European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6842

12.11.2024

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

DEĊIŻJONI Nru E8

tal-14 ta’ Marzu 2024

dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ ġestjoni tat-tibdil li tapplika għad-dettalji tal-korpi definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li huma elenkati fid-direttorju elettroniku li huwa parti inerenti tal-EESSI

(Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim UE/Żvizzera)

(C/2024/6842)

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (1), li permezz tiegħu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli mill-adozzjoni ta’ regoli strutturali komuni għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u għall-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet għall-operat tal-parti komuni ta’ dawk is-servizzi,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 88 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni),

Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KEE) Nru 883/2004,

Billi:

(1)

Wieħed mill-elementi fl-immodernizzar tas-sistema ta’ koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali huwa t-twaqqif ta’ direttorju elettroniku (minn hawn ’il quddiem: Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI)) li fih id-dettalji tal-korpi nazzjonali involuti fl-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 kif definit fl-Anness 4, il-punt 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(2)

L-Istati Membri huma responsabbli mill-preċiżjoni u l-kwalità tal-informazzjoni introdotta fir-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI) u li jżommuha aġġornata.

(3)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil, li tiżgura li l-bidliet f’dan il-kontenut tar-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet jiġu proċessati b’mod strutturat, konsistenti, verifikabbli u f’waqtu.

(4)

L-Artikolu 88(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bid-dettalji tal-korpi definiti fl-Artikolu 1(m), (q) u (r) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u tal-istituzzjonijiet maħtura skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Il-Kummissjoni Ewropea aċċettat li tibgħat din l-informazzjoni lill-Kummissjoni Amministrattiva.

(6)

Skont l-Artikolu 88(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi l-istruttura, il-kontenut u l-arranġamenti dettaljati, inkluż il-format u l-mudell komuni, għan-notifika,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

1.

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għal proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil fir-rigward tad-data ta’ awtoritajiet kompetenti, istituzzjonijiet nazzjonali, korpi ta’ kollegament u punti ta’ aċċess kif definit fl-Artikolu 1(m), (q) u (r) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni..

2.

Il-proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil tapplika għall-kontenut tad-direttorju elettroniku, imsejjaħ ir-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI).

3.

Ir-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI) għandu jkun fih il-korpi nazzjonali li:

a)

jipparteċipaw fl-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri,

b)

issir referenza għalihom fid-Dokumenti Elettroniċi Strutturati (kif definiti fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni),

c)

ipprovdew servizzi liċ-ċittadini fil-passat u li fil-preżent huma magħluqa.

4.

Ir-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI) għandu jkun fih ukoll il-kompetenzi ta’ dawn il-korpi nazzjonali, kif definit fil-punt 9(c).

5.

Ir-Repożitorju tal-Istituzzjonijiet (RI) għandu jkun l-uniku sors affidabbli biex jiġu stabbiliti l-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet nazzjonali, il-korpi ta’ kollegament u l-punti ta’ aċċess.

6.

Kull Stat Membru għandu jaħtar kuntatti responsabbli għall-introduzzjoni inizjali u għall-ġestjoni aktar tard tal-informazzjoni kummerċjali u teknika fir-Repożitorju tal-Istituzzjoni (RI) (jiġifieri l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tan-Negozju tar-RI minn hawn ’il quddiem: il-Business SPOC tar-RI u l-Punt Uniku Tekniku ta’ Kuntatt tar-RI minn hawn ’il quddiem: SPOC Tekniku tar-RI rispettivament). Kull Stat Membru għandu jaħtar ukoll deputat għal kull wieħed mill-iSPOCs tar-RI (jiġifieri l-Business SPOC tar-RI u l-Punt Uniku Tekniku ta’ Kuntatt tar-RI rispettivament).

7.

Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ċentrali ta’ kuntatt għall-EESSI għal kull Punt ta’ Aċċess (Punt uniku ta’ Kuntatt AP minn hawn ’il quddiem: SPOC tal-PA). Kull Stat Membru għandu jaħtar ukoll deputat għal kull wieħed mill-SPOC tal-AP. Dan huwa l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-istituzzjonijiet u l-korpi assoċjati ma’ dak il-Punt ta’ Aċċess.

8.

Għall-iskop ta’ din il-proċedura, bidla sostanzjali hija bidla li taffettwa b’mod negattiv l-applikazzjoni tar-Regolamenti u għalhekk il-koordinazzjoni, peress li tista’ tfixkel it-trażmissjoni jew it-tqassim ta’ Dokumenti Elettroniċi Strutturati SEDs) lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernati.

9.

Bidla sostanzjali tinkludi, inter alia:

a)

l-introduzzjoni ta’ korp, istituzzjoni jew Punt ta’ Aċċess (P) fl-EESSI;

b)

bidliet relatati mal-funzjoni ta’ korp jew istituzzjoni;

c)

bidliet relatati mal-kompetenza ta’ korp jew istituzzjoni, jiġifieri l-kapaċità li jittrattaw każijiet ta’ użu tan-negozju għal kwalunkwe settur tas-sigurtà soċjali bil-kapaċità ta’ inizjatur tal-każ (Sid tal-Każ) u/jew riċevitur tal-każ (Kontroparti);

d)

l-istabbiliment tad-data tal-“intenzjoni li jingħalaq” għal korp, istituzzjoni, jew Punt ta’ Aċċess (PA) — li jippermetti lill-korp jew lill-istituzzjoni jżommu l-kompetenza għall-ġestjoni ta’ każijiet li jkunu għaddejjin;

e)

l-istabbiliment tad-data tal-“għeluq attwali” fl-EESSI għal korp, istituzzjoni, jew Punt ta’ Aċċess (PA);

f)

id-dħul mill-ġdid fl-EESSI ta’ korp, istituzzjoni, jew Punt ta’ Aċċess (PA) magħluqa;

g)

bidliet relatati mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ Punt ta’ Aċċess (PA).

10.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea b’bidliet sostanzjali fid-data dwar l-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet nazzjonali, il-korpi ta’ kollegament jew il-Punti ta’ Aċċess tiegħu li jkunu ta’ natura sostanzjali wara l-passi deskritti fin-nota tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar Il-Proċess u l-perjodi ta’ notifika biex jiġu nnotifikati bidliet sostanzjali.

11.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-bidliet sostanzjali qabel ma l-bidla ssir effettiva u jirrispettaw il-perjodu ta’ notifika dettaljat fin-nota tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar il-Proċess u l-perjodi ta’ notifika biex jinnotifikaw bidliet sostanzjali. Dan jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra biżżejjed żmien biex jipproċessaw u jikkomunikaw l-informazzjoni u jippreparaw lill-istituzzjonijiet tagħhom għall-bidliet li ġejjin.

12.

F’każ ta’ għeluq ta’ korp jew istituzzjoni jew bidla fil-funzjoni jew il-kompetenza tagħhom, l-Istat Membru għandu jindika l-korp jew l-istituzzjoni li se tieħu f’idejha l-funzjoni jew il-kompetenza kkonċernata u d-data li fiha l-bidla ssir effettiva. F’każ ta’ għeluq ta’ Punt ta’ Aċċess, l-Istat Membru għandu jindika liema Punt ta’ Aċċess ikun qed jeħodlu postu.

13.

Fi żmien sena mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tevalwa l-esperjenzi tal-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

14.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tkun applikabbli mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha.

15.

Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru E2 tat-3 ta’ Marzu 2010 (3).

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Marc MORSA


(1)   ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)   ĠU C 187, 10.7.2010, p. 5.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6842/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)