa hija ssottolinjata wkoll mill-fatt li ngħatat status ta’ żoni protetti ddeżinjati mill-Gvern Ungeriż sa minn kmieni fl-1880. Il-popolarità ta’ dan l-ilma minerali delizzjuż żdiedet b’mod ċar, u bis-saħħa ta’ ħafna snin ta’ tradizzjoni u tal-kompożizzjoni ottimali tiegħu, għadu popolari u apprezzat ferm fis-Slovakkja u fi swieq internazzjonali.

Madwar iż-żona ġeografika definita tal-ilma minerali naturali ġew stabbiliti żoni ta’ protezzjoni, li l-iskop tagħhom huwa li jipproteġu din iż-żona ta’ ilma minerali minn kwalunkwe dannu kkawżat minn attivitajiet ekonomiċi, agrikoli jew oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet kurrenti, ir-rendiment, il-kompożizzjoni kimika eċċezzjonali u n-natura perfetta tal-ilma, u dan sabiex jiġu ppreservati l-valuri kwalitattivi u kwantitattivi tiegħu u jiġi żgurat li jibqa’ jintuża b’mod prudenti.

Il-“Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” ġie protett ukoll permezz ta’ ftehimiet bilaterali: it-Trattat tad-19 ta’ Jannar 1976 bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi oħrajn, il-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1987 bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Gvern tar-Repubblika Portugiża dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tad-denominazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet simili oħrajn, u t-Trattat tal-20 ta’ Jannar 1981 bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Awstrija dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ denominazzjonijiet oħrajn għall-prodotti agrikoli u industrijali li jirreferu għall-oriġini.

L-isem “Lipovská minerálna voda Salvator/Salvator” ilu protett fil-livell nazzjonali mit-22 ta’ Diċembru 1979.

L-ibbottiljar tal-ilma minerali kompla tul is-snin sal-lum il-ġurnata, kif juru r-referenzi fl-istampa (eż. fil-Prešovske Noviny u fil-gazzetta ta’ kuljum Smena), fl-arkivji ta’ Vychodoslovenské Žriedla [In-Nixxigħat tal-Lvant tas-Slovakkja], intrapriża nazzjonali bbażata fi Prešov, u fi preżentazzjonijiet f’avvenimenti u f’wirjiet varji.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.indprop.gov.sk/swift_data/source/pdf/specifikacie_op_oz/Lipovska_mineralna_voda_Salvator_Salvator.pdf


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3733/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)