Brussell, 8.10.2026

COM(2026) 535 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar il-funzjonament u l-effett tar-Regolament dwar is-Servizzi Portwarji


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar il-funzjonament u l-effett tar-Regolament dwar is-Servizzi Portwarji

1.Introduzzjoni

Aktar minn 1 000 port marittimu kummerċjali joperaw tul 60 000 km ta’ kosta fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan jagħmel lill-UE wieħed mir-reġjuni fid-dinja bl-akbar għadd ta’ portijiet. 327 1 minn dawn il-portijiet huma parti min-network trans-Ewropew tat-trasport — li 97 minnhom jinsabu fin-network “ewlieni” u 230 minnhom jinsabu fin-network “komprensiv”.

Hemm tliet objettivi ewlenin tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament”) 2 . L-ewwel objettiv huwa li jiġi żgurat qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji. It-tieni objettiv huwa li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas xieraq biex jiġu attirati l-investimenti meħtieġa fil-portijiet marittimi kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport. It-tielet objettiv huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fuq livell Ewropew u fost il-portijiet madwar l-Ewropa.

Kif iddikjarat fil-premessa (10), ir-Regolament ma jimponix mudell speċifiku għall-ġestjoni ta’ portijiet marittimi u ma jaffettwa bl-ebda mod il-kompetenza tal-Istati Membri biex jipprovdu, f’konformità mal-liġi tal-UE, servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Skont dan ir-Regolament, huma possibbli mudelli differenti għall-ġestjoni tal-portijiet, dment li jkun hemm konformità mal-qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u mar-regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja stabbiliti f’dan ir-Regolament.

F’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament, il-Kummissjoni kienet obbligata li tippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-24 ta’ Marzu 2023. Għal żewġ raġunijiet, huwa possibbli biss li dan ir-rapport jiġi pprovdut issa fl-2026: (i) id-dewmien imġarrab fl-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba minnhom; u (ii) ir-rati ta’ rispons kajmani mill-partijiet ikkonċernati għal kwestjonarju 3 .  

Dan ir-rapport jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Huwa maħsub bħala stampa tal-implimentazzjoni kurrenti tar-Regolament u tal-funzjonament tiegħu, u jqis ukoll kwalunkwe progress li jkun sar bħala parti mill-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 20 tar-Regolament. Dan ir-rapport ma huwiex evalwazzjoni tar-Regolament.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq:    

–notifiki mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-Regolament;

–sejbiet ta’ studju ta’ appoġġ (ippubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport) ikkuntrattat mill-Kummissjoni biex tinġabar data u biex jiġu kkonsultati l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti permezz ta’ kwestjonarji u intervisti mmirati;

–skambji mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija marittima bħala parti mill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni, il-Forum Ewropew tal-Portijiet 4 ;

–skambji ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-portijiet marittimi biex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħhom li jinfurmaw lill-Kummissjoni 5 .

Id-djalogu bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-portijiet u d-diversi partijiet ikkonċernati mis-setturi marittimi u portwarji jseħħ fi ħdan il-Forum Ewropew tal-Portijiet (EPF), li huwa grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni.

L-EPF ġie stabbilit bħala grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni f’Mejju 2017. Il-missjoni tiegħu hija li jiskambja informazzjoni u jipprovdi pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-portijiet u b’mod partikolari li jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar inizjattivi biex tiġi promossa u biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni uniformi tar-Regolament.

L-EPF huwa magħmul minn awtoritajiet minn 27 Stat Membru, minn entitajiet pubbliċi oħra, (eż. l-Istati Membri taż-ŻEE), u minn 15-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw il-professjonijiet u l-industriji tal-portijiet.

L-EPF iltaqa’ għaxar darbiet mill-ħolqien tiegħu u ddiskuta varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ interess dirett għas-settur tal-portijiet. Sa mill-bidu tiegħu, huwa ddiskuta b’mod partikolari ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament, u l-aktar importanti dawk id-dispożizzjonijiet dwar: (i) l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji; (ii) it-trasparenza; (iii) it-tariffi; (iv) il-konsultazzjonijiet; (v) il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-ilmenti; u (vi) id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ġabret mistoqsijiet dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament u pprovdiet indikazzjonijiet dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati dawn il-mistoqsijiet. Il-mistoqsijiet meħuda u t-tweġibiet ipprovduti huma disponibbli bħala anness għall-minuti tat-tielet laqgħa tal-EPF li saret fl-14 ta’ Diċembru 2018.

Suġġetti oħra ta’ diskussjoni għall-EPF inkludew: (i) inizjattivi leġiżlattivi jew ta’ politika li ġew proposti mill-Kummissjoni sa mill-bidu tal-grupp ta’ esperti; (ii) opportunitajiet ta’ fondi u ta’ finanzjament għall-portijiet; (iii) studji mwettqa minn konsulenti f’isem il-Kummissjoni; (iv) skambji dwar eżempji ta’ prattika tajba fis-settur tal-portijiet; (v) feedback mis-sottogruppi tal-EPF; u (vi) feedback ġenerali mill-partijiet ikkonċernati.

Sabiex tiġbor id-data dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni kkuntrattat is-servizzi ta’ konsulent għal assenjament intitolat “Support Study for The Report on The Implementation of The Regulation Establishing a Framework for The Provision of Port Services and Common Rules on The Financial Transparency of Ports (EU) 2017/352” 6 .

L-għan tal-assenjament kien li tiġi żviluppata ħarsa ġenerali biex jiġi appoġġat dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni permezz ta’ kemm: (i) kwestjonarji mmirati għall-Istati Membri, għall-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet, għall-fornituri tas-servizzi portwarji u għall-kumpaniji tat-tbaħħir; kif ukoll ta’ (ii) intervisti mmirati tal-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet u tal-fornituri tas-servizzi portwarji. L-istudju ta’ ġbir ta’ informazzjoni juri stampa tal-implimentazzjoni tar-Regolament.

L-istudju jkopri l-perjodu bejn Jannar 2023 u April 2024. Kellu durata oriġinali ta’ 12-il xahar iżda din id-durata ġiet estiża minħabba r-rata ta’ rispons kajmana għall-kwestjonarji minn għadd ta’ Stati Membri u partijiet ikkonċernati.

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ta’ 8 mit-22 Stat Membru marittimu – aktar minn terz – ma weġbux għall-kwestjonarji, minkejja diversi tfakkiriet, inkluż mill-Kummissjoni. L-istess nuqqas ta’ rispons kien kwistjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet minn għaxar Stati Membri – jiġifieri, kważi nofshom – ma weġbux għall-kwestjonarju u sitta oħra wieġbu biss parzjalment. L-istampa kienet aktar inkoraġġanti għall-fornituri tas-servizzi portwarji. Kien għad ma kienx hemm biżżejjed tweġibiet li waslu mingħand seba’ Stati Membri, iżda settijiet sħaħ ta’ tweġibiet waslu mingħand ir-rappreżentanti tagħhom fi 15-il Stat Membru.

Kif enfasizzat fil-mapep inklużi fl-istudju ta’ appoġġ, ir-rata ta’ rispons ġenerali kienet żbilanċjata, u xi Stati Membri jew partijiet ikkonċernati pprovdew biss tweġibiet parzjali jew ma pprovdew l-ebda tweġiba, minkejja talbiet ripetuti għal feedback kemm mill-konsulent kif ukoll mill-Kummissjoni. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rappreżentattività tas-sejbiet tal-istudju għandha tittieħed b’kawtela.

2.Implimentazzjoni tar-regolament skont il-kapitolu

2.1.Kapitolu I: Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Il-Kapitolu I tar-Regolament, li jinkludi l-Artikoli 1 u 2, jistabbilixxi l-qafas ġenerali tar-Regolament.

L-Artikolu 1 tar-Regolament (suġġett u kamp ta’ applikazzjoni)

Dwar l-ambitu ġeografiku, ir-Regolament japplika għall-portijiet marittimi kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (issa sostitwit bir-Regolament (UE) 2024/1679) 7 .

Madankollu, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-Regolament għall-portijiet marittimi fin-network “komprensiv” li jinsab fir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-Portugall għamel tali notifika. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-Regolament għall-portijiet marittimi li ma humiex fin-network trans-Ewropew tat-trasport 8 . Għalhekk, bħalissa, ir-Regolament huwa applikabbli għas-97 port tan-network ewlieni kollha u għal 230 port tan-network “komprensiv”.

Dwar il-kamp ta' applikazzjoni materjali tiegħu, ir-Regolament japplika bis-sħiħ għall-forniment tal-kategoriji tas-servizzi portwarji li ġejjin, ġewwa ż-żona tal-port jew inkella fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port: (i) il-bunkering; (ii) l-irmiġġ; (iii) il-ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija; u (iv) l-irmonk.

L-Artikolu 2 tar-Regolament (definizzjonijiet)

Xi Stati Membri u partijiet ikkonċernati ppreżentaw mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2. Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet ġew kondiviżi mill-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tal-EPF kif imsemmi hawn fuq.

2.2.Kapitolu II: Forniment tas-servizzi portwarji

Il-Kapitolu II tar-Regolament, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 10, fih ir-regoli li jappartjenu għall-forniment tas-servizzi portwarji, jiġifieri: (i) l-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji; (ii) ir-rekwiżiti minimi għall-forniment tas-servizzi portwarji; (iii) il-proċeduri biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti minimi; (iv) il-limitazzjonijiet dwar l-għadd tal-fornituri tas-servizzi portwarji; (v) l-obbligi tas-servizz pubbliku; (vi) l-operaturi interni; (vii) is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati; u (viii) l-eżenzjonijiet.

L-Artikolu 3 tar-Regolament (l-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji)

Dan l-Artikolu jiddeskrivi b’mod ġenerali r-regoli li jappartjenu għall-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji kif żviluppati f’artikoli sussegwenti. Dawn ir-regoli jkopru kwistjonijiet bħal: (i) ir-rekwiżiti minimi; (ii) il-limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri; (iii) l-obbligi tas-servizz pubbliku; u (iv) r-restrizzjonijiet relatati mal-operaturi interni.

L-istudju sab li r-rekwiżiti minimi kienu l-kundizzjoni applikata l-aktar ta’ spiss għas-servizzi portwarji, segwiti minn limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri u l-obbligi tas-servizz pubbliku. Ir-restrizzjonijiet relatati mal-operaturi interni ġew applikati biss marġinalment, jekk qatt kien hemm. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienu diġà fis-seħħ qabel l-applikazzjoni tar-Regolament. Dawn il-kundizzjonijiet ġew applikati l-aktar mill-korpi ta’ ġestjoni tal-port, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri, b’żewġ eċċezzjonijiet, ma imponew l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (rekwiżiti minimi għall-forniment tas-servizzi portwarji)

L-istudju sab li l-fornituri kollha tas-servizzi portwarji li wieġbu għall-istħarriġ iddikjaraw li jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi. Il-maġġoranza tal-fornituri li wieġbu għall-istħarriġ qalu li l-applikazzjoni tar-Regolament ma kinitx introduċiet bidliet f’dawn ir-rekwiżiti. B’xi eċċezzjonijiet, il-korpi kollha ta’ ġestjoni tal-portijiet applikaw rekwiżiti minimi għall-prestazzjoni tas-servizzi portwarji.

L-invokazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament, tliet Stati Membri – Franza, l-Italja u Spanja – informaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jimponu rekwiżit ta’ “bandiera nazzjonali” għall-bastimenti tat-trasport fuq l-ilma li jintużaw b’mod predominanti għall-operazzjonijiet ta’ rmonk f’portijiet li jinsabu fit-territorji tagħhom (jiġifieri l-bastimenti tal-irmonk kellhom jiġu rreġistrati taħt il-bandiera tal-pajjiż li fih kienu qed jipprovdu servizzi). Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament kontra wieħed minn dawk l-Istati Membri. Sussegwentement, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra t-tliet Stati Membri relatati ma’ dan ir-rekwiżit ta’ “bandiera nazzjonali”: INFR(2025)2080 – Franza, INFR(2025)2081 – l-Italja u INFR(2025)4021– Spanja.

L-Artikolu 5 tar-Regolament (proċedura biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti minimi)

L-istudju sab li l-maġġoranza l-kbira tal-fornituri tas-servizzi portwarji wieġbu li kienu rċevew tweġiba għat-talba tagħhom biex jipprovdu s-servizz portwarju f’inqas minn xahar. F’żewġ każijiet, il-fornituri tas-servizzi portwarji rrapportaw rifjut għat-talba tagħhom li jipprovdu s-servizz portwarju abbażi tar-rekwiżiti minimi.

L-Artikolu 6 tar-Regolament (limitazzjonijiet dwar l-għadd tal-fornituri tas-servizzi portwarji)

9 10 Bl-użu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament, il-Portugall iddeċieda li jagħti lill-portijiet tiegħu fin-network “komprensiv” (li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013) is-setgħa li jillimitaw l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi fir-rigward ta’ servizz portwarju partikolari.

L-istudju sab li madwar nofs ir-rispondenti fost il-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet iddeċidew li jimponu tali restrizzjonijiet, u madwar nofs ma imponew l-ebda rekwiżit bħal dan. Il-korpi kollha ta’ ġestjoni tal-portijiet li ddikjaraw li għandhom limitazzjonijiet fis-seħħ indikaw li dawn il-limitazzjonijiet kienu diġà fis-seħħ qabel l-applikazzjoni tar-Regolament. Ġeneralment, il-bunkering huwa l-inqas servizz portwarju limitat, filwaqt li s-servizzi li huma l-aktar limitati huma l-pilotaġġ u l-irmonk, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ “bandiera nazzjonali” għat-tugboats. Ir-raġunijiet ewlenin mogħtija mill-korpi ta’ ġestjoni għall-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet huma relatati mat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-ħtieġa li jiġu żgurati operazzjonijiet portwarji sikuri, siguri jew ambjentalment sostenibbli. Xi korpi ta’ ġestjoni ta’ portijiet jipprovdu wħud mis-servizzi portwarji huma stess jew permezz ta’ entità taħt il-kontroll tagħhom, u xi korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet iddeċidew li jillimitaw l-għadd ta’ fornituri għal wieħed.

L-Artikolu 7 tar-Regolament (obbligi ta’ servizz pubbliku)

L-istudju sab li żewġ Stati Membri – il-Belġju u l-Portugall – taw id-dritt li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku lill-korpi ta’ ġestjoni tal-port. Barra minn hekk, port wieħed Finlandiż u wieħed Taljan ukoll jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, il-pilotaġġ, l-irmonk, l-irmiġġ u l-ġbir tal-iskart għandhom l-aktar obbligi ta’ servizz pubbliku.

L-Artikolu 8 tar-Regolament (operatur intern)

L-istudju sab li fi Stat Membru wieħed (id-Danimarka) l-operaturi interni 11 huma relattivament komuni, u hemm ukoll ftit operaturi interni għal xi servizzi portwarji fi ftit portijiet fil-Belġju, fil-Kroazja, fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Latvja u fil-Portugall. Is-servizzi portwarji li ġew irrapportati bħala li qed jitwettqu minn operaturi interni huma kollha servizzi portwarji koperti mir-Regolament, mingħajr ebda servizz portwarju partikolari li jispikka għall-għadd ta’ okkorrenzi.

L-Artikolu 9 tar-Regolament (ħarsien tad-drittijiet tal-impjegati)

L-istudju sab li l-maġġoranza tal-korpi ta’ ġestjoni ta’ portijiet diġà kienu jeħtieġu garanzija ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal xierqa qabel l-applikazzjoni tar-Regolament, u erba’ portijiet waslu biex jittrasferixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ fornitur li jkun se jispiċċa tas-servizzi portwarji lill-fornitur il-ġdid.

L-Artikolu 10 tar-Regolament (eżenzjonijiet)

Il-Kapitolu II (dwar il-forniment tas-servizzi portwarji) u l-Artikolu 21 (dwar miżuri tranżizzjonali) tar-Regolament ma japplikawx għall-maniġġ tal-merkanzija, għas-servizzi tal-passiġġieri jew għall-pilotaġġ. Madankollu, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw kemm il-Kapitolu II kif ukoll l-Artikolu 21 għall-pilotaġġ. Stat Membru wieħed, is-Slovenja, għamel użu minn din il-possibbiltà 12 .

2.3.Kapitolu III: Trasparenza finanzjarja u awtonomija

Il-Kapitolu III tar-Regolament, li jinkludi l-Artikoli 11 sa 13, fih regoli li jappartjenu għal: (i) it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u korp ta’ ġestjoni ta’ port; (ii) it-tariffi tas-servizzi portwarji; u (iii) it-tariffi tal-infrastruttura portwarja.

Ta’ min jinnota li għalkemm l-Artikolu 10(1) jeskludi l-maniġġ ta’ merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri u l-pilotaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II, dawn it-tliet servizzi huma lkoll koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III.

L-Artikolu 11 tar-Regolament (trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji)

L-istudju sab li mill-adozzjoni tar-Regolament, korp wieħed ta’ ġestjoni ta’ port u diversi fornituri ta’ servizzi portwarji għamlu adattamenti għas-sistemi kontabilistiċi tagħhom. It-trasparenza finanzjarja kemm għall-korpi ta’ ġestjoni ta’ portijiet kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi portwarji hija garantita permezz tal-pubblikazzjoni ta’ kontijiet jew ta’ rapporti annwali, kif ukoll permezz ta’ awditi jew sottomissjonijiet lil entitajiet deżinjati tal-gvern. Hemm aktar informazzjoni dettaljata pprovduta fl-istudju ta’ appoġġ dwar: (i) is-separazzjoni tal-fondi pubbliċi li waslu għall-forniment tas-servizzi portwarji jew ta’ attivitajiet ta’ tħammil minn fondi allokati għal attivitajiet oħra (l-Artikolu 11(2) tar-Regolament); (ii) ilmenti (l-Artikolu 11(5) tar-Regolament); (iii) fondi pubbliċi ġodda (l-Artikolu 11(6) tar-Regolament); (iv) kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (l-Artikolu 11(7) tar-Regolament); u (iv) l-għażla – li ma ntużat minn ebda Stat Membru – li l-Artikolu 11(2) ma jiġix applikat għall-portijiet tan-network “komprensivi” tagħhom (l-Artikolu 11(8) tar-Regolament). L-istudju wera li r-rekwiżiti għas-separazzjoni kontabilistika kienu effettivi.

L-Artikolu 12 tar-Regolament (tariffi tas-servizzi portwarji)

L-istudju sab li madwar terz tal-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet li wieġbu għall-istħarriġ indikaw li t-tariffi tas-servizzi portwarji huma integrati f’pagamenti oħra. Il-fornituri tas-servizzi portwarji kkonfermaw li t-tariffi tas-servizzi portwarji ġeneralment ma humiex inklużi f’pagamenti oħra, peress li l-klijenti jħallsu t-tariffi tas-servizzi portwarji direttament lill-fornitur tas-servizz. Kien hemm ftit li xejn lmenti formali matul il-perjodu bejn Jannar 2023 u April 2024 lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri relatati mat-tariffi tas-servizzi portwarji jew talbiet biex tiġi pprovduta informazzjoni lill-awtorità rilevanti.

L-Artikolu 13 tar-Regolament (tariffi tal-infrastruttura portwarja)

L-istudju sab li, għall-maġġoranza l-kbira tal-fornituri tas-servizzi portwarji, it-tariffi tal-infrastruttura portwarja huma faċilment identifikabbli. Il-varjazzjonijiet fit-tariffi għall-infrastruttura portwarja għar-raġunijiet iddikjarati fl-Artikolu 13(4) ġew introdotti minn ħames korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet mill-adozzjoni tar-Regolament. B’kuntrast għal dan, kważi tliet kwarti tal-fornituri tas-servizzi portwarji li wieġbu ddikjaraw li t-tariffi tal-infrastruttura portwarja kienu nbidlu matul dan il-perjodu, u kważi fil-każijiet kollha dawn il-bidliet ġew ikkomunikati fi żmien xieraq. Barra minn hekk, fi tliet każijiet, il-feedback mill-partijiet ikkonċernati kkonsultati ssuġġerixxa li t-tariffi tal-infrastruttura portwarja ma kinux allinjati mal-prinċipji tat-trasparenza stabbiliti fir-Regolament. Prattikament fil-każijiet kollha, it-tariffi tal-infrastruttura portwarja jsiru pubbliċi. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilmenti relatati mat-tariffi tal-infrastruttura portwarja riċevuti mill-awtoritajiet nazzjonali, kwart tal-korpi ta’ ġestjoni ta’ port iddikjaraw li ntalbu jipprovdu informazzjoni lill-awtorità rilevanti.

2.4.Kapitolu IV: Dispożizzjonijet ġenerali u finali

Il-Kapitolu IV tar-Regolament, li jinkludi l-Artikoli 14 sa 22, fih regoli li jappartjenu għal: (i) it-taħriġ tal-persunal; (ii) il-konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati oħra; (iii) it-trattament tal-ilmenti; (iv) l-awtoritajiet rilevanti; (v) l-appelli; u (vi) l-penali.

L-Artikolu 14 tar-Regolament (taħriġ tal-persunal)

L-istudju sab li mill-applikazzjoni tar-Regolament, erba’ fornituri tas-servizzi portwarji kellhom ibiddlu l-prattiki tagħhom fir-rigward tat-taħriġ tal-persunal.

L-Artikolu 15 tar-Regolament (konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati oħra)

L-istudju sab li kważi l-korpi ta’ ġestjoni kollha ta’ port ikkonsultaw mal-utenti tal-portijiet u mal-partijiet ikkonċernati qabel l-applikazzjoni tar-Regolament. Erba’ portijiet Daniżi ddikjaraw li huma ma jikkonsultawx lill-partijiet ikkonċernati. Bl-eċċezzjoni tal-ippjanar spazjali, fi kważi l-kategoriji kollha ta’ raġunijiet għall-konsultazzjoni, l-għadd ta’ konsultazzjonijiet żdied mill-applikazzjoni tar-Regolament. Din iż-żieda kienet l-aktar notevoli f’miżuri biex tiġi żgurata s-sikurezza fiż-żona tal-port, inkluż, fejn adatt, is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-portijiet. L-istudju wera li r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni li jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament kien effettiv.

L-Artikolu 16 tar-Regolament (trattament tal-ilmenti)

L-Artikoli 16, 17 u 19 jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-proċeduri u bil-korpi nazzjonali tagħhom għat-trattament tal-ilmenti (l-Artikolu 16), bl-awtoritajiet rilevanti (l-Artikolu 17) u bis-sistema tal-penali (l-Artikolu 19).

Sal-24 ta’ Marzu 2019, l-Istati Membri kienu meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar: (i) il-proċedura tagħhom għat-trattament tal-ilmenti; u (ii) l-awtoritajiet tagħhom inkarigati mit-trattament tal-ilmenti (l-Artikolu 16(7) tar-Regolament).

Sal-iskadenza tal-24 ta’ Marzu 2019, tmienja mit-23 Stat Membru marittimu ta’ dak iż-żmien 13 kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika kompluti tagħhom. Sa Ottubru 2019, 14-il Stat Membru marittimu kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika kompluti tagħhom, u l-Kummissjoni indirizzat ittra lill-Istati Membri marittimi li jifdal fejn fakkrithom dwar l-obbligi ta’ notifika tagħhom. Sa Ġunju 2020, total ta’ 16-il Stat Membru kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika kompluti tagħhom. Sa dak iż-żmien, tliet Stati Membri addizzjonali kienu ssodisfaw biss parzjalment l-obbligi ta’ notifika tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet diversi proċeduri ta’ ksur, li sussegwentement ingħalqu ladarba l-Istati Membri kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika tagħhom jew indirizzaw l-ilmenti dwar is-sustanza 14 .

Fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri marittimi kollha temmew l-obbligi ta’ notifika tagħhom 15 .

Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, il-korpi li jittrattaw l-ilmenti jistgħu jiġu ragruppati f’kategoriji differenti: (i) l-awtoritajiet regolatorji responsabbli għat-trasport; (ii) l-awtoritajiet marittimi; (iii) l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew tal-konsumatur jew tas-suq; (iv) il-ministeri inkarigati mill-politika tat-trasport; u anke (v) korpi maħluqa speċifikament biex jittrattaw ilmenti relatati mal-portijiet.

Wara li wettqet kontrolli tal-konformità tan-notifiki li rċeviet, f’Lulju 2023, il-Kummissjoni bdiet proċediment ta’ ksur tal-INFR(2021)2041 kontra l-Ġermanja talli: (i) ma identifikatx il-korpi li jittrattaw l-ilmenti għall-portijiet f’xi wħud mir-reġjuni tagħha; (ii) ma identifikatx mal-livell meħtieġ ta’ ċertezza tal-korpi li jittrattaw l-ilmenti għall-portijiet f’reġjuni Ġermaniżi oħra; u (iii) minħabba l-fatt li l-korpi nnominati li jittrattaw l-ilmenti ma kinux konformi mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament. Wara li l-Ġermanja indirizzat l-ilmenti, il-proċedura ta’ ksur ingħalqet f’Mejju 2025.

L-istudju sab li sitt korpi ta’ ġestjoni ta’ port kienu s-suġġett ta’ lmenti. Is-servizzi portwarji kienu wkoll is-suġġett ta’ lmenti, inkluż speċifikament mis-sidien tal-bastimenti. Ta’ min jinnota li, li skont il-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri bħala parti mill-istudju ta’ appoġġ, tliet Stati Membri biss – id-Danimarka, l-Irlanda u l-Iżvezja – infurmaw lill-Kummissjoni bl-ilmenti li rċevew. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-formola għat-trattament tal-ilmenti hija disponibbli bil-lingwa lokali u bl-Ingliż. Dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 16 (li jkopri t-trattament tal-ilmenti), l-istudju ta’ appoġġ jirrapporta tali kooperazzjoni bejn id-Danimarka u l-Iżvezja, kif ukoll bejn il-Polonja u s-Slovenja. Il-Kummissjoni tħeġġeġ tali kooperazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 16(7), il-Kummissjoni ppubblikat l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri rigward il-korpi tagħhom li jittrattaw l-ilmenti 16 .

L-Artikolu 17 tar-Regolament (awtoritajiet rilevanti)

L-Istati Membri kienu meħtieġa wkoll mir-Regolament jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jiġu informati bl-awtoritajiet rilevanti msemmija fi: (i) l-Artikolu 11(5) (fil-kuntest ta’ lmenti dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji); (ii) l-Artikolu 12(3) (fil-kuntest ta’ lmenti dwar it-tariffi tas-servizzi portwarji); u l-Artikolu 13(6) (fil-kuntest ta’ lmenti dwar it-tariffi għall-infrastruttura portwarja) u li l-Istati Membri jridu jinformaw lill-Kummissjoni b’dawk l-awtoritajiet. Din l-informazzjoni ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni 17 .

Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, it-tipi ta’ awtoritajiet rilevanti jinkludu: (i) l-awtoritajiet regolatorji responsabbli għat-trasport; (ii) l-awtoritajiet marittimi; (iii) il-ministeri inkarigati mill-politika tat-trasport jew tal-portijiet; jew fejn rilevanti; (iv) il-ministeri, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew korpi oħrajn speċifiċi għall-portijiet għat-trattament tal-ilmenti.

L-Artikolu 18 tar-Regolament (appelli)

L-istudju ma setax jikseb informazzjoni dwar appelli kontra deċiżjonijiet jew miżuri individwali meħuda skont ir-Regolament mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, mill-awtorità kompetenti, jew minn kwalunkwe awtorità nazzjonali rilevanti oħra.

L-Artikolu 19 tar-Regolament (penali)

L-Istati Membri kienu meħtieġa skont ir-Regolament: (i) jistabbilixxu r-regoli dwar penali effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għall-ksur tar-Regolament; u (ii) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li dawk ir-regoli jiġu implimentati. L-Istati Membri kienu meħtieġa wkoll jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Madankollu, għall-kuntrarju tar-regoli dwar it-trattament tal-ilmenti u n-notifika lill-Kummissjoni tal-awtoritajiet rilevanti, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-penali. L-istudju ta’ appoġġ ma żvela l-ebda informazzjoni ulterjuri.

L-Artikolu 20 tar-Regolament (Rapport – Progress magħmul fil-qafas tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet) 

Minbarra l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-effett tar-Regolament, l-Artikolu 20 tar-Regolament jirrikjedi li dan ir-rapport iqis kwalunkwe progress li jkun sar bħala parti mill-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, saru 22 laqgħa tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali fis-Settur tal-Portijiet. Kisba kbira fost is-sħab soċjali li ltaqgħu f’dan il-kumitat hija l-ftehim li ntlaħaq fl-2023 dwar it-taħriġ għall-ħaddiema tal-portijiet fir-rigward tal-kontejners iffumigati. Il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet iddiskuta wkoll: (i) l-impatt tal-bidliet teknoloġiċi fuq is-settur; (ii) l-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, inkluż ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Konsorzji fuq is-settur; (iii) linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-aċċidenti fil-portijiet; (iv) is-sikurezza abbord; (v) il-ħiliet u t-taħriġ; (vi) in-nisa u ż-żgħażagħ fis-settur tal-portijiet; (vii) ir-rekwiżiti tal-UE għat-tagħbija u għall-ħatt sikuri ta’ trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa; (viii) is-sikurezza marittima; (ix) l-impatt tal-estensjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-settur tat-trasport marittimu; u (x) strateġija Ewropea għall-portijiet.

Fit-tħejjija għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE għall-Portijiet fil-5 ta’ Frar 2026, it-tliet organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE li jirrappreżentaw il-ħaddiema tal-portijiet iddikjaraw il-fehma tagħhom li d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE kien ipproduċa eżiti tanġibbli limitati u infurmaw lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali rikonoxxuti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mill-Kumitat. Il-Kummissjoni ħadet nota tad-deċiżjoni, filwaqt li baqgħet impenjata għad-djalogu soċjali u għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali biex jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-iżvilupp tal-politika. 

L-Artikolu 21 tar-Regolament (miżuri tranżizzjonali)

Dan l-Artikolu fih regoli dwar miżuri tranżizzjonali, li jiddikjaraw li:

-dan ir-Regolament ma japplikax għal kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 u li huma limitati fiż-żmien;

-kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 li ma humiex limitati fiż-żmien, jew li għandhom effetti simili, iridu jiġu emendati sabiex ikunu konformi mar-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2025.

L-istudju sab li seba’ awtoritajiet tal-portijiet iddikjaraw li ma kellhom l-ebda kuntratt ta’ servizzi portwarji li ġie konkluż qabel il-15 ta’ Frar 2017 u li kienu limitati fiż-żmien jew kienu fis-seħħ fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Min-naħa l-oħra, korpi oħra ta’ ġestjoni tal-portijiet iddikjaraw li kellhom tali kuntratti għal ċerti tipi ta’ servizzi portwarji. Kwint tal-fornituri tas-servizzi portwarji li wieġbu ddikjaraw li kellhom kuntratt li ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament u li kien limitat fiż-żmien. L-ebda wieħed mill-korpi ta’ ġestjoni ma kellu kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 li ma kinux limitati fiż-żmien. Madankollu, ftit fornituri ta’ servizzi portwarji kellhom tali kuntratti, l-aktar b’perjodu ta’ grazzja sabiex jikkonformaw mar-Regolament. L-istudju ta’ ġbir ta’ informazzjoni żvela li Stat Membru wieħed kellu tali kuntratti fis-seħħ għall-kumpaniji kollha ta’ pilotaġġ li joperaw f’dak l-Istat Membru wieħed. Qiegħed jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament, il-kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel l-15 ta’ Frar 2017 li ma humiex limitati fiż-żmien, jew li għandhom effetti simili, kellhom jiġu emendati sabiex jikkonformaw mar-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2025.

L-Artikolu 22 tar-Regolament (dħul fis-seħħ)

Fl-aħħar nett, dan l-Artikolu fih differiment ta’ sentejn tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, li jfisser li daħal fis-seħħ biss fl-24 ta’ Marzu 2019.

3.Emendi tar-Regolament u l-implimentazzjoni tagħhom

Mill-adozzjoni tiegħu fl-14 ta’ Frar 2017, saret emenda applikabbli waħda għar-Regolament, jiġifieri r-Regolament (UE) 2020/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 , li ppermettiet lill-korpi ta’ ġestjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti jipprovdu flessibbiltà sa Ottubru 2020 fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura tal-portijiet minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/697, il-korp ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw, jissospendu, inaqqsu jew jiddifferixxu l-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020.

Skont id-data miġbura mill-istudju ta’ appoġġ, ħames Stati Membri għall-portijiet kollha f’pajjiżhom, sitt korpi ta’ ġestjoni tal-port u awtorità kompetenti waħda għamlu użu mill-possibbiltajiet imsemmija hawn fuq mogħtija mill-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/697. Id-dettalji tal-miżuri implimentati jistgħu jinstabu fl-istudju ta’ appoġġ.

4.KONKLUŻJONI

Mill-adozzjoni tar-Regolament 9 snin ilu, ir-Regolament ġie implimentat gradwalment b’xi dewmien.

Qabel l-applikazzjoni tar-Regolament, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati identifikaw il-ħtieġa li jirċievu parir mingħand il-Kummissjoni dwar għadd ta’ dispożizzjonijiet biex jiċċaraw it-tifsira tagħhom. Il-Kummissjoni pprovdiet din il-gwida fl-2018 sabiex tgħin fl-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament. Kien hemm għadd limitat ta’ lmenti u proċeduri ta’ ksur marbuta mal-applikazzjoni mhux korretta tar-Regolament.

Dwar l-infurzar, l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni ffukat fuq l-obbligi ta’ notifika tal-Istati Membri. Dan inkluda, meta meħtieġ, it-tnedija ta’ għadd ta’ proċeduri ta’ ksur li kollha pproduċew l-effett mixtieq li tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi ta’ notifika tal-Istati Membri.

Ir-Regolament (UE) 2020/697 ta lill-korp ta’ ġestjoni tal-port jew lill-awtorità kompetenti l-possibbiltà li tirrinunzja, tissospendi, tnaqqas jew tiddeferixxi l-pagament tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja dovuti għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Din il-possibbiltà temporanja bilkemm intużat mill-portijiet Ewropej, u ma tqiesx meħtieġ li l-miżura tiġi estiża.

Il-Kummissjoni tqis, b’mod ġenerali, li l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-forniment tas-servizzi portwarji u ta’ regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet hija konformi mal-objettivi stabbiliti fir-Regolament, u hija sodisfaċenti.

Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex timmonitorja l-applikazzjoni korretta tagħha fit-327 port tan-network trans-Ewropew tat-trasport.

(1) 283 port marittimu u 44 port marittimu u intern imħallta.
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/352/oj .
(3) Bħala parti minn studju ta’ appoġġ ikkuntrattat mill-Kummissjoni biex tinġabar id-data u jiġu kkonsultati l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-istudju ta’ appoġġ huwa anness ma’ dan ir-rapport.
(4) European Ports Forum (E03542), https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=en&do=groupDetail.groupDetail&groupID=3542 .
(5)      Kif meħtieġ mill-Artikoli 16 (Trattament tal-ilmenti), 17 (Awtoritajiet rilevanti) u 19 (Penali) tar-Regolament.
(6) Il-Kummissjoni Ewropea: id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, Support study for the Report on the implementation of the Regulation establishing a framework for the provision of port services and common rules on the financial transparency of ports (EU) 2017/352, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2026, ISBN: 978-92-68-36569-4, https://op.europa.eu/publication/manifestation_identifier/PUB_MI0126001ENN .
(7)    Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, ĠU L 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj .
(8)      Sal-lum, l-ebda Stat Membru ma għamel tali notifika.
(9) Id-Digriet-Liġi Nru 9/2022 tal-11 ta’ Jannar 2022.
(10) Issa l-Artikolu 25(4)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1679.
(11) Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, tista’ tiddeċiedi jew li tipprovdi servizz portwarju hija stess jew inkella li tagħmel dan permezz ta’ entità legalment distinta li fuqha hija teżerċita livell ta’ kontroll simili għal dak li hija għandha fuq id-dipartimenti tagħha stess.
(12) Uradni list RS (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja) Nru 11/20.
(13) Jiġifieri Stati Membri b’mill-inqas port marittimu wieħed.
(14)

F’Lulju 2020, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra erba’ Stati Membri li sa dak iż-żmien ma kienu ssodisfaw l-ebda obbligu ta’ notifika tagħhom: INFR(2020)2210 – il-Belġju, INFR(2020)2211 – Ċipru, INFR(2020)2212 – in-Netherlands u INFR(2020)2213 – il-Portugall. Sa Diċembru 2022, l-erba’ Stati Membri kollha kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika tagħhom kollha u sa April 2023, il-każijiet ta’ ksur korrispondenti kienu ngħalqu.

F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra tliet Stati Membri li sa dak iż-żmien kienu ssodisfaw biss parzjalment l-obbligi ta’ notifika tagħhom: INFR(2021)2042 – il-Kroazja, INFR(2021)2043 – l-Italja u INFR(2021)2044 – is-Slovenja. Sa Novembru 2021, tnejn minn dawk l-Istati Membri kienu ssodisfaw l-obbligi ta’ notifika kollha tagħhom, u sa Mejju 2022, ingħalqu l-każijiet ta’ ksur korrispondenti. L-aħħar proċedura ta’ ksur li kien għad fadal ingħalqet f’Diċembru 2025.

(15) Is-sit web li ġej jipprovdi ħarsa ġenerali lejn in-notifiki:   https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/maritime/ports/port-services-regulation_en  
(16)   https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/maritime/ports/port-services-regulation_en  
(17)   https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/maritime/ports/port-services-regulation_en  
(18) Ir-Regolament (UE) 2020/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/352, sabiex il-korp ta’ ġestjoni ta’ port jew l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu joffru l-flessibbiltà fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/697/oj .