Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

15 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni tal-VAT – Persuni taxxabbli – ‘Grupp tal-VAT’ – Kunċett ta’ ‘persuni b’rabta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv’ – Miżuri għall-prevenzjoni tal-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa – Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112/KE – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li persuni mhux taxxabbli jew eżentati mill-VAT jiġu inklużi fi grupp tal-VAT – Kundizzjoni ta’ proprjetà integrali tal-kapital tal-membri għall-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT”

Fil-Kawża T‑268/25,      

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2025, fil-proċedura

Sampension Livsforsikring A/S

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn N. Półtorak (Relatriċi), Presidenta, T. Pynnä, G. Hesse, G. Steinfatt u D. Petrlík, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: M. Brkan,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ April 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Frar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sampension Livsforsikring, minn S. Andersen u L. Kjær, advokater,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Maertens, bħala aġent, assistita minn R. Andersen u B. Søes Petersen, advokater,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M.-L. Ehlers Defontaine u M. Herold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”),

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sampension Livsforsikring A/S u l-iSkatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxi, id-Danimarka) dwar ir-rifjut mill-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi tat-talba għal reġistrazzjoni konġunta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imressqa minn din il-kumpannija u mis-sussidjarja tagħha, Sampension Administrationsselskab A/S (iktar ’il quddiem il-“kumpannija ta’ ġestjoni”).

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa biex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

 Id-dritt Daniż

4        L-Artikolu 47(4) tal-lov om merværdiafgift (momsloven) (il-Liġi tail-VAT) jipprovdi:

“Diversi persuni taxxabbli li jeżerċitaw esklużivament attivitajiet suġġetti għar-reġistrazzjoni jistgħu, fuq talba, jiġu rreġistrati taħt l-istess numru uniku. L-amministrazzjoni tad-dwana u t-taxxi tista’ tawtorizza li persuni li jeżerċitaw attivitajiet suġġetti għar-reġistrazzjoni tal-VAT jiġu rreġistrati taħt l-istess numru uniku flimkien ma’ persuni li jeżerċitaw attivitajiet mhux suġġetti għar-reġistrazzjoni kif ukoll ma’ persuni li ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika. L-għoti ta’ din l‑awtorizzazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li waħda mill-persuni (b’mod partikolari l-kumpannija omm) tkun proprjetarja tal-persuna jew tal‑persuni l-oħra (b’mod partikolari sussidjarji jew sottosussidjarji) irreġistrati taħt l-istess numru, b’mod partikolari permezz taż-żamma diretta jew indiretta tal-kapital kollu tagħhom. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        Sampension Livsforsikring hija kumpannija tal-assigurazzjoni li teżerċita attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja kif ukoll attivitajiet finanzjarji oħra, marbuta mal-pensjonijiet tal-irtirar professjonali u mal-pensjonijiet tal-irtirar okkupazzjonali. Uħud minn dawn l-attivitajiet huma eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 13 tal-Liġi tal-VAT.

6        Sal‑1 ta’ Jannar 2017, Sampension Livsforsikring kienet, skont l-Artikolu 47(4) tal-Liġi tal-VAT, irreġistrata għall-VAT taħt numru wieħed u uniku mal-kumpannija ta’ ġestjoni u b’hekk kienet tifforma magħha “grupp tal-VAT”. Il-kumpannija ta’ ġestjoni, li kienet tieħu responsabbiltà għall-kompiti amministrattivi ta’ Sampension Livsforsikring kif ukoll dawk ta’ żewġ fondi tal-irtirar li ma jappartjenux għal dan il-grupp, kienet 100 % proprjetà ta’ Livsforsikring.

7        Fl‑1 ta’ Jannar 2017, iż-żewġ fondi ta’ pensjoni li għalihom il-kumpannija ta’ ġestjoni ħadet ir-responsabbiltà għall-kompiti amministrattivi akkwistaw kull waħda minnhom 3 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

8        Minħabba dan l-akkwist, Sampension Livsforsikring ma baqgħetx proprjetarja 100 % tal-kapital tal-kumpannija ta’ ġestjoni. Il-grupp tal-VAT li hija kienet tifforma magħha għalhekk ma baqax jeżisti, peress li ma ssodisfax il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 47(4) tal-Liġi tal-VAT, li skontu, fi grupp tal-VAT ikkostitwit bejn persuni li jeżerċitaw attivitajiet suġġetti għar-reġistrazzjoni għall-VAT u persuni li jeżerċitaw attivitajiet mhux suġġetti għar-reġistrazzjoni, waħda mill-persuni tal-grupp għandu tkun proprjetarja, direttament jew indirettament, 100 % tal-kapital tal-persuni l-oħra ta’ dan il-grupp (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 %”).

9        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Jannar 2019, Sampension Livsforsikring ressqet quddiem l-Erhvervsstyrelsen (l-Awtorità Daniża għall-Impriżi) talba intiża sabiex tiġi rreġistrata mill-ġdid għall-finijiet tal-VAT flimkien mal-kumpannija ta’ ġestjoni, billi qieset li l-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2019, l-iSkattestyrelsen (l-awtoritajiet tat-taxxa, id-Danimarka) ċaħdu t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ Sampension Livsforsikring u tal-kumpannija ta’ ġestjoni taħt numru wieħed u uniku, minħabba li l-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % ma kinitx issodisfatta.

11      Fit‑13 ta’ Diċembru 2021, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi ġiet ikkonfermata mil-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), li bbażat ruħha fuq l-istess raġuni bħal dawn l-awtoritajiet, u, barra minn hekk, irrilevat li Sampension Livsforsikring ma setgħetx tinvoka l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, peress li qieset li din id-dispożizzjoni ma kellhiex effett dirett.

12      Sampension Livsforsikring ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali quddiem ir-Retten i Lyngby (il-Qorti ta’ Lyngby, id-Danimarka), li bagħtet lura l-kawża quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju, minħabba li kienet tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-[Direttiva tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-possibbiltà li jinħoloq grupp tal-VAT li jinkludi persuni li jeżerċitaw attivitajiet mhux suġġetti għar-reġistrazzjoni jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika għall-kundizzjoni li persuna waħda mill-grupp tal-VAT tkun 100 %proprjetarja, direttament jew indirettament, tal-persuni l-oħra tal-grupp tal-VAT?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 11 tad-[Direttiva tal-VAT] għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li l-persuni taxxabbli huma intitolati, fil-konfront ta’ Stat Membru, għad-dritt li jkunu rreġistrati bħala grupp tal-VAT meta l-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru ma tkunx konformi ma’ din id-dispożizzjoni u ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’konformità magħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-possibbiltà li jinħoloq grupp tal-VAT, li jinkludi persuni li jeżerċitaw attivitajiet eżentati mill-VAT jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, għall-kundizzjoni li persuna waħda mill-grupp tal-VAT tkun 100 % proprjetarja, direttament jew indirettament, tal-kapital kollu tal-persuni l-oħra f’dan il-grupp.

 Fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT

15      Għandu, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk kundizzjoni tal-proprjetà ta’ 100 % tistax tkun ibbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, sa fejn din tissuġġetta b’mod partikolari l-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT għall-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju.

16      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta din id-dispożizzjoni, ried jippermetti lill-Istati Membri ma jorbtux sistematikament il-kwalità ta’ persuna taxxabbli mal-kunċett ta’ “indipendenza purament ġuridika”, kemm għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva, kif ukoll sabiex jiġu evitati ċerti abbużi bħall-qsim ta’ impriża bejn diversi persuni taxxabbli bl-għan li jibbenefikaw minn sistema speċjali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Għandu jitfakkar ukoll li l-assimilazzjoni ta’ persuna taxxabbli waħidha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT teskludi li l-membri suġġetti jkomplu jissottomettu separatament dikjarazzjonijiet tal-VAT u jiġu identifikati, fil-grupp jew barra mill-grupp, bħala persuni taxxabbli, peress li hija l-persuna taxxabbli unika biss li tista’ tissottometti l-imsemmija dikjarazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Fit-tieni lok, il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, li l-istabbiliment ta’ grupp tal-VAT huwa suġġett għall-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv bejn il-persuni kkonċernati, teżiġi li tiġi ppreċiżata fuq livell nazzjonali, b’tali mod li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura kundizzjonali sa fejn timplika l-intervent ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-portata konkreta ta’ tali rabtiet (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 43).

19      Madankollu, għal applikazzjoni uniformi tas-Sitt Direttiva, huwa importanti li l-kunċett ta’ “rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Tali interpretazzjoni hija meħtieġa, minkejja n-natura fakultattiva, għall-Istati Membri, tas-sistema li dan l-artikolu jipprevedi, sabiex jiġu evitati, meta jiġu implimentati, diverġenzi fl-applikazzjoni ta’ din is-sistema minn Stat Membru għal ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 44).

20      Barra minn hekk, la mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT u lanqas mis-sistema stabbilita minn din id-direttiva ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi dispożizzjoni derogatorja jew partikolari li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, Finanzamt T (Servizzi interni ta’ grupp tal-VAT), C‑269/20, EU:C:2022:944, punt 42). B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 45).

21      Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprevedix il-possibbiltà, għal kull Stat Membru, li jimponi kundizzjonijiet oħra fuq l-operaturi ekonomiċi, sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu grupp tal-VAT, minbarra dik li jkunu stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jkunu marbuta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑480/10, EU:C:2013:263, punti 35, u tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑74/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:266, punti 63).

22      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-natura mill-qrib tar-relazzjonijiet li jorbtu dawn l-operaturi ekonomiċi persuni ma tistax għalhekk, fl-assenza ta’ kull rekwiżit ieħor, twassal għal-kunsiderazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirriżerva l-benefiċċju tas-sistema tal-grupp tal-VAT lill-entitajiet biss li jinsabu f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni mal-korp dominanti tal-grupp ta’ impriżi kkunsidrat. L-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ subordinazzjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tippermetti li tiġi preżunta n-natura ta’ qrubija tar-relazzjonijiet bejn l-entitajiet inkwistjoni, iżda ma tistax, bħala prinċipju, titqies bħala kundizzjoni neċessarja għall-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 47).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) tipprekludi kundizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, il-proprjetà ta’ maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot minbarra sehem maġġoritarju fil-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, Norddeutsche Gesellschaft für Diakonie, C‑141/20, EU:C:2022:943, punt 71).

24      Din il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, inkwantu din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet, fis-sustanza, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva.

25      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % għall-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT li tinkludi persuni li jeżerċitaw attivitajiet mhux suġġetti għar-reġistrazzjoni għall-VAT jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika, tmur lil hinn minn dak li timplika l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, kif interpretata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 18 sa 23 iktar ’il fuq.

26      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 18 sa 23 jirriżulta li, għalkemm l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, b’mod partikolari fil-forma ta’ proprjetà ta’ 100 % tal-kapital, tista’ tippermetti li tiġi preżunta n-natura stretta tar-rabtiet bejn l-entitajiet ikkonċernati, din l-eżistenza ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-istabbiliment ta’ grupp tal-VAT. Fil-fatt, rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju jistgħu jeżistu wkoll f’sitwazzjonijiet fejn is-sehem fil-kapital huwa inqas minn 100 %, peress li l-persuni kkonċernati jibqgħu marbuta mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

27      Konsegwentement, kif barra minn hekk ammetta l-Gvern Daniż waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % ma tistax titqies li tikkostitwixxi sempliċi preċiżjoni tal-kundizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

 Fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT

28      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk kundizzjoni ta’ detenzjoni ta’ 100 % tistax madankollu titqies li hija fost il-miżuri utli li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu tagħmel l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 56).

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprevedix espressament il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jimponu kundizzjonijiet oħra fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu grupp tal-VAT, dawn l-Istati jistgħu, fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom, jissuġġettaw l-applikazzjoni tas-sistema tal-grupp tal-VAT għal ċerti restrizzjonijiet sakemm dawn ikunu jaqgħu taħt l-għanijiet ta’ din id-direttiva intiżi għall-prevenzjoni tal-prattiki jew tal-aġir abbużiv, jew għall-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, u li d-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali, jiġu osservati (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jiġi enfasizzat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % hijiex intiża li tilħaq l-għanijiet intiżi li jipprevjenu l-prattiki jew l-aġir abbużiv jew il-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punti 44 u 46).

31      Madankollu, sabiex tingħata lill-qorti tar-rinviju risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, EU:C:2008:766, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li l-kundizzjoni ta’ proprjetà 100 % hija intiża sabiex jiġi evitat it-telf ta’ dħul fiskali u l-effetti mhux mixtieqa li jistgħu jirriżultaw mill-inklużjoni, fi gruppi tal-VAT, ta’ persuni li jeżerċitaw attivitajiet eżenti jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika. Skont dan il-gvern, il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-persuni fil-gruppi tal-VAT tippermettilhom, b’mod partikolari, li jakkwistaw oġġetti u servizzi mingħand membri oħra tal-grupp mingħajr ma jħallsu l-VAT. Il-benefiċċju tas-sistema tal-grupp tal-VAT għandu, għal tali persuni, jiġi rriżervat biss għall-gruppi komposti minn kumpannija u minn sussidjarji li tagħhom din il-kumpannija hija proprjetarja 100 % tal-kapital, u fin-nuqqas ta’ dan l-estensjoni ta’ din is-sistema għall-persuni li jeżerċitaw attivitajiet eżenti jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni ċċaħħad lill-baġit minn ċertu dħul mill-VAT. Il-limitazzjoni tal-possibbiltà li jinħolqu gruppi tal-VAT tippermetti b’hekk li jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa.

33      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li s-sempliċi eżistenza ta’ vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-implimentazzjoni, minn Stat Membru, tas-sistema tal-grupp tal-VAT prevista mid-Direttiva tal-VAT ma tistax, fiha nnifisha, tiġi assimilata, kif jallega l-Gvern Daniż, ma’ evażjoni jew evitar tat-taxxa fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

34      Fil-fatt, it-tranżazzjonijiet bi ħlas imwettqa bejn il-persuni tal-istess grupp ma humiex suġġetti għall-VAT (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Finanzamt T II, C‑184/23, EU:C:2024:599, punt 47). B’hekk, il-fatt li l-membri ta’ grupp tal-VAT jistgħu jieħdu vantaġġi ekonomiċi mill-parteċipazzjoni tagħhom f’tali grupp jikkostitwixxi konsegwenza neċessarja tal-għażla ta’ Stat Membru li jippermetti, fil-kuntest tal-politika fiskali tiegħu, l-istabbiliment ta’ gruppi tal-VAT.

35      Barra minn hekk, il-persuni taxxabbli huma ġeneralment liberi li jagħżlu l-istrutturi organizzazzjonali u l-modalitajiet ta’ tranżazzjoni li huma jqisu bħala l-iktar xierqa għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u sabiex jillimitaw il-piżijiet fiskali tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT – Akkwist fittizj), C114/22, EU:C:2023:430, punt 45).

36      Minn dan isegwi li s-sempliċi tnaqqis tad-dħul fiskali li jirriżulta mill-għażla tal-Istat Membru li jimplimenta l-mekkaniżmu tal-grupp tal-VAT, li jagħmel parti integrali mis-sistema komuni tal-VAT, ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi evażjoni jew evitar tat-taxxa fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li riskju purament teoriku ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa ma jistax jifforma l-bażi għal regola ġenerali u assoluta li tirrestrinġi l-aċċess għas-sistema ta’ grupp tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 61). Issa, l-għanijiet invokati mill-Gvern Daniż u msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq ma jirrigwardawx ir-riskju ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

38      Fit-tieni lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk il-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % hijiex neċessarja u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.

39      F’dan ir-rigward, miżura restrittiva tista’ titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq biss jekk tissodisfa verament ir-rieda li dan jinkiseb b’mod koerenti u sistematiku (ara, b’analogija, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2026, Swedish Match (sistema ta’ ġustifikazzjoni ssemplifikata), C‑322/25, EU:C:2026:402, punt 28). Issa, dan jista’ ma jkunx il-każ tal-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 %, peress li l-vantaġġ fiskali li jista’ jirriżulta mill-inklużjoni, fi grupp tal-VAT, ta’ persuna li teżerċita attività eżentata jew li ma teżerċitax attività ekonomika huwa l-istess, kemm jekk il-kapital ta’ din il-persuna jkun proprjetà ta’ persuna oħra tal-grupp 100 % jew b’perċentwali inferjuri, meta tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Il-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % b’hekk tagħmel distinzjoni mhux skont ir-riskju effettiv ta’ evitar tat-taxxa, iżda biss skont l-istruttura tal-kapital tal-grupp. Issa, meta l-għan intiż għall-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, esklużjoni sistematika bbażata fuq kriterju astratt, mingħajr rabta ma’ riskju reali ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa, tista’ teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punti 61 sa 64).

40      Fit-tielet lok, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 % tosservax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi, b’mod partikolari, li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin, C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, l-esklużjoni, minn leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-benefiċċju tas-sistema ta’ grupp tal-VAT tal-persuni li jeżerċitaw attività eżentata jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika li l-kapital tagħha ma hijiex kollha kemm hi proprjetà ta’ membru ieħor tal-grupp, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ twassal għal trattament differenzjat ta’ operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet u li jinsabu, mill-perspettiva tal-kriterji kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

42      Huwa fid-dawl tal-indikazzjonijiet kollha iktar ’il fuq li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ proprjetà ta’ 100 %, tikkostitwixxix miżura utli sabiex jiġu evitati l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi kkostitwit grupp tal-VAT li jinkludi, minn naħa, persuni li jeżerċitaw attivitajiet suġġetti għall-VAT u, min-naħa l-oħra, persuni li jeżerċitaw attivitajiet eżentati jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika għall-kundizzjoni li waħda mill-persuni tal-grupp tkun proprjetarja, direttament jew indirettament, il-kapital kollu tal-persuni l-oħra ta’ dan il-grupp, sakemm dan ir-rekwiżit ma jikkostitwixxix miżura neċessarja u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li saret biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li l-persuni taxxabbli huma intitolati, fil-konfront ta’ Stat Membru, għad-dritt li jkunu rreġistrati bħala grupp tal-VAT meta l-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru ma tkunx konformi ma’ din id-dispożizzjoni u ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’konformità magħha.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’kull każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha. Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun mingħajr kundizzjoni meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ xi att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496), dwar l-effett dirett tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

47      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva li l-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT hija suġġetta għall-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib fuq il-pjan finanzjarju, ekonomiku jew organizzattiv bejn il-persuni rilevanti teħtieġ li tkun speċifikata fuq livell nazzjonali. Hija qieset li dan l-artikolu, sa fejn kien jimplika l-intervent ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-portata konkreta ta’ tali rabtiet, kien għalhekk ta’ natura kundizzjonali. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tipproduċi effett dirett (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punti 50 u 51).

48      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva ma setax jitqies li għandu effett dirett li jippermetti lill-persuni taxxabbli sabiex jitolbu għall-benefiċċju tiegħu kontra l-Istat Membru tagħhom fil-każ li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tkunx kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u ma tistax tiġi interpretata konformement magħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt, C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 52).

49      Din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jirriproduċi, essenzjalment, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496), jirriżulta li l-implimentazzjoni tas-sistema tal-grupp tal-VAT timplika neċessarjament l-intervent ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-portata konkreta tar-rabtiet mill-qrib imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni.

50      Il-fatt li, f’dan il-każ, kuntrarjament għad-domandi preliminari magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva u Marenave Schiffahrt (C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496), din il-preżenti domanda preliminari ma tirrigwardax id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, iżda d-dritt li wieħed jiġi rreġistrat bħala grupp tal-VAT, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, l-invokazzjoni tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva jew tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT tirrigwarda dispożizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni ta’ grupp tal-VAT li l-portata konkreta tagħhom, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ rabtiet mill-qrib previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija ppreċiżata minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kull qorti nazzjonali adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex effett dirett ma tistax tiġi invokata, bħala tali, fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tmur kontra dan id-dritt (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 61 u 62).

52      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li skontu l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt intern, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jeżiġi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa liema punt dan ikun jista’ jiġi applikat mingħajr ma jwassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, technoRent International et, C‑844/19, EU:C:2021:378, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jitqies li għandu effett dirett li jippermetti lill-persuni taxxabbli sabiex jinvokawh kontra l-Istat Membru tagħhom fil-każ li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tkunx kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u ma tistax tiġi interpretata konformement magħha.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi kkostitwit grupp tal-VAT li jinkludi, minn naħa, persuni li jeżerċitaw attivitajiet suġġetti għall-VAT u, min-naħa l-oħra, persuni li jeżerċitaw attivitajiet eżentati jew li ma jeżerċitawx attività ekonomika għall-kundizzjoni li waħda mill-persuni tal-grupp tkun proprjetarja, direttament jew indirettament, tal-kapital kollu tal-persuni l-oħra ta’ dan il-grupp, sakemm dan ir-rekwiżit ma jikkostitwixxix miżura neċessarja u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.

2)      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jitqies li għandu effett dirett li jippermetti lill-persuni taxxabbli sabiex jinvokawh kontra l-Istat Membru tagħhom fil-każ li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tkunx kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u ma tistax tiġi interpretata konformement magħha.

Półtorak

Pynnä

Hesse

Steinfatt

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.