SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

11 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ sussidju relatat mal-proġett TTD.EU (‘European Quality Wines: Taste the Difference’) – Miżuri ta’ għoti ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ta’ prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi – Sospensjoni tal-ftehim ta’ sussidju – Suspetti ta’ frodi fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali dwar ftehim ta’ sussidju ieħor – Responsabbiltà kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑440/22,

Unione Italiana Vini Servizi Soc. coop. arl (UIV Servizi), stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn B. Bonafini, D. Rovetta u V. Villante, avukati,

rikorrenti,

vs

L‑Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar‑Riċerka (REA), irrappreżentata minn S. Payan‑Lagrou u V. Canetti, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn O. Porchia (Relatriċi), Presidenta, M. Jaeger, L. Madise, P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2024,

wara li rat it-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mir-REA tal‑10 ta’ Settembru 2024,

wara li rat id-deċiżjoni li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċeduri,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ottubru 2024,

wara li rat id-deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Ottubru 2024 li tingħaqad mal-mertu t-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u li tingħalaq il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrenti, Unione Italiana Vini Servizi Soc. coop. arl (UIV Servizi), qiegħda titlob, l-ewwel nett, li tiġi ddikjarata l-invalidità tad-deċiżjoni tar-REA li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju Nru 874904 relatat mal-proġett intitolat “European Quality Wines: Taste the Difference – TTD.EU”, li jinsab fl-ittra tar-REA tat‑2 ta’ Mejju 2022 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ konferma tas-sospensjoni”), it-tieni nett, li r-REA tiġi ordnata tneħħi s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u, it-tielet nett, li din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallasha kumpens għad-danni materjali u morali li r-rikorrenti tallega li ġarrbet minħabba din is-sospensjoni.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni Taljana li ilha sa mill‑1895 tirrappreżenta impriżi fis-settur tal-inbid Taljan fuq livell Ewropew u internazzjonali. Hija toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi lill-professjonisti tal-inbid, inkluż servizzi ta’ konsulenza dwar il-finanzjament u l-proġetti Ewropej.

3

Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti, fil-kwalità ta’ koordinatriċi u ta’ benefiċjarja, u l-assoċjazzjoni Spanjola Organización Interprofesional del Vino de España (OIVE), fil-kwalità ta’ benefiċjarja, ikkonkludew mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea) il-Ftehim ta’ sussidju Nru 874904, li l-għan tiegħu huwa t-twettiq ta’ proġett intitolat “European Quality Wines: Taste the Difference – TTD.EU”, liema proġett huwa intiż li jippromwovi l-inbejjed Taljani u Spanjoli fis-swieq taċ-Ċina u tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ sussidju TTD.EU”). B’effett mill‑1 ta’ April 2021, ir-REA ġiet fdata bl-implimentazzjoni tal-miżuri ggarantiti miċ-Chafea.

4

Il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kien parti mis-Sejħa għal Proposti tal‑15 ta’ Jannar 2019, Għotjiet għal miżuri ta’ għoti ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, C 18, p. 4).

5

Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, il-ftehim kellu jdum 36 xahar mill‑1 ta’ Marzu 2020.

6

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2020, l-OIVE informat lir-rikorrenti li xtaqet ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU mill‑1 ta’ Marzu 2020.

7

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti talbet liċ-Chafea, minn naħa, tfassal addendum għall-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU sabiex jiġi kkonstatat ix-xoljiment tal-imsemmi ftehim mill-OIVE u, min-naħa l-oħra, iżżid lil Promotora d’Exportacions Catalanes, SA (PRODECA) bħala benefiċjarja. L-imsemmi addendum ġie konkluż maċ-Chafea fis‑6 ta’ Lulju 2020.

8

Bejn l‑24 ta’ April u l‑1 ta’ Novembru 2020 u bejn it‑18 ta’ Jannar u t‑22 ta’ Mejju 2021, il-proġett ġie sospiż abbażi tal-Artikolu 35 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU minħabba l-pandemija tal-COVID‑19.

9

Fi Frar 2021, ġiet iffinalizzata l-għażla tar-rikorrenti tal-korp eżekuttiv tal-proġett li huwa s-suġġett tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, liema korp huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-proġett. Ópera Business Dreams SLU ngħatat il-kuntratt għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-imsemmi proġett.

10

Fit‑28 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti informat lir-REA fuq il-portal tal-parteċipanti li, fis‑27 ta’ Mejju 2021, il-Guardia di Finanza di Milano (il-Gwardja tal-Finanzi ta’ Milano, l-Italja) kienet wettqet awditu fir-rigward tagħha abbażi ta’ mandat ta’ perkwiżizzjoni u ta’ qbid maħruġ mill-Prosekutur tar-Repubblika Taljana fit-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano, l-Italja) fl‑24 ta’ Mejju 2021. Dan l-awditu twettaq fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fuq livell nazzjonali kontra l-President‑Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, id-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti u l-konsulent estern għar-rikorrenti kif ukoll għal Veronafiere SpA, fuq suspett ta’ frodi (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni kriminali”). Barra minn hekk, dan l-awditu, li s-suġġett tiegħu kien il-Ftehim ta’ sussidju Nru 826012, li r-rikorrenti hija koordinatriċi u benefiċjarja tiegħu, jiġifieri l-Ftehim “Native grapes Academy – NGA” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ sussidju NGA”) iffoka fuq ir-relazzjoni kuntrattwali bejn Veronafiere u r-rikorrenti u fuq il-koeżistenza ta’ żewġ kuntratti prinċipali bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

11

Fis‑6 ta’ Awwissu 2021, saret laqgħa permezz ta’ videokonferenza (iktar ’il quddiem il-“laqgħa permezz ta’ videokonferenza tas‑6 ta’ Awwissu 2021”) bejn ir-rikorrenti u l-persuna responsabbli għall-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fi ħdan ir-REA, li matulha r-rikorrenti pprovdiet iktar informazzjoni dwar l-investigazzjoni kriminali. F’din l-okkażjoni, il-persuna responsabbli għall-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fi ħdan ir-REA osservat, fil-fehma tar-rikorrenti, li, peress li l-investigazzjoni kriminali kienet tikkonċerna ftehim ta’ sussidju differenti, jiġifieri l-Ftehim ta’ sussidju NGA, hija ma qisitx li kien neċessarju li tieħu miżura relatata mal-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, liema ftehim ta’ sussidju seta’ għalhekk jissokta bl-eżekuzzjoni normali tiegħu.

12

Wara l-laqgħa permezz ta’ videokonferenza tas‑6 ta’ Awwissu 2021, ir-REA għaddiet lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Permezz ta’ nota tat‑13 ta’ Jannar 2022, ir-REA ġiet informata bil-fatt li, fis‑7 ta’ Diċembru 2021, l-OLAF kien fetaħ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ frodi u irregolaritajiet oħra fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ sussidju konklużi mir-rikorrenti, Veronafiere u entitajiet oħra mal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni tal-OLAF”). Barra minn hekk, f’din in-nota, kien indikat li fl-istadju tal-ftuħ tal-investigazzjoni ma kienet ġiet prevista ebda miżura amministrattiva preventiva.

13

Fis‑27 ta’ Jannar 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f’Milan talab lill-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) li t-terminu tal-investigazzjoni kriminali jiġi estiż b’sitt xhur.

14

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2022 (Ref. Ares (2022) 1381304] (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni minn qabel”), ir-REA informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU abbażi tal-Artikolu 33.2 tal-imsemmi ftehim. F’din l-ittra, ir-REA indikat dan li ġej:

“[A]bbażi tal-informazzjoni li waslitilna li l-organizzazzjoni tiegħek hija s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali fl-Italja minħabba suspett ta’ frodi, aħna nqisu li l-eżekuzzjoni [tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU] ma tistax tissokta u għandha tiġi sospiża sakemm tiċċara s-sitwazzjoni”.

15

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet b’risposta għall-ittra ta’ informazzjoni minn qabel. Hija sostniet b’mod partikolari li, bħala persuna ġuridika, hija ma kienet involuta f’ebda proċedura kriminali u li l-investigazzjoni kriminali msemmija mir-REA kienet tikkonċerna tnejn mill-impjegati tagħha.

16

Permezz tal-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni, ir-REA kkonfermat li riedet tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU b’effett mit‑8 ta’ Mejju 2022 u ċaħdet l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti billi indikat, b’mod partikolari, li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet ibbażata fuq l-Artikolu 33.2.1(a) ta’ dan il-ftehim ta’ sussidju. Fil-fatt, fil-fehma tar-REA, il-persuni fiżiċi li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali kienu awtorizzati jirrappreżentaw lir-rikorrenti jew jieħdu deċiżjonijiet f’isimha, u dan, skont l-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, kien jiġġustifika s-sospensjoni ta’ dan il-ftehim. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ir-REA ppreċiżat li, anki jekk l-investigazzjoni kriminali kienet għadha għaddejja u li, f’dak iż-żmien, ma kien hemm ebda prova ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, hija setgħet, sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fil-każ ta’ suspett ta’ frodi kif kien indikat fl-imsemmija dispożizzjoni.

17

Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti talbet li ssir laqgħa fi Brussell (il-Belġju) mar-REA sabiex tiġi diskussa l-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni u sabiex tipprova ssib soluzzjoni bonarja.

18

Fl‑24 ta’ Mejju 2022, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), twettaq awditu in situ fil-bini tar-rikorrenti, fl-Italja, sabiex jiġi vverifikat jekk hija kinitx wettqet irregolaritajiet fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni, fosthom il-proġett li huwa s-suġġett tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

19

Fil‑25 ta’ Mejju 2022, ir-REA ssospendiet iż-żmien li fih kellu jsir il-ħlas abbażi tal-Artikolu 31.1(c) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, minħabba dubju dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati fil-kontijiet annwali, liema kontijiet kienu jeħtieġu verifiki, reviżjonijiet, awditi jew investigazzjonijiet addizzjonali.

20

Permezz ta’ posta elettronika tat‑30 ta’ Mejju 2022, ir-REA rrifjutat it-talba tar-rikorrenti sabiex issir laqgħa (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), minħabba l-fatt li, billi l-investigazzjoni tal-OLAF kienet għadha għaddejja, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddiskuti kwistjonijiet konkreti dwar is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jew dwar l-investigazzjoni nnifisha tal-OLAF.

21

Fit‑12 ta’ Lulju 2022, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

Fatti u proċeduri li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors

22

Fit‑12 ta’ Lulju 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f’Milano talab lill-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Verona (il-Qorti Distrettwali ta’ Verona, l-Italja) is-sekwestru preventiv fis-somma ta’ EUR 2 085 810.96 fil-konfront tar-rikorrenti. Fit‑13 ta’ Settembru 2022, l-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Verona (il-Qorti Distrettwali ta’ Verona) laqa’ din it-talba u ordna s-sekwestru preventiv fis-somma ta’ EUR 2 085 810.96 fil-konfront tar-rikorrenti u, fil-każ li s-sekwestru ta’ din is-somma ma jkunx possibbli, is-sekwestru ta’ beni li jappartjenu lir-rikorrenti, sal-ammont ta’ din is-somma.

23

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti ressqet quddiem it-Tribunale di Verona (il-Qorti Distrettwali ta’ Verona) talba għal eżami mill-ġdid tas-sekwestru preventiv ordnat minn din l-istess qorti.

24

Fit‑2 ta’ Frar 2023, il-Prosekutur tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja) tar-reġjun tal-Lombardia (l-Italja) talab sekwestru kawtelatorju tal-beni u tal-kontijiet bankarji tar-rikorrenti sabiex jiġu protetti l-fondi tal-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ sussidju NGA. Permezz tad-digriet Nru 2/2023 tat‑13 ta’ Frar 2023, l-imħallef tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) tar-reġjun tal-Lombardia awtorizza s-sekwestru fl-ammont ta’ EUR 2.085 miljun, pendenti l-konferma jew l-emenda tad-digriet, wara seduta prevista għas‑16 ta’ Marzu 2023. Billi r-rikorrenti ħallset l-imsemmi ammont, fit‑23 ta’ Frar 2023, id-digriet ta’ sekwestru tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) tar-reġjun tal-Lombardia tneħħa u l-proċedura ngħalqet.

25

B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura proposta mill-Qorti Ġenerali, il-partijiet ikkonfermaw, waqt is-seduta, li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet ingħalqet fit‑12 ta’ Diċembru 2022. F’dan ir-rigward, il-partijiet ippreċiżaw ukoll li, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, l-OLAF kien għamel rakkomandazzjonijiet finanzjarji lir-REA, li l-implimentazzjoni tagħhom, fir-rigward tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, ma kinitx wasslet, fid-data tas-seduta, għal miżuri ta’ implimentazzjoni.

26

Fl‑10 ta’ Settembru 2024, ir-REA ressqet talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u fiha informat lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet tneħħiet. F’dan ir-rigward, ir-REA pproduċiet ittra tat‑13 ta’ Mejju 2024, li permezz tagħha hija kienet informat lir-rikorrenti bil-fatt li, wara analiżi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF u wara l-eżitu tal-investigazzjoni kriminali riċenti, is-sospensjoni tal-imsemmi ftehim ta’ sussidju setgħet titneħħa.

27

Wara l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċeduri, ir-rikorrenti, fl‑14 ta’ Ottubru 2024, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mir-REA. F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti, filwaqt li kkonfermat li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet tneħħiet u li l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet kompliet mill-ġdid mill‑1 ta’ Ottubru 2024, opponiet l-imsemmija talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għal raġunijiet varji.

28

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tressqet wisq tardivament mir-REA b’mod li hija għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

29

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm ir-REA neħħiet “formalment” is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, is-sospensjoni hija issa waħda mill-“ostakoli tekniċi” għall-implimentazzjoni konkreta tal-ftehim ta’ sussidju. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li r-“riattivazzjoni” formali tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU mir-REA tikkostitwixxi ammissjoni tan-natura żbaljata tas-sospensjoni inizjali tiegħu, u dan speċjalment meta l-fatti kollha ta’ din il-kawża baqgħu l-istess sa mill-bidu.

30

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, minflok ma tressaq talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-REA setgħet tikkomunika minn qabel mar-rikorrenti sabiex jiġu diskussi t-tkomplija tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u l-implikazzjonijiet tagħha għal din il-kawża. Billi ma informatx lir-rikorrenti minn qabel, ir-REA aġixxiet mala fide.

31

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tqis li għandha interess li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens u, għaldaqstant, li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk is-sospensjoni inizjali tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kinitx leġittima jew le. Ir-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-illegalità tas-sospensjoni tikkostitwixxi, minnha nnifisha, interess ġuridiku u forma bażika ta’ kumpens, fis-sens li terġa’ titnaddaf ir-reputazzjoni tar-rikorrenti fis-suq tal-inbid.

It‑talbiet tal‑partijiet

32

Ir-rikorrenti essenzjalment titlob, fl-aħħar verżjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiddikjara l-invalidità tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, li tinsab fl-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni;

–

tordna lir-REA tneħħi s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU;

–

tikkundanna lir-REA tħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 500000;

–

tiddikjara li s-suġġett tar-rikors jissussisti;

–

tikkundanna lir-REA għall-ispejjeż.

33

L-REA essenzjalment titlob, fl-aħħar verżjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

–

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

Fuq il‑klawżola ta’ arbitraġġ

34

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41.2 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li tagħti lill-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, lill-Qorti tal-Ġustizzja, ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew il-validità tal-imsemmi ftehim li ma tkunx tista’ tiġi deċiża b’mod bonarju.

Fuq id‑dritt applikabbli

35

Meta tiġi adita bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ taħt l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv li japplika għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 4).

36

F’dan il-każ, skont il-klawżola tad-dritt applikabbli mdaħħla fl-Artikolu 41.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, il-kuntratt huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni applikabbli, ikkompletat, jekk ikun meħtieġ, mid-dritt Belġjan.

37

Dan ifisser li, kif ġie kkonfermat mill-partijiet waqt is-seduta, il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, it-Trattat FUE u r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar’ il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

38

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi tagħhom taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). B’hekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dan il-kuntratt, dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina kwalunkwe ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

39

Barra minn hekk, sabiex timtela xi lakuna fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU huwa rregolat mid-dritt nazzjonali indikat fil-ftehim, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt Belġjan.

40

B’hekk, għandhom jiġu ppreċiżati r-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni u l-interpretazzjoni tal-kuntratti fid-dritt Belġjan kif kienu fis-seħħ meta ġie konkluż u eżegwit il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

41

L-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-“ftehimiet magħmula legalment għandhom saħħa ta’ liġi għal dawk li jkunu għamluhom” u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li dawn il-ftehimiet “ma jistgħux jitħassru ħlief bil-kunsens tal-partijiet jew għar-raġunijiet previsti fil-liġi”.

42

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprevedi wkoll li l-ftehimiet għandhom jitwettqu bona fide. L-Artikolu 1135 tal-istess kodiċi jipprevedi li l-“ftehimiet mhux biss jobbligaw lill-partijiet joqogħdu għal dak li jkun stipulat fihom, iżda wkoll għal kull konsegwenza li, min-natura tagħhom, titnissel minnhom skont l-ekwità, il-konswetudni jew il-liġi”.

43

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kuntratti, l-Artikolu 1156 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi li wieħed għandu “jfittex l-intenzjoni komuni tal-partijiet kontraenti, pjuttost milli jillimita ruħu għat-tifsira letterali tat-termini”.

44

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1157 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, “meta klawżola jista’ jkollha żewġ tifsiriet, għandha tiġi interpretata skont it-tifsira li biha din jista’ jkollha xi effett”.

45

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, “[k]ull klawżola fi ftehim għandha tiġi interpretata ’l waħda b’rabta mal-oħra, b’mod li kull waħda tingħata t-tifsira li titnissel mill-att sħiħ”, u, skont l-Artikolu 1162 tal-istess kodiċi, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-interpretazzjoni contra proferentem, “[f]il-każ ta’ dubju, il-ftehim għandu jiġi interpretat kontra dak li jkun stipulah u favur dak li jkun ntrabat bl-obbligu”.

Fuq l‑ewwel kap tat‑talbiet, intiż sabiex il‑Qorti Ġenerali tiddikjara l‑invalidità tal‑ittra ta’ konferma tas‑sospensjoni tal‑Ftehim ta’ sussidju TTD.EU

46

Insostenn ta’ dan l-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament:

–

l-ewwel wieħed, fuq in-natura illegali tal-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni u tal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU;

–

it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–

it-tielet wieħed, fuq in-natura illegali tal-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni u tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 33.2.1(b) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU;

–

ir-raba’ wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296(2) TFUE.

47

Qabel ma jiġu eżaminati l-imsemmija motivi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, u taħt piena ta’ inammissibbiltà, jissussisti fil-mument li fih jiġi ppreżentat dan tal-aħħar. Dan is-suġġett tal-kawża prinċipali għandu, bħall-interess ġuridiku, jissussisti sal-mument li fih tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, għaliex, altrimenti, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u b’hekk huwa meħtieġ li r-rikors ikun jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jikseb benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, it-tneħħija tas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), li, apparti minn hekk, ma tekwivalix għall-irtirar tad-deċiżjoni li jiġi sospiż dan il-ftehim, ma hijiex ta’ natura li tissodisfa lir-rikorrenti, inkwantu, din tal-aħħar, bir-rikors tagħha, qiegħda tfittex li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi t-tilwima kontra r-REA fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u tiddikjara l-invalidità tad-deċiżjoni li jiġi sospiż l-imsemmi ftehim. B’mod iktar preċiż, billi l-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU issa ser tkompli mill-ġdid, ir-rikors jista’ jikseb benefiċċju għar-rikorrenti sa fejn jagħmilha possibbli li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u li jiġi evitat li l-allegat ksur jirrepeti ruħu fil-futur.

49

Għalhekk, it-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mir-REA għandha tiġi miċħuda sa fejn tikkonċerna l-ewwel kap tat-talbiet.

50

B’hekk, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tielet motiv, ibbażati fuq in-natura illegali tal-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 33.2.1(b) tal-istess ftehim ta’ sussidju.

51

Permezz tal-ewwel u tat-tielet motiv, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tikkritika lir-REA talli kisret l-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU sa fejn, l-ewwel nett, hija, bħala persuna ġuridika, ma kinitx involuta fl-investigazzjoni kriminali, liema investigazzjoni kriminali kienet tikkonċerna tnejn mill-impjegati tagħha, jiġifieri persuni fiżiċi, li, fil-fehma tagħha, ma kellhom ebda setgħa deċiżjonali. It-tieni nett, fid-dawl tal-fatt li, fil-mument li fih ġie sospiż il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, l-investigazzjoni kriminali kienet għadha fl-istadju preliminari, iż-żewġ persuni fiżiċi kkonċernati mill-investigazzjoni kriminali ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “persuni ssuspettati li wettqu frodi” fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-imsemmi ftehim ta’ sussidju. It-tielet nett, is-suspetti ta’ frodi ma kinux jikkonċernaw il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, iżda l-Ftehim ta’ sussidju NGA, b’tali mod li r-REA kellha tibbaża s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fuq l-Artikolu 33.2.1(b) ta’ dan tal-aħħar, li jikkorrispondi għall-Artikolu 202(2) tar-Regolament Finanzjarju, li, madankollu, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

52

B’dan il-mod, ir-REA kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza li jinsab fl-Artikolu 48(1) tal-Karta u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti. Hija kisret ukoll il-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u l-obbligi ta’ informazzjoni minn qabel u “ta’ twissija tar-riżultati” tad-dritt Belġjan, liema ksur jikkostitwixxi wkoll, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, fil-fehma tar-rikorrenti, waqt il-laqgħa permezz ta’ videokonferenza tas‑6 ta’ Awwissu 2021, ir-REA indikatilha li l-investigazzjoni kriminali ma kellha ebda effett fuq il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU li, fil-fehma tar-REA, seta’ għalhekk jissokta mingħajr diffikultà. Sussegwentement, ir-REA ddeċidiet li tbiddel il-pożizzjoni tagħha f’daqqa u mingħajr spjegazzjoni, bla ma informat minn qabel lir-rikorrenti dwar dan, u bagħtet direttament lil din tal-aħħar l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel.

53

L-REA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54

Fl-ewwel lok, ir-REA ssostni li ż-żewġ impjegati tar-rikorrenti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali huma, fil-kwalità tagħhom ta’ President‑Direttur Ġenerali u Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti, awtorizzati jirrappreżentaw jew jieħdu deċiżjonijiet f’isimha u li l-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jipprevedi l-possibbiltà li l-imsemmi ftehim jiġi sospiż minħabba suspetti ta’ żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi awtorizzati jirrappreżentaw jew jieħdu deċiżjonijiet f’isem il-benefiċjarju. Minn dan jirriżulta li s-suspetti ta’ frodi li jikkonċernaw iż-żewġ impjegati tar-rikorrenti kienu jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-imsemmi ftehim ta’ sussidju. Barra minn hekk, ir-REA tippreċiża, f’dan ir-rigward, li mill-informazzjoni dwar l-avviż ta’ għeluq il-fażi preliminari tal-investigazzjoni kriminali tat‑12 ta’ Diċembru 2022 jirriżulta li r-rikorrenti, bħala persuna ġuridika, kienet ukoll involuta fl-investigazzjoni kriminali.

55

Fit-tieni lok, ir-REA ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, hija, ir-REA, osservat il-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-impjegati li huma s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali, sa fejn hija qisithom bħala “persuni ssuspettati” u mhux bħala “persuni akkużati” fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

56

Fil-fatt, fil-fehma tar-REA, għandha ssir distinzjoni, fid-dawl tad-dritt proċedurali kriminali Taljan, bejn is-sitwazzjoni ta’ “persuna ssuspettata” u dik ta’ “persuna akkużata”. Skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, persuna ssuspettata ssir persuna akkużata meta tiġi akkużata b’reat f’att tal-akkuża, wara li l-prosekutur ikun għalaq il-fażi ta’ investigazzjoni. Issa, f’dan il-każ, l-impjegati tar-rikorrenti kkonċernati mill-investigazzjoni kriminali ma ġewx akkużati fil-mument li fih infetħet il-proċedura ta’ sospensjoni u ma tqisux bħala “persuni akkużati” fis-sens tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan. Ir-REA tenfasizza li hija essenzjalment qagħdet fuq il-fatt li l-impjegati tar-rikorrenti inkwistjoni, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni fiżiċi awtorizzati jirrappreżentaw jew jieħdu deċiżjonijiet f’isem din tal-aħħar, kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali fl-Italja u kienu formalment inklużi fir-reġistru tar-reati kriminali fis‑7 ta’ Lulju 2021, sabiex tqis li dawn l-impjegati kienu ssuspettati bi frodi fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u sabiex, fid-dawl ta’ dan, tissospendi l-imsemmi ftehim ta’ sussidju.

57

Barra minn hekk, ir-REA ssostni li l-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU huwa intiż li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jippermetti s-sospensjoni ta’ ftehim li jagħti sussidji lil xi benefiċjarju meta dan tal-aħħar ikun wettaq, jew ikun issuspettat li wettaq, frodi. Din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-ftehimiet ta’ sussidji standard kollha, timplimenta l-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju. L-għan tal-miżura ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jitqiegħed f’perikolu li kieku l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jeżiġi, kif proprju ssostni r-rikorrenti, li s-sospensjoni tkun tista’ tiġi implimentata biss ladarba l-imputat jinstab ħati minn qorti kriminali.

58

Barra minn hekk, fil-kontroreplika, ir-REA tenfasizza li l-interpretazzjoni adottata mir-rikorrenti, fis-sens li l-proġett li jista’ jiġi sospiż jista’ jkun biss dak li fir-rigward tiegħu jkunu saru allegazzjonijiet ta’ irregolarità jew ta’ frodi, la hija sostnuta mir-regoli applikabbli u lanqas mill-ġurisprudenza. Għalkemm l-investigazzjoni kriminali bbażata fuq suspetti ta’ frodi kienet tikkonċerna l-Ftehim ta’ sussidju NGA, ir-REA qieset li s-suspetti setgħu jirrigwardaw ukoll il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

59

Fit-tielet lok, ir-REA ttenni l-argument li, billi ssospendiet il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, hija ma aġixxietx abbażi ta’ premessa żbaljata sa fejn huwa stabbilit li ż-żewġ impjegati tar-rikorrenti kkonċernati mill-investigazzjoni kriminali kienu ssuspettati bi frodi taħt id-dritt kriminali Taljan, kemm fil-mument li fih hija bagħtet l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel u kemm fil-mument li fih hija bagħtet l-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni.

60

Fir-raba’ lok, ir-REA ssostni, qabelxejn, li hija applikat il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU b’osservanza tal-prinċipju ta’ bona fide ggarantit mill-Artikoli 1134 u 1156 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. F’dan ir-rigward, ir-REA tenfasizza li hija osservat l-Artikolu 33.2.2 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, li jipprovdi li, meta hija jkollha l-intenzjoni li tissospendi l-implimentazzjoni tal-ftehim, hija għandha tavża formalment lill-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha u bir-raġunijiet għaliex tkun ser tagħmel dan u tistedinha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni. Ir-REA tenfasizza li hija ssodisfat l-obbligi kuntrattwali tagħha billi bagħtet, fit‑23 ta’ Frar 2022, l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel lir-rikorrenti u billi informatha bl-intenzjoni tagħha li tissospendi l-imsemmi ftehim, u bir-raġunijiet għaliex, u billi stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu stabbilit.

61

Sussegwentement, ir-REA żżid tgħid li għalkemm huwa tabilħaqq minnu li, f’Lulju 2021, ir-rikorrenti kienet informatha bl-investigazzjoni kriminali pendenti fl-Italja konformement mal-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u li l-persuna responsabbli għall-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fi ħdan ir-REA u r-rikorrenti kienu ħadu sehem f’laqgħa permezz ta’ videokonferenza, matul din il-laqgħa, ir-REA ma kinitx ħadet pożizzjoni formali dwar il-konsegwenzi tal-investigazzjoni kriminali.

62

F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-REA, fil-kontroreplika, ikkontemplat is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fid-dawl tal-elementi mqajma matul l-investigazzjoni kriminali. Ir-REA tippreċiża li l-fatt li hija kienet taf bl-investigazzjoni tal-OLAF fil-mument tal-ittra ta’ informazzjoni minn qabel huwa irrilevanti, sa fejn hija marbuta bis-sigriet ta’ dawn l-investigazzjonijiet u sa fejn l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel ma tirreferix għall-imsemmija investigazzjoni u ma għandhiex x’taqsam magħha.

63

Min-naħa l-oħra, matul is-seduta u bi qbil ma’ dak li hija kienet sostniet fir-risposta, ir-REA sostniet li kien wara li ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF f’Jannar 2022, investigazzjoni li kompliet iżżid is-suspetti ta’ frodi mwettqa mir-rikorrenti, li hija kienet ikkontemplat li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

64

Barra minn hekk, ir-REA ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din tal-aħħar ma ġarrbitx dannu gravi minħabba li ntbagħtet l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel diversi xhur wara l-laqgħa permezz ta’ videokonferenza tas‑6 ta’ Awwissu 2021, sa fejn ir-rikorrenti kellha żmien, bejn il-mument li fih intbagħtet l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel fit‑23 ta’ Frar 2022 u l-mument li fih daħlet fis-seħħ is-sospensjoni fis‑7 ta’ Mejju 2022, sabiex tħejji ruħha għas-sospensjoni u tfassal pjan sabiex ittaffi l-konsegwenzi tagħha.

65

Fir-rigward ukoll tal-argument li r-REA rrifjutat li tiltaqa’ mar-rikorrenti u li teżamina l-kwistjoni kemm matul il-proċedura ta’ sospensjoni u kemm wara l-adozzjoni tas-sospensjoni, ir-REA tfakkar ukoll li hija ma kinitx obbligata, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, tiltaqa’ magħha wara l-bidu tal-proċedura ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, ir-REA ma għandhiex dritt tiltaqa’ mal-benefiċjarju ta’ ftehim ta’ sussidju meta tkun għaddejja investigazzjoni tal-OLAF relatata ma’ dan il-benefiċjarju.

66

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ir-REA tqajjem l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument u, sussidjarjament, tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, hija osservat l-imsemmija prinċipji.

67

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 33.2.1(b) tal-imsemmi ftehim, li jirrifletti l-Artikolu 202(2) tar-Regolament Finanzjarju u li, madankollu, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ma kinux issodisfatti, ir-REA ssostni li dan l-argument huwa irrelevanti sa fejn, f’dan il-każ, il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU ġie sospiż skont l-Artikolu 33.2.1(a) tiegħu, li jirrifletti l-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju.

68

L-ewwel u t-tielet motiv essenzjalment iqajmu l-kwistjoni preliminari dwar jekk, kif proprju ssostni r-rikorrenti, ir-REA, billi adottat id-deċiżjoni li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, kisritx l-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

69

Għalhekk, l-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lir-REA tissospendi l-imsemmi ftehim.

70

L-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jipprovdi dan li ġej:

“L-Aġenzija tista’ tissospendi l-implimentazzjoni tal-azzjoni jew ta’ parti minnha jekk:

(a)

benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika awtorizzata tirrappreżentah jew tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq jew ikun issuspettat li wettaq:

(i)

żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, jew

(ii)

ksur serju tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim jew matul il-proċedura ta’ għoti (inkluż l-implimentazzjoni skorretta tal-azzjoni, is-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni falza, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa, il-ksur tal-prinċipji tal-etika) jew

(b)

benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika awtorizzata tirrappreżentah jew tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq – fil-kuntest ta’ sussidji oħra tal-[Unjoni] jew tal-Euratom mogħtija lilu taħt kundizzjonijiet simili – żbalji, irregolaritajiet, frodi jew ksur serju tal-obbligi, sistemiċi jew rikorrenti, li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq dan is-sussidju (estensjoni għal dan is-sussidju tal-konstatazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ sussidji oħra – ara l-Artikolu 17.5.2).”

71

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU ġiet deċiża mir-REA skont l-Artikolu 33.2.1(a)(i) ta’ din tal-aħħar, minħabba l-fatt li l-President‑Direttur Ġenerali u d-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali għal suspetti ta’ frodi marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ sussidju li ma huwiex il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, jiġifieri l-Ftehim ta’ sussidju NGA.

72

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jirriżulta li r-REA tista’ tissospendi l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, inter alia, minħabba suspetti ta’ frodi li jkunu jikkonċernaw kemm il-kumpannija benefiċjarja tal-imsemmi ftehim, kif ukoll “kull persuna fiżika awtorizzata [tirrappreżentaha] jew tieħu deċiżjonijiet [f’isimha]”. Minn dan jirriżulta li, kif issostni ġustament ir-REA, suspetti ta’ frodi fir-rigward tal-President‑Direttur Ġenerali u d-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti jistgħu, bħala prinċipju, jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, sa fejn il-President‑Direttur Ġenerali u d-Direttur Finanzjarju huma, bħal f’dan il-każ, awtorizzati jirrappreżentaw jew jieħdu deċiżjonijiet f’isem ir-rikorrenti.

73

Fil-fatt, minkejja t-tentattivi tar-rikorrenti li tqis lill-President‑Direttur Ġenerali tagħha u lid-Direttur Finanzjarju tagħha bħala sempliċi impjegati bla ebda setgħa deċiżjonali, mill-proċess jirriżulta li huwa d-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti li ffirma f’isimha kemm il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kif ukoll il-Ftehim ta’ sussidju NGA u huwa l-President‑Direttur Ġenerali tar-rikorrenti li ffirma, f’isem din tal-aħħar, l-ittra ta’ attribuzzjoni minn qabel tad‑19 ta’ Marzu 2021, li permezz tagħha Ópera Business Dreams ingħatat il-kuntratt għall-implimentazzjoni tal-miżuri marbuta mal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

74

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jirriżulta li huwa biżżejjed, sabiex il-ftehim ta’ sussidju jkun jista’ jiġi sospiż, li l-benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika awtorizzata tirrappreżentah jew tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq jew ikun “issuspettat li wettaq” żball sostanzjali, irregolarità jew frodi. Dan ifisser li l-eżistenza nnifisha tal-frodi jew il-prova ta’ din tal-aħħar ma hijiex meħtieġa sabiex ir-REA tkun tista’ tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, ANKO vs Il‑Kummissjoni, T‑118/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:641, punt 46).

75

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-REA setgħetx tikklassifika lill-President‑Direttur Ġenerali u lid-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti bħala “persuni ssuspettati li wettqu frodi” fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU minħabba li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, f’dan il-każ, fil-mument li fih intbagħtet l-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni, l-investigazzjoni kriminali kienet għadha fi stadju preliminari.

76

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-REA, sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “persuna ssuspettata li wettqet frodi”, fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif dan il-kunċett ġie applikat fid-dritt kriminali Taljan u kellha, għalhekk, tikkonkludi li, minħabba l-investigazzjoni kriminali, il-persuni inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala “persuni ssuspettati” taħt id-dritt Taljan. Fil-fatt, fil-fehma tar-rikorrenti, billi l-investigazzjoni kriminali hija investigazzjoni preliminari li għadha pendenti u billi għadha ma ngħalqitx permezz ta’ deċiżjoni li tirrinvija l-kawża quddiem il-qorti b’ġurisdizzjoni bil-għan li jinħareġ l-att tal-akkuża, ir-REA ma setgħetx tikklassifika l-persuni inkwistjoni bħala persuni ssuspettati li wettqu frodi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, skont l-Artikolu 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan, huwa biss meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jkun għalaq l-investigazzjoni preliminari u jkun ddeċieda li jitlob li l-persuna kkonċernata titqiegħed taħt att tal-akkuża li l-persuna kkonċernata tista’ formalment titqies li hija “akkużata” u, għaldaqstant, “issuspettata li wettqet frodi”.

77

Għandu jiġi rrilevat hawnhekk li l-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jirreferi b’mod ġenerali għas-suspetti li jkunu twettqu “żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi”, mingħajr ma jispeċifika l-oriġini jew is-sors ta’ tali suspetti. B’hekk, l-eżistenza ta’ investigazzjoni kriminali bbażata fuq suspetti ta’ frodi fil-konfront taż-żewġ persuni fiżiċi awtorizzati jirrappreżentaw lir-rikorrenti jew jieħdu deċiżjonijiet f’isimha tista’ tikkostitwixxi sors ta’ “suspetti ta’ frodi” fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

78

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tiddetermina r-rilevanza u l-portata tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fil-mument li fih ġie sospiż il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, l-imsemmija investigazzjoni kriminali kienet tinsab, skont l-interpretazzjoni tad-dritt kriminali Taljan invokat mir-rikorrenti, fi stadju preliminari.

79

B’dan premess, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, ir-REA setgħetx tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU bis-saħħa tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tiegħu, minkejja l-fatt li s-suspetti ta’ frodi fil-konfront tal-President‑Direttur Ġenerali u tad-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti kienu jirriżultaw mill-investigazzjoni kriminali li kienet tikkonċerna ftehim ta’ sussidju li ma huwiex il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, jiġifieri l-Ftehim ta’ sussidju NGA.

80

Dwar dan il-punt, il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u, b’mod partikolari, dwar id-differenza bejn il-punt (a) u l-punt (b) ta’ dan l-artikolu.

81

Fil-fatt, mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-REA essenzjalment sostniet li, għalkemm l-Artikolu 33.2.1(b) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kien jiġġustifika s-sospensjoni tal-Ftehim TTD.EU u dan meta kien ġie kkonstatat li kienet “twettqet” frodi fil-kuntest ta’ ftehimiet oħra, l-Artikolu 33.2.1(a)(i) kien jipprevedi l-possibbiltà li jiġi sospiż il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fil-preżenza ta’ sempliċi “suspetti ta’ frodi”. Barra minn hekk, fil-fehma tar-REA, peress li l-kliem tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU ma jirreferi mkien għal dan il-ftehim, suspetti ta’ frodi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ ftehimiet oħra ta’ sussidju jistgħu jiġu kklassifikati bħala suspetti ta’ frodi li jistgħu validament jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li kieku l-awtur ta’ dan il-ftehim ried jillimita l-possibbiltà li dan tal-aħħar jiġi sospiż biss għall-każijiet ta’ suspetti ta’ frodi marbuta mal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, huwa kien jispeċifika dan, kif proprju għamel fl-Artikolu 33.2.1(a)(ii) ta’ dan tal-aħħar.

82

Madankollu, fil-fehma tar-rikorrenti, l-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punt (a) jiġġustifika s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU biss fil-preżenza ta’ suspetti ta’ frodi marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ dan l-istess ftehim, filwaqt li l-punt (b) jipprevedi li l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jista’ jiġi sospiż fil-każ li tkun twettqet frodi fil-kuntest ta’ ftehimiet oħra. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, li kieku l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-REA kienet valida, ma jkunx hemm differenza bejn il-punt (a) u l-punt (b) tal-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

83

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 33.2.1 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1156 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, fl-interpretazzjoni ta’ ftehim, wieħed għandu “ jfittex l-intenzjoni komuni tal-partijiet kontraenti, pjuttost milli jillimita ruħu għat-tifsira letterali tat-termini”.

84

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, ir-REA tista’ tissospendi dan il-ftehim ta’ sussidju kemm jekk il-benefiċjarju “jkun wettaq” frodi u kemm jekk il-benefiċjarju jkun “issuspettat li wettaq” frodi.

85

Huwa minnu li, kif tosserva r-REA, il-kliem tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU ma jirreferi mkien għal dan il-ftehim, b’tali mod li suspetti ta’ frodi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ ftehim ieħor jistgħu jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-Ftehim TTD.EU.

86

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 33.2.1(a)(ii) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jirreferi għal dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 33.2.1(b), ir-REA tista’ tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jekk il-benefiċjarju tagħha jkun “wettaq – fil-kuntest ta’ sussidji oħra tal-[Unjoni] jew ta’ Euratom mogħtija lilu f’kundizzjonijiet simili – […] frodi”.

87

B’hekk, skont l-Artikolu 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jipprovdi li “[k]ull klawżola fi ftehim għandha tiġi interpretata ’l waħda b’rabta mal-oħra, b’mod li kull waħda tingħata t-tifsira li titnissel mill-att sħiħ”, qari flimkien tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) u (ii) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u tal-Artikolu 33.2.1(b) ta’ dan l-istess ftehim jippermetti li tinsilet il-konklużjoni li l-Artikolu 33.2.1(a)(i) jiġġustifika s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU meta l-benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika awtorizzata tirrappreżentah jew tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq jew ikun issuspettat li wettaq frodi fl-eżekuzzjoni ta’ dak il-ftehim. Madankollu, l-Artikolu 33.2.1(b) jippermetti s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU meta l-benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika awtorizzata tirrappreżentah jew tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq frodi fl-eżekuzzjoni ta’ ftehim ieħor, kemm‑il darba jkun ipprovat li l-imsemmija frodi għandha effett sinjifikattiv fuq il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

88

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1157 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), din l-interpretazzjoni tippermetti li l-Artikolu 33.2.1(b) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jingħata effett utli.

89

Fil-fatt, kif ġustament issostni r-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, kif proposta mir-REA (ara l-punt 81 iktar ’il fuq), tispiċċa ċċaħħad mis-sens tiegħu dak li hemm stipulat fl-Artikolu 33.2.1(b) tal-istess ftehim, peress li l-każ tas-sospensjoni tal-Ftehim TTD.EU minħabba frodi mwettqa fi ftehim ta’ sussidju ieħor jista’ – skont l-interpretazzjoni tar-REA – ikun diġà previst fl-Artikolu 33.2.1(a), b’mod li ma kienx ikun meħtieġ li jiġi previst il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

90

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju tal-interpretazzjoni contra proferentem stabbilit fl-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li “[f]il-każ ta’ dubju, il-ftehim għandu jiġi interpretat kontra dak li jkun stipulah u favur dak li jkun ntrabat bl-obbligu”. Konsegwentement, l-Artikolu 33.2.1(a) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU għandu jiġi interpretat kontra r-REA, li stipulat il-ftehim, u favur ir-rikorrenti, li ntrabtet bih.

91

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi suspetti ta’ frodi li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ sussidju li ma huwiex il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, liema Ftehim ta’ sussidju TTD.EU r-rikorrenti hija parti fih, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala suspetti ta’ frodi fis-sens tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU li jistgħu jiġġustifikaw is-sospensjoni ta’ dan il-ftehim.

92

Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 87 iktar ’il fuq, frodi li tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ sussidju li ma huwiex il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU setgħet tiġġustifika s-sospensjoni ta’ dan tal-aħħar, kemm‑il darba kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33.2.1(b) tiegħu, jiġifieri t-twettiq ta’ frodi b’effett sinjifikattiv fuq il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, li ma kienx il-każ hawnhekk. Fil-fatt, peress li r-REA ma bbażatx id-deċiżjoni li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fuq l-Artikolu 33.2.1(b) tagħha minħabba li ma kienx stabbilit it-twettiq ta’ frodi, hija ma eżaminatx jekk it-tieni kundizzjoni kinitx issodisfatta f’dan il-każ, jiġifieri jekk din il-frodi kellhiex effett sinjifikattiv fuq il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

93

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-REA.

94

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, ir-REA ddeċidiet li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU wara li ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF, liema investigazzjoni kienet tirrigwarda ċertu numru ta’ ftehimiet ta’ sussidju ffirmati mir-rikorrenti, inkluż il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li dan l-argument huwa kontradett mill-fatt, li r-REA nnifisha ammettiet fil-kontroreplika (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), li kemm l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel kif ukoll l-ittra ta’ konferma tas-sospensjoni jimmotivaw is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU biss minħabba l-investigazzjoni kriminali mibdija fil-konfront tal-President‑Direttur Ġenerali u tad-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti. Fiż-żewġ dokumenti, ma jsir ebda riferiment għall-investigazzjoni tal-OLAF.

95

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-nota tat‑13 ta’ Jannar 2022, li permezz tagħha l-OLAF informa lir-REA bil-ftuħ tal-investigazzjoni tiegħu, ma kinitx tipprevedi s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU bħala miżura amministrattiva preventiva (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

96

B’hekk, l-informazzjoni fil-proċess (ara l-punt 94 iktar ’il fuq) tippermetti li jitqies li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet motivata biss mill-investigazzjoni kriminali dwar is-suspetti ta’ frodi fl-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju NGA.

97

Huwa minnu li r-REA, bħal kull istituzzjoni, kull korp u kull organu tal-Unjoni, hija obbligata, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), tiżgura l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.

98

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-regola ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, stabbilita mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 883/2013, għandha tiġi interpretata fil-kuntest tagħha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li l-investigazzjonijiet tal-OLAF għandhom jitmexxew b’rispett sħiħ lejn il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 169).

99

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 33.2.2 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, “[q]abel tissospendi l-implimentazzjoni tal-[Ftehim ta’ sussidju TTD.EU], l-aġenzija għandha tavża formalment lill-koordinatur jew lill-benefiċjarju kkonċernat bl-intenzjoni tagħha li tissospendi l-implimentazzjoni u bir-raġunijiet għaliex tkun ser tagħmel dan u tistedinha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni.”

100

Għaldaqstant, għalkemm, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 883/2013, ir-REA kellha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni tal-OLAF, hija kienet obbligata wkoll, skont l-Artikolu 33.2.2 tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-imsemmi ftehim, sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tiddefendi ruħha.

101

Għalhekk, f’dan il-kuntest u fid-dawl tal-informazzjoni fil-proċess (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), l-obbligu ta’ kunfidenzjalità fid-dawl tal-investigazzjoni tal-OLAF, li, barra minn hekk, issemma mir-REA, b’mod ġeneriku, wara l-preżentata tar-rikors, ma jistax jikkonvinċi billi s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet motivata minn suspetti ta’ frodi fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-istess ftehim u mhux tal-Ftehim ta’ sussidju NGA.

102

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li r-REA, billi ssospendiet il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, aġixxiet bi prudenza, sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni li r-REA għandha, bħala aġenzija, taħt l-Artikolu 317 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2024, Greenspider vs Eismea, T‑733/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:104, punt 39), ma jistax jawtorizzaha tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU bi ksur tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tiegħu.

103

B’hekk, għandu jitqies li r-REA, billi ddeċidiet li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU minħabba l-fatt li l-President‑Direttur Ġenerali u d-Direttur Finanzjarju tar-rikorrenti, jiġifieri żewġ persuni fiżiċi awtorizzati jirrappreżentaw jew jieħdu deċiżjonijiet f’isem ir-rikorrenti, kienu ssuspettati bi frodi fil-kuntest ta’ ftehim ta’ sussidju li ma huwiex il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, kisret l-Artikolu 33.2.1(a)(i) tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

104

Għalhekk, fid-dawl tal-premess, l-ewwel u t-tielet motiv mressqa insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ dawn il-motivi u dwar il-motivi l-oħra mressqa insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet.

Fuq it‑tieni kap tat‑talbiet, intiż sabiex il‑Qorti Ġenerali tordna lir‑REA tneħħi s‑sospensjoni tal‑Ftehim ta’ sussidju TTD.EU

105

Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Settembru 2024, ir-REA informat lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kienet tneħħiet u li hija kienet ftehmet mar-rikorrenti li l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar tkompli mill-ġdid, u dan kif ikkonfermat ir-rikorrenti f’ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2024 (ara l-punti 26 u 27 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet.

Fuq it‑tielet kap tat‑talbiet, intiż sabiex ir‑REA tiġi kkundannata tħallas lir‑rikorrenti s‑somma ta’ EUR 500000 bħala kumpens

106

Ir-rikorrenti hija tal-fehma li ġarrbet dannu ekonomiku serju minħabba s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU u qiegħda titlob kumpens mingħand ir-REA, fl-ammont ta’ EUR 500000, ammont li, fil-fehma tagħha, jista’ jiġi ppreċiżat iktar matul il-proċedura.

107

Ir-rikorrenti tenfasizza, abbażi tar-rapport ta’ espert maħtur minnha (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-espert maħtur”), li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jista’ jkollha impatt ekonomiku negattiv fuq l-eżekuzzjoni tiegħu, li kieku dan tal-aħħar kellu jissokta. Fil-fatt, fil-fehma tar-rikorrenti, minkejja li l-għanijiet u l-baġit tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU jibqgħu l-istess, il-kuntest ekonomiku u ġeopolitiku internazzjonali, ikkaratterizzat b’mod partikolari miż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija u minn diffikultajiet fejn jidħlu t-trasport u l-loġistika, aktarx ser iwassal għal reviżjoni tal-istejjem li hija ngħatat f’Jannar 2022 għall-fieri, għall-workshops, għall-konferenzi u għall-avvenimenti l-oħra, u dan iġiegħel lir-rikorrenti twettaq l-attivitajiet b’mod kunsiderevolment imnaqqas meta mqabbel ma’ dak li kien inizjalment previst, tirrinunzja għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti attivitajiet u, fl-aħħar lok, tirrinunzja għall-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU fl-intier tiegħu.

108

Barra minn hekk, wara li enfasizzat li hija attur professjonali magħruf fil-qasam tal-inbid, kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-livell dinji u tal-Unjoni, ir-rikorrenti ssostni li s-sospensjoni bl-għaġla tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha u lill-impressjoni li l-pubbliku għandu tagħha mil-lat ta’ affidabbiltà kummerċjali, ta’ kredibbiltà, ta’ ekwità u ta’ bona fide fir-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba.

109

Barra minn hekk, fil-fehma tar-rikorrenti, id-dannu mġarrab huwa wieħed ċert peress li l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mis-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU ġiet iddettaljata fir-rikors.

110

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-REA, ir-rikorrenti tqis li teżisti rabta kawżali bejn id-danni mġarrba u l-aġir tar-REA sa fejn, mingħajr is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, hija ma kienet iġġarrab ebda dannu.

111

Ir-REA tikkontesta dawn l-argumenti u tqis li t-talba għal kumpens għal danni materjali u morali hija manifestament infondata.

112

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm huwa minnu li s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU tneħħiet (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), it-tkomplija mill-ġdid tal-eżekuzzjoni tiegħu ma tagħmilhiex possibbli għar-rikorrenti li tikseb riżultat li jekwivali għal dak li hija tfittex bit-talba għal kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet minħabba s-sospensjoni tal-imsemmi ftehim ta’ sussidju.

113

B’hekk, għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tar-rikorrenti.

114

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti hija ta’ natura esklużivament kuntrattwali.

115

B’hekk, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, li, f’dan il-każ, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 36 iktar ’il fuq, hija d-dritt tal-Unjoni applikabbli kkompletat, jekk ikun meħtieġ, mid-dritt Belġjan.

116

Dan ifisser li, kif ġie rrilevat fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq, il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, it-Trattat FUE, il-Karta u r-Regolament Finanzjarju u, sabiex timtela xi lakuna fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, mid-dritt nazzjonali indikat fil-ftehim, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt Belġjan.

117

B’hekk, f’dan il-kuntest, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitfakkru l-prerekwiżiti għar-responsabbiltà kuntrattwali fid-dritt Belġjan fis-seħħ fil-mument li fih ġie konkluż u eżegwit il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

118

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 1142 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jaqa’ taħt it-Titolu III tal-Ktieb III, intitolat “Kuntratti jew obbligi kuntrattwali b’mod ġenerali”, jipprovdi li “[k]walunkwe obbligu li ssir jew li ma ssirx xi ħaġa għandu jsarraf f’kumpens, fil-każ li d-debitur ma jkunx wettaq dak l-obbligu”.

119

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, “[i]d-debitur huwa kkundannat, fejn xieraq, għall-ħlas ta’ kumpens, jew minħabba in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu, jew minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni, kull meta ma jirnexxilux juri li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun dovut għal kawża esterna li ma tistax tiġi attribwita lilu u li ma jkun hemm ebda mala fide min-naħa tiegħu”.

120

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-fatt li fuqu hija bbażata r-responsabbiltà kuntrattwali, skont il-Kodiċi Ċivili Belġjan, huwa n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, totali jew parzjali, tal-kuntratt, imputabbli lil wieħed mill-partijiet kontraenti. Sabiex jinkiseb kumpens għad-danni mġarrba minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ natura patrimonjali jew le, hija l-persuna li titlob il-kumpens li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali u d-dannu kif ikun seħħ (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il‑Kummissjoni, T‑744/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:304, punt 270 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Kif proprju tenfasizza r-REA, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet f’dan il-kuntest sabiex jiġi kkumpensat dannu ta’ oriġini kuntrattwali, jiġifieri n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, id-dannu u r-rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u d-dannu (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il‑Kummissjoni, T‑744/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:304, punt 271 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-REA ddeċidiet li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU bi ksur tal-Artikolu 33.2.1(a)(i) tiegħu.

123

Għalhekk, peress li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq huma kumulattivi (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il‑Kummissjoni, C‑100/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 100), għandu jiġi eżaminat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq.

124

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ir-rikorrenti qiegħda titlob li tiġi kkumpensata kemm għal dannu materjali kif ukoll għal dannu morali.

125

B’mod partikolari, fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti qiegħda titlob li tiġi kkumpensata għall-konsegwenzi ekonomiċi negattivi li, fil-fehma tagħha, jirriżultaw mis-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU (ara l-punt 107 iktar ’il fuq).

126

Issa, għalkemm huwa minnu li, wara s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, ir-rikorrenti kellha aktarx tissospendi jew tikkanċella ċerti fieri, workshops, konferenzi u avvenimenti oħra, organizzati sabiex jiġi eżegwit il-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU, hija ma tipprovax li d-danni materjali li hija tallega seħħew tassew f’dan il-każ.

127

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti tipproduċi r-rapport tal-espert maħtur tas‑7 ta’ Lulju 2022.

128

Madankollu, ir-rapport tal-espert maħtur jippreċiża li, fid-data li fih tfassal ir-rapport, “ma [kien] seħħ ebda telf finanzjarju jew ħlas bil-quddiem: pereżempju, ma [kienet] tħallset ebda somma bil-quddiem […], ma [kienet] tħallset ebda penali u ma [kien] ġie llikwidat ebda ħlas akkont”. Għal din ir-raġuni, ir-rapport tal-espert maħtur juri biss ir-“riskji ekonomiċi, finanzjarji, patrimonjali u mhux patrimonjali potenzjali li r-rikorrenti tista’ tħabbat wiċċha magħhom wara s-sospensjoni”.

129

B’hekk, ir-rapport tal-espert maħtur jenfasizza, bħala eżempju, li PRODECA, benefiċjarja Spanjola, “sabet ruħha fis-sitwazzjoni li kellha tiddeċiedi li ma tiħux sehem fil-fiera tal-ikel u tax-xorb (China Food оDrinks Fair) ta’ Chengdu, fiċ-Ċina, inizjalment prevista f’Marzu, u wara posposta għal April, u sussegwentement posposta għal Lulju‑Awwissu 2022”, u dan meta kienet “diġà kkonfermat l-avveniment fil-bidu ta’ Frar 2022 u kienet ħallset EUR 33500 bil-quddiem lill-organu li organizza l-avveniment sabiex jirriżerva ż-żona fejn kien ser jiġi installat l-istand ta’ 85 metru kwadru”. Madankollu, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti tipproduċi abbozz ta’ stima sabiex tipprova li kellu jsir il-ħlas bil-quddiem ta’ EUR 33500 sabiex tiġi rriżervata ż-żona fejn kien ser ikun installat l-istand ta’ 85 metru kwadru, hija ma tipproduċi ebda prova intiża sabiex turi li dan l-ammont effettivament tħallas.

130

Barra minn hekk, ir-rapport tal-espert maħtur jelenka sensiela sħiħa ta’ fieri kummerċjali previsti, li ’l quddiem ġew ikkanċellati jew sospiżi. Madankollu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-avveniment intitolat “ProWine Shangai”, ir-rapport tal-espert maħtur sempliċement jipprovdi stima tal-ispejjeż potenzjali mingħajr ma jipproduċi ebda dokument li jipprova li l-imsemmija spejjeż effettivament intefqu. Bl-istess mod, il-prova tal-ispejjeż purament indikattivi stmati għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-avvenimenti l-oħra kkanċellati msemmija fir-rapport tal-espert maħtur, bħal “WineTo Asia Shenzhen”, “Bellavita Chicago Expo”, “Summer Fancy Food edition” u “Texom in Dallas”, hija prodotta minn fuljetti jew skedi ta’ attivitajiet li ma fihom ebda fatturi li jipprovaw li l-imsemmija spejjeż ġew effettivament sostnuti.

131

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-lista tal-workshops, tal-avvenimenti tal-kummerċ elettroniku bejn l-impriżi (business‑to‑business e‑commerce), tas-seminars, tat-taħriġ u tal-fieri kummerċjali futuri li jissemmew fir-rapport tal-espert maħtur, għandu jiġi osservat li din hija sempliċi lista ta’ avvenimenti, fosthom ukoll xi wħud li seħħew qabel id-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni, li ma hija akkumpanjata minn ebda stima, lanqas stima indikattiva, tal-ispejjeż.

132

Barra minn hekk, mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrenti, wara li ppreċiżat li d-dannu materjali li hija invokat kellu jitqies bħala dannu attwali u li diġà seħħ, ma kinitx f’pożizzjoni li tindika liema dokumenti mill-proċess kienu jippermettu li jiġi pprovat id-dannu materjali allegat u, b’mod partikolari, l-ispejjeż li hija allegatament kellha tbati minħabba s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

133

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovax li d-dannu materjali li hija tallega li ġarrbet minħabba s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU kien tassew seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Kif issostni r-REA, hija ssejjes it-talbiet tagħha fuq sempliċi projezzjonijiet, u dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li r-rikorrenti ma tippreċiżax eżattament l-ammont tad-dannu materjali li għalih hija qiegħda titlob li tiġi kkumpensata.

134

Fir-rigward tad-dannu morali, ir-rikorrenti qiegħda titlob li tiġi kkumpensata għal allegata ħsara għar-reputazzjoni u għall-impressjoni li l-pubbliku għandu tagħha, li, fil-fehma tagħha, tirriżulta mis-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU. Madankollu, hija ma ġġib ebda prova li turi tali dannu.

135

Fl-aħħar nett u sussidjarjament, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, li tirrigwarda l-eżistenza ta’ responsabbiltà kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovax b’mod ċert rabta kawżali bejn l-allegat aġir tar-REA u d-danni allegatament imġarrba.

136

Fil-fatt, fir-rigward tad-dannu materjali invokat, anki li kellu jitqies li tali dannu huwa stabbilit (ara l-punt 133 iktar ’il fuq), mir-rapport tal-espert maħtur jirriżulta li, “minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 u s-sospensjoni tal-attivitajiet minħabba fiha, […] il-programm kellu, sa mill-ħolqien tiegħu, kontinwament iħabbat wiċċu mal-bżonnijiet ġodda tas-suq u mad-diffikultajiet oġġettivi ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet, minħabba l-ħtieġa kontinwa ta’ kanċellazzjonijiet u ta’ posponimenti ta’ avvenimenti”. Ma jistax jiġi eskluż, għalhekk, li tal-inqas parti mill-ispejjeż addizzjonali li r-rikorrenti ssostni li kellha tbati minħabba s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU huma fir-realtà marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19.

137

Fir-rigward tad-dannu morali, anki li kellu jitqies li tali dannu huwa stabbilit (ara l-punt 134 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ jkun marbut mal-investigazzjoni kriminali u mhux mas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju TTD.EU.

138

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, it-tielet kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

139

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-REA ħarġet telliefa fil-partijiet essenzjali tat-talbiet tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) li tissospendi l-Ftehim ta’ sussidju Nru 874904 relatat mal-proġett intitolat “European Quality Wines: Taste the Difference – TTD.EU” u li tinsab fl-ittra tar-REA tat‑2 ta’ Mejju 2022 hija invalida.

 

2)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet intiż li r-REA tintalab tneħħi s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ sussidju Nru 874904 relatat mal-proġett intitolat “European Quality Wines: Taste the Difference – TTD.EU”.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Ir-REA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Porchia

Jaeger

Madise

Nihoul

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2024.

Firem

Werrej

 

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

Fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors

 

It‑talbiet tal‑partijiet

 

Id‑dritt

 

Fuq il‑klawżola ta’ arbitraġġ

 

Fuq id‑dritt applikabbli

 

Fuq l‑ewwel kap tat‑talbiet, intiż sabiex il‑Qorti Ġenerali tiddikjara l‑invalidità tal‑ittra ta’ konferma tas‑sospensjoni tal‑Ftehim ta’ sussidju TTD.EU

 

Fuq it‑tieni kap tat‑talbiet, intiż sabiex il‑Qorti Ġenerali tordna lir‑REA tneħħi s‑sospensjoni tal‑Ftehim ta’ sussidju TTD.EU

 

Fuq it‑tielet kap tat‑talbiet, intiż sabiex ir‑REA tiġi kkundannata tħallas lir‑rikorrenti s‑somma ta’ EUR 500000 bħala kumpens

 

Fuq l‑ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.