31997D0420



Official Journal L 178 , 07/07/1997 P. 0006 - 0007


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-26 ta' Ġunju 1997

dwar l-immonitorjar ta' l-implimentazzjoni ta' strumenti adottati dwar l-ażil

(97/420/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu K.3 (2) (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-programm tax-xogħol prijoritarju adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 1993, li jitlob b'mod partikolari l-preparazzjoni tar-rapport annwali dwar kisbiet fl-oqsma tal-ġustizzja u ta' l-intern u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 1996, li tippreskrivi l-prijoritajiet għal koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u ta' l-intern għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 1996 sat-30 ta' Ġunju 1998 [1],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew adottati fil-qasam ta' l-ażil,

Billi l-Artikolu K.1 (1) tat-Trattat jiddikjara li Stati Membri għandhom jikkunsidraw il-politika ta' l-ażil bħala materja ta' interess komuni;

Billi l-immonitorjar ta' l-implimentazzjoni minn Stati Membri ta' l-istrumenti adottati f'din iż-żona għandu jirrivela l-effett prattiku tax-xogħol tal-Kunsill f'din il-materja u jipprovdi lezzjonijiet utili għax-xogħol futur tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ta' kull sena, il-Presidenza għandha tibgħat lill-Istati Membri kwestjonarju ddisinjat biex juri kif implimentaw l-istrumenti dwar l-ażil adottati mill-Kunsill u mill-Ministri responsabbli għall-immigrazzjoni.

Il-kwestjonarju għandu jirreferi għall-materji li ġejjin:

- provvedimenti, politiki u miżuri prattiċi adottati s-sena preċedenti mill-Istati Membri f'kull waħda miż-żoni koperti mill-istrumenti li jirreferi għalihom l-ewwel paragrafu,

- kull diffikultà li nqalgħet fl-adozzjoni ta' provvedimenti, politiki u miżuri prattiċi tali,

- il-probabilità li l-provvedimenti, politiki u miżuri prattiċi fiż-żoni li jirreferi għalihom l-ewwel inċiż ikunu adottati fil-futur qarib,

- l-applikazzjoni prattika ta' l-istrumenti, provvedimenti, politiki u miżuri prattiċi msemmijin hawn iktar qabel u kull diffikultà li nqalgħet dwarhom.

Artikolu 2

Fuq il-bażi tal-kwestjonarju li jirreferi għalih l-Artikolu 1, Stati Membri għandhom jippreparaw nota ta' informazzjoni li fiha jistgħu jirreferu għal u jinkludu partijiet relevanti mis-sottomissjonijiet regolari tagħhom liċ-Ċentru ta' Informazzjoni, Riflessjoni u Skambju dwar l-Ażil (CIREA).

Artikolu 3

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittraduċi n-noti ta' informazzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 u jagħmilhom disponibbli lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni. Huwa wkoll għandu jipprepara rapport sommarju bbażat fuq in-noti ta' informazzjoni.

Artikolu 4

Fuq il-bażi tar-rapport sommarju u kull materjal ieħor relevanti, per eżempju mill-UNHCR u, jekk xieraq, minn organizzazzjonijiet non-governattivi, il-Presidenza, flimkien mal-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni tal-UNHCR għandhom jiktbu rapport li jkun fih analiżi li tisuġġerixxi inter alia jekk hemmx kwistjonijiet li jirrikjedu iktar skambju ta' veduti bejn Stati Membri u jekk xi miżuri addizzjonali humiex meħtieġa.

Dan ir-rapport għandu jkun eżaminat fil-qafas tal-Kunsill bil-ħsieb li jkun issottomess għall-kunsiderazzjoni mill-Kunsill.

Il-Presidenza għandha titlob il-veduti tal-UNHCR dwar ir-rapport u tiżgura li kull kumment ikun ikkomunikat lil Stati Membri.

Artikolu 5

Il-kwestjonarju għandu jintbagħat lill-Istati Membri qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena u Stati Membri għandhom jissottomettu n-noti ta' informazzjoni tagħhom qabel l-1 ta' Ottubru ta' wara.

L-ewwel kwestjonarju għandu jkopri l-implimentazzjoni għall-perjodu sa l-1 ta' Lulju 1997.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Van Mierlo

[1] ĠU C 319, tas-26.10.1996, p. 1.

--------------------------------------------------