|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/585 |
16.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/585
tat-13 ta’ Marzu 2026
dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-estratt ta’ ġinseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u l-klieb
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u -Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
|
(2) |
Is-sustanza estratt ta’ ġinseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Għaldaqstant, din is-sustanza ddaħħlet fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-estratt ta’ ġenseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u l-klieb, li talbet li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Kif previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ addittiv fl-għalf għandu juri b’mod adegwat u biżżejjed, f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati. |
|
(5) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha tas-17 ta’ Marzu 2021 (3), ma setgħetx tikkonkludi dwar is-Sikurezza tal-estratt ta’ ġenseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer għall-utent u għall-qtates u l-klieb fil-livelli tal-użu proposti, minħabba li l-applikant ma pprovdiex il-karatterizzazzjoni sħiħa tal-addittiv. |
|
(6) |
Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni tat lill-applikant l-opportunità li jressaq informazzjoni supplimentari biex jindirizza l-opinjoni inkonklużiva tal-Awtorità. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, intbagħtet email lill-applikant fl-4 ta’ Frar 2025 li tinforma dwar l-intenzjoni li tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni. Minkejja diversi tfakkiriet, l-applikant ma rreaġixxiex fuq is-sustanza. |
|
(7) |
Mill-opinjoni tal-Awtorità tas-17 ta’ Marzu 2021 jirriżulta li l-applikant ma weriex b’mod adegwat u suffiċjenti li l-estratt ta’ ġenseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer huwa sikur skont l-użu fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, meta jintuża bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u l-klieb. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-estratt ta’ ġenseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ din is-sustanza bħala addittiv tal-għalf li jappartjeni għall-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti” għall-użu għall-qtates u l-klieb tiġi miċħuda. |
|
(9) |
Għalhekk, l-estratt ta’ ġinseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer u l-għalf li fih minnha jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq malajr kemm jista’ jkun, sa fejn għandu x’jaqsam l-użu għall-qtates u l-klieb. Madankollu, jenħtieġ li jitħalla perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-istokk eżistenti ta’ dawk il-prodotti, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw kif suppost mal-obbligu tal-irtirar. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ċaħda tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-estratt ta’ ġinseng mill-Panax ginseng C.A. Meyer bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u l-klieb, li jappartjeni għall-kategorija “addittivi sensorjali” u fil-gruppi funzjonali “komposti tat-togħma” għall-użu tal-qtates u klieb, hija miċħuda.
Artikolu 2
Irtirar mis-suq
1. L-istokkijiet eżistenti tal-addittiv imsemmi fl-Artikolu 1, li huma maħsuba għall-klieb u għall-qtates, u tal-premixxeli li fihom dan l-addittiv, li huma maħsuba għall-klieb u l-qtates, għandhom jiġu rtirati mis-suq sal-5 ta’ Lulju 2026.
2. Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost, li ġew prodotti bl-addittiv jew il-premixxeli msemmija fil-paragrafu 1 qabel il-5 ta’ Lulju 2026, u li huma maħsuba għall-klieb u għall-qtates, għandhom jiġu rtirati mis-suq sal-5 ta’ Ottubru 2026.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1970/524/oj).
(3) EFSA Journal 2021;19(4):6526. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6526.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/585/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)