SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
11 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Glashütte ORIGINAL – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”
Fil-Kawża T‑1163/23,
Glashütter Uhrenbetrieb GmbH – Glashütte/Sa., stabbilita fi Glashütte (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn D. von Schultz, avocat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Ruzek, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn I. Gâlea (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, T. Tóth u S. L. Kalėda, Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
Id‑dritt
[omissis]
Fuq it‑tieni parti tal‑motiv uniku, dwar l‑estensjoni tar‑reputazzjoni tal‑belt ta’ Glashütte fil‑qasam tal‑istrumenti li juru l-ħin tradizzjonali għall‑prodotti u għas‑servizzi virtwali inkwistjoni
[omissis]
|
37 |
Skont il-ġurisprudenza, għalkemm it-trade marks kollha komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li huma, barra minn hekk, użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks jittrażmettu bħala regola ġenerali, xi ftit jew wisq, messaġġ oġġettiv, anki sempliċi, huma jistgħu, madankollu, jkunu kapaċi li jindikaw lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dawn it-trade marks ma jkunux limitati għal messaġġ pubbliċitarju ordinarju, iżda jkollhom ċerta oriġinalità jew reżonanza, jeħtieġu sforz minimu ta’ interpretazzjoni jew jagħtu bidu għal proċess konjittiv fi ħdan il-pubbliku kkonċernat (sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI,C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punti 56 u 57, u tat‑22 ta’ Marzu 2017, Hoffmann vs EUIPO (Genius), T‑425/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:199, punt 28). |
|
38 |
Bil-kontra, sinjal ma jkunx tali li jissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, u għalhekk ma jkunx distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, meta r-rabta stabbilita bejn il-kontenut semantiku tiegħu u l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni tkun suffiċjentement konkreta u diretta sabiex, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, dan is-sinjal jippermetti identifikazzjoni immedjata ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2013, Restoin vs UASI (EQUIPMENT), T‑356/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:253, punt 42, u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, International Engine Intellectual Property Company vs UASI (PURE POWER), T‑248/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:333, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ karattru distintiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni tindika lill-konsumatur karatteristika tal-prodott jew tas-servizz relatata mal-valur kummerċjali tiegħu, li, mingħajr ma tkun preċiża, tirriżulta minn informazzjoni ta’ natura promozzjonali jew pubbliċitarja, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi fl-ewwel lok bħala tali, minflok bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Ceramica Flaminia vs EUIPO – Ceramica Cielo (goclean), T‑290/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:405, punt 41). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Bord tal-Appell qies b’mod ġust li l-isem Glashütte jevoka għall-pubbliku rilevanti belt Ġermaniża famuża għall-produzzjoni ta’ arloġġi ta’ kwalità għolja, hekk kif jirriżulta mill-punt 26 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, huwa kkonstata, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-appellanti, li l-kelma “original” tevoka l-idea ta’ awtentiċità u ta’ lealtà lejn l-oriġinal. Għaldaqstant, l-imsemmi Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kollha kemm hi hija pperċepita mill-imsemmi pubbliku bħala li tevoka wirt ta’ għarfien prattiku eċċezzjonali u reputazzjoni ta’ eċċellenza fil-qasam tal-industrija tal-istrumenti li juru l-ħin tal-belt ta’ Glashütte, b’tali mod li l-elementi verbali ma kellhomx karattru distintiv. |
|
41 |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark fir-rigward ta’ prodotti u ta’ servizzi virtwali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jitqies li l-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi, bħala prinċipju, prodotti u servizzi virtwali bl-istess mod kif jipperċepixxi l-prodotti u s-servizzi reali korrispondenti. In-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni hija għalhekk determinanti. Għaldaqstant, jekk il-prodotti virtwali ma jagħmlu xejn ħlief jirrappreżentaw prodotti reali jew jekk prodotti virtwali jirrappreżentaw jew jimitaw il-funzjonijiet ta’ prodotti reali, jew anki jekk servizzi virtwali jimitaw il-funzjonijiet ta’ servizzi reali fid-dinja virtwali, jista’, bħala prinċipju, jiġi stabbilit trasferiment tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tal-prodotti u tas-servizzi reali lejn il-prodotti u s-servizzi virtwali korrispondenti. Il-possibbiltà ta’ tali trasferiment għandha madankollu tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni każ b’każ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-partikolarità tal-prodotti u tas-servizzi virtwali inkwistjoni. |
|
42 |
Fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li l-pubbliku li fir-rigward tiegħu l-Bord tal-Appell evalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa limitat għall-pubbliku Ġermaniż li jaf bil-belt ta’ Glashütte, u għalhekk ir-reputazzjoni ta’ din il-belt għall-produzzjoni tal-arloġġi, u li jifhem it-tifsira tal-kelma kurrenti “original”. Barra minn hekk, il-prodotti u s-servizzi virtwali inkwistjoni jirreferu għal istrumenti reali li juru l-ħin u l-aċċessorji tagħhom u b’hekk jistgħu jirrappreżentaw il-prodotti u s-servizzi reali korrispondenti jew jimitaw il-funzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, meta dan il-pubbliku jitqiegħed fil-preżenza tal-imsemmija prodotti u servizzi virtwali, huwa jipperċepixxi direttament it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala estensjoni loġika tar-reputazzjoni tal-belt ta’ Glashütte fir-rigward tal-istrumenti li juru l-ħin tradizzjonali u din it-trade mark tagħtih l-istess sentimenti pożittivi fir-rigward tal-kwalità u tal-awtentiċità tal-prodotti u tas-servizzi virtwali bħal fir-rigward tal-kwalità u tal-awtentiċità tal-prodotti u tas-servizzi reali. |
|
43 |
Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, peress li hija ma tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, iżda pjuttost bħala informazzjoni promozzjonali dwar il-kwalità u l-awtentiċità tal-imsemmija prodotti u servizzi, trażmessa b’riferiment għall-belt ta’ Glashütte u r-reputazzjoni tagħha fil-qasam tal-prodotti fiżiċi li juru l-ħin. |
|
44 |
L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu inkwistjoni din il-konklużjoni. |
|
45 |
L-ewwel nett, għalkemm huwa stabbilit li r-reputazzjoni tal-belt ta’ Glashütte fil-qasam tal-istrumenti li juru l-ħin tradizzjonali ma testendix, fil-preżent, għall-qasam tal-istrumenti li juru l-ħin virtwali, kif issostni r-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jirreferu espressament għal prodotti li juru l-ħin u għall-aċċessorji tagħhom. |
|
46 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jikkonsistu fi prodotti virtwali relatati ma’ prodotti li juru l-ħin u mal-aċċessorji tagħhom kif ukoll fil-bejgħ bl-imnut u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-prodotti virtwali. Konsegwentement, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tintuża fir-rigward ta’ prodotti u servizzi virtwali li jistgħu jirrappreżentaw l-istess prodotti u servizzi reali bħal dawk li għalihom l-isem tal-belt ta’ Glashütte għandu reputazzjoni jew jimitaw il-funzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. |
|
47 |
It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell jinjora d-differenza sostanzjali li teżisti bejn il-prodotti reali u l-prodotti virtwali għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
48 |
Fil-fatt, il-Bord tal-Appell spjega li l-prodotti virtwali kienu jirreferu għal oġġetti mhux fiżiċi użati f’ambjenti online jew virtwali. Hija żiedet tgħid li dawn il-prodotti setgħu jirrappreżentaw prodotti reali, jirrappreżentaw u jimitaw il-funzjonijiet ta’ prodotti reali jew jirrappreżentaw oġġetti li ma għandhomx ekwivalenti reali. |
|
49 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq “differenza sostanzjali” bejn il-prodotti reali li juru l-ħin u l-prodotti virtwali inkwistjoni, li huma fajls diġitali, dan ma jindikax kif din id-differenza tbiddel il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, sa fejn jibqa’ stabbilit li l-isem Glashütte huwa magħruf fil-qasam tal-istrumenti li juru l-ħin tradizzjonali, jiġifieri dak tal-prodotti reali li l-prodotti virtwali inkwistjoni huma intiżi li jirrappreżentaw jew li tagħhom huma intiżi li jimitaw il-funzjonijiet. |
|
50 |
It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ sovrappożizzjoni bejn il-pubbliku interessat fl-arloġġi reali u dak interessat fl-arloġġi virtwali u s-servizzi relatati magħhom għandu jiġi miċħud. |
|
51 |
Minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma ssostnix l-affermazzjoni msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, hija ma turix kif il-pubbliku rilevanti, interessat fl-istrumenti li juru l-ħin tradizzjonali u li jaf bir-reputazzjoni tal-belt ta’ Glashütte f’dan il-qasam, ma jinteressax ruħu fl-istrumenti li juru l-ħin virtwali u viċe versa. |
|
52 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Gâlea Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Diċembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Huma riprodotti biss dawk il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.