IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.8.2020
COM(2020) 438 final
2020/0210(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
Il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“Ftehim”) għandu l-għan li jipprevjeni sajd mhux regolat fil-parti tal-ibħra miftuħa tal-Oċean Artiku Ċentrali permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri prekawzjonarji ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni bħala parti minn strateġija fit-tul għas-salvagwardja ta’ ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u għall-iżgurar tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut. Il-Ftehim mistenni jidħol fis-seħħ iktar tard din is-sena.
L-Unjoni hija parti tal-Ftehim.
2.2.Il-laqgħa tal-Partijiet
Il-laqgħa tal-Partijiet hija l-korp deċiżjonali skont il-Ftehim, li għandha tiltaqa’ kull sentejn jew iktar spiss jekk tiddeċiedi hekk. Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ proċedura jittieħdu b’maġġoranza u d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sustanza jittieħdu b’kunsens. L-Unjoni għandha drittijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ vot.
2.3.Deċiżjonijiet mil-laqgħa tal-Partijiet
Il-laqgħa tal-Partijiet għandha l-awtorità li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni u dawn huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Hu propost li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet hija stabbilita skont approċċ b’żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill se tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, u mbagħad tiġi aġġustata għal kull laqgħa bid-dokumenti informali tal-Kummissjoni li jeħtieġ jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.
Dan l-approċċ bħalissa qed jittieħed ukoll fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dawk il-laqgħat.
Id-deċiżjoni attwali tinkorpora l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS. Tqis ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra, inkluż l-Artiku, il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni dwar “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku”, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludu wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-laqgħa tal-Partijiet hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali.
L-atti li l-laqgħa tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti tal-laqgħa tal-Partijiet se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u kapaċi jinfluwenzaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri:
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd; kif ukoll
·Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mas-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2020/0210 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/407. Il-Ftehim mistenni jidħol fis-seħħ iktar tard din is-sena.
(2)Il-laqgħa tal-Partijiet hi responsabbli mill-adozzjoni tal-miżuri mfassla biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fil-parti tal-ibħra miftuħa tal-Oċean Artiku Ċentrali permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri prekawzjonarji ta’ konservazzjoni u ġestjoni bħala parti minn strateġija fit-tul għas-salvagwardja tal-ekosistemi marini b’saħħithom u għall-iżgurar tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni jeħtieġ tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u jeħtieġ ikollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jippristina l-popolazzjonijiet ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni jeħtieġ tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u tgħin biex jiġu evitati u mnaqqsa, kemm jista’ jkun, il-qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji jeħtieġ jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.
(4)Kif stipulat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra, inkluż l-Artiku, il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku”, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, l-appoġġ għall-Ftehim u l-ħolqien possibbli ta’ organizzazzjoni jew arranġament reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-Artiku huwa objettiv importanti għall-Unjoni sabiex tissalvagwardja l-ambjent tal-Artiku u tiżgura l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Artiku u madwaru abbażi tal-kooperazzjoni internazzjonali.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-perijodu 2020-2024, peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni skont il-Ftehim se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6)Fid-dawl tal-għarfien limitat tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM u n-natura tagħhom li qed tevolvi u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-Partijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2020-2024.
(7)Din id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim, fi stadju aktar tard tista’ tiġi segwita b’deċiżjoni tal-Kunsill separata ulterjuri dwar il-ftuħ tan-negozjati biex jiġu stabbiliti organizzazzjoni waħda jew aktar, jew arranġament wieħed jew aktar, reġjonali jew subreġjonali għall-ġestjoni tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-Artiku,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (Ftehim) hi stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Partijiet tal-Ftehim għandha titwettaq f’konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, mhux aktar tard għal-laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim fl-2025.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President