|
11.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 260/50 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1709
tas-7 ta’ Ottubru 2019
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li testendi deroga tad-WTO li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. |
|
(2) |
Il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO jistipula li l-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 għall-Ftehim tad-WTO (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”) huma partijiet integrali tal-Ftehim tad-WTO, u huma vinkolanti fuq il-Membri kollha. |
|
(3) |
Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tidderoga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali. |
|
(4) |
Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO stabbilixxew il-proċeduri għall-għoti ta’ derogi fir-rigward tal-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A, 1B jew 1C għall-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom. |
|
(5) |
Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali. |
|
(6) |
Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-“WTO”), il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jwettaq il-funzjonijiet tagħha. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens. |
|
(7) |
Fil-15 ta’ Ġunju 1999, il-Membri tad-WTO taw deroga mill-obbligi taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“GATT 1994”) b’mod li l-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jagħtu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jkunu definiti bħala tali min-Nazzjonijiet Uniti, mingħajr il-bżonn tal-estensjoni tal-istess rati tariffarji għal prodotti simili ta’ kwalunkwe Membru ieħor sat-30 ta’ Ġunju 2009. Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Membri tad-WTO estendew id-deroga mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2019. |
|
(8) |
Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajlandja u t-Turkija (“kosponsers”) ressqu talba biex il-Kunsill Ġenerali jieħu deċiżjoni li jestendi d-deroga eżistenti tad-WTO sabiex il-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jagħtu trattament tariffarju preferenzjali lil prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2029. |
|
(9) |
Il-kosponsers jiġġustifikaw it-talba billi jirreferu għall-vulnerabbiltà partikolari tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u għad-diffikultajiet strutturali speċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-ekonomija globali, kif ukoll l-importanza li titjieb il-parteċipazzjoni effettiva fis-sistema kummerċjali multilaterali billi jagħtuhom aċċess sinifikanti għas-suq sabiex tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni tal-bażi tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tagħhom. |
|
(10) |
L-estensjoni tad-deroga la taffettwa b’mod negattiv l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ma taffettwa r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-benefiċjarji tad-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tagħti aċċess għas-suq mingħajr dazji u mingħajr kwoti lill-pajjiżi l-anqas żviluppati taħt l-iskema ta’ Kollox Ħlief l-Armi u hija favur li Membri oħrajn tad-WTO wkoll jipprovdu preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. |
|
(11) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex jingħata appoġġ lit-talba tal-kosponsers li jestendu d-deroga li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati sat-30 ta’ Ġunju 2029, b’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, billi l-estensjoni tad-deroga ser tkun vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li jingħata appoġġ għad-deroga tad-WTO li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2029.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2019.,
Għall-Kunsill
Il-President
A.-M. HENRIKSSON