Brussell, 31.8.2020

COM(2020) 438 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali








ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd Mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (il-Ftehim)

1.    PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim, l-Unjoni għandha:

a)    taġixxi f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji li l-Unjoni ssegwi fi ħdan il-politika komuni tas-sajd kif stabbilit fir-Regolament (UE) 1380/2013, b’mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u biex tnaqqas l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u fuq il-ħabitats tagħhom, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta’ sajd fl-Unjoni kompetittiv u ekonomikament vijabbli, biex tipprovdi standard ġust tal-għajxien għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex tqis l-interessi tal-konsumaturi;

b)    taħdem favur involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi, il-korpi u l-programmi rilevanti, kif ukoll għarfien indiġenu u lokali, fit-tħejjija tal-fażi tal-miżuri tal-laqgħat tal-Partijiet, inkluż fil-laqgħat tal-esperti xjentifiċi skont il-Ftehim, u tiżgura li dawn il-miżuri jkunu f’konformità mal-Ftehim;

c)    tiżgura li l-miżuri adottati skont il-Ftehim ikunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar (UNCLOS) 1 , tal-Ftehim tal-1995 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta’ ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (UNFSA) 2 , tal-Ftehim tal-1993 biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f’ibħra internazzjonali 3 , u tal-Ftehim tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti dwar miżuri tal-istat tal-port 4 ;

d)    tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona;

e)    tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha b’mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

f)    tiżgura li jitħarsu l-impenji internazzjonali tal-Unjoni;

g)    tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd 5 ;

h)    timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan il-Ftehim abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u l-istandards;

i)    tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra, inkluż l-Artiku 6 , il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni dwar “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku” 7 , il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 8 dwar il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” 9 , u tippromwovi miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

j)    tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-Ftehim u l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tas-sajd reġjonali (RSCs) eżistenti, b’mod partikolari l-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, meta applikabbli, fi ħdan il-mandati tagħhom, fejn xieraq;

k)    tappoġġa b’mod attiv l-istabbiliment ta’ Programm Konġunt ta’ Riċerka Xjentifika u Monitoraġġ bl-għan li jittejjeb il-fehim kollettiv tal-Partijiet dwar l-ekosistemi fl-Ibħra Miftuħa tal-Oċean Artiku Ċentrali u, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk jistgħux jeżistu stokkijiet tal-ħut, issa jew fil-futur, li jistgħu jiġu mistada fuq bażi sostenibbli u l-impatti possibbli ta’ dan is-sajd fuq l-ekosistemi;

l)    tiżgura l-kompatibbiltà bejn il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni stabbiliti għall-istess stokkijiet fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali u l-miżuri adottati fir-rigward tal-ibħra miftuħa f’konformità mal-Artikolu 118 tal-UNCLOS u l-Artikolu 8 tal-UNFSA;

m)    tiżgura konsistenza mal-interess tal-Unjoni fl-Artiku bħala reġjun ta’ importanza strateġika li dejjem qed tikber.

2.    ORJENTAZZJONIJIET

Meta xieraq, l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tappoġġa l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku possibbli u l-approċċ prekawzjonarju, permezz tal-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim.

ANNESS II

 
Speċifikazzjoni sena b’sena tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd Mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (Ftehim)

Qabel kull laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim, meta dak il-korp jiġi msejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni relevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

_____________________

(1)    ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.
(2)    ĠU L 189, 3.7.1998, p. 16.
(3)    ĠU L 177, 16.7.1996, p. 26.
(4)    ĠU L 191, 22.7.2011, p. 3.
(5)    7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(6)    14249/19 of 19.11.2019.
(7)    JOIN(2016) 21 final tas-27.4.2016.
(8)    7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.
(9)    JOIN(2016) 49 final tas-10.11.2016.